Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0962

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/962 tat-18 ta' Diċembru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali fl-UE kollha (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 157, 23.6.2015, p. 21–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/962/oj

23.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 157/21


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/962

tat-18 ta' Diċembru 2014

li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali fl-UE kollha

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta' Sistemi ta' Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma' modi oħrajn ta' trasport (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2010/40/UE jiffissa bħala azzjoni ta' prijorità l-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali fl-UE kollha għall-iżvilupp u l-użu ta' speċifikazzjonijiet u standards.

(2)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2010/40/UE jirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji biex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (STI) għall-forinment ta' servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali fl-UE kollha. Dan ir-Regolament ifittex li jtejjeb l-aċċessibbiltà, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-aġġornament tad-dejta dwar it-toroq u t-traffiku meħtieġa għall-forniment ta' servizzi ta' kwalità għolja u kontinwi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali fl-Unjoni kollha

(3)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/40/UE jipprovdi li l-ispeċifikazzjonijiet adottati f'konformità mal-Artikolu 6 ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-STI, meta dawn ikunu varati mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar il-varar ta' dawn l-applikazzjonijiet u s-servizzi fit-territorju tiegħu.

(4)

Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom japplikaw għall-forniment tas-servizzi ta' informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali kollha mingħajr preġudizzju għal speċifikazzjonijiet partikolari adottati f'atti oħra skont id-Direttiva 2010/40/UE, partikolarment ir-Regolament Delegat (UE) Nru 885/2013 (2) u r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013 (3).

(5)

Is-suq għall-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali diġà jeżisti fl-Unjoni u huwa fl-interess kemm tal-utenti u l-konsumaturi kif ukoll tal-fornituri ta' dawn is-servizzi li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa ta' qafas għal dan is-suq sabiex jiġi ppreservat u jiġi żviluppat aktar f'modi innovattivi. Fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali, id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) tistabbilixxi regoli minimi dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku fl-Unjoni kollha. Fir-rigward tal-użu mill-ġdid ta' dejta fil-pussess mill-awtoritajiet tat-toroq u mill-operaturi tat-toroq pubbliċi, ir-regoli stabbiliti b'dan ir-Regolament, b'mod partikolari dawk dwar l-aġġornamenti tad-dejta, huma applikabbli bla preġudizzju għar-regoli stabbiliti bid-Direttiva 2003/98/KE.

(6)

Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) toħloq infrastruttura tad-dejta ġeografika tal-Unjoni Ewropea sabiex tippermetti l-kondiviżjoni tal-informazzjoni ġeografika u aċċess pubbliku għaliha (inklużi t-tema tad-dejta ġeografika “netwerks tat-trasport”) fl-Unjoni kollha bil-ħsieb li jiġu sostnuti l-politiki ambjentali tal-Unjoni, u l-politiki jew l-attivitajiet li jista' jkollhom impatt fuq l-ambjent. L-ispeċifikazzjonijiet stipulati f'dan ir-Regolament għandhom ikunu kompatibbli mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2007/2/KE u l-atti ta' implimentazzjoni tagħha, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 (6). L-estensjoni tal-applikazzjoni ta' dawn l-ispeċifikazzjonijiet għat-tipi kollha ta' dejta statika dwar it-toroq jistgħu wkoll jippromwovu aktar armonizzazzjoni f'dan il-qasam.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jiddefinixxi l-infrastruttura tat-trasport bit-triq li tagħmel parti min-netwerk ewlieni u min-netwerk trans-Ewropew tat-trasport. Dan ir-Regolament għandu japplika għan-netwerk tat-toroq trans-Ewropew komprensiv kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 peress f'dan in-netwerk isir l-aktar it-trasport internazzjonali bit-toroq. Peress li l-biċċa l-kbira l-awtostradi diġà huma inklużi f'dan in-netwerk, awtostradi oħra għandhom ukoll jiġu koperti b'dan ir-Regolament għal raġunijiet ta' konsistenza għall-utenti tat-toroq. Esternalitajiet tat-traffiku rikorrenti u diffikultajiet oħra tal-ġestjoni tat-traffiku, bħalma huma l-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja jew l-istorbju, mhumiex limitati għan-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew għall-awtostradi. Fil-fatt, sehem sinifikanti tal-konġestjoni tat-traffiku rikorrenti jseħħ f'żoni urbani. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw dawn l-ispeċifikazzjonijiet għal toroq magħżula, lil hinn min-netwerk trans-Ewropew u n-netwerk tal-awtostradi, identifikati minnhom bħala żoni ta' prijorità. Minħabba n-natura kontinwament tinbidel tax-xejriet tat-traffiku, l-Istati Membri għandhom jitħallew jaġġornaw dawk fiż-żoni ta' prijorità.

(8)

Id-dejta statika dwar it-toroq, id-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq u d-dejta dwar it-traffiku kollha għandhom karatteristiċi differenti u kull waħda għandha tikkonforma mar-rekwiżiti xierqa. Minħabba d-diversità tas-sorsi tad-dejta li jvarjaw minn sensuri bbażati fuq l-infrastruttura għal vetturi li jaġixxu bħala sensuri, huwa importanti li l-ispeċifikazzjonijiet għandhom japplikaw għal kategoriji ta' dejta rilevanti irrispettivament mis-sors tad-dejta u t-teknoloġija użata biex toħloq jew taġġorna d-dejta.

(9)

F'każ li d-dejta personali tkun se tiġi pproċessata, din għandha tiġi anonimizzata b'mod irrversibbli, fejn hu possibbli. Barra minn hekk, għandha tiġi pproċessata f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, kif stabbilit, b'mod partikolari, fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u fid-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), u mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għalihom. U dan għandu jikkonforma mal-prinċipji tal-limitazzjoni tal-iskop u l-minimizzazzjoni tad-dejta.

(10)

Jekk is-servizz tal-informazzjoni għandu jiddependi fuq il-ġbir tad-dejta, inkluż il-ġeolokazzjoni min-naħa tal-utenti finali infushom jew permezz ta' sistemi kooperattivi fil-futur, allura l-utenti aħħarin għandhom ikunu infurmati b'mod ċar dwar il-ġbir ta' din id-dejta, l-arranġamenti għall-ġbir tad-dejta u l-intraċċar potenzjali, u l-perjodi li matulhom tinżamm din id-dejta. Għandhom jiġu varati miżuri tekniċi li jixirqu mill-kolletturi tad-dejta pubbliċi u privati bħalma huma operaturi tat-toroq, il-fornituri tas-servizz u l-industriji tal-vetturi biex jiżguraw l-anonimità tad-dejta li tasal mingħand l-utenti aħħarin jew mill-vettura tagħhom.

(11)

Sabiex jiġi żviluppat forniment armonizzat u mingħajr xkiel tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali, l-Istati Membri għandhom jistrieħu fuq soluzzjonijiet u standards tekniċi eżistenti, provduti mill-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali, bħalma hi d-DATEX II (CEN/TS 16157 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara) u l-istandards ISO. Għal tipi ta' dejta li għalihom ma hemmx format standardizzat, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu mħeġġa li jikkooperaw sabiex jintlaħaq ftehim dwar id-definizzjoni tad-dejta, il-format tad-dejta u l-metadejta.

(12)

Diġà jeżistu diversi metodi ta' referenza dwar il-lokazzjoni dinamika fl-Unjoni u qed jiġu applikati fl-Istati Membri. L-użu ta' metodi ta' referenza dwar il-lokazzjoni differenti għandhom jibqgħu permessi. Madankollu, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu mħeġġa biex jikkooperaw bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar il-metodi permessi ta' referenza dwar il-lokazzjoni, jekk hemm bżonn permezz ta' korpi ta' standardizzazzjoni Ewropej.

(13)

L-aċċessibbiltà u l-aġġornament regolari tad-dejta statika dwar it-toroq milll-awtoritajiet u l-operaturi tat-toroq huma indispensabbli biex jippermettu l-produzzjoni ta' mapep diġitali aġġornati u preċiżi li huma element fundamentali għal applikazzjonijiet affidabbli tas-SIT. Il-produtturi tal-mapep diġitali jiġu mħeġġa biex jintegraw l-aġġornamenti tad-dejta statika dwar it-toroq fis-servizzi tal-mapep u fl-aġġornament tal-mapep eżistenti tagħhom fil-ħin. Sabiex ikunu konformi ma' politiki pubbliċi bħalma hija s-sikurezza fit-toroq, l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ikunu kapaċi jitolbu l-fornituri tas-servizzi u l-produtturi tal-mapep diġitali biex jikkoreġu l-ineżattezzi fid-dejta tagħhom.

(14)

L-aċċessibbiltà tad-dejta statika tat-toroq, id-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq u d-dejta dwar it-traffiku preċiżi u aġġornati hija essenzjali għall-forniment tas-servizzi ta' informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali fl-Unjoni kollha. Id-dejta rilevanti tinġabar u tinħażen mill-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq u l-fornituri tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali. Sabiex jiffaċilitaw l-iskambju u l-użu mill-ġdid ta' din id-dejta għall-forniment ta' tali servizzi, l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi u l-fornituri tas-servizzi ta' informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali għandhom jagħmlu d-dejta, il-metadejta korrispondenti u l-informazzjoni dwar il-kwalità tad-dejta aċċessibbli għal awtoritajiet oħra tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-fornituri tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali u għall-produtturi tal-mapep diġitali permezz ta' punt ta' aċċess nazzjonali jew komuni. Il-punt ta' aċċess jista' jieħu l-forma ta' repożitorju, reġistru, portal tal-web jew simili skont it-tip ta' dejta. L-Istati Membri għandhom jiġbru flimkien il-punti ta' aċċess pubbliċi u privati eżistenti f'punt uniku biex jippermettu l-aċċess għat-tipi ta' dejta rilevanti disponibbli li jaqgħu fl-ambitu ta' dawn l-ispeċifikazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jitħallew jikkooperaw ma' xulxin biex jiġi stabbilit punt ta' aċċess komuni li jkopri d-dejta disponibbli tal-Istati Membri parteċipanti. L-Istati Membri għandhom ikunu liberi li jiddeċiedu li jużaw il-punti ta' aċċess stabbiliti skont atti delegati oħra adottati skont id-Direttiva 2010/40/UE bħala punti ta' aċċess nazzjonali għad-dejta li jaqgħu fl-ambitu ta' dan ir-Regolament.

(15)

Sabiex l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-fornituri tas-servizzi u l-produtturi tal-mapep diġitali jkunu jistgħu jiskopru b'suċċess u b'mod kost-effiċjenti, u jużaw id-dejta rilevanti, huwa meħtieġ li l-kontenut u l-istruttura ta' din id-dejta jiġu deskritti b'mod ċar permezz tal-metadejta.

(16)

Dawn l-ispeċifikazzjonijiet ma għandhomx jobbligaw l-awtoritajiet tat-toroq jew l-operaturi tat-toroq u l-fornituri tas-servizz li jibdew jiġbru kwalunkwe dejta li mhumiex jiġbru diġà jew li jiddiġitaliizzaw kwalunkwe dejta li mhix diġà disponibbli f'format li tinqara minn magna. Ir-rekwiżiti speċifiċi dwar l-aġġornamenti tad-dejta statika tat-toroq, tad-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq u tad-dejta dwar it-traffiku għandhom japplikaw biss għad-dejta li attwalment tinġabar u hi disponibbli f'format li jinqara minn magna. Fl-istess ħin, l-Istati Membri għandhom jitħeġġu biex ifittxu modi kosteffettivi li huma adatti għall-ħtiġijiet tagħhom għad-diġitalizzazzjoni tad-dejta statika dwar it-toroq eżistenti.

(17)

Dawn l-ispeċifikazzjonijiet ma għandhomx jobbligaw l-awtoritajiet tat-toroq jew l-operaturi tat-toroq biex jiddefinixxu jew jimplimentaw il-pjani taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku u miżuri temporanji ta' ġestjoni tat-traffiku. Dawn ma għandhomx jobbligaw lill-fornituri tas-servizz li jikkondividu xi dejta minn tagħhom ma' fornituri oħra tas-servizz. Il-fornituri tas-servizz għandhom ikunu liberi li jikkonkludu ftehimiet kummerċjali bejniethom għall-użu mill-ġdid tad-dejta rilevanti.

(18)

L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati tas-STI għandhom jiġu mħeġġa biex jikkooperaw sabiex jinkiseb qbil dwar definizzjonijiet komuni tal-kwalità tad-dejta bil-ħsieb li jintużaw indikaturi komuni għall-kwalità tad-dejta fil-katina kollha tal-valur tad-dejta dwar it-traffiku, bħalma huma l-kompletezza, il-preċiżjoni u l-aġġornament tad-dejta, il-metodu tal-akkwiżizzjoni u l-metodu ta' referenza dwar il-lokazzjoni użati, kif ukoll il-verifiki tal-kwalità applikati. Huma għandhom ukoll jiġu mħeġġa biex ikomplu jaħdmu biex jistabbilixxu l-metodi tal-kejl tal-kwalità assoċjati u l-monitoraġġ tat-tipi differenti ta' dejta. L-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jaqsmu bejniethom l-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattiki tagħhom f'dan il-qasam.

(19)

Huwa rikonoxxut li l-użu tad-dejta dwar it-toroq u t-traffiku u tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali ġġenerati mill-fornituri privati tas-servizzi jistgħu jirrappreżentaw mod kosteffikaċi għall-awtoritajiet pubbliċi biex itejbu l-ġestjoni tat-traffiku kif ukoll il-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-infrastruttura. Madankollu, it-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-użu jew l-użu mill-ġdid ta' tali dejta u s-servizzi assoċjati għandhom jitħallew f'idejn il-partijiet ikkonċernati mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/98/KE.

(20)

Il-fornituri tas-servizzi privati jistgħu jużaw id-dejta statika dwar it-toroq, id-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq u d-dejta dwar it-traffiku miġbura mill-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq bħala dejta tal-input għas-servizzi ta' informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali tagħhom stess. It-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-użu mill-ġdid ta' tali dejta għandhom jitħallew f'idejn il-partijiet ikkonċernati mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/98/KE.

(21)

Sabiex jiġi żgurat li dawn l-ispeċifikazzjonijiet jiġu implimentati b'mod korrett, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti dwar l-aċċessibbiltà, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-aġġornament tad-dejta dwar it-toroq u t-traffiku mill-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-produtturi tal-mapep diġitali.u l-fornituri tas-servizzi. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu liberi li jistrieħu fuq dikjarazzjoni bbażata fuq l-evidenza ta' konformità sottomessa mill-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-produtturi tal-mapep diġitali u l-fornituri tas-servizzi.

(22)

Dawn l-ispeċifikazzjonijiet ma jillimitawx il-libertà tal-espressjoni tax-xandara tar-radju sakemm ma jobbligawhomx biex jieħdu xi pożizzjoni speċifika fir-rigward tal-informazzjoni li trid tinxtered, u jitħalla biżżejjed spazju għall-Istati Membri li jqisu t-tradizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni tax-xandara tar-radju.

(23)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u ta opinjoni fis-17 ta' Ġunju 2015,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà, l-iskambju, l-użu mill-ġdid u l-aġġornament tad-dejta dwar it-toroq u t-traffiku mill-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq u l-fornituri tas-servizz għall-forniment tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali fl-UE kollha.

Din tapplika għan-netwerk tat-toroq trans-Ewropew komprensiv kif ukoll għal awtostradi li mhumiex inklużi f'dan in-netwerk u għal żoni ta' prijorità identifikati mill-awtoritajiet nazzjonali fejn iqisu li dan huwa rilevanti.

Din tapplika skont skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2010/40/UE.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2010/40/UE.

Għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“netwerk tat-toroq trans-Ewropew ewlieni” tfisser l-infrastruttura tat-trasport bit-triq li hija parti min-netwerk ewlieni kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013;

(2)

“netwerk tat-toroq trans-Ewropew komprensiv” tfisser l-infrastruttura tat-trasport bit-triq li hija parti min-netwerk ewlieni kif definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(3)

“awtostrada” tfisser triq li hija nominata bħala tali mill-Istat Membru fejn tinsab;

(4)

“żoni ta' prijorità” tfisser partijiet ta' toroq identifikati mill-awtoritajiet nazzjonali fejn iqisu li dawn huma rilevanti, b'mod partikolari f'żoni urbani, li mhumiex parti min-netwerk tat-toroq trans-Ewropew komprensiv u mhumiex awtostradi, bbażati fuq il-livelli ta' konġestjoni tat-traffiku rikorrenti jew kunsiderazzjonijiet oħrajn tal-ġestjoni tat-traffiku;

(5)

“l-aċċessibbiltà tad-dejta” tfisser il-possibbiltà li tintalab u tinkiseb id-dejta fi kwalunkwe ħin f'format li jista' jinqara minn magna;

(6)

“dejta statika dwar it-toroq” tfisser dejta dwar it-toroq li ma tinbidilx ta' spiss jew fuq bażi regolari, kif elenkat fil-punt 1 tal-Anness;

(7)

“dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq” tfisser dejta dwar it-toroq li tinbidel ta' spiss jew fuq bażi regolari u tiddeskrivi l-istat tat-toroq, kif elenkat fil-punt 2 tal-Anness;

(8)

“dejta dwar it-traffiku” tfisser dejta dwar il-karatteristiċi tat-traffiku fit-toroq, kif elenkat fil-punt 3 tal-Anness;

(9)

“aġġornament tad-dejta” tfisser kwalunkwe modifika ta' dejta eżistenti, inkluż it-tħassir tagħha jew iż-żieda ta' elementi ġodda jew addizzjonali;

(10)

“informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali” tfisser informazzjoni li ġejja minn kwalunkwe dejta statika dwar it-toroq, dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq, dejta dwar it-traffiku, jew taħlita tagħhom, provduta minn xi awtoritajiet tat-toroq, operaturi tat-toroq jew fornituri tas-servizzi, għall-utenti u l-utenti finali, permezz ta' kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni;

(11)

“servizz ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali” tfisser servizz tas-STI li jipprovdi mill-ewwel lill-utenti, u l-utenti finali, informazzjoni f'ħin reali dwar it-traffiku;

(12)

“awtorità tat-toroq” tfisser kwalunkwe awtorità pubblika responsabbli għall-ippjanar, il-kontroll jew il-ġestjoni tat-toroq li jaqgħu taħt il-kompetenza territorjali tagħha;

(13)

“operatur tat-toroq” tfisser kwalunkwe entità pubblika jew privata li hija responsabbli għall-manutenzjoni u l-ġestjoni tat-toroq;

(14)

“fornitur tas-servizzi” tfisser kwalunkwe persuna pubblika jew fornitur privat tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali, minbarra s-sempliċi trażmissjoni tal-informazzjoni, lill-utenti u l-utenti finali;

(15)

“utent” tfisser kwalunkwe awtoritajiet tat-toroq, operaturi tat-toroq, fornituri tas-servizz, u produtturi tal-mapep diġitali;

(16)

“utent aħħari” tfisser kwalunkwe utent, persuna naturali jew legali, li jkollu aċċess għas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali;

(17)

“punt ta' aċċess” tfisser interfaċċa diġitali fejn id-dejta statika dwar it-toroq, id-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq u d-dejta dwar it-traffiku, flimkien mal-metadejta korrispondenti jsiru aċċessibbli għall-użu mill-ġdid tal-utenti, jew fejn is-sorsi u l-metadejta ta' din id-dejta jkunu aċċessibbli għall-użu mill-ġdid tal-utenti;

(18)

“metadejta” tfisser deskrizzjoni strutturata tal-kontenut tad-dejta li tiffaċilita s-sejbien u l-użu ta' din id-dejta;

(19)

“servizzi ta' sejbien” tfisser servizzi li jippermettu t-tiftix tal-informazzjoni mitluba bl-użu tal-kontenut tal-metadejta korrispondenti u li juru tali kontenut;

(20)

“miżuri temporanji ta' ġestjoni tat-traffiku” tfisser miżuri temporanji maħsuba biex isolvu tfixkil tat-traffiku partikolari u pereżempju, mfassla biex jikkontrollaw u jiggwidaw il-flussi tat-traffiku;

(21)

“pjanijiet ta' ċirkolazzjoni tat-traffiku” tfisser miżuri permanenti ta' ġestjoni tat-traffiku li tfasslu mill-kontrolluri tat-traffiku biex jikkontrollaw u jiggwidaw il-flussi tat-traffiku b'rispons għal disturbi tat-traffiku permanenti jew rikorrenti.

Artikolu 3

Punti ta' aċċess nazzjonali

1.   Kull Stat Membru jistabbilixxi punt ta' aċċess nazzjonali. Il-punt ta' aċċess nazzjonali jikkostitwixxi punt uniku ta' aċċess għall-utenti għad-dejta dwar it-toroq u t-traffiku, inklużi l-aġġornamenti tad-dejta, provduti mill-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq u l-fornituri tas-servizz u li jikkonċernaw it-territorju ta' Stat Membru partikolari.

2.   Il-punti ta' aċċess nazzjonali eżistenti li ġew stabbiliti biex jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin minn atti delegati adottati skont id-Direttiva 2010/40/UE jistgħu jintużaw, jekk jitqiesu xierqa mill-Istati Membri, bħala punti ta' aċċess nazzjonali.

3.   Il-punti ta' aċċess nazzjonali għandhom jipprovdu servizzi ta' sejbien xierqa għall-utenti.

4.   L-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq, f'kooperazzjoni mal-produtturi tal-mapep diġitali u l-fornituri tas-servizzi, jiżguraw li jipprovdu l-metadejta xierqa sabiex jippermettu li l-utenti jiskopru u jużaw is-settijiet tad-dejta li jingħata aċċess għalihom permezz tal-punti ta' aċċess nazzjonali.

5.   Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jistabbilixxu punt ta' aċċess komuni.

Artikolu 4

L-aċċessibbiltà, l-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-dejta statika dwar it-toroq

1.   Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali kompatibbli, interoperabbli u kontinwi mal-Unjoni kollha, l-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq jipprovdu d-dejta statika dwar it-toroq li jiġbru u jaġġornaw, skont l-Artikolu 8 f'format standardizzat, jekk disponibbli, jew fi kwalunkwe format li jinqara minn magna.

2.   Id-dejta msemmija fil-paragrafu 1 u l-metadejta korrispondenti li tinkludi l-informazzjoni dwar il-kwalità tagħha tkun aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid minn kwalunkwe produttur tal-mapep diġitali jew il-fornitur tas-servizzi fi ħdan l-Unjoni:

(a)

fuq bażi mhux diskriminatorja;

(b)

f'perjodu ta' żmien li jiżgura l-forniment f'waqtu tas-servizz ta' informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali;

(c)

permezz ta' punt ta' aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3;

(d)

L-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-produtturi tal-mapep diġitali u l-fornituri tas-servizzi li jużaw id-dejta statika dwar it-toroq imsemmija fil-paragrafu 1 jikkollaboraw sabiex jiżguraw li kwalunkwe ineżattezzi marbuta mad-dejta statika dwar it-toroq jiġu rapportati mingħajr dewmien mill-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq li minnhom tkun ġejja d-dejta.

3.   Meta l-fornituri tas-servizz jużaw id-dejta statika dwar it-toroq imsemmija fil-paragrafu 1 provduta mill-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq, huma jqisu, kemm jista' jkun, kwalunkwe pjanijiet għaċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku żviluppati mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 5

L-aċċessibbiltà, l-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq

1.   Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku kompatibbli, interoperabbli u kontinwi f'ħin reali fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq jipprovdu d-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq li jiġbru u jaġġornaw, skont l-Artikolu 9 fil-format tad-DATEX II (CEN/TS 16157 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara) jew kwalunkwe format li jinqara minn magna li huwa kompatibbli u interoperabbli kompletament mad-DATEX II.

2.   Id-dejta msemmija fil-paragrafu 1 u l-metadejta korrispondenti li tinkludi l-informazzjoni dwar il-kwalità tagħha għandha tkun aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid minn kull fornitur tas-servizz fi ħdan l-Unjoni:

(a)

fuq bażi mhux diskriminatorja;

(b)

f'perjodu ta' żmien li jiżgura l-forniment f'waqtu tas-servizz ta' informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali;

(c)

permezz ta' punt ta' aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3;

3.   Meta l-fornituri tas-servizzi jużaw id-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq imsemmija fil-paragrafu 1 provduta mill-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq, jikkunsidraw, sa fejn huwa possibbli, xi miżuri temporanji tal-ġestjoni tat-traffiku meħuda mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 6

L-aċċessibbiltà, l-iskambju u l-użu mill-ġdid tad-dejta dwar it-traffiku

1.   Bil-għan li jiġi ffaċilitat il-forniment tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku kompatibbli, interoperabbli u kontinwi f'ħin reali fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq jipprovdu d-dejta dwar it-traffiku li jiġbru u jaġġornaw skont l-Artikolu 10 fil-format tad-DATEX II (CEN/TS 16157 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara) jew kwalunkwe format li jinqara minn magna li huwa kompletament kompatibbli u interoperabbli mad-DATEX II.

2.   Id-dejta msemmija fil-paragrafu 1 u l-metadejta korrispondenti li tinkludi informazzjoni dwar il-kwalità tagħha tkun aċċessibbli għall-iskambju u l-użu mill-ġdid minn kwalunkwe fornitur tas-servizz fi ħdan l-Unjoni:

(a)

fuq bażi mhux diskriminatorja;

(b)

f'perjodu ta' żmien li jiżgura l-forniment f'waqtu tas-servizz ta' informazzjoni tat-traffiku f'ħin reali;

(c)

permezz ta' punt ta' aċċess nazzjonali jew komuni msemmi fl-Artikolu 3;

3.   Bil-għan li tiġi ottimizzata l-ġestjoni tat-traffiku, l-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-trasport jistgħu jitolbu lill-fornituri tas-servizzi biex jipprovdu dejta dwar it-traffiku li jiġbru u jaġġornaw skont l-Artikolu 10. Tali dejta għandha tiġi propvduta fil-format tad-DATEX II (CEN/TS 16157 u l-verżjonijiet aġġornati li jiġu wara) jew kwalunkwe format li jinqara mill-magna li huwa kompatibbli u interoperabbli kompletament mad-DATEX II, permezz ta' punt ta' aċċess imsemmi fl-Artikolu 3 u akkumpanjat mill-metadejta korrispondenti li tinkludi l-informazzjoni dwar il-kwalità tagħha.

Artikolu 7

L-aġġornamenti tad-dejta

Is-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali jkunu bbażati fuq aġġornament tad-dejta statika dwar it-toroq, id-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq u d-dejta dwar it-traffiku, jew kull taħlita tagħhom. Id-dejta kollha tiġi aġġornata b'mod regolari mill-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, u l-fornituri tas-servizzi, f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 8 sa 10. L-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-fornituri tas-servizzi jikkoreġu fil-ħin xi ineżattezzi misjuba minnhom fid-dejta tagħhom jew li nġibditilhom l-attenzjoni għalihom mill-utenti finali, jew minn kwalunkwe utent ieħor.

Artikolu 8

L-aġġornament tad-dejta statika dwar it-toroq

1.   L-aġġornamenti tad-dejta statika dwar it-toroq jikkonċernaw ta' mill-inqas dawn il-parametri li ġejjin:

(a)

it-tip ta' dejta statika dwar it-toroq kif stabbilit fil-punt 1 tal-Anness ikkonċernat mill-aġġornament;

(b)

il-lokazzjoni tal-kundizzjoni milquta mill-aġġornament;

(c)

it-tip ta' aġġornament (modifika, inserzjoni jew tħassir);

(d)

id-deskrizzjoni tal-aġġornament;

(e)

id-data meta d-dejta ġiet aġġornata;

(f)

id-data u l-ħin meta l-bidla f'kundizzjoni partikolari tkun seħħet jew hija ppjanata li sseħħ;

(g)

il-kwalità tal-aġġornament tad-dejta.

Il-lok tal-kundizzjoni kkonċernat mill-aġġornament ikun determinat billi jintuża metodu standardizzat jew kwalunkwe metodu ieħor ta' refenzjar dinamiku ta' lokazzjoni ġeneralment aċċettat li jippermetti d-dekodifika u l-interpretazzjoni tal-lok mingħajr ambigwità.

2.   L-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq jiżguraw l-aġġornament fil-ħin tad-dejta statika dwar it-toroq u, meta jkun magħruf u possibbli, jipprovdu dawn l-aġġornamenti lill-utenti bil-quddiem.

3.   Meta l-produtturi tal-mapep diġitali u l-fornituri tas-servizzi jużaw l-aġġornamenti tad-dejta statika dwar it-toroq, huma jiżguraw li dawn l-aġġornamenti jiġu pproċessati fil-ħin sabiex l-informazzjoni ssir aċċessibbli għal utenti finali mingħajr dewmien

Artikolu 9

L-aġġornament tad-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq

1.   L-aġġornamenti tad-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq jikkonċernaw ta' mill-inqas dawn il-parametri li ġejjin:

(a)

it-tip ta' dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq kif stabbilit fil-punt 2 tal-Anness ikkonċernat mill-aġġornament u, fejn jixraq, deskrizzjoni qasira tiegħu;

(b)

il-lok tal-avveniment jew il-kundizzjoni kkonċernata mill-aġġornament;

(c)

il-perjodu tal-okkorrenza tal-avveniment jew il-kundizzjoni kkonċernata mill-aġġornament;

(d)

il-kwalità tal-aġġornament tad-dejta aġġornata.

Il-lok tal-avveniment jew il-kundizzjoni kkonċernata mill-aġġornament ikunu determinati billi jintuża metodu standardizzat jew kwalunkwe metodu ieħor ta' refenzjar dinamiku ta' lokazzjoni ġeneralment aċċettat li jippermetti d-dekodifika u l-interpretazzjoni tal-lok mingħajr ambigwità.

2.   L-awtoritajiet tat-toroq u l-operaturi tat-toroq jiżguraw l-aġġornament fil-ħin tad-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq u, fejn ikun magħruf u possibbli, jipprovdu dawn l-aġġornamenti minn qabel.

3.   L-informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali tkun modifikata b'mod xieraq jew tiġi rtirata mill-aktar fis possibbli wara li l-istat tad-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq ikkonċernata tinbidel.

4.   Meta l-fornituri tas-servizzi jużaw aġġornamenti tad-dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq, huma jiżguraw li dawn jiġu pproċessati fil-ħin sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli għall-utenti finali mingħajr dewmien.

Artikolu 10

Aġġornament tad-dejta tat-traffiku

1.   L-aġġornamenti tad-dejta dwar it-traffiku jinkludu ta' mill-inqas dawn il-parametri li ġejjin:

(a)

it-tip ta' dejta dwar it-traffiku kif stabbilit fil-punt 3 tal-Anness ikkonċernat mill-aġġornament u, fejn hu xieraq, deskrizzjoni qasira tiegħu;

(b)

il-lok tal-avveniment jew il-kundizzjoni kkonċeranata mill-aġġornament;

(c)

il-kwalità tal-aġġornament tad-dejta aġġornata.

Il-lok tal-avveniment jew il-kundizzjoni kkonċernata mill-aġġornament ikunu determinati billi jintuża metodu standardizzat jew kwalunkwe metodu ieħor ta' refenzjar dinamiku ta' lokazzjoni ġeneralment aċċettat li jippermetti d-dekodifika u l-interpretazzjoni tal-lok mingħajr ambigwità.

2.   L-informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali tiġi modifikata kif xieraq jew irtirata mill-operaturi tat-toroq u l-fornituri tas-servizzi kemm jista' jkun malajr wara li l-istat tad-dejta dwar it-traffiku konċernata jkun inbidel.

3.   Meta l-fornituri tas-servizzi jużaw aġġornamenti tad-dejta dwar it-traffiku, huma jiżguraw li dawn jiġu pproċessati fil-ħin sabiex l-informazzjoni tkun aċċessibbli għall-utenti finali mingħajr dewmien.

Artikolu 11

Valutazzjoni tal-konformità

1.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-produtturi tal-mapep diġitali u l-fornituri tas-servizzi kkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10 skont il-paragrafi 2 sa 3.

2.   Sabiex jipproċedu għall-istima, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jitolbu mingħand l-awtoritajiet tat-toroq, l-operaturi tat-toroq, il-produtturi tal-mapep diġitali u l-fornituri tas-servizzi d-dokumenti li ġejjin:

(a)

deskrizzjoni tad-dejta dwar it-toroq u t-traffiku, il-mapep diġitali jew is-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali li jipprovdu, kif ukoll l-informazzjoni dwar il-kwalità tagħhom u l-kundizzjonijiet ta' użu mill-ġdid ta' din id-dejta;

(b)

dikjarazzjoni bażata fuq l-evidenza ta' konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10.

3.   L-Istati Membri għandhom, b'mod każwali, jeżaminaw il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet imsemmija fil-punt b) tal-paragrafu 2.

Artikolu 12

Rappurtar

1.   Sa mhux aktar tard mit-13 ta' Lulju 2017, l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport dwar il-miżuri li ttieħdu, jekk ikun hemm, biex jiġi stabbilit il-punt ta' aċċess nazzjonali u dwar il-modalitajiet tal-funzjonament tiegħu, u fejn rilevanti, il-lista ta' awtostradi li mhumiex inklużi fin-netwerk trans-Ewropew tat-toroq u ż-żoni ta' prijorità identifikati.

2.   Sa mhux aktar tard mit-13 ta' Lulju 2018 u kull sentejn kalendarji minn hemm 'il quddiem, l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni b'rapport li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-progress li sar f'termini ta' aċċessibilità, skambju u użu mill-ġdid tat-tipi ta' dejta dwar it-toroq u t-traffiku elenkati fl-Anness;

(b)

l-ambitu ġeografiku u l-kontenut tad-dejta dwar it-toroq u t-traffiku tas-servizzi ta' informazzjoni dwar it-traffiku f'ħin reali u l-kwalità tagħhom, inklużi l-kriterji li jiddefinixxu din il-kwalità u l-mezzi użati għall-monitoraġġ tagħha;

(c)

ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 11 bir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 10;

(d)

fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-bidliet fil-punt nazzjonali jew il-punt komuni ta' aċċess.

(e)

fejn rilevanti, deskrizzjoni tal-bidliet taż-żoni ta' prijorità.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mit-13 ta' Lulju 2017.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-18 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 885/2013 tal-15 ta' Mejju 2013 li jissuplimenta d-Direttiva ITS 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment ta' servizzi ta' informazzjoni għal postijiet tal-parkeġġ sikuri u siguri għat-trakkijiet u l-vetturi kummerċjali (ĠU L 247, 18.9.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 886/2013 tal-15 ta' Mejju 2013 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-dejta u l-proċeduri għall-forniment, fejn possibbli, ta' informazzjoni minima universali dwar it-traffiku stradali marbuta mas-sikurezza b'xejn lill-utenti (ĠU L 247, 18.9.2013, p. 6).

(4)  Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta' informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 345, 31.12.2003, p. 90).

(5)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1089/2010 tat-23 ta' Novembru 2010 li jimplimenta d-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-interoperabbiltà tas-settijiet ta' dejta u servizzi ġeografiċi (ĠU L 323, 8.12.2010, p. 11).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 l-linji gwida għall-iżvilupp ta' netwerk ta' trasport trans-Ewropew li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).

(8)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta(ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

(9)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-dejta personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-dejta (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).


ANNESS

KATEGORIJI TAD-DEJTA

(kif imsemmija fl-Artikoli 2, 8, 9, 10 u 12)

1.

It-tipi ta' dejta statitika dwar it-toroq jinkludu b'mod partikolari:

(a)

links tan-netwerk tat-toroq u l-attributi fiżiċi tagħhom, bħal:

(i)

ġeometrija;

(ii)

wisa' tat-triq;

(iii)

għadd ta' korsiji;

(iv)

inklinazzjonijiet;

(v)

ġunzjonijiet;

(b)

klassifika tat-toroq;

(c)

sinjali tat-traffiku li jirriflettu r-regolamenti tat-traffiku u li jidentifikaw il-perikli, bħal:

(i)

kundizzjonijiet tal-aċċess għall-mini;

(ii)

kundizzjonijiet tal-aċċess għall-pontijiet;

(iii)

restrizzjonijiet ta' aċċess permanenti;

(iv)

regolamenti oħra tat-traffiku;

(d)

limiti tal-veloċità;

(e)

pjanijiet taċ-ċirkolazzjoni tat-traffiku;

(f)

regolamenti dwar il-kunsinna tal-merkanzija;

(g)

lok tal-istazzjonijiet ta' pedaġġ;

(h)

identifikazzjoni ta' toroq b'pedaġġ, applikabbli għal ħlasijiet fissi mill-utent u l-metodi ta' ħlasijiet disponibbli;

(i)

lok ta' postijiet ta' parkeġġ u żoni ta' servizz;

(j)

lok ta' punti għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom;

(k)

lok ta' stazzjonijiet ta' gass naturali kompressat, gass naturali likwifikat, gass tal-pitrolju likwifikat;

(l)

lok ta' waqfien tat-trasport pubbliku u punti ta' skambju;

(m)

lok ta' żoni ta' kunsinna.

2.

It-tipi ta' dejta dinamika dwar l-istat tat-toroq jinkludu b'mod partikolari:

(a)

toroq magħluqa;

(b)

korsiji magħluqa;

(c)

pontijiet magħluqa;

(d)

projbizzjonijiet għas-sorpass fuq vetturi tqal tal-merkanzija;

(e)

xogħlijiet fit-triq;

(f)

aċċidenti u inċidenti;

(g)

limiti tal-veloċità dinamiaċi

(h)

direzzjoni ta' vjaġġ fuq korsiji riversibbli;

(i)

kundizzjonijiet ħżiena fit-toroq;

(j)

miżuri ta' ġestjoni tat-traffiku temporanji;

(k)

imposti varjabbli għall-utenti tat-toroq u l-metodi ta' pagament disponibbli;

(l)

disponibbiltà tal-postijiet tal-parkeġġ;

(m)

disponibbiltà ta' żoni ta' kunsinna;

(n)

spiża tal-parkeġġ;

(o)

disponibbiltà ta' punti għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi;

(p)

kundizzjonijiet tat-temp li jaffettwaw il-wiċċ tat-triq u l-viżibilità.

M'hemmx bżonn li dik id-dejta tiġi inkluża fl-aġġornamenti ta' mapep diġitali peress li ma jitqiesux bħala bidliet ta' natura permanenti.

3.

It-tipi ta' dejta dwar it-toroq jinkludu b'mod partikolari:

(a)

volum tat-traffiku;

(b)

veloċità;

(c)

lok u t-tul ta' kjuwijiet tat-traffiku;

(d)

ħinijiet tat-trasport;

(e)

ħin ta' stennija fil-punti ta' qsim tal-fruntieri lejn Stati Membri li ma jkunux membri tal-UE.


Top