EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2414

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2414 tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-pubblikazzjoni b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard EN 521:2006 “Speċifikazzjonijiet għal tagħmir għal applikazzjonijiet ta' gass minn żejt apposta mhux raffinat likwefatt — Applikazzjonijiet li jistgħu jinġarru li jaħdmu bi pressjoni ta' fwar ta' gass minn żejt mhux raffinat likwefatt” skont id-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2015) 9145) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 333, 19.12.2015, p. 120–123 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2414/oj

19.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/120


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2414

tas-17 ta' Diċembru 2015

dwar il-pubblikazzjoni b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard EN 521:2006 “Speċifikazzjonijiet għal tagħmir għal applikazzjonijiet ta' gass minn żejt apposta mhux raffinat likwefatt — Applikazzjonijiet li jistgħu jinġarru li jaħdmu bi pressjoni ta' fwar ta' gass minn żejt mhux raffinat likwefatt” skont id-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2015) 9145)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 rigward tagħmir li juża l-gass (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2009/142/KE tippovdi illi t-tagħmir tal-gass jista' jitqiegħed fis-suq u jibda jopera biss jekk, meta jintuża b'mod normali, ma jikkompromettix is-sigurtà ta' persuni, annimali domestiċi u proprjetà.

(2)

It-tagħmir għandu jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali stipulati fl-Anness I tad-Direttiva 2009/142/KE. Dawn jitqiesu li jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti, jekk jikkonformaw mal-istandards nazzjonali applikabbli għalihom li jimplimentaw l-istandards armonizzati, li n-numri ta' referenza tagħhom ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Fit-28 ta' Diċembru 2005, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) adotta l-istandard armonizzat EN 521:2006 “Speċifikazzjonijiet għal tagħmir għal applikazzjonijiet ta' gass minn żejt apposta mhux raffinat likwefatt — Applikazzjonijiet li jistgħu jinġarru li jaħdmu bi pressjoni ta' fwar ta' gass minn żejt mhux raffinat likwefatt”. In-numru ta' referenza tal-istandard ġie ppubblikat sussegwentement f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3).

(4)

Fit-30 ta' Ġunju 2014, in-Netherlands nedew oġġezzjoni formali skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2009/142/KE fir-rigward tal-istandard armonizzat EN 521:2006. L-oġġezzjoni formali kienet bbażata fuq il-valutazzjoni li l-istandard ma jissodisfax għal kollox ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2009/142/KE.

(5)

Skont in-Netherlands, wara sensiela ta' aċċidenti li jinvolvu l-kukers tal-gass ċatti portabbli (disinn orizzontali) u s-sorveljanza sussegwenti tas-suq tal-prodotti kkonċernati, jidher li dawk il-prodotti, meta jintużaw b'mod normali, jippreżentaw riskju għall-utenti. B'mod aktar partikolari, meta ntużaw il-kukers tal-gass ċatti bi grilja jew dixx b'dijametru ta' aktar minn 180 mm, it-temperatura tal-iskartoċċ tal-gass kienet ħafna ogħla mill-50 °C previsti mill-istandard EN 521:2006, b'riskju ta' nar jew splużjoni tal-iskartoċċ. In-Netherlands nnutaw li t-testijiet stipulati f'EN 521: 2006 ma jkoprux b'mod adegwat ir-riskji ta' kukers portabbli bħal dawn jew ta' tagħmir tal-gass simili billi tagħmir bħal dan mhuwiex sikur meta jintuża ma' dixxijiet kbar u li għalhekk l-istandard EN 521:2006 ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tal-punti 1.1 u 3.1.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/142/KE.

(6)

Il-kukers tal-gass ċatti portabbli huwa tagħmir li juża l-gass għat-tisjir u huma koperti mid-Direttiva 2009/142/KE. Huma jirrappreżentaw, flimkien mal-kukers vertikali tal-gass, iż-żewġ tipi bażiċi ta' disinn ta' kukers portabbli tal-gass direttament konnessi mal-iskrataċ tal-gass. Għall-kuntrarju tal-kukers tal-gass vertikali, li jikkonsistu f'assemblaġġ ta' berners immuntat fuq in-naħa ta' fuq ta' skartoċċ tal-gass jew ta' kompartiment ta' tali skartoċċ, il-kukers tal-gass ċatti jikkonsistu f'assemblaġġ ta' berners immuntati fuq kaxxa orizzontali li fiha kumpartiment integrat għall-iskartoċċ tal-gass ħdejn il-berner. Il-kukers tal-gass ċatti portabbli jidhru li jirrappreżentaw parti dejjem tikber fis-suq tal-kukers portabbli tal-gass li huma prodotti għall-konsumatur u l-aktar li jintużaw għal attivitajiet ta' divertiment tal-familji.

(7)

Skont id-Direttiva 2009/142/KE, it-tagħmir irid jiġi ddisinjat u mibni b'tali mod li jopera b'mod sikur u ma jippreżenta ebda periklu meta jintuża b'mod normali. Barra minn hekk, ma għandu jkun hemm ebda instabbilità, tgħawwiġ, ksur jew tkagħbir li aktarx li jxekkel is-sikurezza tiegħu. Fl-aħħar nett partijiet ta' tagħmir li huma maħsuba biex jitqiegħdu qrib l-art jew xi wċuh oħra ma jridux jilħqu temperaturi li jkunu ta' periklu fiż-żona tal-madwar.

(8)

L-istandard EN 521:2006 ikopri varjetà kbira ta' tagħmir li jinġarr li jaħraq gassijiet tal-petroleum likwefatti bi pressjoni tal-fwar u mfassal biex jintuża ma' skrataċ li ma jistgħux jerġgħu jimtlew, bħala tagħmir tat-tisjir, tad-dawl u li jsaħħan. Eżempji ta' tagħmir tat-tisjir koperti mill-istandard huma hotplates, grills u xi tipi ta' barbikjus bl-eċċezzjoni ta' barbikjus li jistgħu jintużaw fuq ġewwa. L-istandard EN 521:2006 fih klawżoli dettaljati u disinji dwar l-ispeċifikazzjonijiet ta' kostruzzjoni u rendiment marbuta mas-sikurezza u l-użu razzjonali tal-enerġija ta' tagħmir portabbli kopert mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, inklużi metodi ta' ttestjar u rekwiżiti ta' informazzjoni.

(9)

L-istandard EN 521:2006 jipprovdi f'diversi klawżoli li t-testijiet biex jiġu vverifikati l-istabbiltà, it-temperatura, eċċ., iridu jsiru b'kontenitur b'dijametru ta' 180 mm, għalkemm fit-Tabella A.1 (Karatteristiċi ta' dixxijiet meħtieġa għall-ittestjar) tal-Anness A tiegħu, huwa jirreferi għal dimensjonijiet ta' dixx minn 120 mm sa 340 mm. Barra minn hekk, l-istruzzjonijiet u l-avviżi ta' twissija li jridu jiġu pprovduti mat-tagħmir ma fihom l-ebda indikazzjoni li tiġbed l-attenzjoni tal-utent lejn il-fatt li jistgħu jintużaw biss dixxijiet b'dijametru massimu ta' 180 mm.

(10)

L-istandard EN 521:2006 normalment jintuża bħala standard ta' referenza biex tiġi verifikata l-konformità tal-kukers tal-gass ċatti portabbli mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2009/142/KE. Madankollu, l-istandard EN 521:2006 ma fih ebda klawżola li tirriferixxi għar-riskji marbuta mal-użu ta' dixxijiet b'dijametru akbar minn 180 mm għal kukers tal-gass ċatti. Ma jipprovdix għal ebda twissija lill-utenti kontra l-użu ta' dixxijiet akbar. Barra minn hekk, ma fih l-ebda rekwiżit ta' disinn (speċifikazzjoni teknika) li jkun fattibbli meta wieħed iqis l-istat l-aktar avvanzat tat-tagħmir, biex b'hekk ma jibqax prattiku l-użu ta' dixxijiet akbar minn dawk li jiggarantixxu s-sikurezza waqt l-użu. Għaldaqstant, il-kukers tal-gass ċatti portabbli fis-suq ma jintegrawx fihom soluzzjoni ta' disinn biex jiġu evitati r-riskji mill-użu ta' dixxijiet akbar minn 180 mm u ma fihom ebda twissija jew informazzjoni ta' ebda tip. Madankollu, għal dik li hija temperatura, l-iskrataċ tal-gass tal-kukers tal-gass ċatti huma aktar sensittivi għall-użu ta' dixxijiet kbar mill-iskrataċ tal-gass tal-kukers tal-gass vertikali li dwarhom ma ġew irrappurtati ebda aċċidenti jew affarijiet oħra.

(11)

Fin-nuqqas ta' kwalunkwe twissija jew speċifikazzjoni ta' disinn li jillimitaw il-possibbiltà li jintużaw dixxijiet akbar minn 180 mm f'kukers tal-gass ċatti portabbli, huwa raġonevoli li wieħed jistenna li meta jippreparaw l-ikel għall-familji tagħhom il-konsumaturi jużuaw dixxijiet akbar. L-aġir tagħhom għandu jitqies bħala raġonevolment prevedibbli u għalhekk bħala “użu normali” fit-tifsira tad-Direttiva 2009/142/KE. Xi manifatturi, fuq inizjattiva tagħhom stess, diġà jieħdu in konsiderazzjoni dan l-aġir u jehmżu mat-tagħmir twissija għall-utent kontra l-użu ta' dixxijiet akbar minn 180 mm.

(12)

Jidher mill-kontenut tal-istandard EN 521: 2006 li huwa ma jiħux in konsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-kukers tal-gass ċatti portabbli. Fih biss disinji u testijiet li jikkonċernaw kukers tal-gass vertikali. Dan jirrifletti s-sitwazzjoni fiż-żmien li tfassal, peress li dan it-tip ta' kukers tal-gass portabbli ma kienx għadu ġie introdott fis-suq. Jirriżulta għalhekk, li l-EN 521:2006 għandu l-għan li jkopri l-kukers tal-gass vertikali biss u mhux id-disinji ċatti li huma milquta mill-oġġezzjoni formali mnedija min-Netherlands. Madankollu, dan mhux rifless la fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu u lanqas f'ebda waħda mill-klawżoli tiegħu. Dan joħloq ir-riskju ta' konfużjoni fost il-manifatturi, il-korpi notifikati u partijiet kkonċernati oħra rigward il-kamp ta' applikazzjoni ta' EN 521:2006.

(13)

Fuq il-bażi tal-EN 521: 2006 kif ukoll mit-tagħrif sottomess min-Netherlands u l-Istati Membri l-oħra, mis-CEN u mill-industrija, u wara li kkonsultat il-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tagħmir tal-Gass, hemm qbil wiesa' li, fin-nuqqas ta' kwalunkwe dispożizzjoni f'EN 521: 2006, li tindirizza l-ispeċifiċitajiet tal-kukers tal-gass ċatti portabbli u r-riskji relatati, l-istandard ma jissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2009/142/KE fir-rigward ta' dan it-tip ta' tagħmir. Il-manifatturi tal-kukers tal-gass ċatti portabbli għandhom għalhekk jiżguraw li t-tagħmir tagħhom ikun konformi mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2009/142/KE b'mezzi oħra, suġġett għal verifika matul il-valutazzjoni tal-konformità. Iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip KE għal tali tagħmir li jkunu diġà nħarġu abbażi ta' preżunzjoni ta' konformità mad-Direttiva 2009/142/KE għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid sabiex jiġi vverifikat jekk it-tagħmir inkwistjoni jikkonformax mar-rekwiżiti essenzjali ta' din id-Direttiva.

(14)

In-numru ta' referenza EN 521: 2006 għandu jkompli jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, peress li ma tqajmu l-ebda kwistonijiet li jikkonċernaw il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2009/142/KE fir-rigward tat-tagħmir kopert mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha. Madankollu, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tal-firxa tal-kamp ta' applikazzjoni ta' EN 521: 2006 u għalhekk l-firxa tal-preżunzjoni tal-konformità, il-pubblikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn twissija li tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-EN 521: 2006 ma jkoprix kukers tal-gass ċatti portabbli.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Ir-referenza tal-istandard armonizzat EN 521:2006 “Speċifikazzjonijiet għal tagħmir għal applikazzjonijiet ta' gass minn żejt apposta mhux raffinat likwefatt — Applikazzjonijiet li jistgħu jinġarru li jaħdmu bi pressjoni ta' fwar ta' gass minn żejt mhux raffinat likwefatt” m'għandhiex tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Il-pubblikazzjoni tan-numru ta' referenza ta' EN 521:2006 f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandha tkun akkumpanjata minn twissija kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Elzbieta BIEŃKOWSKA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 330, 16.12.2009, p. 10.

(2)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(3)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2009/142/KE rigward tagħmir li juża l-gass (verżjoni kodifikata) (ĠU C 349, 22.12.2010, p. 6).


ANNESS

Pubblikazzjoni ta' titli u referenzi ta' standards armonizzati skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni

ESO (1)

Referenza u titlu tal-istandard armonizzat

(u d-dokument ta' referenza)

Referenza tal-istandard sostitwit

Id-data tat-tmiem tal-preżunzjoni tal-konformità tal-istandard sostitwit

Nota 1

CEN

EN 521: 2006 Speċifikazzjonijiet għal tagħmir għal applikazzjonijiet ta' gass minn żejt apposta mhux raffinat likwefatt — Applikazzjonijiet li jistgħu jinġarru li jaħdmu bi pressjoni ta' fwar ta' gass minn żejt mhux raffinat likwefatt

EN 521:1998

Nota 2.1

Data ta' skadenza

(30.11.2009)

Twissija  (2): Din il-pubblikazzjoni ma tkoprix kukers tal-gass ċatti portabbli (3).


(1)  ESO: L-Organizzazzjoni Ewropea għall-istandardizzazzjoni:

CEN: Avenue Marnix 17, B-1000, Brussell, Tel.+32 2 5500811; faks + 32 2 5500819 (http://www.cen.eu)

(2)  F'konformità mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2414 tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-pubblikazzjoni b'restrizzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN:521 2006 “Speċifikazzjonijiet għal tagħmir għal applikazzjonijiet ta' gass minn żejt apposta mhux raffinat likwefatt — Applikazzjonijiet li jistgħu jinġarru li jaħdmu bi pressjoni ta' fwar ta' gass minn żejt mhux raffinat likwefatt” f'konformità mad-Direttiva 2009/142/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 333, 19.12.2015, p. 120).

(3)  Il-kukers tal-gass ċatti jikkonsistu f'assemblaġġ ta' berners immuntati fuq kaxxa orizzontali li fiha kumpartiment integrat għall-iskartoċċ tal-gass ħdejn il-berner.

Nota 1: Ġeneralment, id-data ta' tmiem il-preżunzjoni tal-konformità tkun id-data tal-irtirar (“date of withdrawal: dow”), stipulata mill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Istandardizzazzjoni, iżda tinġibed l-attenzjoni tal-utenti ta' dawn l-istandards għall-fatt li dan jista' jkun mod ieħor f'ċerti każi eċċezzjonali.

Nota 2.1: L-istandard il-ġdid (jew emendat) għandu l-istess kamp ta' applikazzjoni bħall-istandard mibdul. Fid-data msemmija, l-istandard mibdul ma jikkonċedix aktar il-preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-direttiva.


Top