Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D2031

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2031 tad-19 ta' Diċembru 2018 li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2018/9139

OJ L 325, 20.12.2018, p. 50–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/2031/oj

20.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 325/50


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/2031

tad-19 ta' Diċembru 2018

li tiddetermina, għal perjodu ta' żmien limitat, li l-qafas regolatorju applikabbli għal kontropartijiet ċentrali fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq huwa ekwivalenti, skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“ir-Renju Unit”) ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati mhux se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, jekk dan ma jintlaħaqx, sentejn wara n-notifika, jiġifieri mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b'mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.

(2)

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Novembru 2018“Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2019: Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza” (2) (“il-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza”), ħruġ mingħajr ftehim jista' jkun ta' riskju għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Biex riskju bħal dan jiġi evitat, huwa ġġustifikat u fl-interess tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li jiżguraw, għal perjodu limitat ta' żmien, li l-kontropartijiet ċentrali (central counterparties, “CCPs”) li diġà ġew awtorizzati fir-Renju Unit (“is-CCPs tar-Renju Unit”) ikunu jistgħu ikomplu jipprovdu servizzi tal-ikklerjar fl-Unjoni wara d-29 ta' Marzu 2019.

(3)

L-ikklerjar ċentrali jżid it-trasparenza tas-suq, inaqqas ir-riskji tal-kreditu u jnaqqas ir-riskji ta' kontaġju f'każ ta' inadempjenza ta' parteċipant wieħed jew aktar f'CCP. Li servizzi bħal dawn ikunu disponibbli huwa għaldaqstant kritiku biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. Interruzzjoni fis-servizzi tal-ikklerjar tista' wkoll taffettwa l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-banek ċentrali fejn tranżazzjonijiet jiġu kklerjati fil-munita maħruġa minn bank ċentrali tal-Unjoni. Barra minn hekk, strumenti finanzjarji kklerjati mis-CCPs huma essenzjali wkoll għal intermedjarji finanzjarji u l-klijenti tagħhom, pereżempju biex jiħħeġġjaw ir-riskji tar-rata tal-imgħax, u interruzzjoni fis-servizzi tal-ikklerjar tista' għalhekk toħloq riskji għall-ekonomija reali tal-Unjoni.

(4)

Sa mill-31 ta' Diċembru 2017, l-ammont nozzjonali pendenti ta' derivattivi OTC huwa ta' iktar minn EUR 500 triljun mad-dinja kollha, li minnhom 75 % huma derivattivi tar-rati tal-imgħax u kważi 20 % oħra huma derivattivi f'munita barranija. Madwar 30 % tad-derivattivi OTC kollha huma denominati f'euro u f'muniti oħra tal-Unjoni. Is-suq għall-ikklerjar ċentrali ta' derivattivi OTC huwa kkonċentrat ħafna, b'mod partikolari s-suq għall-ikklerjar ċentrali ta' derivattivi OTC tar-rata tal-imgħax li minnhom madwar 97 % huma kklerjati f'CCP wieħed tar-Renju Unit (3).

(5)

Mit-30 ta' Marzu 2019, is-CCPs tar-Renju Unit se jitqiesu “CCPs ta' pajjiż terz” u, bħala tali, jistgħu jipprovdu servizzi tal-ikklerjar biss jekk ikunu rikonoxxuti mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”) skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Fin-nuqqas tar-rikonoxximent tas-CCPs tar-Renju Unit, il-kontropartijiet stabbiliti fl-Unjoni ma jkunux jistgħu jikklerjaw derivattivi OTC li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklerjar skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 f'CCPs fir-Renju Unit. Dik is-sitwazzjoni tista' tirriżulta fi sfidi temporanji għal dawk il-kontropartijiet li jissodisfaw l-obbligi tagħhom tal-ikklerjar, li min-naħa tagħhom, jistgħu joħolqu riskji għall-istabbiltà finanzjarja u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Kif imħabbar fil-Pjan ta' Azzjoni ta' Kontinġenza, huwa għaldaqstant meħtieġ li, f'dik is-sitwazzjoni eċċezzjonali, l-arranġamenti legali u superviżorji li jirregolaw is-CCPs tar-Renju Unit huma meqjusa bħala ekwivalenti għal perjodu ta' żmien strettament limitat u taħt kundizzjonijiet speċifiċi sabiex dawk is-CCPs ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu servizzi tal-ikklerjar fl-Unjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(7)

L-ewwel, li l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tal-pajjiż terz iridu jiżguraw li s-CCPs awtorizzati f'dak il-pajjiż terz jikkonformaw ma' rekwiżiti ġuridikament vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Sad-29 ta' Marzu 2019, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa direttament applikabbli fir-Renju Unit fis-CCPs tar-Renju Unit awtorizzati skont l-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament u għaldaqstant is-CCPs tar-Renju Unit iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tiegħu. Bħala parti mill-Att dwar il-Ħruġ mill-Unjoni Ewropea tal-2018, fis-26 ta' Ġunju 2018 ir-Renju Unit inkorpora d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit b'effett mid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(8)

It-tieni, l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tal-pajjiż terz iridu jiżguraw li s-CCPs stabbiliti fil-pajjiż terz huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa. Sad-29 ta' Marzu 2019, is-CCPs tar-Renju Unit huma taħt is-superviżjoni tal-Bank of England, kif determinat fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 (4). Bħala parti mal-inkorporazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit, il-Bank of England jibqa' responsabbli għas-superviżjoni tas-CCPs u l-poteri superviżorji u ta' infurzar tiegħu fir-rigward tas-CCPs se jibqgħu essenzjalment l-istess.

(9)

It-tielet, li l-qafas legali tal-pajjiż terz irid jipprovdi għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi. Dan huwa żgurat mill-inkorporazzjoni tas-sistema ta' ekwivalenza fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit.

(10)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tar-Renju Unit applikabbli għal CCPs tar-Renju Unit fil-jum wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(11)

Madankollu, din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji applikabbli għal CCPs tar-Renju Unit fil-jum wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Jenħtieġ li dawk l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji jitqiesu ekwivalenti meta r-rekwiżiti applikabbli għal CCPs fid-dritt nazzjonali tar-Renju Unit jinżammu u jkomplu jiġu applikati u infurzati b'mod effettiv fuq bażi kontinwa. L-iskambju effettiv ta' informazzjoni u l-koordinazzjoni ta' attivitajiet superviżorji bejn l-ESMA u l-Bank of England huwa għalhekk kundizzjoni essenzjali għaż-żamma tad-determinazzjoni tal-ekwivalenza.

(12)

Dan l-iskambju ta' informazzjoni jeħtieġ il-konklużjoni ta' arranġamenti ta' kooperazzjoni komprensiva u effettiva f'konformità mal-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Jenħtieġ li dawn l-arranġamenti ta' kooperazzjoni jiżguraw ukoll il-possibbiltà li tiġi skambjata l-informazzjoni rilevanti kollha mal-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 25(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew u l-membri l-oħra tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali, għall-fini ta' konsultazzjoni ma' dawk l-awtoritajiet dwar l-istatus rikonoxxut ta' CCPs tar-Renju Unit jew meta dik l-informazzjoni tkun meħtieġa biex dawk l-awtoritajiet iwettqu l-kompiti superviżorji tagħhom.

(13)

Fil-każ eċċezzjonali tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim, arranġamenti ta' kooperazzjoni stabbiliti skont l-Artikolu 25(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandhom jiżguraw li l-ESMA jkollha aċċess immedjat, fuq bażi kontinwa, għall-informazzjoni kollha mitluba minnha. Din l-informazzjoni tinkludi iżda mhux limitata għal informazzjoni li tippermetti l-valutazzjoni ta' kwalunkwe riskju materjali maħluqa minn CCPs tar-Renju Unit għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha, direttament jew indirettament. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-arranġamenti ta' kooperazzjoni jispeċifikaw mekkaniżmi u proċeduri għal skambju rapidu ta' informazzjoni relatata ma' attivitajiet tal-ikklerjar ta' CCPs tar-Renju Unit fir-rigward ta' strumenti finanzjarji denominati f'muniti tal-Unjoni, ta' ċentri tan-negozjar, ta' parteċipanti tal-ikklirjar kif ukoll ta' sussidjarji ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment tal-Unjoni; ma' arranġamenti tal-interoperabbiltà ma' CCPs oħra; ma' riżorsi proprji; mal-kompożizzjoni u l-ikkalibrar ta' fondi ta' inadempjenza, ma' marġni, riżorsi likwidi u portafolli tal-kollateral fosthom il-kalibrazzjonijiet ta' telf impost u testijiet tal-istress; in-notifika immedjata ta' kwalunkwe bidliet li jaffettwaw CCPs tar-Renju jew l-arranġament ġuridiċi u superviżorji tar-Renju Unit applikabbli għal CCPs fir-Renju Unit; kif ukoll il-mekkaniżmu għal notifika fil-pront lill-ESMA ta' kwalunkwe żvilupp fir-rigward ta' CCPs tar-Renju Unit li jistgħu jaffettwaw il-politika monetarja fl-Unjoni.

(14)

Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, se timmonitorja kull bidla introdotta fl-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji li jaffettwaw CCPs tar-Renju Unit, żviluppi tas-suq kif ukoll l-effettività ta' kooperazzjoni superviżorja, inkluż skambju ta' informazzjoni fil-pront bejn l-ESMA u l-Bank of England. Il-Kummissjoni tista' twettaq rieżami fi kwalunkwe ħin meta żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni, inkluż fejn it-termini tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni konklużi bejn l-ESMA u l-Bank of England ma jiġux rispettati jew ma jippermettux għal valutazzjoni effikaċi tar-riskji li joħolqu s-CCPs tar-Renju Unit għall-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

(15)

Fid-dawl tal-inċertezzi dwar ir-relazzjoni futura bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, kif ukoll l-impatt potenzjali tagħhom fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u dwar l-integrità tas-Suq Uniku, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tiskadi fit-30 ta' Marzu 2020. Għaldaqstant il-valutazzjoni f'din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni futura tal-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tar-Renju Unit għal CCPs u għalhekk jenħtieġ li ma tiġix invokata lil hinn mill-finijiet ta' din id-Deċiżjoni.

(16)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta' urġenza u tapplika biss mid-data ta' wara dik li fiha t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih, sakemm ma jkunx daħal fis-seħħ ftehim ta' ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data jew ikun ġie estiż il-perjodu ta' sentejn msemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(17)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti ġuridiċi u superviżorji tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jikkonsistu fl-Att dwar is-Servizzi u s-Swieq Finanzjarji 2000 u l-Att (ta' Ħruġ) mill-Unjoni Ewropea 2018 applikabbli għal kontropartijiet ċentrali diġà stabbiliti u awtorizzati fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika mill-ġurnata ta' wara meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, din id-Deċiżjoni ma għandhiex tapplika fi kwalunkwe minn dawn il-każi li ġejjin:

(a)

ikun daħal fis-seħħ ftehim ta' ħruġ konkluż mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea sa dik id-data;

(b)

tkun ittieħdet deċiżjoni li testendi l-perjodu ta' sentejn imsemmi fl-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Din għandha tiskadi fit-30 ta' Marzu 2020.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  COM(2018) 880 finali

(3)  Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, Stqarrija statistika: OTC derivatives statistics at end December 2017 tat-3 ta' Mejju 2018 (https://www.bis.org/publ/otc_hy1805.pdf).

(4)  Il-Parti 5 tar-Regolamenti tal-2013 tal-Att dwar is-Servizzi u s-Swieq Finanzjarji tal-2000 (Derivattivi OTC, Kontropartijiet Ċentrali u Repożitorji tat-Tranżazzjonijiet).


Top