EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1953

Regolament (UE) 2016/1953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta' dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u li jħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994

OJ L 311, 17.11.2016, p. 13–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1953/oj

17.11.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 311/13


REGOLAMENT (UE) 2016/1953 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-26 ta’ Ottubru 2016

dwar l-istabbiliment ta' dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u li jħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 79(2)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Ir-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul, soġġorn jew residenza fl-Istati Membri, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari għall-prinċipju ta’ non-refoulement, u f’konformità mad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), huwa parti essenzjali mill-isforzi komprensivi sabiex jiġu żgurati l-kredibbiltà u t-tħaddim tajjeb u effettiv tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni u sabiex titnaqqas u tiġi skoraġġuta l-migrazzjoni irregolari.

(2)

L-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri jesperjenzaw diffikultajiet biex jirritornaw ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u li ma għandhom l-ebda dokument tal-ivvjaġġar validu.

(3)

It-titjib fil-kooperazzjoni dwar ir-ritorn u r-riammissjoni mal-pajjiżi prinċipali ta’ oriġini u ta' tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment huwa essenzjali biex jiżdiedu r-rati ta’ ritorn, li mhumiex sodisfaċenti. Dokument tal-ivvjaġġar Ewropew imtejjeb għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment huwa rilevanti f’dak ir-rigward.

(4)

Id-dokument tal-ivvjaġġar standard attwali għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, stabbilit bir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994 (3), mhuwiex aċċettat b’mod wiesa’ mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, għal raġunijiet li jinkludu standards ta’ sigurtà inadegwati.

(5)

Huwa għalhekk neċessarju li tiġi promossa l-aċċettazzjoni minn pajjiżi terzi ta' dokument tal-ivvjaġġar Ewropew imtejjeb u uniformi għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment bħala d-dokument ta’ riferiment għal finijiet ta’ ritorn.

(6)

Għandu jiġi stabbilit dokument tal-ivvjaġġar Ewropew aktar sikur u uniformi għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn) biex jiġu ffaċilitati r-ritorn u r-riammissjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment fit-territorju tal-Istati Membri. Il-karatteristiċi ta’ sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mtejba tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandhom jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tiegħu minn pajjiżi terzi. Dak id-dokument għandu għalhekk jiffaċilita t-twettiq ta’ ritorni fil-kuntest ta' ftehimiet ta' riammissjoni jew arranġamenti oħra konklużi mill-Unjoni jew mill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll fil-kuntest ta’ kooperazzjoni dwar ir-ritorn ma’ pajjiżi terzi li mhijiex koperta bi ftehimiet formali.

(7)

Ir-riammissjoni ta’ ċittadini proprji hija obbligu skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju, li l-Istati kollha huma meħtieġa jikkonformaw miegħu. L-identifikazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment u l-ħruġ ta’ dokumenti inkluż id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandhom, fejn xieraq, ikunu soġġetti għal kooperazzjoni ma’ rappreżentanzi diplomatiċi u għal negozjati ma’ pajjiżi terzi li jkunu deħlin fi ftehimiet ta’ riammissjoni, jew mal-Unjoni jew inkella mal-Istati Membri.

(8)

Il-ftehimiet ta’ riammissjoni konklużi mill-Unjoni ma’ pajjiżi terzi għandhom ifittxu r-rikonoxximent tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn. L-Istati Membri għandhom ifittxu r-rikonoxximent tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn fi ftehimiet bilaterali u arranġamenti oħra kif ukoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni dwar ir-ritorn ma’ pajjiżi terzi li mhumiex koperti bi ftehimiet formali. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jiżguraw l-użu effettiv tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.

(9)

Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv u burokratiku minn fuq l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi, inkluż servizz i konsulari, u tat-tul tal-proċeduri amministrattivi neċessarji biex jiġi żgurat ir-ritorn u r-riammissjoni ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment.

(10)

Dan ir-Regolament għandu jarmonizza biss il-format, il-karatteristiċi ta’ sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn u ma għandux jarmonizza r-regoli dwar il-ħruġ tiegħu.

(11)

Il-kontenut u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandhom ikunu armonizzati sabiex jiġu żgurati standards tekniċi u ta’ sigurtà għolja, b’mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni. Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jkollu fuqu karatteristiċi ta' sigurtà armonizzati li jintgħarfu. Il-karatteristiċi ta' sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 (4), għandhom għalhekk jiġu applikati għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.

(12)

Sabiex jiġu emendati ċerti elementi mhux essenzjali tal-mudell għad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn, is-setgħa li jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (5). B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(13)

Rigward l-ipproċessar ta' data personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(14)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE, id-Danimarka ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, u mhix marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Peress li dan ir-Regolament jibni, sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi f'perijodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex sejra timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(15)

Sa fejn huwa japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul skont ir-Regolament (UE) 2016/399, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (8); għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u t-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(16)

Sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (9); għaldaqstant l-Irlanda ma tieħux sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(17)

Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi, sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (10), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (11).

(18)

Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi, sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (12), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (13).

(19)

Rigward il-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi, sa fejn dan japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kondizzjonijiet ta’ dħul f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/399, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (14), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (15).

(20)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-effetti tal-azzjoni prevista, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(21)

Sabiex jiġu stabbiliti kondizzjonijiet uniformi u tiġi żgurata ċ-ċarezza tal-kunċetti, huwa xieraq li dan l-att jiġi adottat fil-forma ta’ regolament.

(22)

L-Istati Membri għandhom jirrispettaw l-obbligi rispettivi tagħhom taħt il-liġi internazzjonali u tal-Unjoni, notevolment il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-protezzjoni fl-eventwalità ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni previsti fl-Artikolu 19 u d-dover, kif imsemmi fl-Artikolu 24(2).

(23)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994 għandha għaldaqstant titħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dokument tal-ivvjaġġar Ewropew uniformi għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn), b'mod partikolari l-format, il-karatteristiċi ta’ sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz kif definit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(2)

“ritorn” tfisser ritorn kif definit fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(3)

“deċiżjoni ta' ritorn” tfisser deċiżjoni ta' ritorn kif definit fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE.

Artikolu 3

Dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn

1.   Il-format tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jikkorrispondi għall-mudell stipulat fl-Anness. Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, is-sess, in-nazzjonalità, il-marki distintivi u, jekk ikun magħruf, l-indirizz fil-pajjiż terz ta’ ritorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz;

(b)

ritratt taċ-ċittadin tal-pajjiż terz;

(c)

l-awtorità tal-ħruġ, id-data u l-post tal-ħruġ u l-perijodu tal-validità;

(d)

informazzjoni dwar it-tluq u l-wasla taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

2.   Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jinħareġ f’lingwa uffiċjali waħda jew iktar tal-Istat Membru li joħroġ id-deċiżjoni ta’ ritorn u, fejn ikun xieraq, għandu jiġi pprovdut ukoll bl-Ingliż u bil-Franċiż.

3.   Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jkun validu għal vjaġġ wieħed sal-ħin tal-wasla fil-pajjiż terz ta’ ritorn taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn Stat Membru.

4.   Fejn applikabbli, dokumenti addizzjonali meħtieġa għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiġu mehmuża mad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.

5.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 6 sabiex temenda l-format tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn.

Artikolu 4

Speċifikazzjonijiet tekniċi

1.   Il-karatteristiċi ta’ sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandhom ikunu dawk stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 333/2002.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kampjun tad-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn stabbilit f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Tariffi għall-ħruġ

Id-dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn għandu jinħareġ mingħajr ħlas għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

Artikolu 6

Eżerċitar tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa biex jiġu adottati l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta' żmien indeterminat mis-7 ta’ Diċembru 2016.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(5) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandha taffettwa l-validità ta' ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti magħżula minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew inkella mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta' dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 7

Tħassir

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994 hija mħassra.

Artikolu 8

Rieżami u rappurtaġġ

Sat-8 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament. Ir-rieżami ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi inkorporat fil-valutazzjoni kif previst fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/115/KE.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-8 ta’ April 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-26 ta’ Ottubru 2016.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

I. LESAY


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Settembru 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2016.

(2)  Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994 dwar l-adozzjoni ta’ dokument tal-ivvjaġġar standard għall-espulsjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (ĠU C 274, 19.9.1996, p. 18).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 tat-18 ta' Frar 2002 fuq format uniformi għall-formuli biex titwaħħal il-viża maħruġa mill-Istati Membri lill-persuni li jkollhom dokumenti għall-ivvjaġġar mhux rikonoxxuti mill-Istati Membri li jirrediġu l-formula (ĠU L 53, 23.2.2002, p. 4).

(5)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(6)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

(10)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(12)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(14)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni

Top