EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0007

Deċiżjoni (UE) 2015/530 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 11 ta' Frar 2015 dwar il-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir ta' dejta dwar fatturi tariffarji użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali (BĊE/2015/7)

OJ L 84, 28.3.2015, p. 67–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019; Imħassar b' 32019D0038

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/530/oj

28.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/67


DEĊIŻJONI (UE) 2015/530 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-11 ta' Frar 2015

dwar il-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir ta' dejta dwar fatturi tariffarji użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali (BĊE/2015/7)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikoli 4(3), l-Artikolu 30 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 33(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1163/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropea tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar it-tariffi superviżorji (BĊE/2014/41) (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 10(4) u 5 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 30(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, it-tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu imposti fuq istituzzjonijiet ta' kreditu stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti jew friegħi stabbiliti fi Stat Membru parteċipanti minn istituzzjoni ta' kreditu stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti ser jiġu kkalkulati fl-ogħla livell ta' konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti u ser ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi relatati mal-importanza u l-profil ta' riskju tal-istituzzjoni ta' kreditu kkonċernata, inklużi l-assi tagħha ppeżati għar-riskju.

(2)

Skont l-Artikolu 10(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), il-fatturi tariffarji użati biex tiġi ddeterminata t-tariffa superviżorja annwali individwali pagabbli fir-rigward ta' kull entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni għandhom ikunu l-ammont, fit-tmiem tas-sena kalendarja, ta' (i) assi totali u (ii) skopertura għar-riskju totali.

(3)

L-Artikolu 10(3)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) jipprovdi li d-dejta dwar il-fatturi tariffarji għandha tkun iddeterminata u miġbura skont deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li tistipula l-metodoloġija u l-proċeduri applikabbli.

(4)

Skont l-Aritkolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, għall-finijiet tal-kalkolu tal-fatturi tariffarji l-gruppi ta' superviżjoni għandhom, bħala regola, jeskludu assi ta' sussidjarji li jinsabu fi Stati Membri mhux parteċipanti u pajjiżi terzi. Skont l-Artikolu 10(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), il-gruppi taħt superviżjoni jistgħu jiddeċiedu li ma jeskludux dawk l-assi għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-fatturi tariffarji. Madankollu, l-ispiża biex isir dak il-kalkolu ma għandhiex taqbeż it-tnaqqis mistenni fit-tariffa superviżorja.

(5)

L-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) jiddikjara li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (NCAs) għandhom jissottomettu dejta dwar il-fatturi tariffarji lill-BĊE skont il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-BĊE.

(6)

L-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) jiddikjara li jekk debitur ta' tariffa jonqos milli jipprovdi l-fatturi tariffarji, il-BĊE għandu jiddetermina l-fatturi tariffarji skont il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-BĊE.

(7)

Għaldaqstant, din id-Deċiżjoni għandha tistabbilixxi l-metodoloġija u l-proċeduri għad-determinazzjoni u l-ġbir ta' dejta dwar il-fatturi tariffarji u l-kalkolu tal-fatturi tariffarji, inkluż f'każijiet fejn id-debitur tat-tariffa jonqos milli jipprovdihom, kif ukoll il-proċeduri għas-sottomissjoni ta' fatturi tariffarji minn NCAs lill-BĊE. B'mod partikolari, għandhom jiġu speċifikati l-formatti, il-frekwenza u l-waqt ta' dik is-sottomissjoni, kif ukoll it-tipi ta' kontrolli tal-kwalità li l-NCAs għandhom iwettqu qabel ma jissottomettu fatturi tariffarji lill-BĊE.

(8)

Għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali pagabbli fir-rigward ta' kull entità taħt superviżjoni u grupp taħt superviżjoni, id-debituri tat-tariffi għandhom jissottomettu dejta fir-rigward tal-fatturi tariffarji lil NCAs ibbażati fuq il-mudelli li jinsabu fl-Annessi I u II ta' din id-Deċiżjoni.

(9)

Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita proċedura sabiex isiru emendi tekniċi lill-Annessi ta' din id-Deċiżjoni b'mod effettiv, kemm-il darba dawk l-emendi la jbiddlu l-qafas kunċettwali sottostanti u lanqas ma jaffettwaw il-piż tar-rapportar. Meta tkun qegħda tiġi segwita din il-proċedura, għandhom jitqiesu l-fehmiet tal-Kumitat tal-Istatistika (STC) tas-Sistema Ewropea tal-Banek Centrali (SEBĊ). L-NCAs u Kumitati oħra tas-SEBĊ b'hekk ikunu jistgħu jipproponu emendi tekniċi bħal dawn għall-Annessi permezz tal-STC,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċizjoni tistabbilixxi l-metodoloġija u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) għad-determinazzjoni u l-ġbir tad-dejta dwar il-fatturi tariffarji użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali li għandhom jiġu imposti fir-rigward ta' entitajiet taħt superviżjoni u s-sottomissjoni tal-fatturi tariffarji mid-debituri tat-tariffi, kif ukoll il-proċeduri għas-sottomissjoni ta' dik id-dejta mill-NCAs lill-BĊE.

Din id-Deċizjoni tapplika għad-debituri tat-tariffi u għall-NCAs.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41), ħlief jekk ikun ipprovdut mod ieħor, flimkien mad-definizzjoni li ġejja:

 

“jum ta' ħidma” tfisser jum li ma jkunx is-Sibt, il-Ħadd jew btala pubblika fl-Istat Membru fejn l-NCA relevanti tkun stabbilita.

Artikolu 3

Mudell għar-rapportar tal-fatturi tariffarji lill-NCAs mid-debituri tat-tariffi

Il-fatturi tariffarji għandhom jiġu sottomessi lill-NCAs mid-debituri tat-tariffi permezz tal-mudelli li jinsabu fl-Annessi I u II ta' din id-Deċiżjoni. Id-dikjarazzjonijiet tal-awditur skont l-Artikolu 7 għandhom jiġu ppreżentati wkoll lill-NCAs. Fil-każ ta' grupp ta' entitajiet li jħallsu tariffi b'sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi, id-debituri tat-tariffi għandhom jipprovdu spjegazzjoni tal-metodu użat għad-determinazzjoni tal-fatturi tariffarji skont l-Artikolu 10(3)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41) fl-ispazju allokat għal dan l-iskop fil-formola.

Artikolu 4

Dati ta' spedizzjoni

1.   L-NCAs għandhom jippreżentaw dejta dwar il-fatturi tariffarji lill-BĊE sa mhux aktar tard mill-għeluq tan-negozju fl-10 jum ta' ħidma wara d-dati ta' spedizzjoni msemmija fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41). Wara dan, il-BĊE għandu jivverifika d-dejta li jkun irċieva fi żmien ħamest ijiem minn meta jkun irċeviha. L-NCAs għandhom jispjegaw jew jikkjarifikaw id-dejta, jekk jintalbu jagħmlu dan mill-BĊE. Il-BĊE għandu jiffinalizza d-dejta fil-15-il jum ta' ħidma wara d-data ta' spedizzjoni relevanti.

2.   Malli l-BĊE jiffinalizza d-dejta skont il-paragrafu 1, huwa għandu jagħti lid-debituri tat-tariffi aċċess għad-dejta ffinalizzata. Id-debituri tat-tariffi għandhom jingħataw ħamest ijiem ta' ħidma sabiex jikkummentaw dwar id-dejta tal-fatturi tariffarji f'każ li jikkunsidraw li dik id-dejta hija skorretta. Wara dan, il-fatturi tariffarji għandhom jiġu applikati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali.

Artikolu 5

Kontrolli tal-kwalità tad-dejta

L-NCAs għandhom jimmonitorjaw u jiżguraw il-kwalità u l-affidabbiltà tad-dejta fir-rigward tal-fatturi tariffarji sottomessi lill-BĊE. L-NCAs għandhom japplikaw verifiki ta' kontroll tal-kwalità sabiex jevalwaw jekk il-fatturi tariffarji ġewx ikkalkulati b'mod konformi mal-metodoloġija stipulata fl-Artikolu 7. Il-BĊE ma għandux jikkoreġi jew jimmodifika dejta dwar il-fatturi tariffarji pprovduti mid-debituri tat-tariffi. Kwalunkwe korrezzjonijiet jew modifiki għad-dejta għandhom isiru mid-debituri tat-tariffi u jiġu sottomessi minnhom lill-NCAs. L-NCAs għandhom jissottomettu lill-BĊE kwalunkwe dejta kkoreġuta jew immodifikata li huma jirċievu. Meta jissottomettu dejta dwar il-fatturi tariffarji, l-NCAs għandhom: (a) jipprovdu informazzjoni dwar kwalunkwe żvilupp sinifikanti implikat minn dik id-dejta; u (b) jikkomunikaw lill-BĊE r-raġunijiet għal kwalunkwe korrezzjoni jew modifika sinifikanti għaliha.

Artikolu 6

Frekwenza ta' rapportar u l-ewwel data ta' referenza tar-rapportar

Id-dejta dwar il-fatturi tariffarji għandha tiġi sottomessa mid-debituri tariffarji lill-NCAs fuq bażi annwali. L-ewwel data ta' referenza tar-rapportar għall-fatturi tariffarji hija l-31 ta' Diċembru 2014.

Artikolu 7

Metodoloġija għall-kalkolu tal-fatturi tariffarji

1.   Il-figura totali tal-iskopertura għar-riskju li għandha tiġi rrapportata għandha tinstilet mir-rapportar regolari mwettaq skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 (3). Ir-rekwiżiti speċifiċi ta' kalkolu li ġejjin għandhom japplikaw.

(a)

Għal grupp taħt superviżjoni li ma jkollux sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi, l-iskopertura għar-riskju totali tal-grupp għandha tiġi ddeterminata b'referenza għall-formola ta' “rekwiżiti ta' fondi proprji” tar-rapportar komuni dwar il-proporzjon ta' solvenza (COREP) stabbilit fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014 (iktar 'il quddiem il-“formola dwar ir-rekwiżiti ta' fondi proprji”).

(b)

Għal grupp taħt superviżjoni li jkollu sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi, l-iskopertura għar-riskju totali tal-grupp għandha tiġi ddeterminata b'referenza għall-formola tar-rekwiżiti ta' fondi proprji, bl-opzjoni li jitnaqqas il-kontribut għall-iskopertura għar-riskju totali tal-grupp ta' dawk is-sussidjarji li huma stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi b'referenza għall-formola COREP “solvenza tal-grupp: informazzjoni dwar affiljati” li jinsab fl-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014. Jekk id-dejta dwar il-kontribut tas-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi ma tkunx disponibbli fil-formola COREP “solvenza tal-grupp: informazzjoni dwar affiljati” għall-finijiet tal-kalkolu ta' tariffi superviżorji, id-debituri tat-tariffi jistgħu jissottomettu din id-dejta huma stess lill-NCAs.

(c)

Jekk l-istituzzjoni ta' kreditu li tħallas tariffi ma tkunx parti minn grupp taħt superviżjoni, l-iskopertura totali ta' riskju tal-istituzzjoni għandha tiġi ddeterminata b'referenza għall-formola dwar ir-rekwiżiti ta' fondi proprji.

2.   Il-figura ta' attiv totali li għandha tiġi rapportata għandha tikkorrispondi għall-ammont ta' attiv totali stipulat fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (4). Jekk l-assi totali ma jistgħux jiġu ddeterminati b'referenza għal dak l-Artikolu, għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tad-dejta li ġejja.

(a)

Għal grupp taħt superviżjoni li jkollu biss sussidjarji stabibliti fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, il-pakketti ta' rapportar użati mill-entitajiet taħt superviżjoni għat-tħejjija ta' kontijiet ikkonsolidati fil-livell ta' grupp għandhom jintużaw biex jiġu ddeterminati l-assi totali. Awditur għandu jiċċertifika l-assi totali tal-grupp taħt superviżjoni billi jagħmel verifika xierqa tal-pakketti ta' rapportar.

(b)

Għal istituzzjoni ta' kreditu li tħallas tariffa li ma tkunx parti minn grupp taħt superviżjoni iżda jkollha kumpannija parent stabbilita fi Stat Membru mhux parteċipanti jew pajjiż terz, il-pakketti ta' rapportar użati mill-istituzzjoni ta' kreditu li tħallas tariffa għat-tħejjija ta' kontijiet ikkonsolidati fil-livell tal-grupp għandhom jintużaw biex jiġu ddeterminati l-assi totali. Awditur għandu jiċċertifika l-assi totali tal-istituzzjoni ta' kreditu li tħallas tariffa billi jagħmel verifika xierqa tal-pakketti ta' rapportar.

(c)

F'każ li l-assi totali ta' fergħa li tħallas tariffa jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta' dejta statistika rrapportata skont ir-Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2013/33) (5), awditur għandu jiċċertifika l-assi totali tal-fergħa li tħallas tariffa billi jwettaq verifika xierqa tal-kontijiet finanzjarji tagħha.

3.   Għal grupp taħt superviżjoni li jkollu sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi, l-assi totali tiegħu għandhom jiġu ddeterminati skont waħda mill-opzjonijiet li ġejjin.

(a)

L-assi totali tiegħu jistgħu jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) (inklużi sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi). Jekk l-assi totali ma jistgħux jiġu ddeterminati b'referenza għal dak l-Artikolu, għandhom jiġu ddeterminati skont l-Artikolu 7(2)(a) ta' din id-Deċiżjoni.

(b)

L-assi totali tigħu jistgħu jiġu ddeterminati billi jiġu aggregati l-assi totali żvelati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji statutorji tal-entitajiet kollha taħt superviżjoni stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti fi ħdan il-grupp taħt superviżjoni, jekk dawn ikunu disponibbli, jew inkella billi jiġu aggregati l-assi totali ddikjarati fil-pakkett(i) ta' rapportar relevanti użat(i) mill-entitajiet taħt superviżjoni jew grupp ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li jħallsu tariffa għat-tħejjija ta' kontijiet ikkonsolidati fil-livell ta' grupp. Sabiex jiġi evitat għadd doppju, id-debitur tat-tariffa għandu l-opzjoni li jelimina pożizzjonijiet intragrupp fost l-entitajiet kollha taħt superviżjoni li jkunu stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti tal-grupp taħt superviżjoni fil-proċess ta' konsolidazzjoni. Kwalunkwe avvjament inkluż fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-impriża parent ta' grupp taħt superviżjoni għandu jiġi inkluż fl-aggregazzjoni; l-esklużjoni ta' avvjament allokat lil sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi hija fakultattiva. Meta debitur ta' tariffa juża dikjarazzjonijiet finanzjarji statutorji, awditur għandu jiċċertifika li l-assi totali jikkorrispondu għall-assi totali żvelati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji statutorji awditjati tal-entitajiet taħt supeviżjoni individwali. Meta debitur ta' tariffa juża pakketti ta' rapportar, awditur għandu jiċċerifika l-assi totali użati għall-kalkolu tat-tariffi superviżorji annwali billi jwettaq verifika xierqa tal-pakketti ta' rapportar użati. Fi kwalunkwe każ, l-awditur għandu jikkonferma li l-proċess ta' aggregazzjoni ma jiddevjax mill-proċedura stipulata f'din id-Deċiżjoni u li l-kalkolu mwettaq mid-debitur tat-tariffa huwa koerenti mal-metodu ta' kontabilità użat għall-konsolidazzjoni tal-kontijiet tal-grupp ta' entitajiet li jħallsu tariffa.

Artikolu 8

Determinazzjoni ta' fatturi tariffarji mill-BĊE f'każ li ma jiġux ipprovduti jew sottomessi l-korrezzjonijiet jew modifiki meħtieġa

F'każ li fattur tariffarju ma jiġix irrapportat jew il-korrezzjonijiet jew modifiki meħtieġa ma jiġux sottomessi minn debitur ta' tariffa, il-BĊE għandu juża l-informazzjoni disponibbli għalih sabiex jiddetermina l-fattur tariffarju nieqes.

Artikolu 9

Proċedura ta' emenda simplifikata

Filwaqt li jqis il-fehmiet tal-STC, il-Bord Eżekuttiv tal-BĊE huwa intitolat li jagħmel kwalunkwe emenda teknika fl-Annessi ta' dan ir-Regolament, sakemm dawn l-emendi la jbiddlu l-qafas kunċettwali sottostanti u lanqas ma jaffettwaw il-piż ta' rapportar fuq id-debituri tat-tariffi. Il-Bord Eżekuttiv għandu jinforma lill-Kunsill Governattiv b'kull emenda bħal din mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-11 ta' Frar 2015.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)  ĠU L 311, 31.10.2014, p. 23.

(3)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta' implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta' istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1.).

(4)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(5)  Regolament (UE) Nru 1071/2013 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta' Settembru 2013 dwar il-karta tal-bilanċ tas-settur tal-istituzzjonijiet finanzjarji monetarji (BĊE/2013/33) (ĠU L 297, 7.11.2013, p. 1).


ANNESS I

 

KALKOLU TA' TARIFFI

Perjodu ta' referenza

 

ISEM

 

SKOPERTURA TOTALI GĦAR-RISKJU

Data

 

Kodiċi MFI

 

 

Kodiċi LEI

 

 

Partita

 

Tip ta' istituzzjoni

Sors għall-ammont ta' skopertura għar-riskju

Ammont tal-iskopertura għar-riskju

Kummenti

 

 

010

020

030

040

010

SKOPERTURA TOTALI GĦAR-RISKJU

(1), (2), (3) jew (4)

COREP C 02.00, ringiela 010

 

 

020

KONTRIBUZZJONI TA' SUSSIDJARJI fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi

(4)

COREP C06.02, kolonna 250 (SUM)

 

 

021

Entità 1

(4)

 

 

 

.

Entità 2

(4)

 

 

 

.

Entità 3

(4)

 

 

 

N

Entità N

(4)

 

 

 

030

AMMONT TOTALI TA' SKOPERTURA GĦAR-RISKJU tal-grupp taħt superviżjoni li jnaqqas il-KONTRIBUT TA' SUSSIDJARJI fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi: Il-partita 030 hija ugwali għal 010 bi tnaqqis ta' 020

(4)

 

 

 

Jekk jogħġbok ara li dan il-mudell jimtela skont l-istruzzjonijiet li huma pprovduti separatament.


ANNESS II

 

KALKOLU TA' TARIFFI

Perjodu ta' referenza

 

ISEM

 

ASSI TOTALI

Data

 

Kodiċi MFI

 

 

Kodiċi LEI

 

 

Partita

 

Tip ta' istituzzjoni

Konferma tal-verifika tal-awditur (Iva/Le)

Assi totali

Kummenti

 

 

010

020

030

040

010

ASSI TOTALI skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17)

(1), (2), (3), (4), (5)

 

 

 

020

ASSI TOTALI skont l-Artikolu 7(2)(a) jew (b) ta' din id-Deċiżjoni

(6) jew (7)

 

 

 

030

ASSI TOTALI skont l-Artikolu 7(3)(b) ta' din id-Deċiżjoni: Il-partita 030 hija ugwali għal 031 bi tnaqqis ta' 032 u b'żieda ta' 033 u tnaqqis ta' 034

(8)

 

 

 

031

Assi totali tal-entitajiet kollha li huma gruppi stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti

 

 

 

 

032

Pożizzjonijiet intragrupp fost entitajiet taħt superviżjoni stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti (minn pakketti ta' rapportar użati għall-eliminazzjoni ta' bilanċi għal skopijiet ta' rapportar ta' grupp) — opzjonali

 

 

 

 

033

Avvjament inkluż fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-impriża parent ta' grupp taħt superviżjoni — obbligatorju

 

 

 

 

034

Avvjament allokat lil sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti jew pajjiżi terzi — opzjonali

 

 

 

 

040

Assi totali għal entità taħt superviżjoni jew grupp taħt superviżjoni kklassifikati bħala inqas sinifikanti fuq il-bażi ta' deċiżjoni tal-BĊE meħuda skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 flimkien mal-Artikolu 70(1) u l-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) u l-Artikolu 10(3)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1163/2014 (BĊE/2014/41).

(9)

 

 

 

Jekk jogħġbok ara li dan il-mudell jimtela skont l-istruzzjonijiet li huma pprovduti separatament.


Top