Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2277

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2277 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fiċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2016/8343

OJ L 342, 16.12.2016, p. 65–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2277/oj

16.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/65


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2277

tal-15 ta' Diċembru 2016

dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fiċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubai skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivattivi OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tat-tranżazzjonijiet (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi ta' kklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjoni ta' ekwivalenza prevista fiha għalhekk jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, jenħtieġ li l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. Għalhekk l-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa li jiġi verifikat li l-arranġamenti legali u superviżorji taċ-Ċentru Finanzjarju Internazzjonali ta' Dubaj (minn issa 'l quddiem “id-DIFC”) jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemm ma jesponux lil membri tal-ikklirjar jew lil ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn tal-aħħar jistgħu jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u li, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta' riskju sistemiku fl-Unjoni. Għalhekk, ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f'attivitajiet ta' kklirjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari.

(3)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(4)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(5)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti ta' DIFC għas-CCPs awtorizzati hemmhekk jikkonsistu fil-Liġi Regolatorja tal-2004 u l-Liġi tas-Swieq tal-2012 (Ir-Regolamenti DIFC). Dawn huma ssupplimentati mill-Ktieb tar-Regoli tal-Awtorità ta' Servizzi Finanzjarji ta' Dubaj (“id-DFSA”) li fih Modulu dwar l-Istituzzjonijiet Awtorizzati tas-Suq (“AMIs”).

(6)

CCPs stabbiliti f'DIFC għandhom jiġu awtorizzati mid-DFSA bħala AMIs. Id-Deċiżjoni preżenti hija relatata biss mar-reġim applikabbli għal AMIs li jwettqu s-servizz finanzjarju awtorizzat ta; operar ta' kamra tal-ikklirkar fid-DIFC. Sabiex jingħataw awtorizzazzjoni għall-ikklerjar, l-AMIs, iridu jissodisfaw rekwiżiti speċifiċi stipulati mid-DFSA u li jinsabu fil-Ktieb tar-Regoli tad-DFSA. L-AMIs iridu joperaw il-faċilitajiet ta' kklerjar b'mod sikur u effikaċi, u jridu jamministraw b'mod prudenti r-riskji marbuta man-negozju u l-operazzjonijiet tagħhom. Irid ikollhom ukoll biżżejjed riżorsi finanzjarji, umani u bħala sistema.

(7)

Ir-Regolamenti tad-DIFC jimplimentaw b'mod sħiħ l-istandards internazzjonali stabbiliti skont il-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju (“PFMIs”) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagament u tas-Saldu (2) (“CPSS”) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (“IOSCO”).

(8)

Ir-Regolamenti tad-DIFC jeħtieġu wkoll lill-AMIs li jadottaw regoli u proċeduri interni li jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti kollha rilevanti u li huma meħtieġa għar-regolamentazzjoni xierqa tal-faċilitajiet tal-ikklirjar u s-saldu tagħha. Ir-Regola 5.6 tal-AMI tobbliga r-regoli u proċeduri interni tal-AMIs li jkollhom dispożizzjonijiet speċifiċi inkluż regoli dwar l-inadempjenza. Dawk ir-regoli u proċeduri interni, kif ukoll kull emenda, iridu jiġu ppreżentati lid-DFSA qabel l-implimentazzjoni tagħhom. Id-DFSA jista' tirrifjuta jew jitlob emendi għar-regoli proposti. Skont ir-Regolamenti DIFC, regoli interni tal-AMIs huma legalment vinkolanti u infurzabbli kontra membri u parteċipanti oħrajn.

(9)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għall-AMIs awtorizzati fid-DIFC għalhekk jikkonsistu fi struttura fuq żewġ saffi. Il-prinċipji ewlenin li jinsabu fil-Ktieb tar-Regoli tad-DFSA u r-Regolamenti tad-DIFC jistabbilixxu standards ta' livell għoli li AMIs għandhom jikkonformaw magħhom sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jipprovdu servizzi ta' kklerjar fid-DIFC (flimkien, ir-“regoli primarji”). Dawn ir-regoli primarji jinkludu l-ewwel saff ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fid-DIFC. Sabiex jagħtu prova li huma konformi mar-regoli primarji, ir-Regola 5.6 tal-AMI dwar “Regoli tan-Negozju” tirrikjedi l-AMIs jistabbilixxu u jippreżentaw ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom lid-DFSA għall-approvazzjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom u d-DFSA jista' jipprevjeni jew iwaqqafhom. Dawn ir-regoli u proċeduri interni jinkludu t-tieni saff ta' rekwiżiti fid-DIFC.

(10)

Il-valutazzjoni ta' ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għall-AMIs fid-DIFC għandha tqis ukoll l-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju li huma jiżguraw f'termini tal-livell ta' riskju li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jkunu esposti għalih meta jipparteċipaw f'dawk l-entitajiet. L-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju huwa determinat kemm mill-livell ta' riskju inerenti fl-attivitajiet ta' kklirjar imwettqa mis-CCP ikkonċernata, li jiddependi mid-daqs tas-suq finanzjarju li topera fih, kif ukoll minn kemm huma xierqa l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs biex inaqqsu dak il-livell ta' riskju. Sabiex jinkiseb eżitu ekwivalenti ta' mitigazzjoni tar-riskju, rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju aktar stretti huma neċessarji għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta' riskju inerenti ogħla, minn dawk ta' CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar li għandhom livell ta' riskju inerenti iktar baxx.

(11)

Is-suq finanzjarju fejn l-AMIs awtorizzati fid-DIFC iwettqu l-attivitajiet tal-ikklirjar tagħhom huwa ferm iżgħar minn dak fejn huma attivi s-CCPs stabbiliti fl-Unjoni. Mill-2011'l hawn kien hemm minimu tal-ikklerjar jew tan-negozjar fid-derivattivi. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tas-CCPs awtorizzati fid-DIFC tesponi lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f'CCPs awtorizzati fl-Unjoni.

(12)

L-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fid-DIFC jistgħu għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti meta dawn ikunu xierqa biex itaffu dak il-livell iktar baxx ta' riskju. Ir-regoli primarji applikabbli għal dawk is-CCPs, flimkien mar-regoli u l-proċeduri interni tagħhom li jeħtieġu konformità mal-PFMIs, itaffu l-livell aktar baxx ta' riskju li jeżisti fid-DIFC u jiksbu eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju ekwivalenti għal dak li jipprova jikseb ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(13)

Għalhekk jenħtieġ li jiġi konkluż li l-arranġamenti legali u superviżorji tad-DIFC jiżguraw li l-AMIs awtorizzati hemm jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(14)

Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tad-DIFC fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemm iridu jipprovdu għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi ta' dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa.

(15)

Id-DFSA, bħala s-superviżur tal-AMIs, tissorvelja l-AMIs fid-DIFC biex tiżgura konformità mar-regoli applikabbli. Id-DFSA għandha s-setgħa sħiħa li jawtorizza u jippenalizzahom, inkluż fost affarijiet oħra, il-poter li jirrevoka l-liċenzja tal-AMIs u s-setgħa li jimponi sanzjonijiet fuqhom. Is-superviżjoni kwotidjana issir mid-DFSA. Id-DFSA tadotta ċiklu tal-ġestjoni tar-riskju kontinwui li jikkonsisti fl-identifikazzjoni, il-valutazzjoni, il-prijoritizzazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji. Il-Liġi Regolatorja tal-2004 tagħti lid-DFSA setgħat qawwija biex jinfurza l-liġijiet u r-regoli tiegħu. Id-DFSA għandha s-setgħa li tagħmel investigazzjonijiet dwar suspetti ta' ksur tar-regoli, u għandha s-setgħa li twettaq spezzjonijiet, takkwista b'mod obbligatorju kotba u reġistri, jew tobbliga individwi li jieħdu sehem f'intervisti taħt ġurament jew dikjarazzjoni. Id-DFSA tista', fost affarijiet oħra, timponi penali finanzjarji, toħroġ sanzjonijiet pubbliċi, u tipprojbixxi persuni milli jwettqu attivitajiet dwar id-DIFC.

(16)

Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi konkluż li l-AMIs awtorizzati fid-DIFC huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(17)

Skont it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tad-DIFC iridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi (“CCPs ta' pajjiżi terzi”).

(18)

CCPs ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jikklerjaw id-derivattivi fid-DIFC iridu japplikaw għar-rikonoxximent mad-DFSA. Il-Modulu ta' Rikonoxximent jistipula l-kriterji u l-proċess għar-rikonoxximent.

(19)

Sabiex jingħata r-rikonoxximent, il-ġuriżdizzjoni fejn hi stabbilita s-CCP għandu jkollha reġim regolatorju b'saħħtu biżżejjed li hu simili għall-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fid-DIFC. Il-konklużjoni tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni bejn id-DIFC u l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz hija meħtieġa wkoll qabel ma tiġi approvata l-applikazzjoni tas-CCP tal-pajjiż terz.

(20)

Għalhekk, jenħtieġ li jiġi konkluż li l-arranġamenti legali u superviżorji tad-DIFC jipprevedu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiż terz.

(21)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti relatati ma' AMIs applikabbli fid-DIFC fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, għandha tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għall-AMIs u s-sodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

(22)

Ir-reviżjoni regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fid-DIFC għas-CCPs awtorizzati bihom għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin barra l-ambitu tal-analiżi ġenerali, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir tad-Deċiżjoni.

(23)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tad-DIFC li jikkonsistu fir-Regolamenti tad-DIFC u l-Ktieb tar-Regoli tad-DFSA, u li huma applikabbli għall-Istituzzjonijiet Awtorizzati tas-Suq awtorizzati hemmhekk, għandhom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Mill-1 ta' Settembru 2014, il-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagament u tas-Saldu biddel ismu għal Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u l-Infrastrutturi tas-Suq “CPMI”.


Top