Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1227

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1227 tal-20 ta' Marzu 2017 dwar il-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni, mingħajr ittestjar, ta' prodotti laminati inkullati tal-injam koperti bl-istandard armonizzat EN 14080 u prodotti tal-injam solidu strutturat apposta għall-bini koperti bl-istandard armonizzat EN 15497, fir-rigward tar-reazzjoni tagħhom għan-nar u li jemenda d-Deċiżjoni 2005/610/KE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/1702

OJ L 177, 8.7.2017, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2017/1227/oj

8.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 177/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1227

tal-20 ta' Marzu 2017

dwar il-kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni, mingħajr ittestjar, ta' prodotti laminati inkullati tal-injam koperti bl-istandard armonizzat EN 14080 u prodotti tal-injam solidu strutturat apposta għall-bini koperti bl-istandard armonizzat EN 15497, fir-rigward tar-reazzjoni tagħhom għan-nar u li jemenda d-Deċiżjoni 2005/610/KE

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2011 li jistabbilixxi kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 27(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/364 (2), ġiet adottata sistema għall-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini rigward ir-reazzjoni tagħhom għan-nar. Il-prodotti laminati inkullati tal-injam u l-prodotti tal-injam solidu strutturat apposta għall-bini, huma fost il-prodotti għall-bini li għalihom japplika dak ir-Regolament Delegat.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/610/KE (3) stabbiliet klassijiet ta' prestazzjoni tar-reazzjoni għan-nar għal prodotti laminati inkullati tal-injam koperti bl-istandard armonizzat EN 14080 fit-Tabella 1 tal-Anness ta' dik id-Deċiżjoni. Madankollu, aktar ittestjar ta' dawn il-prodotti igġustifika l-aġġustament tal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dik id-Deċiżjoni għal dawn il-prodotti.

(3)

It-testijiet urew li prodotti laminati inkullati tal-injam koperti bl-istandard armonizzat EN 14080 u prodotti tal-injam solidu strutturat apposta għall-bini koperti bl-istandard armonizzat EN 15497 għandhom prestazzjoni stabbli u prevedibbli rigward ir-reazzjoni għan-nar sakemm jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet dwar id-densità medja minima tal-injam u l-ħxuna medja minima tal-prodott.

(4)

Il-prodotti laminati inkullati tal-injam koperti bl-istandard armonizzat EN 14080 u l-prodotti tal-injam solidu strutturat apposta għall-bini koperti bl-istandard armonizzat EN 15497 għandhom għalhekk jitqiesu li jissodisfaw ċerta klassi ta' prestazzjoni għar-reazzjoni għan-nar stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2016/364 dwar dawk il-kundizzjonijiet, mingħajr ma jinħtieġ aktar ittestjar.

(5)

Għal raġunijiet ta' ċertezza tad-dritt, it-Tabella 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/610/KE għandha titħassar u minflok għandu jiġi applikat l-Anness ta' dan ir-Regolament għal prodotti laminati inkullati tal-injam koperti bl-istandard armonizzat EN 14080,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti laminati inkullati tal-injam koperti bl-istandard armonizzat EN 14080 u l-prodotti tal-injam solidu strutturat apposta għall-bini koperti bl-istandard armonizzat EN 15497 li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness, għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-klassijiet ta' prestazzjoni mingħajr ittestjar indikati fl-Anness.

Artikolu 2

It-Tabella 1 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2005/610/KE tħassret.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Marzu 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/364 tal-1 ta' Lulju 2015 dwar il-klassifikazzjoni tal-prestazzjoni tar-reazzjoni għan-nar tal-prodotti għall-bini skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 68, 15.3.2016, p. 4).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 2005/610/KE tad-9 ta' Awwissu 2005 li tistabbilixxi l-klassijiet ta' reazzjoni għan-nar ta' ċerti prodotti tal-kostruzzjoni (ĠU L 208, 11.8.2005, p. 21).


ANNESS

Prodotti (1)

Densità medja minima (2)

(f'kg/m3)

Ħxuna nominali minima

(f'mm)

Klassi (3)

Prodotti laminati inkullati tal-injam koperti bl-istandard armonizzat EN 14080 u prodotti tal-injam solidu strutturat apposta għall-bini bl-istandard armonizzat EN 15497

380

22

D-s2, d0


(1)  Tapplika għall-ispeċijiet kollha u t-tipi kollha ta' kolla koperti bl-istandards tal-prodott.

(2)  Ikkundizzjonata f'konformità mal-istandard EN 13238.

(3)  Il-klassi kif stipulata fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament Delegat (UE) 2016/364.


Top