EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0805

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/805 tal-20 ta' Mejju 2016 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' Streptomyces K61 (qabel magħruf bħala S. griseoviridis), ir-razza O ta' Candida oleophila, FEN 560 (magħruf ukoll bħala ħelba jew għabra taż-żerriegħa tal-ħelba), Dekanoat tal-metil (CAS 110-42-9), Ottanoat tal-Metil (CAS 111-11-5) u t-taħlita tat-terpenojd QRD 460 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2016/2928

OJ L 132, 21.5.2016, p. 95–96 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/805/oj

21.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/95


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/805

tal-20 ta' Mejju 2016

li jemenda l-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' Streptomyces K61 (qabel magħruf bħala S. griseoviridis), ir-razza O ta' Candida oleophila, FEN 560 (magħruf ukoll bħala ħelba jew għabra taż-żerriegħa tal-ħelba), Dekanoat tal-metil (CAS 110-42-9), Ottanoat tal-Metil (CAS 111-11-5) u t-taħlita tat-terpenojd QRD 460

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ma ġie stabbilit l-ebda MRL speċifiku għal Streptomyces K61 (qabel magħruf bħala S. griseoviridis), ir-razza O ta' Candida oleophila, FEN 560 (magħruf ukoll bħala ħelba jew għabra taż-żerriegħa tal-ħelba) u t-taħlita tat-terpenojd QRD 460. Peress li dawk is-sustanzi ma ġewx inklużi fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, japplika l-valur prestabbilit ta' 0,01 mg/kg stipulat fl-Artikolu 18(1)(b) ta' dak ir-Regolament. Id-dekanoat tal-metil (CAS 110-42-9) u l-ottanoat tal-metil (CAS 111-11-5) jiffurmaw parti mill-grupp ta' aċidi xaħmin C7-C20 li huwa inkluż fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(2)

Fir-rigward ta' FEN 560 (magħruf ukoll bħala ħelba jew għabra taż-żerriegħa tal-ħelba), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet (2) li l-inklużjoni ta' dik is-sustanza fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 hija f'lokha.

(3)

Fir-rigward tat-taħlita tat-terpenojd QRD 460, l-Awtorità kkonkludiet (3) li l-inklużjoni ta' dik is-sustanza fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 hija f'lokha.

(4)

Fir-rigward ta' Streptomyces K61 (qabel magħruf bħala S. griseoviridis) (4) l-Awtorità ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tad-dieta għall-konsumaturi peress li xi informazzjoni ma kinitx disponibbli u kienet meħtieġa aktar konsiderazzjoni mill-maniġers tar-riskji. Tali kunsiderazzjoni ulterjuri kienet riflessa fir-rapport ta' eżami (5) li kkonkluda li r-riskju għall-bniedem permezz ta' metaboliti minn din is-sustanza huwa negliġibbli. Għaldaqstant, huwa xieraq li dik is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(5)

Fir-rigward tar-razza O ta' Candida oleophila  (6), l-Awtorità ma setgħetx tasal għal konklużjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju tad-dieta għall-konsumaturi peress li xi informazzjoni ma kinitx disponibbli u kienet meħtieġa aktar attenzjoni mill-maniġers tar-riskji. Tali kunsiderazzjoni ulterjuri kienet riflessa fir-rapport ta' eżami (7) li kkonkluda li r-riskju għall-bniedem permezz ta' metaboliti minn din is-sustanza huwa negliġibbli. Għaldaqstant, huwa xieraq li dik is-sustanza tiġi inkluża fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005.

(6)

Id-dekanoat tal-metil (CAS 110-42-9) ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (8) bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE (9) u huwa meqjus bħala approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Ebda impuritajiet rilevanti ma ġew identifikati għal dik is-sustanza. Barra minn hekk, l-esponiment naturali għad-dekanoat tal-metil huwa ferm ogħla minn dak marbut mal-użu ta' dik is-sustanza bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Għaldaqstant jixraq li din is-sustanza tinżamm fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 iżda b'mod separat mill-grupp tal-aċidi xaħmin C7-C20 biex tkun żgurata t-trasparenza.

(7)

L-ottonoat tal-metil (CAS 111-11-5) ġie inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE bid-Direttiva 2008/127/KE u huwa meqjus bħala approvat skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Ebda impuritajiet relevanti ma ġew identifikati għal dik is-sustanza. Barra minn hekk, l-esponiment naturali għall-ottanoat tal-metil huwa ferm ogħla minn dak marbut mal-użu ta' dik is-sustanza bħala prodott għall-protezzjoni tal-pjanti. Għaldaqstant jixraq li din is-sustanza tinżamm fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005 iżda b'mod separat mill-grupp tal-aċidi xaħmin C7-C20 biex tkun żgurata t-trasparenza.

(8)

Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 396/2005, l-entrati li ġejjin jiddaħħlu f'ordni alfabetika: “Streptomyces K61 (qabel magħruf bħala S. griseoviridis)”, “ir-razza O ta' Candida oleophila”, “FEN 560 (imsejjaħ ukoll ħelba jew għabra taż-żerriegħa tal-ħelba)”, “Dekanoat tal-metil (CAS 110-42-9)”, “Ottanoat tal-metil (CAS 111-11-5)” u “it-taħlita tat-terpenojd QRD 460”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

(2)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva għabra taż-żerriegħa tal-ħelba (FEN 560). EFSA Journal 2010; 8(3):1448, 50 pp.

(3)  EFSA (L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel), 2014. Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għall-pestiċidi tas-sustanza attiva taħlita tat-terpenojd QRD-460. EFSA Journal 2014;12(10):3816, 41 pp.

(4)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju għas-sustanza attiva Streptomyces K61 (qabel magħrufa bħala Streptomyces griseoviridis). EFSA Journal 2013;11(1):3061, 40 pp.

(5)  Rapport ta' eżami għas-sustanza attiva Streptomyces K61 (qabel magħruf bħala Streptomyces griseoviridis) iffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fil-laqgħa tiegħu tal-11 ta' Lulju 2008 fid-dawl tal-inklużjoni ta' Streptomyces K61 (qabel magħruf bħala Streptomyces griseoviridis) fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. SANCO/1865/08 — rev. 5, 11 ta' Lulju 2014.

(6)  L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel; Il-konklużjoni dwar l-evalwazzjoni bejn il-pari tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tas-sustanza attiva razza O ta' Candida oleophila. EFSA Journal 2012;10(11):2944, 27, pp.

(7)  Rapport ta' eżami magħmul għas-sustanza attiva r-razza O ta' Candida oleophila ffinalizzat mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Marzu 2013 fid-dawl tal-approvazzjoni tar-razza O ta' Candida oleophila bħala sustanza attiva f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. SANCO/10395/2013 rev 1, 15 ta' Marzu 2014.

(8)  Id-Direttiva Tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

(9)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/127/KE tat-18 ta' Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' bosta sustanzi attivi (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 89).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).


Top