EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0655

Regolament (UE) Nru 655/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li jistabbixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali

OJ L 189, 27.6.2014, p. 59–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/655/oj

27.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 189/59


REGOLAMENT (UE) Nru 655/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jistabbixxi proċedura ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru transkonfinali tad-dejn f’materji ċivili u kummerċjali

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari punti (a), (e) u (f) tal-Artikolu 81(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li bagħtu l-abbozz tal-att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-Unjoni stabbilixxiet għaliha nnifisha l-objettiv li żżomm u li tiżviluppa spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li fiha jkun żgurat il-moviment liberu tal-persuni. Sabiex tali spazju jiġi stabbilit gradwalment, l-Unjoni għandha tadotta miżuri relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, partikolarment meta meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)

Skont l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), tali miżuri jistgħu jinkludu miżuri mmirati biex jiżguraw, fost l-oħrajn, ir-rikonoxximent reċiproku u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi bejn l-Istati Membri, l-aċċess effettiv għall-ġustizzja u l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-funzjonament xieraq ta’ proċeduri ċivili, jekk ikun jeħtieġ billi tiġi promossal-kompatibbiltà tar-regoli dwar il-proċeduri ċivili applikabbli fl-Istati Membri.

(3)

Fl-24 ta’ Ottubru 2006, permezz tal-“Green Paper dwar titjib fl-effiċjenza tal-infurzar tas-sentenzi fl-Unjoni Ewropea: is-sekwestru ta’ kontijiet bankarji”, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni dwar il-ħtieġa għal proċedura Ewropea uniformi għall-preservazzjoni tal-kontijiet bankarji u dwar il-karatteristiċi possibbli ta’ tali proċedura.

(4)

Fil-Programm ta’ Stokkolma ta’ Diċembru 2009 (3), li jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-libertà, s-sigurtà u l-ġustizzja għall-2010 sal-2014, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-ħtieġa, u l-fattibbiltà, li jiġu previsti ċerti miżuri proviżorji, inklużi miżuri protettivi, fil-livell tal-Unjoni, pereżempju biex jiġi evitat l-għajbien ta’ assi qabel l-eżekuzzjoni ta’ pretensjoni, u sabiex tressaq proposti xierqa biex titjieb l-effiċjenza tal-eżekuzzjoni tas-sentenzi fl-Unjoni rigward il-kontijiet bankarji u l-assi tad-debituri.

(5)

Il-proċeduri nazzjonali biex jinkisbu miżuri protettivi bħalma huma ordnijiet għall-preservazzjoni tal-kontijiet jeżistu fl-Istati Membri kollha, iżda l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ tali miżuri kif ukoll l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tagħhom ivarjaw b’mod konsiderevoli. Barra minn hekk, l-applikazzjoni għal miżuri nazzjonali ta’ protezzjoni tista’ tkun diffiċli f’każijiet li jkollhom implikazzjonijiet transkonfinali, b’mod partikolari meta l-kreditur jipprova jippreserva diversi kontijiet li jinsabu fi Stati Membri differenti. Għalhekk jidher li jkun meħtieġ u xieraq li jiġi adottat strument legali tal-Unjoni li jkun vinkolanti u applikabbli direttament li jistabbilixxi proċedura tal-Unjoni ġdida li tippermetti, f’każijiet transkonfinali, il-preservazzjoni b’mod effiċjenti u rapidu ta’ fondi miżmuma f’kontijiet bankarji.

(6)

Il-proċedura stabbilita b’dan ir-Regolament għandha sservi ta’ mezz addizzjonali u fakultattiv għall-kreditur, li jibqa’ ħieles li juża kull proċedura oħra biex jikseb miżura ekwivalenti fil-liġi nazzjonali.

(7)

Kreditur għandu jkun jista’ jikseb miżura protettiva fl-għamla ta’ Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet (“Ordni tal-Preservazzjoni” jew “Ordni”) li twaqqaf it-trasferiment jew il-ġbid ta’ fondi miżmuma mid-debitur tiegħu f’kont bankarju li jinsab fi Stat Membru jekk ikun hemm riskju li, mingħajr miżura bħal din, l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tiegħu kontra d-debitur ser tixxekkel jew issir sostanzjalment aktar diffiċli. Il-preservazzjoni ta’ fondi miżmuma fil-kont tad-debitur għandu jkollha l-effett li timpedixxi mhux biss id-debitur innifsu, iżda wkoll il-persuni kollha awtorizzati minnu biex jagħmlu pagamenti permezz ta’ dak il-kont, per eżempju permezz ta’ ordni permanenti jew ta’ debitu dirett jew l-użu ta’ karta ta’ kreditu, milli jużaw il-fondi.

(8)

L-ambitu ta’ dan ir-Regolament għandu jkopri l-materji ċivili u kummerċjali kollha minbarra ċerti materji li huma definiti sew. B’mod partikolari, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal pretensjonijiet kontra debitur fiproċedimenti ta’ insolvenza. Dan għandu jfisser li ma’ tista’ tinħareġ l-ebda Ordni tal-Preservazzjoni kontra d-debitur ladarba proċedimenti ta’ insolvenza kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 (4) jkunu nfetħu b’rabta miegħu. Min-naħa l-oħra, l-esklużjoni għandha tippermetti li l-Ordni tal-Preservazzjoni tintuża biex tiżgura l-irkupru ta’ pagamenti ta’ detriment magħmulin minn tali debitur lil partijiet terzi.

(9)

Dan ir-Regolament għandu japplika għal kontijiet miżmuma ma’ istituzzjonijiet tal-kreditu li n-negozju tagħhom huwa li jirċievu depożiti jew fondi oħra li jitħallsu lura mingħand il-pubbliku u jagħtu krediti f’isimhom stess.

Għaldaqstant ma għandux japplika għall-istituzzjonijiet finanzjarji li ma jiħdux tali depożiti pereżempju l-istituzzjonijiet li jipprovdu finanzjament għal proġetti ta’ esportazzjoni u investiment jew proġetti f’pajjiżi li qed jiżviluppaw jew istituzzjonijiet li jipprovdu servizzi fis-suq finanzjarju. Barra minn hekk, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal kontijiet miżmuma minn jew ma’ banek ċentrali meta jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji, u lanqas għal kontijiet li ma jistgħux jiġu ppreservati b’ordnijiet nazzjonali ekwivalenti għall-Ordni tal-Preservazzjoni jew li b’xi mod ieħor huma eżenti mill-konfiska skont il-liġi tal-Istat Membru fejn il-kont inkwistjoni jkun miżmum.

(10)

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-każijiet transkonfinali biss u għandu jiddefinixxi x’jikkostitwixxi każ transkonfinali f’dan il-kuntest partikolari.

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ transkonfinali għandu jitqies li jeżisti meta l-qorti li tittratta r-rikors għall-Ordni tal-Preservazzjoni tinsab fi Stat Membru wieħed u l-kont bankarju kkonċernat tal-Ordni tal-Preservazzjoni jkun miżmum fi Stat Membru ieħor. Għandu jiġi kkunsidrat li jeżisti każ transkonfinali meta l-kreditur ikun domiċiljat fi Stat Membru wieħed u l-qorti u l-kont bankarju li għandu jiġi ppreservat jinsabu fi Stat Membru ieħor.

Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-preservazzjoni ta’ kontijiet li jinżammu fl-Istat Membru tal-qorti invokata bir-rikors għal Ordni tal-Preservazzjoni jekk id-domiċilju tal-kreditur jinsab ukoll f’dak l-Istat Membru, anki jekk il-kreditur jirrikorri fl-istess ħin għal Ordni tal-Preservazzjoni li tirrigwarda kont jew kontijiet miżmuma fi Stat Membru ieħor. F’tali każ, il-kreditur għandu jagħmel żewġ applikazzjonijiet separati, wieħed għal Ordni tal- Preservazzjoni u ieħor għal miżura nazzjonali.

(11)

Il-proċedura għal Ordni tal-Preservazzjoni għandha tkun disponibbli għal kreditur li jkun jixtieq jiżgura l-eżekuzzjoni ta’ sentenza sussegwenti dwar il-merti tal-kwistjoni qabel ma jinfetħu l-proċedimenti dwar il-merti tal-kwistjoni fi kwalunkwe fażi matul tali proċedimenti. Din għandha tkun disponibbli wkoll għal kreditur li jkun diġà ngħata sentenza, transazzjoni ġudizzjarja permezz tal-qorti jew strument awtentiku li jitlob lid-debitur iħallas il-pretensjoni tal-kreditur.

(12)

L-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha tkun disponibbli għall-fini li jiġu żgurati pretensjonijiet li jkunu diġà skadew. Għandha tkun disponibbli wkoll għal pretensjonijiet li għadhom ma jridux jitħallsu dejjem sakemm dawn il-pretensjonijiet jirriżultaw minn transazzjoni jew avveniment li diġà seħħ u l-ammont tagħhom jista’ jiġi determinat, fosthom pretensjonijiet marbuta ma’ tort, delitt jew kważi delitt u pretensjonijiet ċivili għal danni jew restituzzjoni li huma bbażati fuq att li jwassal għal proċedimenti kriminali.

Kreditur għandu jkun jista’ jitlob li l-Ordni ta’ Preservazzjoni tinħareġ fl-ammont tal-pretensjoni prinċipali jew f’ammont aktar baxx. Dan tal-aħħar għandu jkun fl-interess tiegħu, pereżempju, fejn dan ikun diġà kiseb xi garanzija oħra għal parti mill-pretensjoni tiegħu.

(13)

Sabiex tiġi żgurata rabta mill-qrib bejn il-proċedimenti għall-Ordni ta’ Preservazzjoni u l-proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni, il-qrati tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-mertu tal-kwistjoni, għandu jkollhom ġurisdizzjoni internazzjonali biex joħorġu l-Ordni. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni għandhom ikopru kwalunkwe proċediment li għandu l-għan li jikseb titolu eżegwibbli dwar il-pretensjoni sottostanti inkluż, pereżempju, proċedimenti sommarji li jikkonċernaw ordnijiet għal pagament u proċedimenti bħal “procédure de référé” Franċiża. Jekk id-debitur ikun konsumatur domiċiljat fi Stat Membru, huma l-qrati ta’ dak l-Istat Membru li jkollhom il-ġurisdizzjoni li joħorġu Ordni ta’ Preservazzjoni.

(14)

Il-kondizzjonijiet sabiex tinħareġ Ordni ta’ Preservazzjoni għandhom isibu bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-kreditur li jikseb Ordni u l-interessi tad-debitur li jevita abbuż tal-Ordni.

Konsegwentement, meta l-kreditur japplika għal Ordni ta’ Preservazzjoni qabel ma jikseb sentenza, il-qorti li magħha ssir l-applikazzjoni għandha tkun sodisfatta abbażi tal-evidenza mressqa mill-kreditur li l-kreditur x’aktarx jingħata raġun fil-mertu tal-pretensjoni tiegħu kontra d-debitur.

Barra minn hekk, f’kull sitwazzjoni, inkluż meta jkun diġà kiseb sentenza, il-kreditur għandu jkun obbligat juri b’mod li jissodisfa l-qorti li l-pretensjoni tiegħu teħtieġ b’mod urġenti protezzjoni ġudizzjarja u li, mingħajr l-Ordni, l-eżekuzzjoni tas-sentenza eżistenti jew futura tista’ tiġi ostakolata jew issir sostanzjalment aktar diffiċli għar-raġuni li jkun hemm riskju reali li, saż-żmien meta s-sentenza eżistenti jew futura tkun tista’ tiġi eżegwita favur il-kreditur, id-debitur jista’ ikun berbaq, ħeba jew qered l-assi tiegħu jew ikun iddispona minnhom bi prezz inqas mill-valur tagħhom, fi kwantità mhux normali jew permezz ta’ azzjoni mhux tas-soltu.

Il-qorti għandha tivvaluta l-evidenza mressqa mill-kreditur biex issostni l-eżistenza ta’ riskju bħal dan. Dan jista’ jorbot, pereżempju, mal-imġiba tad-debitur fir-rigward tal-pretensjoni tal-kreditur jew f’tilwima preċedenti bejn il-partijiet, il-passat tad-debitur rigward il-kreditu, in-natura tal-assi tad-debitur u kwalunkwe azzjoni reċenti meħuda mid-debitur fir-rigward tal-assi tiegħu. Fil-valutazzjoni tal-evidenza, il-qorti tista’ tqis ċertu ġbid ta’ flus minn kontijiet u każijiet ta’ nfiq mid-debitur biex isostni l-proċess normali tan-negozju tiegħu jew l-ispejjeż rikorrenti tal-familja bħala normali, fihom infushom. Is-sempliċi nuqqas ta’ ħlas jew il-kontestazzjoni tal-pretensjoni jew is-sempliċi fatt li d-debitur għandu aktar minn kreditur wieħed m’għandhomx, fihom infushom, jitqiesu bħal evidenza suffiċjenti biex tiġġustifika l-ħruġ ta’ Ordni. Lanqas m’għandu s-sempliċi fatt li ċ-ċirkostanzi finanzjarji tad-debitur ikunu ħżiena jew sejrin għall-agħar, fih innifsu, ikun raġuni biżżejjed għall-ħruġ ta’ Ordni. Madankollu, il-qorti tista’ tqis dawn il-fatturi fil-valutazzjoni globali tal-eżistenza tar-riskju.

(15)

Biex ikun żgurat l-effett ta’ sorpriża tal-Ordni ta’ Preservazzjoni, u biex jiġi żgurat li din tkun strument siewi għal kreditur li qed jipprova jirkupra djun minn debitur f’każijiet transkonfinali, id-debitur la għandu jiġi mgħarraf bl-applikazzjoni tal-kreditur u lanqas ma jinstema’ qabel il-ħruġ tal-Ordni jew jiġi nnotifikat bl-Ordni qabel l-implimentazzjoni tagħha. Fejn, abbażi tal-evidenza u l-informazzjoni mogħtija mill-kreditur jew, jekk ikun applikabbli, mix-xhud/xhieda tiegħu, il-qorti ma tkunx sodisfatta mill-ġustifikazzjoni tal-preservazzjoni tal-kont jew il-kontijiet inkwistjoni, hija ma għandhiex toħroġ l-Ordni.

(16)

F’sitwazzjonijiet fejn il-kreditur japplika għal Ordni ta’ Preservazzjoni qabel ma jibda proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni quddiem qorti, dan ir-Regolament għandu jobbligah jibda tali proċedimenti f’perijodu ta’ żmien speċifiku u għandu jobbligah ukoll jipprovdi prova ta’ tali bidu lill-qorti li magħha huwa ressaq l-applikazzjoni tiegħu għal Ordni. Jekk il-kreditur jonqos milli jikkonforma ma’ dan l-obbligu tiegħu, l-Ordni għandha tiġi rrevokata mill-qorti fuq inizjattiva tagħha stess jew għandha tittermina awtomatikament.

(17)

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ seduta preċedenti tad-debitur dan ir-Regolament għandu jipprevedi salvagwardji speċifiċi sabiex jevita abbuż mill-Ordni u biex jipproteġi d-drittijiet tad-debitur.

(18)

Waħda minn dawn is-salvagwardji importanti għandha tkun il-possibbiltà li l-kreditur ikun meħtieġ jipprovdi garanzija biex jiżgura li d-debitur jista’ jiġi kkompensat fi stadju aktar tard għal kwalunkwe dannu li seta’ kien ikkawżat lilu mill-Ordni. Skont il-liġi nazzjonali, tali garanzija għandha tingħata fil-forma ta’ depożitu ta’ garanzija jew assigurazzjoni alternattiva, bħalma hi garanzija bankarja jew ipoteka. Il-qorti għandu jkollha d-diskrezzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ garanzija meħtieġa biex tevita l-abbuż tal-Ordni u tiżgura kumpens lid-debitur u l-qorti għandha tkun tista’, fin-nuqqas ta’ evidenza speċifika dwar l-ammont ta’ ħsara potenzjali, tqis l-ammont li fih għandha tinħareġ l-Ordni bħala linja gwida biex jiġi determinat l-ammont tal-garanzija.

F’każijiet fejn il-kreditur ikun għadu ma kisibx sentenza, transazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku li jobbliga lid-debitur iħallas il-pretensjoni tal-kreditur, il-forniment ta’ garanzija għandu jkun ir-regola u l-qorti għandha tagħti eżenzjoni minn dan l-obbligu, jew titlob forniment ta’ garanzija f’ammont inqas, f’każijiet eċċezzjonali biss jekk tqis li tali garanzija tkun mhux adatta, superfluwa jew sproporzjonata fiċ-ċirkostanzi tal-każ. Tali ċirkostanzi jistgħu jkunu, pereżempju, li l-kreditur ikollu każ partikolarment b’saħħtu iżda ma jkollux mezzi suffiċjenti biex jipprovdi garanzija, li l-pretensjoni tirrigwarda mantenimenti jew ħlas ta’ pagi, jew li l-ammont tal-pretensjoni jkun tali ma jkunx probabbli li l-Ordni toħloq xi dannu lid-debitur, pereżempju. dejn kummerċjali żgħir.

F’każijiet fejn il-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, transazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku, il-forniment ta’ garanzija għandu jitħalla għad-diskrezzjoni tal-qorti. Il-forniment ta’ garanzija jista’ jkun xieraq, pereżempju, minbarra fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali msemmija hawn fuq, jekk is-sentenza li l-Ordni ta’ Preservazzjoni tkun maħsuba li tiggarantixxi l-eżekuzzjoni tagħha, tkun għadha mhix eżegwibbli jew tkun biss eżegwibbli proviżorjament minħabba appell pendenti.

(19)

Element importanti ieħor biex jintlaħaq bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-kreditur u dawk tad-debitur għandu jkun regola dwar ir-responsabbiltà tal-kreditur għal kwalunkwe dannu kkawżat lid-debitur permezz tal-Ordni ta’ Preservazzjoni. Għalhekk dan ir-Regolament għandu, bħala standard minimu, jipprevedi r-responsabbiltà tal-kreditur fejn id-dannu kkawżat lid-debitur mill-Ordni ta’ Preservazzjoni jkun minħabba tort min-naħa tal-kreditur. F’dan il-kuntest, l-oneru tal-prova għandu jkun fuq id-debitur. Rigward ir-raġunijiet għal responsabbiltà speċifikati f’dan ir-Regolament, għandha tiġi prevista regola armonizzata li tistabbilixxi preżunzjoni konfutabbli ta’ tort min-naħa tal-kreditur.

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom raġunijiet għal responsabbiltà minbarra dawk speċifikati f’dan ir-Regolament. Għal tali raġunijiet oħra ta’ responsabbiltà, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu wkoll iżommu jew jintroduċu tipi oħra ta’ responsabbiltà, bħal responsabbiltà stretta.

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi wkoll regola dwar il-konflitt tal-liġijiet li tispeċifika li l-liġi applikabbli għar-responsabbiltà tal-kreditur għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Meta jkun hemm diversi Stati Membri tal-eżekuzzjoni, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni li fih id-debituri jkollu r-residenza abitwali tiegħu. F’każ fejn id-debitur ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-eżekuzzjoni, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni li miegħu l-każ ikollu l-eqreb rabta. Fl-istabbiliment tal-eqreb rabta, id-daqs tal-ammont ippreservat fid-diversi Stati Membri tal-eżekuzzjoni jista’ jkun wieħed mill-fatturi li għandu jitqies mill-qorti.

(20)

Sabiex jingħelbu diffikultajiet prattiċi eżistenti biex tinkiseb l-informazzjoni dwar il-post fejn ikun jinsab il-kont bankarju tad-debitur f’kuntest transkonfinali, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti lill-kreditur jitlob li l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi identifikat il-kont tad-debitur tinkiseb mill-qorti, qabel ma tinħareġ Ordni ta’ Preservazzjoni, mill-awtorità tal-informazzjoni magħżula tal-Istat Membru li fih il-kreditur jemmen li d-debitur ikollu kont. Minħabba n-natura partikolari ta’ tali intervent mill-awtoritajiet pubbliċi u ta’ tali aċċess għad-data privata, l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kontijiet, bħala regola, għandu jingħata biss f’każijiet fejn il-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, transazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku eżegwibbli. Madankollu, eċċezzjonalment, għandu jkun possibbli għall-kreditur li jagħmel talba għal informazzjoni dwar il-kontijiet anke jekk is-sentenza, it-transazzjoni ġudizzjarja jew l-istrument awtentiku tiegħu jkun għadu ma ġiex eżegwit. Tali talba għandha tkun possibbli meta l-ammont li għandu jiġi ppreservat ikun sostanzjali b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti u l-qorti tkun sodisfatta, abbażi tal-evidenza preżentata mill-kreditur, li hemm ħtieġa urġenti għal tali informazzjoni dwar il-kont għaliex hemm riskju li, mingħajrha, l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur kontra d-debitur x’aktarx tkun ipperikolata u li dan konsegwentement jista’ jwassal għal deterjorament sostanzjali tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kreditur.

Sabiex dak il-mekkaniżmu jkun jista’ jiffunzjona, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli fil-liġi nazzjonali tagħhom metodu wieħed jew aktar biex tinkiseb din l-informazzjoni li jkunu effettivi u effiċjenti u li ma jinvolvux spejjeż sproporzjonati jew jieħdu żmien eċċessiv. Il-mekkaniżmu għandu japplika biss jekk jintlaħqu l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni u l-kreditur ikun issustanzja debitament fit-talba tiegħu għalfejn wieħed għandu jaħseb li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar fi Stat Membru speċifiku, pereżempju peress li d-debitur jaħdem jew ikollu attività professjonali f’dak l-Istat Membru jew ikollu proprjetà hemmhekk.

(21)

Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tad-data personali tad-debitur, l-informazzjoni miksuba dwar l-identifikazzjoni tal-kont jew kontijiet bankarji tad-debitur ma għandhiex tingħata lill-kreditur. Għandha tingħata biss lill-qorti rikjedenti u, b’mod eċċezzjonali, lill-bank tad-debitur jekk il-bank jew entità oħra responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-Ordni fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni ma tkunx tista’ tidentifika kont tad-debitur abbażi tal-informazzjoni mogħtija fl-Ordni, pereżempju meta fl-istess bank ikun hemm miżmuma kontijiet ta’ diversi persuni li jkollhom l-istess isem u l-istess indirizz. Meta, f’dan il-każ, fl-Ordni jkun indikat li n-numru jew in-numri tal-kont(ijiet) li għandhom jiġu ppreservati nkisbu permezz ta’ talba għall-informazzjoni, il-bank għandu jitlob dik l-informazzjoni lill-awtorità tal-informazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni u għandu jkun jista’ jagħmel tali talba b’mod informali u sempliċi.

(22)

Dan ir-Regolament għandu jagħti d-dritt lill-kreditur biex jappella ċ-ċaħda tal-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni. Dak id-dritt għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-kreditur jagħmel applikazzjoni ġdida għal Ordni ta’ Preservazzjoni, abbażi ta’ fatti jew evidenza ġodda,.

(23)

Fl-Istati Membri, l-istrutturi tal-eżekuzzjoni għall-preservazzjoni tal-kontijiet bankarji jvarjaw b’mod konsiderevoli. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ dawk l-istrutturi fl-Istati Membri u biex sa fejn possibbli jiġu rrispettati l-proċeduri nazzjonali, dan ir-Regolament għandu, fir-rigward tal-eżekuzzjoni u l-implimentazzjoni proprja tal-Ordni ta’ Preservazzjoni, jibbaża fuq il-metodi u l-istrutturi fis-seħħ għall-eżekuzzjoni u l-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti fl-Istat Membru fejn l-Ordni għandha tiġi eżegwita.

(24)

Sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni rapida, dan ir-Regolament għandu jipprevedi li l-Ordni tintbagħat mill-Istat Membri ta’ oriġini lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni bi kwalunkwe mezz adatt li jiżgura li l-kontenut tad-dokumenti mibgħuta jkun veru u preċiż u jinqara faċilment.

(25)

Malli tirċievi l-Ordni ta’ Preservazzjoni, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa biex l-Ordni tiġi eżegwita f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha, billi tibgħat l-Ordni riċevuta lill-bank jew lil entità oħra responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ tali ordnijiet f’dak l-Istat Membru jew inkella, fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi dan, altrimenti billi tagħti struzzjonijiet lill-bank biex jimplimenta l-Ordni.

(26)

Skont il-metodu disponibbli taħt il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għal ordnijiet nazzjonali ekwivalenti, l-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha tiġi implimentata billi l-ammont ippreservat jiġi bblokkat fil-kont tad-debitur jew, fejn previst mil-liġi nazzjonali, billi dak l-ammont jiġi ttrasferit f’kont iddedikat għal skopijiet ta’ preservazzjoni, li jista’ jkun kont miżmum jew mill-awtorità tal-eżekuzzjoni kompetenti, mill-qorti, mill-bank li miegħu d-debitur għandu l-kont tiegħu jew minn bank magħżul bħala entità ta’ koordinazzjoni għall-preservazzjoni f’każ partikolari.

(27)

Dan ir-Regolament ma għandux jeskludi l-possibbiltà li jista’ jintalab ħlas minn qabel tat-tariffi għall-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Preservazzjoni. Din il-kwistjonigħandha titħalla għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih tiġi eżegwita l-Ordni ta’ Preservazzjoni.

(28)

L-Ordni ta’ Preservazzjoni għandu jkollha l-istess klassifikazzjoni, jekk teżisti, bħal ordni nazzjonali ekwivalenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni. Jekk, skont il-liġi nazzjonali, ċerti miżuri ta’ eżekuzzjoni jkollhom prijorità fuq miżuri ta’ preservazzjoni, għandha tingħatalhom l-istess prijorità fir-rigward tal-Ordnijiet ta’ Preservazzjoni taħt dan ir-Regolament. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ordnijiet in personam kif jeżistu f’xi sistemi legali nazzjonali jistgħu jitqiesu bħala ordnijiet nazzjonali ekwivalenti.

(29)

Dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-impożizzjoni fuq il-bank jew fuq entità oħra responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-Ordni ta’ Preservazzjoni fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni ta’ obbligu, li tiddikjara jekk u, jekk ikun il-każ, sa liema punt l-Ordni tkun wasslet għall-preservazzjoni ta’ kwalunkwe fondi tad-debitur, u ta’ obbligu fuq il-kreditur li jiżgura r-rilaxx ta’ kwalunkwe fond ippreservat li jaqbeż l-ammont speċifikat fl-Ordni.

(30)

Dan ir-Regolament għandu jissalvagwardja d-dritt tad-debitur għal proċess ġust u d-dritt tiegħu għal rimedju effettiv u għandu għalhekk, b’kunsiderazzjoni tan-natura ex parte tal-proċedimenti għall-ħruġ tal-Ordni ta’ Preservazzjoni, jippermettilu li jikkontesta l-Ordni jew l-eżekuzzjoni tagħha għar-raġunijiet previsti f’dan ir-Regolament eżatt wara l-implimentazzjoni tal-Ordni.

(31)

F’dan il-kuntest, dan ir-Regolament għandu jitlob li l-Ordni ta’ Preservazzjoni, id-dokumenti kollha ppreżentati mill-kreditur lill-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini u t-traduzzjonijiet meħtieġa jiġu notifikati lid-debitur fil-pront wara li tiġi implimentata l-Ordni. Il-qorti għandha setgħat diskrezzjonali li tehmeż xi dokumenti oħra li fuqhom tkun ibbażat id-deċiżjoni tagħha u li d-debitur jista’ jkollu bżonnhom għall-azzjoni ta’ rimedju tiegħu, bħal traskrizzjonijiet verbatim ta’ kwalunkwe seduta orali.

(32)

Id-debitur għandu jkun jista’ jitlob rieżami tal-Ordni ta’ Preservazzjoni, b’mod partikolari jekk ma jkunux intlaħqu l-kondizzjonijiet jew ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jew jekk iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-ħruġ tal-Ordni jkunu nbidlu b’tali mod li l-ħruġ tal-Ordni ma tibqax iġġustifikata. Pereżempju, għandu jkun hemm rimedju disponibbli għad-debitur jekk il-każ ma jkunx ikkostitwixxa każ transkonfinali kif iddefinit f’dan ir-Regolament, jekk ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jkunux ġew rispettati, jekk il-kreditur ma jkunx beda l-proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni fil-perijodu ta’ żmien previsti f’dan ir-Regolament u l-qorti, bħala konsegwenza, ma rrevokatx l-Ordni fuq inizjattiva tagħha stess jew l- l-Ordni ma tterminatx awtomatikament, jew jekk il-pretensjoni tal-kreditur ma kellhiex bżonn protezzjoni urġenti fil-forma ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni għar-raġuni li ma kien hemm l-ebda riskju li l-eżekuzzjoni sussegwenti ta’ dik il-pretensjoni tiġi ostakolata jew issir sostanzjalment aktar diffiċli, jew jekk il-provvista ta’ sigurtà ma kinitx f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Għandu jkun hemm rimedju disponibbli għad-debitur anke jekk ma jkunux ingħatawlu uffiċjalment l-Ordni u d-dikjarazzjoni dwar il-preservazzjoni kif previst f’dan ir-Regolament jew jekk id-dokumenti mogħtija lilu ma laħqux ir-rekwiżiti lingwistiċi previsti f’dan ir-Regolament. Madankollu, tali rimedju ma għandux jingħata jekk in-nuqqas ta’ notifika jew ta’ traduzzjoni jiġi rettifikat f’perijodu ta’ żmien partikolari. Sabiex jiġi rettifikat in-nuqqas ta’ notifika, il-kreditur għandu jagħmel talba lill-korp responsabbli għan-notifika fl-Istat Membru ta’ oriġini biex jibgħat id-dokumenti rilevanti bil-posta reġistrata lid-debitur jew, fejn id-debitur ikun qabel li jiġbor id-dokumenti fil-qorti, biex jipprovdi t-traduzzjonijiet meħtieġa tad-dokumenti lill-qorti. Tali talba m’għandhiex tintalab jekk in-nuqqas ta’ notifika diġà jkun ġie rettifikat b’mezzi oħra, pereżempju jekk, f’konformità mal-liġi nazzjonali, il-qorti bdiet in-notifika fuq inizjattiva tagħha stess.

(33)

Il-kwistjoni dwar min għandu jipprovdi kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament u min għandu jġarrab l-ispejjeż għal dawn it-traduzzjonijiet titħalla f’idejn il-liġi nazzjonali.

(34)

Il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun inħarġet l-Ordni għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jagħtu rimedji kontra l-ħruġ tal-Ordni ta’ Preservazzjoni. Il-qrati jew, fejn applikabbli, l-awtoritajiet tal-eżekuzzjoni kompetenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jagħtu rimedji għall-eżekuzzjoni tal-Ordni.

(35)

Id-debitur għandu jkollu d-dritt li japplika għar-rilaxx tal-fondi ppreservati jekk huwa jipprovdi garanzija alternattiva adatta. Tali garanzija alternattiva għandha tingħata fil-forma ta’ depożitu ta’ garanzija jew assigurazzjoni alternattiva, bħal garanzija bankarja jew ipoteka.

(36)

Dan ir-Regolament għandu jiżgura li l-preservazzjoni tal-kont tad-debitur ma taffettwax l-ammonti li huma eżentati mill-konfiska skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, pereżempju l-ammonti meħtieġa biex jiġi żgurat l-għajxien tad-debitur u l-familja tiegħu. Skont is-sistema proċedurali applikabbli f’dak l-Istat Membru, l-ammont rilevanti għandu jew jiġi eżentat ex officio mill-korp responsabbli, li tista’ tkun il-qorti, il-bank jew l-awtorità kompetenti tal-eżekuzzjoni, qabel ma tiġi implimentata l-Ordni, jew jiġi eżentat fuq talba tad-debitur wara l-implimentazzjoni tal-Ordni. Meta jiġu ppreservati kontijiet f’diversi Stati Membri u l-eżenzjoni tkun ġiet applikata aktar minn darba, il-kreditur għandu jkun jista’ jressaq rikors quddiem il-qorti kompetenti ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-eżekuzzjoni jew, fejn il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni kkonċernat tipprevedi dan, l-awtorità tal-eżekuzzjoni kompetenti f’dak l-Istat Membru, għal aġġustament tal-eżenzjoni applikata f’dak l-Istat Membru.

(37)

Sabiex jiġi żgurat li l-Ordni ta’ Preservazzjoni tinħareġ u tiġi eżegwita b’mod rapidu u mingħajr dewmien, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-limiti ta’ żmien li fihom iridu jkunu ttieħdu d-diversi passi fil-proċedura. Il-qrati u l-awtoritajiet involuti fil-proċedura għandhom ikunu jistgħu jidderogaw minn dawk il-limiti ta’ żmien f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss, pereżempju f’każijiet li huma legalment jew fattwalment kumplessi.

(38)

Għall-fini tal-kalkolu tal-perijodi u l-limiti ta’ żmien previsti f’dan ir-Regolament, għandu japplika r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (5).

(39)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi previst obbligu għall-Istati Membri li jikkomunikaw ċerta informazzjoni rigward il-leġislazzjoni u l-proċeduri tagħhom relatati ma’ Ordnijiet ta’ Preservazzjoni u ordnijiet nazzjonali ekwivalenti għall-Kummissjoni.

(40)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-prattika, għandhom jiġu stabbiliti formoli standard, b’mod partikolari għall-applikazzjoni għal Ordni, għall-Ordni nnfisha, għad-dikjarazzjoni li tirrigwarda l-preservazzjoni ta’ fondi u għall-applikazzjoni jew appell skont dan ir-Regolament.

(41)

Sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċedimenti, dan ir-Regolament għandu jippermetti l-akbar użu possibbli tat-teknoloġiji moderni tal-komunikazzjoni aċċettati taħt ir-regoli proċedurali tal-Istati Membri kkonċernati, partikolarment għall-finijiet tal-mili tal-formoli standard previsti f’dan ir-Regolament u tal-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet involuti fil-proċedimenti. Barra minn hekk, il-metodi għall-iffirmar tal-Ordni ta’ Preservazzjoni u dokumenti oħra skont dan ir-Regolament għandhom ikunu teknoloġikament newtrali sabiex jippermettu l-applikazzjoni ta’ metodi eżistenti, bħaċ-ċertifikazzjoni diġitali jew l-awtentikazzjoni sigura, u l-iżviluppi tekniċi futuri f’dan il-qasam.

(42)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-istabbiliment u l-emenda sussegwenti tal-formoli standard previsti f’dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(43)

Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw il-formoli standard previsti f’dan ir-Regolament f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

(44)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, huwa jfittex li jiżgura r-rispett tal-ħajja privata u dik tal-familja, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust kif stabbilit fl-Artikoli 7, 8, 17 u 47 tiegħu rispettivament.

(45)

Fil-kuntest tal-aċċess għad-data personali u l-użu u t-trasmissjoni ta’ tali data skont dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġu osservati r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), kif trasposti fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

(46)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, madanakollu jeħtieġ li jiġu stabbiliti xi kondizzjonijiet speċifiċi għall-aċċess għad-data personali u għall-użu u t-trasmissjoni ta’ din id-data. F’dan il-kuntest, l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (8) ttieħdet f’kunsiderazzjoni. In-notifika tas-suġġett tad-data għandha ssir f’konformità mal-liġi nazzjonali. Madankollu, in-notifika tad-debitur dwar l-iżvelar tal-informazzjoni dwar il-kont jew kontijiet tiegħu għandha tiġi diferita bi tletin jum, sabiex jiġi evitat li notifika bikrija tipperikola l-effett tal-Ordni ta’ Preservazzjoni.

(47)

Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-istabbiliment ta’ proċedura tal-Unjoni għal miżura ta’ protezzjoni li tippermetti lill-kreditur jikseb Ordni ta’ Preservazzjoni biex jiġi evitat ir-riskju li l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur milli tiġi pperikolata permezz tat-trasferiment jew il-ġbid ta’ fondi miżmuma mid-debitur f’kont bankarju fl-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri imma pjuttost minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(48)

Dan ir-Regolament għandu japplika biss għal dawk l-Istati Membri li huma marbutin bih skont it-Trattati. Il-proċedura biex tinkiseb Ordni ta’ Preservazzjoni prevista f’dan ir-Regolament għandha għalhekk tkun disponibbli biss għall-kredituri li huma domiċiljati fi Stat Membru marbut b’dan ir-Regolament u Ordnijiet maħruġin skont dan ir-Regolament għandhom jirrigwardaw biss il-preservazzjoni ta’ kontijiet bankarji li jinżammu f’tali Stat Membru.

(49)

F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat x-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(50)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u għat-TFU, u mingħajr preġudizzju għal Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(51)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċedura tal-Unjoni li tippermetti lil kreditur jikseb Ordni Ewropea tal-Preservazzjoni tal-Kontijiet (“Ordni tal-Preservazzjoni” jew “Ordni”) biex jiġi evitat ir-riskju li l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur tiġi pperikolata bit-trasferiment jew il-ġbid ta’ fondi sal-ammont speċifikat fl-Ordni li jinżammu mid-debitur jew f’ismu f’kont bankarju miżmum fi Stat Membru.

2.   L-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha tkun disponibbli għall-kreditur bħala alternattiva għall-miżuri ta’ preservazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal pretensjonijiet pekunarji f’materji ċivili u kummerċjali f’każijiet transkonfinali kif definiti fl-Artikolu 3, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew it-tribunal ikkonċernat (“il-qorti”). Hija ma testendix, b’mod partikolari, għal materji ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tal-Istat (“acta iure imperii”).

2.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

drittijiet fuq proprjetà li jirriżultaw minn relazzjoni matrimonjali jew minn relazzjoni li titqies mil-liġi applikabbli għal tali relazzjoni li għandha effetti komparabbli għal żwieġ;

(b)

testmenti u suċċessjoni, inklużi obbligi tal-manteniment li jirriżultaw minħabba mewt;

(c)

pretensjonijiet kontra debitur li fil-konfront tiegħu jkunu infetħu proċedimenti ta’ falliment, proċedimenti għall-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, kompożizzjonijiet jew proċedimenti analogi;

(d)

sigurtà soċjali;

(e)

arbitraġġ.

3.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal kontijiet bankarji li huma eżenti mill-konfiska skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm il-kont, u lanqas għal kontijiet miżmuma f’konnessjoni mal-operazzjoni ta’ kwalunkwe sistema kif definita fil-punt (a) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

4.   Dan ir-Regolament ma japplikax għal kontijiet bankarji miżmuma minn jew ma’ banek ċentrali meta jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji.

Artikolu 3

Każijiet transkonfinali

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn il-kont jew il-kontijiet bankarji li għandhom jiġu ppreservati mill-Ordni ta’ Preservazzjoni jinżammu fi Stat Membru li mhuwiex:

(a)

l-Istat Membru tal-qorti li quddiemha jsir ir-rikors għall-Ordni ta’ Preservazzjoni skont l-Artikolu 6, jew

(b)

l-Istat li fih il-kreditur huwa domiċiljat.

2.   Il-mument rilevanti biex jiġi stabbilit jekk każ huwiex każ transkonfinali huwa d-data li fiha jsir ir-rikors għall-Ordni ta’ Preservazzjoni mal-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex toħroġ l-Ordni ta’ Preservazzjoni.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“kont bankarju” jew “kont” tfisser kwalunkwe kont li fih fondi li huwa miżmum ma’ bank f’isem id-debitur jew f’isem parti terza għan-nom tad-debitur;

(2)

“bank” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), inklużi fergħat, fit-tifsira tal-punt (17) tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament), ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu li għandhom l-uffiċċji prinċipali tagħhom fl-Unjoni jew, f’konformità mal-Artikolu 47 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), barra l-Unjoni fejn tali fergħat ikunu jinsabu fl-Unjoni;

(3)

“fondi” tfisser flus ikkreditati lil kont fi kwalunkwe munita, jew pretensjonijiet simili għall-ħlas lura ta’ flus, bħal depożiti tas-suq tal-flus;

(4)

“L-Istat Membru li fih il-kont bankarju huwa miżmum” tfisser:

(a)

l-Istat Membru indikat fl-IBAN tal-kont (Numru Internazzjonali tal-Kont tal-Bank); jew

(b)

għal kont bankarju li ma għandux IBAN, l-Istat Membru li fih il-bank li miegħu l-kont huwa miżmum għandu l-uffiċċju prinċipali tiegħu jew, fejn il-kont huwa miżmum ma’ fergħa, l-Istat Membru li fih tinsab il-fergħa;

(5)

“pretensjoni” tfisser pretensjoni għall-ħlas ta’ ammont speċifiku ta’ flus dovut jew pretensjoni għall-ħlas ta’ammont determinabbli ta’ flus li jirriżulta minn transazzjoni jew avveniment li jkun diġà seħħ dejjem jekk tali pretensjoni tista’ tinġieb quddiem qorti;

(6)

“kreditur” tfisser persuna fiżika domiċiljata fi Stat Membru jew persuna ġuridika domiċiljata fi Stat Membru jew kwalunkwe entità oħra domiċiljata fi Stat Membru li għandha kapaċità legali li tħarrek jew tiġi mħarrka skont il-liġi ta’ Stat Membru, jew li tapplika għal, jew tkun diġà kisbet, Ordni ta’ Preservazzjoni marbuta ma’ pretensjoni;

(7)

“debitur” tfisser persuna fiżika jew persuna ġuridika jew kwalunkwe entità oħra li għandha kapaċità legali li tħarrek jew tiġi mħarrka skont il-liġi ta’ Stat Membru, li fil-konfront tagħha l-kreditur, jipprova jikseb jew diġà jkun kiseb, Ordni ta’ Preservazzjoni marbuta ma’ pretensjoni;

(8)

“sentenza” tfisser kwalunkwe sentenza mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, irrispettivament minn kif tissejjaħ is-sentenza, inkluż deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-kosti jew spejjeż minn uffiċjal tal-qorti;

(9)

“transazzjoni ġudizzjarja” tfisser transazzjoni li ġiet approvata minn qorti ta’ Stat Membru jew li ġiet konkluża quddiem qorti ta’ Stat Membru matul il-proċedimenti;

(10)

“strument awtentiku” tfisser dokument li jkun ġie imfassal jew irreġistrat b’mod formali bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:

(a)

hija relatata mal-firma u l-kontenut tal-istrument; u

(b)

tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra li jkollha s-setgħa għal dak il-għan;

(11)

“Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru li fih inħarġet l-Ordni ta’ Preservazzjoni;

(12)

“Stat Membru tal-eżekuzzjoni” tfisser l-Istat Membru li fih ikun miżmum il-kont bankarju li għandu jiġi ppreservat;

(13)

“awtorità tal-informazzjoni” tfisser l-awtorità li l-Istat Membru jkun innomina bħala kompetenti għall-finijiet tal-kisba tal-informazzjoni neċessarja dwar il-kont jew kontijiet tad-debitur skont l-Artikolu 14;

(14)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità jew awtoritajiet li Stat Membru jkun innomina bħala kompetenti biex jirċievi, jittrasmetti jew jinnotifika bis-saħħa tal-Artikolu 10(2), l-Artikolu 23(3), (5) u (6), l-Artikoli 25(3), l-Artikolu 27(2) u 28(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 36(5);

(15)

“domiċilju” tfisser domiċilju kif iddeterminat skont l-Artikoli 62 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12).

KAPITOLU 2

PROĊEDURA BIEX TINKISEB ORDNI TA’ PRESERVAZZJONI

Artikolu 5

Disponibbiltà

L-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha tkun disponibbli għall-kreditur fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)

qabel ma l-kreditur jibda proċedimenti fi Stat Membru kontra d-debitur dwar il-mertu tal-kwistjoni, jew fi kwalunkwe stadju matul tali proċedimenti sal-pubblikazzjoni tas-sentenza jew il-konklużjoni ta’ transazzjoni ġudizzjarja;

(b)

wara li l-kreditur ikun kiseb sentenza, transazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku fi Stat Membru, li jitlob li d-debitur iħallas il-pretensjoni tal-kreditur.

Artikolu 6

Ġurisdizzjoni

1.   Fejn il-kreditur ma jkunx għadu kiseb sentenza, transazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku, il-qrati li għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex joħorġu Ordni tal-Preservazzjoni għandhom ikunu l-qrati tal-Istat Membru li jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jieħdu deċiżjoni dwar il-mertu tal-kwistjoni f’konformità mar-regoli rilevanti tal-ġurisdizzjoni applikabbli.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn id-debitur huwa konsumatur li jkun ikkonkluda kuntratt mal-kreditur għal raġuni li tista’ titqies bħala waħda li mhix parti mis-sengħa jew mill-professjoni tad-debitur, huma biss il-qrati tal-Istat Membru li fih id-debitur huwa domiċiljat li għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex joħorġu Ordni ta’ Preservazzjoni maħsuba biex tiggarantixxi pretensjoni relatata ma’ dak il-kuntratt.

3.   Fejn il-kreditur ikun diġà kiseb sentenza jew riżoluzzjoni bil-qorti, il-qrati tal-Istat Membru li fih tkun inħarġet is-sentenza jew tkun ġiet approvata jew konkluża r-riżoluzzjoni bil-qorti għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni li joħorġu Ordni ta’ Preservazzjoni għal-pretensjoni speċifikata fis-sentenza jew fir-riżoluzzjoni bil-qorti.

4.   Fejn il-kreditur ikun kiseb strument awtentiku, il-ġurisdizzjoni għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni għal-pretensjoni speċifikata f’dak l-istrument għandha taqa’ taħt il-kompetenza tal-qrati nnominati għal dak l-iskop fl-Istat Membru li fih ikun tfassal dak l-istrument.

Artikolu 7

Kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni

1.   Il-qorti għandha toħroġ l-Ordni ta’ Preservazzjoni meta l-kreditur ikun ippreżenta evidenza suffiċjenti biex tissodisfaw il-qorti li hemm ħtieġa urġenti għal miżura protettiva fil-forma ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni għax hemm riskju reali li, mingħajr tali miżura, l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur kontra d-debitur ser tkun ostakolata jew issir sostanzjalment aktar diffiċli.

2.   Fejn il-kreditur ma jkunx għadu kiseb fi Stat Membru sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku li jitolbu li d-debitur iħallas il-pretensjoni tal-kreditur, il-kreditur għandu jippreżenta wkoll evidenza suffiċjenti li tissodisfa l-qorti li x’aktarx li l-kreditur jingħata raġun dwar il-mertu tal-pretensjoni tiegħu kontra d-debitur.

Artikolu 8

Rikors għal Ordni ta’ Preservazzjoni

1.   Ir-rikorsi għal Ordni ta’ Preservazzjoni għandhom isiru bl-użu tal-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2).

2.   Ir-rikors għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-qorti li magħha jsir ir-rikors;

(b)

dettalji dwar il-kreditur: isem u dettalji ta’ kuntatt u, fejn applikabbli, isem u dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentant tal-kreditur, u:

(i)

meta l-kreditur ikun persuna fiżika, id-data tat-twelid tiegħu u, jekk applikabbli u disponibbli, in-numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tiegħu, jew

(ii)

meta l-kreditur ikun persuna ġuridika jew kwalunkwe entità oħra li jkollha kapaċità legali li tħarrek jew titħarrek skont il-liġi ta’ Stat Membru, l-Istat tal-inkorporazzjoni, formazzjoni, jew reġistrazzjoni u n-numru tal-karta tal-identità jew tar-reġistrazzjoni tiegħu jew, fejn ma jeżistix tali numru, id-data u l-post tal-inkorporazzjoni, formazzjoni, jew reġistrazzjoni tiegħu;

(c)

dettalji dwar id-debitur: isem u dettalji ta’ kuntatt u, fejn applikabbli, isem u dettalji ta’ kuntatt tar-rappreżentant tad-debitur u, jekk disponibbli:

(i)

meta d-debitur ikun persuna fiżika, id-data tat-twelid u n-numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport tiegħu, jew

(ii)

meta d-debitur ikun persuna ġuridika jew kwalunkwe entità oħra li jkollha kapaċità legali li tħarrek jew titħarrek skont il-liġi ta’ Stat Membru, l-Istat tal-inkorporazzjoni, formazzjoni, jew reġistrazzjoni tiegħu u n-numru tal-karta tal-identità jew tar-reġistrazzjoni tiegħu jew, fejn ma jeżistix tali numru, id-data u l-post tal-inkorporazzjoni, formazzjoni, jew reġistrazzjoni tiegħu;

(d)

numru li jippermetti l-identifikazzjoni tal-bank, bħall-IBAN jew BIC u/jew l-isem u l-indirizz tal-bank, li fih id-debitur għandu kont wieħed jew aktar li jridu jiġu ppreservati;

(e)

jekk disponibbli, in-numru tal-kont jew il-kontijiet li għandu jiġi ppreservat u, f’tali każ, indikazzjoni dwar jekk għandux jiġi ppreservat kwalunkwe kont ieħor li l-kreditur ikollu mal-istess bank;

(f)

fejn ma jista’ jingħata xejn mill-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (d), dikjarazzjoni li tkun saret talba biex tinkiseb informazzjoni dwar il-kont skont l-Artikolu 14, fejn tali talba tkun possibbli, u spjegazzjoni tar-raġunijiet għaliex il-kreditur jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fi Stat Membru speċifiku;

(g)

l-ammont li għalih qed tintalab l-Ordni tal-Preservazzjoni:

(i)

meta l-kreditur ikun għadu ma kisibx sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, l-ammont tal-pretensjoni prinċipali jew parti minnu u ta’ kwalunkwe mgħax irkuprabbli skont l-Artikolu 15;

(ii)

meta l-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, l-ammont tal-pretensjoni prinċipali kif speċifikat fis-sentenza, ir-riżoluzzjoni bil-qorti jew l-istrument awtentiku jew parti minnu u ta’ kwalunkwe mgħax u spiża irkuprabbli skont l-Artikolu 15;

(h)

meta l-kreditur ikun għadu ma kisibx sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku:

(i)

deskrizzjoni tal-elementi rilevanti kollha li huma ta’ sostenn għall-qorti li magħha jsir ir-rikors għal Ordni tal-Preservazzjoni;

(ii)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha invokati bħala l-bażi tal-pretensjoni, u, fejn applikabbli, tal-imgħax mitlub;

(iii)

dikjarazzjoni li tindika jekk il-kreditur ikunx diġà beda proċedimenti kontra d-debitur dwar il-mertu tal-kwistjoni;

(i)

meta l-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, dikjarazzjoni li jkun għad m’hemmx konformità mas-sentenza, ir-riżoluzzjoni bil-qorti jew l-istrument awtentiku, jew, fejn ikun hemm konformità parzjali, indikazzjoni tal-punt sa fejn hemm nuqqas ta’ konformità;

(j)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jiġġustifikaw il-ħruġ tal-Ordni ta’ Preservazzjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 7(1);

(k)

fejn applikabbli, indikazzjoni tar-raġunijiet li għalihom il-kreditur jemmen li għandu jiġi eżentat milli jipprovdi garanzija skont l-Artikolu 12;

(l)

lista tal-evidenza kollha pprovduta mill-kreditur;

(m)

dikjarazzjoni kif prevista fl-Artikolu 16 dwar jekk il-kreditur issottometta lill-qrati jew lill-awtoritajiet oħra b’rikors għal ordni nazzjonali ekwivalenti jew jekk tali ordni diġà nkisbet jew ġiet miċħuda u, jekk inkisbet, sa liema punt din ġiet implimentata;

(n)

indikazzjoni fakultattiva tal-kont tal-bank tal-kreditur li għandu jintuża għal kull ħlas volontarju tal-pretensjoni mid-debitur;

(o)

dikjarazzjoni li l-informazzjoni mogħtija mill-kreditur fir-rikors sa fejn jaf hu hija vera u kompleta u li l-kreditur huwa konxju li kwalunkwe dikjarazzjoni deliberatament falza jew mhux kompleta tista’ twassal għal konsegwenzi legali skont il-liġi tal-Istat Membru li fih isir ir-rikors jew għal responsabbiltà skont l-Artikolu 13.

3.   Ir-rikors għandu jiġi akkumpanjat mid-dokumenti ta’ sostenn l-oħra kollha rilevanti u, meta l-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, minn kopja tas-sentenza, ir-riżoluzzjoni bil-qorti jew l-istrument awtentiku li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha.

4.   Ir-rikors u d-dokumenti ta’ sostenn jistgħu jiġu ppreżentati bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, inkluż dak elettroniku, li jkun aċċettat taħt ir-regoli ta’ proċedura tal-Istat Membru fejn isir ir-rikors.

Artikolu 9

Ġbir ta’ evidenza

1.   Il-qorti għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ proċedura bil-miktub abbażi tal-informazzjoni u levidenza mogħtija mill-kreditur fir-rikors tiegħu jew flimkien miegħu. Jekk il-qorti tqis li l-evidenza mogħtija ma tkunx suffiċjenti hija tista’, fejn il-liġi nazzjonali tippermetti, titlob lill-kreditur jagħti evidenzadokumentata addizzjonali.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 u soġġett għall-Artikolu 11, il-qorti tista’, dment li dan ma jikkawżax dewmien żejjed fil-proċedimenti, tuża wkoll kwalunkwe metodu ieħor adatt għall-ġbir tal-evidenza li tkun disponibbli skont il-liġi nazzjonali tagħha, bħax-xhieda tal-kreditur jew tax-xhud/xhieda tiegħu inkluż permezz ta’ vidjokonferenza jew teknoloġija tal-komunikazzjoni oħra.

Artikolu 10

Bidu ta’ proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni

1.   Meta l-kreditur ikun applika għal Ordni ta’ Preservazzjoni qabel ma jibda proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni, huwa għandu jibda dawn il-proċedimenti u jagħti prova ta’ tali bidu lill-qorti li magħha jkun sar ir-rikors għall-Ordni ta’ Preservazzjoni fi żmien 30 jum mid-data li fiha r-rikors ikun sar jew fi żmien 14-il jum mid-data tal-ħruġ tal-Ordni, skont liema data tkun l-iktar tard. Il-qorti tista’ wkoll, fuq it-talba tad-debitur, testendi dak il-perijodu ta’ żmien, pereżempju sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jittransiġu l-pretensjoni, u għandha tgħarraf liż-żewġ partijiet dwar dan.

2.   Jekk il-qorti ma tkunx irċeviet prova tal-bidu tal-proċedimenti fi żmien il-perijodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 1, l-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha titħassar jew tittermina u l-partijiet għandhom jiġu mgħarrfa dwar dan.

Meta l-qorti li ħarġet l-Ordni tkun tinsab fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, it-tħassir jew it-terminazzjoni tal-Ordni f’dak l-Istat Membru għandha ssir f’konformità mal-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

Fejn ikun meħtieġ li t-tħassir jew it-terminazzjoni tiġi implimentata fi Stat Membru minbarra l-Istat Membru tal-oriġini, il-qorti għandha tħassar l-Ordni ta’ Preservazzjoni billi tuża l-formola ta’ tħassir stabbilita permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2) u għandha tittrasmetti l-formola tar-revoka skont l-Artikolu 29 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Dik l-awtorità għandha tieħu l-passi neċessarji billi tapplika l-Artikolu 23 kif xieraq biex timplimenta t-tħassir jew it-terminazzjoni.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni għandhom jitqiesu li bdew:

(a)

fil-waqt meta d-dokument li jniedi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġi ppreżentat fil-qorti, dment li l-kreditur ma jkunx sussegwentement naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu sabiex id-debitur jiġi notifikat; jew

(b)

jekk id-dokument għandu jkun innotifikat qabel ma jiġi ppreżentat quddiem il-qorti, fil-ħin meta tirċievih l-awtorità responsabbli għan-notifika, dment illi l-kreditur ma jkunx sussegwentement naqas milli jieħu l-passi li kien meħtieġ jieħu biex jara li d-dokument ikun ippreżentat lill-qorti.

L-awtorità responsabbli għan-notifika msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tkun l-ewwel awtorità li tirċievi d-dokumenti li għandhom jiġu nnotifikati.

Artikolu 11

Proċedura ex parte

Id-debitur ma għandux jiġi nnotifikat bir-rikors għal Ordni ta’ Preservazzjoni jew jinstema’ qabel il-ħruġ tal-Ordni.

Artikolu 12

Garanzija li għandha tingħata mill-kreditur

1.   Qabel ma toħroġ Ordni ta’ Preservazzjoni f’każ meta l-kreditur ikun għadu ma kisibx sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, il-qorti għandha tobbliga lill-kreditur biex jipprovdi garanzija għal ammont biżżejjed biex tevita l-abbuż tal-proċedura prevista minn dan ir-Regolament u biex tiżgura kumpens għal kwalunkwe dannu mġarrab mid-debitur b’riżultat tal-Ordni sa fejn il-kreditur ikun responsabbli għal tali dannu skont l-Artikolu 13.

B’eċċezzjoni, il-qorti tista’ tagħti eżenzjoni mir-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu jekk tqis li l-forniment ta’ garanzija msemmija f’dak is-subparagrafu ma tkunx xierqa fiċ-ċirkostanzi tal-każ.

2.   Meta l-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, il-qorti tista’, qabel ma toħroġ l-Ordni, titlob lill-kreditur jagħti garanzija kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 jekk hija tqis li dan ikun meħtieġ u adatt fiċ-ċirkostanzi tal-każ.

3.   Jekk il-qorti tesiġi li tingħata garanzija skont dan l-Artikolu, hija għandha tgħarraf lill-kreditur bl-ammont meħtieġ u bil-forom ta’ garanzija aċċettabbli skont il-liġi tal-Istat Membru fejn tinsab il-qorti. Hija għandha tindika lill-kreditur li ser toħroġ Ordni ta’ Preservazzjoni ladarba tkun ingħatat garanzija f’konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti.

Artikolu 13

Responsabbiltà tal-kreditur

1.   Il-kreditur għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat lid-debitur mill-Ordni ta’ Preservazzjoni minħabba tort min-naħa tal-kreditur. L-oneru tal-prova għandu jkun fuq id-debitur.

2.   Fil-każijiet li ġejjin, it-tort min-naħa tal-kreditur għandu jkun preżunt sakemm ma jippruvax mod ieħor:

(a)

jekk l-Ordni titħassar għar-raġuni li l-kreditur ikun naqas milli jibda proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni, ħlief jekk l-ommissjoni kienet konsegwenza tal-ħlas tal-pretensjoni mid-debitur jew forma oħra għal riżoluzzjoni bejn il-partijiet;

(b)

jekk il-kreditur ikun naqas milli jitlob ir-rilaxx ta’ ammonti żejda ppreservati kif previst fl-Artikolu 27;

(c)

jekk sussegwentement jinsab li l-ħruġ tal-Ordni ma kienx xieraq jew kien xieraq biss f’ammont inqas minħabba n-nuqqas min-naħa tal-kreditur li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 16; jew

(d)

jekk l-Ordni titħassar jew l-eżekuzzjoni tagħha tiġi terminata għax il-kreditur ikun naqas milli jikkonforma mal-obbligi taħt dan ir-Regolament rigward is-servizz jew it-traduzzjoni ta’ dokumenti jew rigward ir-rettifika tan-nuqqas ta’ notifika jew in-nuqqas ta’ traduzzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom kriterji jew tipi ta’ responsabbiltà jew regoli oħrajn dwar l-oneru tal-prova. Kwalunkwe aspett ieħor relatat mar-responsabbiltà tal-kreditur lejn id-debitur li mhuwiex indirizzat speċifikament fil-paragrafu 1 jew 2 għandu jkun irregolat mil-liġi nazzjonali.

4.   Il-liġi li tapplika għar-responsabbiltà tal-kreditur għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Jekk il-kontijiet ikunu ppreservati f’aktar minn Stat Membru wieħed, il-liġi applikabbli għar-responsabbiltà tal-kreditur għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni:

(a)

li fih id-debitur ikollu r-residenza abitwali tiegħu kif definit fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), jew fin-nuqqas ta’ dan,

(b)

li jkollu l-eqreb rabta mal-każ.

5.   Dan l-Artikolu ma jittrattax il-kwistjoni ta’ responsabbiltà possibbli tal-kreditur lejn il-bank jew kwalunkwe parti terza.

Artikolu 14

Talba biex tinkiseb informazzjoni dwar kontijiet

1.   Meta l-kreditur ikun kiseb fi Stat Membru sentenza, soluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku eżegwibbli li jeħtieġ li d-debitur iħallas il-pretensjoni tal-kreditur u l-kreditur ikollu raġunijiet biex jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fi Stat Membru speċifikat, iżda ma jkun jaf la l-isem u/jew lanqas l-indirizz tal-bank u lanqas l-IBAN, il-BIC jew numru bankarju ieħor li jippermetti li l-bank jiġi identifikat, huwa jista’ jitlob lill-qorti li sarilha ir-rikors għall-Ordni ta’ Preservazzjoni biex titlob li l-awtorità tal-informazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tikseb l-informazzjoni neċessarja biex til-bank jew banek u l-kont jew kontijiet tad-debitur ikunu jistgħu jiġu identifikati.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, il-kreditur jista’ jagħmel it-talba msemmija f’dak is-subparagrafu fejn is-sentenza, it-transazzjoni ġudizzjarja jew l-istrument awtentiku miksub mill-kreditur ikun għadu ma ġiex eżegwit u l-ammont li għandu jiġi preservat ikun sostanzjali b’kont meħud taċ-ċirkostanzi rilevanti, u l-kreditur ikun ippreżenta evidenza suffiċjenti li tissodisfa l-qorti li hemm ħtieġa urġenti għal informazzjoni dwar il-kontijiet għaliex hemm riskju li, mingħajr tali informazzjoni, l-eżekuzzjoni sussegwenti tal-pretensjoni tal-kreditur kontra d-debitur x’aktarx tiġi pperikolata u li dan konsegwentement jista’ jwassal għal deterjorament sostanzjali tas-sitwazzjoni tal-kreditur.

2.   Il-kreditur għandu jagħmel it-talba msemmija fil-paragrafu 1 fir-rikors għall-Ordni ta’ Preservazzjoni. Il-kreditur għandu jissustanzja r-raġunijiet għalfejn jemmen li d-debitur għandu kont wieħed jew aktar ma’ bank fl-Istat Membru speċifiku u għandu jagħti l-informazzjoni kollha rilevanti disponibbli għalih dwar id-debitur u l-kont jew il-kontijiet li għandhom ikunu preservati. Jekk il-qorti li quddiemha jkun tressaq ir-rikors għal Ordni ta’ Preservazzjoni tqis li t-talba tal-kreditur ma jkollhiex biżżejjed raġunijiet, hija għandha tiċħadha.

3.   Meta l-qorti tkun sodisfatta li t-talba tal-kreditur ikollha biżżejjed raġunijiet u li jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti kollha għall-ħruġ tal-Ordni ta’ Preservazzjoni, minbarra r-rekwiżit tal-informazzjoni stipulat fil-punt (d) tal-Artikolu 8(2), u, fejn applikabbli, ir-rekwiżit ta’ garanzija f’konformità mal-Artikolu 12, il-qorti għandha tibgħat it-talba għall-informazzjoni lill-awtorità tal-informazzjoni tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni f’konformità mal-Artikolu 29.

4.   Sabiex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità tal-informazzjoni fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha tuża wieħed mill-metodi disponibbli f’dak l-Istat Membru skont il-paragrafu 5.

5.   Kull Stat Membru għandu jagħmel disponibbli fil-liġi nazzjonali tiegħu tal-inqas wieħed mill-metodi li ġejjin sabiex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1:

(a)

obbligu fuq il-banek kollha fit-territorju tiegħu li jiżvelaw, fuq talba mill-awtorità tal-informazzjoni, jekk id-debitur għandux xi kont magħhom;

(b)

aċċess mill-awtorità tal-informazzjoni għall-informazzjoni rilevanti fejn dik l-informazzjoni tinżamm mill-awtoritajiet jew l-amministrazzjonijiet pubbliċi f’reġistri jew b’xi mod ieħor;

(c)

il-possibbiltà li l-qrati jobbligaw lid-debitur li jiżvela ma’ liema bank jew banek fit-territorju tiegħu huwa jkollu kont wieħed jew aktar fejn tali obbligu huwa akkumpanjat minn ordni in personam mill-qorti li tipprojbixxi l-użu, il-ġbid jew it-trasferiment minnu tal-fondi miżmumin fil-kont jew il-kontijiet tiegħu sal-ammont ippreservat mill-Ordni tal- Preservazzjoni; jew

(d)

kwalunkwe metodu ieħor li huwa effettiv u effiċjenti għall-finijiet li tinkiseb l-informazzjoni rilevanti dment li ma jinvolvux spejjeż sproporzjonat jew jieħdu żmien eċċessiv.

Irrispettivament mill-metodu jew il-metodi li jkunu disponibbli minn Stat Membru, l-awtoritajiet kollha involuti fil-kisba tal-informazzjoni għandhom jaġixxu mingħajr dewmien.

6.   Hekk kif l-awtorità tal-informazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tkun kisbet l-informazzjoni dwar il-kont, hija għandha tibgħatha lill-qorti li tkun talbet l-informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 29.

7.   Jekk l-awtorità tal-informazzjoni ma tkunx tista’ tikseb l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 hija għandha tinforma b’dan lill-qorti rikjedenti. Fejn, bħala riżultat tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet, ir-rikors għal Ordni ta’ Preservazzjoni jinċaħad kompletament, il-qorti li tkun ressqet it-talba għandha mingħajr dewmien tirrilaxxa kwalunkwe garanzija li l-kreditur ikun eventwalment ipprovda skont l-Artikolu 12.

8.   Fejn taħt dan l-Artikolu l-awtorità tal-informazzjoni tingħata informazzjoni minn bank jew tingħata aċċess għal informazzjoni dwar il-kont miżmuma mill-awtoritajiet jew mill-amministrazzjonijiet pubbliċi f’reġistri, in-notifika tad-debitur dwar l-iżvelar tad-data personali tiegħu għandha tiġi ddifferita għal 30 jum, sabiex jiġi evitat li notifika bikrija tipperikola l-effett tal-Ordni ta’ Preservazzjoni.

Artikolu 15

Imgħax u spejjeż

1.   Fuq it-talba tal-kreditur, l-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha tinkludi kwalunkwe mgħax li jkun akkumula skont il-liġi applikabbli għall-pretensjoni sad-data tal-ħruġ tal-Ordni, dment li l-ammont jew it-tip ta’ mgħax ma jkunx tali li l-inklużjoni tiegħu jikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjonijiet obbligatorji sovrastanti fil-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini.

2.   Meta l-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, transazzjoni ġudizzjarja bil-qorti jew strument awtentiku, l-Ordni ta’ Preservazzjoni għandha, fuq it-talba tal-kreditur, tinkludi wkoll l-ispejjeż għall-kisba ta’ tali sentenza, transazzjoni jew strument, sa fejn tkun saret determinazzjoni li dawk l-ispejjeż għandhom jiġġarbu mid-debitur.

Artikolu 16

Rikorsi paralleli

1.   Il-kreditur ma jistax jippreżenta quddiem diversi qrati fl-istess ħin rikorsi paralleli għal Ordni ta’ Preservazzjoni kontra l-istess debitur li għandhom l-għan li jiggarantixxu l-istess pretensjoni.

2.   Fir-rikors tiegħu għal Ordni ta’ Preservazzjoni, il-kreditur għandu jiddikjara jekk huwa ppreżentax f’xi qorti jew awtorità oħra rikors għal ordni nazzjonali ekwivalenti kontra l-istess debitur u li kellu l-għan li jiggarantixxi l-istess pretensjoni jew jekk kisibx diġà tali ordni. Huwa għandu jindika wkoll kwalunkwe rikors għal tali ordni li jkun ġie miċħud bħala inammissibbli jew infondat.

3.   Jekk il-kreditur jikseb ordni nazzjonali ekwivalenti kontra l-istess debitur u li għandu l-għan li jiggarantixxi l-istess pretensjoni waqt il-proċedimenti għall-ħruġ ta’ Ordni ta’ Preservazzjoni, huwa għandu jinforma lill-qorti b’dan u bi kwalunkwe implimentazzjoni sussegwenti tal-ordni nazzjonali mogħtija. Huwa għandu jinforma wkoll lill-qorti bi kwalunkwe rikors għal ordni nazzjonali ekwivalenti li jkun ġie miċħud bħala inammissibbli jew infondat.

4.   Meta l-qorti tiġi infurmata li l-kreditur diġà kiseb ordni nazzjonali ekwivalenti, hija għandha tikkunsidra fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, jekk għadux adatt li toħroġ l-Ordni ta’ Preservazzjoni, sħiħ jew parzjali.

Artikolu 17

Deċiżjoni dwar ir-rikors għall-Ordni ta’ Preservazzjoni

1.   Il-qorti li quddiemha tressaq rikors għal Ordni ta’ Preservazzjoni għandha teżamina jekk intlaħqux il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   Il-qorti għandha tiddeċiedi dwar ir-rikors mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard mill-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 18.

3.   Meta l-kreditur ma jkunx ipprovda l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-Artikolu 8, il-qorti tista’, sakemm ir-rikors ma jkunx manifestament inammissibbli jew infondat, tagħti lill-kreditur l-opportunità li jikkompleta jew jirretifika r-rikors f’perijodu ta’ żmien li għandu jkun speċifikat mill-qorti. Jekk il-kreditur jonqos milli jikkompleta jew jirratifika r-rikors f’dak il-perijodu ta’ żmien, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

4.   L-Ordni tal-Preservazzjoni għandha tinħareġ għall-ammont li jkun iġġustifikat mill-evidenza msemmija fl-Artikolu 9 u kif determinat mil-liġi applikabbli għall-pretensjoni sottostanti, u għandha tinkludi, fejn adatt, imgħax u/jew spejjeż skont l-Artikolu 15.

Fl-ebda ċirkostanza l-Ordni ma tista’ tinħareġ f’ammont li jaqbeż l-ammont indikat mill-kreditur fir-rikors tiegħu.

5.   Id-deċiżjoni dwar ir-rikors għandha tiġi nnotifikata lill-kreditur f’konformità mal-proċedura prevista bil-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini għal ordnijiet nazzjonali ekwivalenti.

Artikolu 18a

Limiti ta’ żmien għad-deċiżjoni dwar ir-rikors għal Ordni tal-Preservazzjoni

1.   Meta l-kreditur ikun għadu ma kisibx sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, il-qorti għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha sa tmiem l-għaxar jum ta’ xogħol wara li l-kreditur ikun ippreżenta, jew fejn applikabbli, ikkompleta r-rikors tiegħu.

2.   Meta l-kreditur ikun diġà kiseb sentenza, riżoluzzjoni bil-qorti jew strument awtentiku, il-qorti għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha sa tmiem il-ħames jum ta’ xogħol wara li l-kreditur ikun ippreżenta, jew fejn applikabbli, lesta r-rikors tiegħu.

3.   Meta l-qorti tiddetermina skont l-Artikolu 9(2) li tkun meħtieġa seduta tal-kreditur u, skont il-każ, tax-xhieda tiegħu, il-qorti għandha żżomm is-seduta mingħajr dewmien u għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha sa tmiem il-ħames jum ta’ xogħol wara li tkun saret is-seduta.

4.   Fis-sitwazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 12, il-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw għad-deċiżjoni li titlob lill-kreditur jipprovdi garanzija. Il-qorti għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha dwar ir-rikors għal Ordni tal-Preservazzjoni mingħajr dewmien ladarba l-kreditur ikun ipprovda l-garanzija meħtieġa.

5.   Minkejja l-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, f’sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 14, il-qorti għandha toħroġ id-deċiżjoni tagħha mingħajr dewmien ladarba tkun irċeviet l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(6) jew (7), ladarba l-kreditur ikun ipprovda kwalunkwe garanzija meħtieġa sa dak iż-żmien.

Artikolu 19

Forma u kontenut tal-Ordni tal-Preservazzjoni

1.   L-Ordni tal-Preservazzjoni għandha tinħareġ bl-użu tal-formola stabbilita permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50a(2) u għandu jkollha timbru, firma u kwalunkwe awtentikazzjoni oħra tal-qorti. Il-formola għandha tkun magħmula minn żewġ partijiet:

(a)

parti A, li fiha l-informazzjoni kif tinsab fil-paragrafu 2 li għandha tingħata lill-bank, lill-kreditur u lid-debitur; u

(b)

parti B, li fiha l-informazzjoni kif tinsab fil-paragrafu 3 li għandha tingħata lill-kreditur u lid-debitur flimkien mal-informazzjoni skont il-paragrafu 2.

2.   Parti A għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-qorti u numru tal-fajl tal-kawża;

(b)

dettalji tal-kreditur kif indikat fil-punt (b) tal-Artikolu 8(2);

(c)

dettalji tad-debitur kif indikat fil-punt (c) tal-Artikolu 8(2);

(d)

l-isem u l-indirizz tal-bank li huwa kkonċernat mill-Ordni;

(e)

jekk il-kreditur ikun ta n-numru tal-kont tad-debitur fir-rikors, in-numru tal-kont jew il-kontijiet li għandhom jiġu ppreservati, u, fejn applikabbli, indikazzjoni dwar jekk għandux jiġi ppreservat ukoll kwalunkwe kont ieħor li d-debitur ikollu mal-istess bank;

(f)

fejn applikabbli, indikazzjoni li n-numru ta’ kwalunkwe kont li għandu jiġi ppreservat inkiseb permezz ta’ talba skont l-Artikolu 14 u li l-bank, fejn meħtieġ skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(4), għandu jikseb in-numru jew numri kkonċernati mill-awtorità tal-informazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni;

(g)

l-ammont li għandu jiġi ppreservat mill-Ordni;

(h)

struzzjoni lill-bank biex jimplimenta l-Ordni skont l-Artikolu 24;

(i)

id-data tal-ħruġ tal-Ordni;

(j)

jekk il-kreditur ikun indika kont fir-rikors tiegħu skont punt (n) tal-Artikolu 8(2), awtorizzazzjoni lill-bank skont l-Artikolu 24(3) biex jirrilaxxa u jittrasferixxi, jekk mitlub jagħmel dan mid-debitur u jekk permess mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, fondi sal-ammont speċifikat fl-Ordni mill-kont ippreservat lill-kont li l-kreditur ikun indika fir-rikors tiegħu;

(k)

informazzjoni dwar fejn wieħed jista’ jsib il-verżjoni elettronika tal-formola li għandha tintuża għad-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25.

3.   Il-Parti B għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tas-suġġett tal-każ u r-raġunament tal-qorti għall-ħruġ tal-Ordni;

(b)

l-ammont tal-garanzija mogħtija mill-kreditur, jekk ikun hemm;

(c)

fejn applikabbli, l-iskadenza ta’ żmien biex jinbdew il-proċedimenti dwar il-mertu tal-kwistjoni u biex jingħataw provi ta’ tali bidu lill-qorti emittenti;

(d)

fejn applikabbli, indikazzjoni dwar liema dokumenti għandhom jiġu tradotti skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 49(1);

(e)

fejn applikabbli, indikazzjoni li l-kreditur huwa responsabbli li jibda l-eżekuzzjoni tal-Ordni u konsegwentement, fejn applikabbli, indikazzjoni li l-kreditur huwa responsabbli li jittrasmettiha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni skont l-Artikolu 23(3) u li jibda n-notifika lid-debitur skont l-Artikolu 28(2), (3) u (4); u

(f)

informazzjoni dwar ir-rimedji disponibbli għad-debitur.

4.   Meta l-Ordni tal-Preservazzjoni tkun tikkonċerna kontijiet f’banek differenti, għandha timtela formola separata (parti A skont il-paragrafu 2) għal kull bank. F’tali każ, il-formola pprovduta lill-kreditur u d-debitur (partijiet A u B skont il-paragrafi 2 u 3 rispettivament) għandu, jkun fiha lista tal-banek kollha kkonċernati.

Artikolu 20

Tul taż-żmien tal-preservazzjoni

Il-fondi ppreservati bl-Ordni tal-Preservazzjoni għandhom jibqgħu ppreservati kif previst fl-Ordni jew fi kwalunkwe modifika ta’ jew limitazzjoni ta’ dik l-Ordni sussegwenti skont il-Kapitolu 4:

(a)

sakemm l-Ordni tiġi rrevokata;

(b)

sakemm l-eżekuzzjoni tal-Ordni tiġi tterminata; jew

(c)

sakemm tidħol fis-seħħ miżura għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza, transazzjoni ġudizzjarja jew strument awtentiku miksub mill-kreditur li hi marbuta mal-pretensjoni li l-Ordni tal-Preservazzjoni kellha l-għan li tiggarantixxi fir-rigward tal-fondi ppreservati mill-Ordni.

Artikolu 21

Appell kontra rifjut li jinħareġ l-Ordni tal-Preservazzjoni

1.   Il-kreditur għandu jkollu d-dritt ta’ appell kontra kwalunkwe deċiżjoni tal-qorti li tiċħad kollu kemm hu jew in parti r-rikors tiegħu għal Ordni tal-Preservazzjoni.

2.   Tali appell għandu jkun ippreżentat fi żmien 30 jum mid-data li fiha d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet innotifikata lill-kreditur. Huwa għandu jiġi ppreżentat fil-qorti kkomunikata mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni skont il-punt (d) tal-Artikolu 50(1).

3.   Meta r-rikors għall-Ordni tal-Preservazzjoni tinċaħad kompletament, l-appell għandu jiġi ttrattat fi proċedimenti ex parte kif previst fl-Artikolu 11.

KAPITOLU 3

RIKONOXXIMENT, EŻEGWIBBILTÀ U EŻEKUZZJONI TAL-ORDNI TAL-PRESERVAZZJONI

Artikolu 22

Rikonoxximent u eżegwibbiltà

Ordni tal-Preservazzjoni maħruġa fi Stat Membru f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun rikjesta xi proċedura speċjali u għandha tkun eżegwibbli fl-Istati Membri l-oħrajn mingħajr il-ħtieġa għal dikjarazzjoni ta’ eżegwibbiltà.

Artikolu 23

Eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

1.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Ordni tal-Preservazzjoni għandha tiġi eżegwita skont il-proċeduri applikabbli għall-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

2.   L-awtoritajiet kollha involuti fl-eżekuzzjoni tal-Ordni għandhom jaġixxu mingħajr dewmien.

3.   Meta l-Ordni tal-Preservazzjoni tkun inħarġet fi Stat Membru li mhux l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, il-parti A tal-Ordni kif indikat fl-Artikolu 19(2) u formola standard vojta għad-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 għandha, għall-fini tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, tiġi trasmessa f’konformità mal-Artikolu 29 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

It-trasmissjoni għandha ssir mill-qorti emittenti jew mill-kreditur, skont min huwa responsabbli skont il-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini biex tinbeda l-proċedura ta’ eżekuzzjoni.

4.   L-Ordni għandha tkun akkumpanjata, fejn meħtieġ, bi traduzzjoni jew traslitteralizzazzjoni fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jew, fejn ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn l-Ordni tkun ser tiġi implimentata. Din it-traduzzjoni jew traslitteralizzazzjoni għandha tingħata mill-qorti emittenti billi tagħmel użu mill-verżjoni tal-lingwa adatta tal-formola standard imsemmija fl-Artikolu 19.

5.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha, tieħu l-passi meħtieġa sabiex l-Ordni tiġi eżegwita skont il-liġi nazzjonali tagħha.

6.   Meta l-Ordni tal-Preservazzjoni tikkonċerna aktar minn bank wieħed fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri differenti, għandha tintbagħat formola separata għal kull bank kif indikat fl-Artikolu 19(4) lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni rilevanti.

Artikolu 24

Implimentazzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

1.   Bank li lilu tkun indirizzata Ordni tal-Preservazzjoni għandu jimplimentaha mingħajr dewmien wara li jkun irċieva l-Ordni jew, fejn ikun previst hekk mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, ikun irċieva struzzjoni korrispondenti biex jimplimenta l-Ordni.

2.   Biex jimplimenta l-Ordni tal-Preservazzjoni, il-bank għandu, soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31, jippreserva l-ammont speċifikat fl-Ordni:

(a)

billi jiżgura li dak l-ammont ma jiġix trasferit jew irtirat mill-kont jew kontijiet indikati fl-Ordni jew identifikati skont il-paragrafu 4; jew

(b)

fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi hekk, billi jittrasferixxi dak l-ammont għal kont dedikat għal skopijiet ta’ preservazzjoni.

L-ammont finali ippreservat jista’ jkun soġġett għas-saldu ta’ transazzjonijiet li jkunu diġà pendenti meta l-Ordni jew l-istruzzjoni korrispondenti tasal għand il-bank. Madankollu, transazzjonijiet pendenti bħal dawn jistgħu jiġu kkunsidrati biss meta s-saldu tagħhom isir qabel il-bank joħroġ id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 fl-iskadenzi stipulati fl-Artikolu 25(1).

3.   Minkejja l-punt (a) tal-paragrafu 2, il-bank għandu jiġi awtorizzat, fuq talba tad-debitur, li jirrilaxxa fondi ppreservati u jittrasferixxi dawk il-fondi fil-kont tal-kreditur indikat fl-Ordni bl-iskop li jħallas il-pretensjoni tal-kreditur, jekk il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin jintlaħqu:

(a)

tali awtorizzazzjoni tal-bank tkun speċifikament indikatafl-Ordni f’konformità mal-punt (j) tal-Artikolu 19(2);

(b)

il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tippermetti dan ir-rilaxx u trasferiment; u

(c)

ma jkunx hemm kunflitt fl-Ordnijiet fir-rigward tal-kont ikkonċernat.

4.   Meta l-Ordni tal-Preservazzjoni ma tispeċifikax in-numru jew numri tal-kont jew kontijiet tad-debitur iżda tipprovdi biss l-isem jew dettalji oħrajn rigward id-debitur, il-bank jew entità oħra responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-Ordni għandha tidentifika l-kont jew il-kontijiet miżmuma mid-debitur mal-bank indikat fl-Ordni.

Jekk, abbażi tal-informazzjoni mogħtija fl-Ordni, ma jkunx possibbli li l-bank jew entità oħra tidentifika b’ċertezza kont tad-debitur, il-bank għandu:

(a)

fejn, f’konformità mal-punt (f) tal-Artikolu 19(2), ikun indikat fl-Ordni li n-numru jew numri tal-kont jew kontijiet li għandhom jiġu preservati nkisbu permezz ta’ talba skont l-Artikolu 14, jikseb dak in-numru jew dawk in-numri mill-awtorità tal-informazzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni; u

(b)

fil-każijiet l-oħra kollha, ma jimplimentax l-Ordni.

5.   Kwalunkwe fondi miżmuma fil-kont jew kontijiet imsemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 2 li jeċċedu l-ammont speċifikat fl-Ordni tal-Preservazzjoni ma għandhomx jiġu affettwati mill-implimentazzjoni tal-Ordni.

6.   Meta, fil-mument tal-implimentazzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni, il-fondi miżmuma fil-kont jew kontijiet imsemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 2 mhumiex suffiċjenti biex jippreservaw l-ammont sħiħ speċifikat fl-Ordni, l-Ordni għandha tiġi implimentata biss fl-ammont disponibbli fil-kont jew kontijiet.

7.   Meta l-Ordni tal-Preservazzjoni tkopri diversi kontijiet miżmuma mid-debitur mal-istess bank u dawk il-kontijiet ikun fihom fondi li jeċċedu l-ammont speċifikat fl-Ordni, l-Ordni għandha tiġi implimentata fl-ordni ta’ prijorità li ġejja:

(a)

kontijiet tat-tfaddil f’isem id-debitur biss;

(b)

kontijiet kurrenti f’isem id-debitur biss;

(c)

kontijiet tat-tfaddil f’ismijiet konġunti, soġġett għall-Artikolu 30;

(d)

kontijiet kurrenti f’ismijiet konġunti, soġġett għall-Artikolu 30.

8.   Meta l-munita tal-fondi miżmuma fil-kont jew kontijiet imsemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 2 mhix l-istess bħal dik li fiha tkun inħarġet l-Ordni tal-Preservazzjoni, il-bank għandu jikkonverti l-ammont speċifikat fl-Ordni għall-munita tal-fondi b’referenza għar-rata tal-kambju ta’ referenza esterna tal-Bank Ċentrali Ewropew jew ir-rata tal-kambju tal-bank ċentrali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għall-bejgħ ta’ dik il-munita fil-jum u fil-mument tal-implimentazzjoni tal-Ordni, u għandu jippreserva l-ammont korrispondenti fil-munita tal-fondi.

Artikolu 25

Dikjarazzjoni rigward il-preservazzjoni tal-fondi

1.   Sa tmiem it-tielet jum ta’ xogħol wara l-implimentazzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni, il-bank jew entità oħra responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-Ordni fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha toħroġ dikjarazzjoni billi tuża l-formola ta’ dikjarazzjoni stabbilita permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2), li tindika jekk il-fondi fil-kont jew kontijiet tad-debitur ġewx ippreservati u sa fejn u, jekk dan minnu, f’liema data ġiet implimentata l-Ordni. Jekk, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli għall-bank jew entità oħra li toħroġ id-dikjarazzjoni fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, għandha toħroġha malajr kemm jista’ jkun iżda sa mhux aktar tard minn tmiem it-tmien jum ta’ ħidma mill-implimentazzjoni tal-Ordni.

Id-dikjarazzjoni għandha tintbagħat, mingħajr dewmien, skont il-paragrafi 2 u 3.

2.   Fejn l-Ordni tkun inħarġet fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, il-bank jew entità oħra responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-Ordni għandha tibgħat id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 29 lill-qorti emittenti u bil-posta reġistrata attestata b’konferma tar-riċevuta, jew mezzi elettroniċi ekwivalenti, lill-kreditur.

3.   Meta l-Ordni tkun inħarġet fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, id-dikjarazzjoni għandha tiġi trasmessa f’konformità mal-Artikolu 29 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, sakemm ma tkunx inħarġet minn dik l-istess awtorità.

Sa tmiem l-ewwel jum ta’ xogħol wara li tirċievi jew toħroġ id-dikjarazzjoni, dik l-awtorità għandha tittrasmetti d-dikjarazzjoni f’konformità mal-Artikolu 29 lill-qorti emittenti u bil-posta reġistrata attestata b’konferma li tkun waslet, jew mezzi elettroniċi ekwivalenti, lill-kreditur.

4.   Il-bank jew entità oħra responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni, għandha fuq talba mid-debitur, tiżvela d-dettalji tal-Ordni lid-debitur. Il-bank jew entità jistgħu wkoll jagħmlu dan fin-nuqqas ta’ tali talba.

Artikolu 26

Responsabbiltà tal-bank

Kwalunkwe responsabbiltà tal-bank għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi tiegħu skont dan ir-Regolament għandha tkun irregolata mil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 27

Id-dmir tal-kreditur li jitlob ir-rilaxx ta’ ammonti żejda preservati

1.   Il-kreditur għandu jkun taħt dmir li jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura r-rilaxx ta’ kull ammont li, wara l-implimentazzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni, jaqbeż l-ammont speċifikat fl-Ordni tal-Preservazzjoni:

(a)

meta l-Ordni tkopri diversi kontijiet fl-istess Stat Membru jew fi Stati Membri differenti; jew

(b)

meta l-Ordni tkun inħarġet wara l-implimentazzjoni ta’ ordni nazzjonali ekwivalenti waħda jew aktar kontra l-istess debitur u li jkollha l-għan li tiżgura l-istess pretensjoni.

2.   Sa tmiem it-tielet jum ta’ xogħol wara li tiġi riċevuta kwalunkwe dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 li turi tali preservazzjoni żejda l-kreditur għandu, bil-mezz l-aktar rapidu possibbli u billi juża l-formola biex jintalab ir-rilaxx ta’ ammonti żejda preservati, stabbilita permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2), jressaq talba għar-rilaxx lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni li fih tkun saret il-preservazzjoni żejda.

Dik l-awtorità, meta tirċievi t-talba, għandha minnufih tagħti struzzjonijiet lill-bank ikkonċernat biex jirrilaxxa l-ammonti żejda preservati. L-Artikolu 24(7) għandu japplika, kif adatt, fl-ordni inversa ta’ priorità.

3.   Dan l-Artikolu m’għandux jipprekludi li Stat Membru milli jipprevedi fil-liġi nazzjonali tiegħu li r-rilaxx ta’ fondi żejda preservati minn kwalunkwe kont miżmum fit-territorju tiegħu għandu jinbeda mill-awtorità tal-eżekuzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru fuq inizjattiva tiegħu stess.

Artikolu 28

Notifika lid-debitur

1.   L-Ordni tal-Preservazzjoni, id-dokumenti l-oħrajn imsemmijin fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u d-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 għandhom jiġu notifikati lid-debitur skont dan l-Artikolu.

2.   Meta d-debitur ikun domiċiljat fl-Istat Membru tal-oriġini, in-notifika għandha ssir skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. In-notifika għandha tinbeda mill-qorti emittenti jew mill-kreditur, skont min huwa responsabbli biex titnieda n-notifika fl-Istat Membru tal-oriġini, sa tmiem it-tielet jum ta’ xogħol wara l-jum meta tasal id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 li turi li l-ammonti ġew preservati.

3.   Meta d-debitur ikun domiċiljat fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru tal-oriġini, il-qorti emittenti jew il-kreditur, skont min huwa responsabbli biex titnieda n-notifika fl-Istat Membru tal-oriġini, għandu, sa tmiem it-tielet jum ta’ xogħol wara l-jum meta tasal id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 li turi li l-ammonti ġew preservati, jittrasmetti d-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’konformità mal-Artikolu 29 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih huwa domiċiljat id-debitur. Dik l-awtorità għandha, mingħajr dewmien, tieħu l-passi meħtieġa biex in-notifika ssir lid-debitur skont il-liġi tal-Istat Membru li fih id-debitur ikun domiċiljat.

Meta l-Istat Membru li fih id-debitur ikun domiċiljat huwa l-unika Stat Membru tal-eżekuzzjoni, id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu trasmessi lill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru fl-istess waqt li l-Ordni tiġi trasmessa f’konformità mal-Artikolu 23(3). F’każ bħal dan, dik l-awtorità kompetenti għandha tagħti bidu għan-notifika tad-dokumenti kollha msemmijin fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu sa tmiem it-tielet jum ta’ xogħol wara l-jum meta tasal jew tinħareġ id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 li turi li l-ammonti jkunu ġew preservati.

L-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-qorti emittenti jew lill-kreditur, skont min ittrasmetta d-dokumenti li għandhom jiġu notifikati, bir-riżultat tan-notifika lid-debitur.

4.   Meta d-debitur ikun domiċiljat fi Stat terz, in-notifika għandha ssir skont ir-regoli dwar in-notifiki internazzjonali applikabbli fl-Istat Membru tal-oriġini.

5.   Id-dokumenti li ġejjin għandhom jiġu notifikati lid-debitur u għandu, fejn meħtieġ, għandhom ikunu flimkien ma’ traduzzjoni jew traskrizzjoni kif previst fl-Artikolu 49(1):

(a)

l-Ordni tal-Preservazzjoni li tuża l-partijiet A u B tal-formola msemmija fl-Artikolu 19(2) u (3);

(b)

ir-rikors għall-Ordni tal-Preservazzjoni ippreżentat mill-kreditur lill-qorti;

(c)

kopji tad-dokumenti kollha ppreżentati mill-kreditur lill-qorti sabiex tinkiseb l-Ordni.

6.   Fejn l-Ordni tal-Preservazzjoni tirrigwarda aktar minn bank wieħed, l-ewwel dikjarazzjoni biss skont l-Artikolu 25 li turi li l-ammonti jkunu ġew ippreservati għandha tiġi nnotifikata lid-debitur f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Id-debitur għandu jiġi mgħarraf mingħajr dewmien dwar kwalunkwe dikjarazzjoni sussegwenti skont l-Artikolu 25.

Artikolu 29

Trasmissjoni tad-dokumenti

1.   Fejn dan ir-Regolament jipprevedi t-trasmissjoni ta’ dokumenti skont dan l-Artikolu, tali trasmissjoni tista’ titwettaq bi kwalunkwe mezz xieraq, sakemm il-kontenut tad-dokument riċevut ikun veru u konformi ma’ dak tad-dokument trasmess u li l-informazzjoni kollha fih tkun tista’ tinqara faċilment.

2.   Il-qorti jew l-awtorità li tirċievi d-dokumenti f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha, sa tmiem il-jum ta’ xogħol wara l-jum tar-riċevuta, tibgħat konferma tar-riċevuta lill-awtorità, il-kreditur jew il-bank li ttrasmetta d-dokumenti, bl-użu tal-aktar mezz rapidu ta’ trasmissjoni u billi tuża l-formola standard stabbilita permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52.

Artikolu 30

Preservazzjoni tal-kontijiet konġunti u tal-kontijiet ta’ mandatarju (nominee)

Fondi miżmuma f’kontijiet li, skont ir-rekords tal-bank, mhumiex miżmuma esklużivament mid-debitur, jew huma miżmuma minn parti terza f’isem id-debitur, jew mid-debitur f’isem parti terza, jistgħu jiġu ppreservati skont dan ir-Regolament biss sa fejn jistgħu jkunu soġġetti għall-preservazzjoni skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 31

Ammonti eżentati mill-preservazzjoni

1.   L-ammonti li huma eżentati mill-konfiska skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandhom ikunu eżentati mill-preservazzjoni skont dan ir-Regolament.

2.   Fejn, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 ikunu eżentati mill-konfiska mingħajr ebda talba mid-debitur, il-korp responsabbli għall-eżenzjoni ta’ tali ammonti f’dak l-Istat Membru għandu, fuq inizjattiva tiegħu stess, jeżenta l-ammonti rilevanti mill-preservazzjoni.

3.   Fejn, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, l-ammonti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ikunu eżentati mill-konfiska fuq talba tad-debitur, dawk l-ammonti għandhom ikunu eżentati mill-preservazzjoni mill-mument tar-rikors mid-debitur kif previst mill-punt (a) tal-Artikolu 34(1).

Artikolu 32

Klassifikazzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

L-Ordni tal-Preservazzjoni għandu jkollha l-istess klassifikazzjoni, jekk teżisti, bħal ordni nazzjonali ekwivalenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

KAPITOLU 4

RIMEDJI

Artikolu 33

Rimedji tad-debitur kontra l-Ordni tal-Preservazzjoni

1.   Malli jitressaq rikors mid-debitur lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, l-Ordni tal-Preservazzjoni għandha tiġi rrevokata jew, jekk ikun applikabbli, modifikata għar-raġuni li:

(a)

il-kondizzjonijiet jew ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament ma ġewx sodisfatti;

(b)

l-Ordni, id-dikjarazzjoni skont l-Artikolu 25 u/jew id-dokumenti l-oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 28(5) ma ġewx innotifikati lid-debitur fi żmien 14-il jum mill-preservazzjoni tal-kont jew kontijiet) tiegħu;

(c)

id-dokumenti notifikati lid-debitur f’konformità mal-Artikolu 28 ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti lingwistiċi stipulati fl-Artikolu 49(1);

(d)

l-ammonti preservati li jeċċedu l-ammont tal-Ordni ma ġewx rilaxxati f’konformità mal-Artikolu 27;

(e)

il-pretensjoni li l-eżekuzzjoni tagħha l-kreditur fittex li jiggarantixxi permezz tal-Ordni tħallset kollha jew parti minnha;

(f)

sentenza dwar il-mertu tal-kwistjoni tkun ċaħdet il-pretensjoni li l-kreditur kien qed ifittex li jikseb l-eżekuzzjoni tagħha permezz tal-Ordni; jew

(g)

is-sentenza dwar il-mertu tal-kwistjoni jew it-transazzjoni ġudizzjarja jew l-istrument awtentiku, li l-kreditur kien qed ifittex li jikseb l-eżekuzzjoni tiegħu permezz tal-Ordni ikun ġie revokat jew, skont il-każ, annullat.

2.   Mal-applikazzjoni mid-debitur lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini, id-deċiżjoni dwar il-garanzija skont l-Artikolu 12 għandha tiġi rieżaminata, abbażi li l-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti ta’ dak l-Artikolu ma jkunux ġew sodisfatti.

Fejn fuq il-bażi ta’ rimedju bħal dan, il-qorti titlob li l-kreditur jipprovdi garanzija jew garanzija addizzjonali, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(3) għandha tapplika kif xieraq u l-qorti għandha tindika li l-Ordni tal-Preservazzjoni ser titħassar jew tiġi mmodifikata jekk il-garanzija (addizzjonali) meħtieġa ma tingħatax sal-iskadenża speċifikata mill-qorti.

3.   Ir-rimedju li jitressaq rikors għalih skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jingħata sakemm in-nuqqas ta’ notifika ma jiġix rettifikat fi żmien 14-il jum minn meta l-kreditur jiġi informat bir-rikors tad-debitur għal rimedju skont il-punt (b) tal-paragrafu 1.

Sakemm in-nuqqas ta’ servizz ma jkunx diġà ġie rettifikat b’mezzi oħrajn, in-nuqqas ta’ servizz għandu, għall-finijiet tal-valutazzjoni jekk ir-rimedju skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandux jingħata, jitqies li ġie rettifikat:

(a)

jekk il-kreditur jitlob lill-korp responsabbli għan-notifika fl-Istat Membru tal-oriġini biex id-dokumenti jiġu nnotifikati lid-debitur; jew

(b)

fejn id-debitur ikun indika fl-applikazzjoni tiegħu għal rimedju li huwa jaqbel li jiġbor id-dokumenti mill-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini u fejn il-kreditur kien responsabbli li jipprovdi t-traduzzjonijiet, jekk il-kreditur jittrasmetti lil dik il-qorti kwalunkwe traduzzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 49(1).

Il-korp responsabbli għan-notifika skont il-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini għandu, fuq talba tal-kreditur skont il-punt (a) tat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, bla dewmien jinnotifika d-dokumenti lid-debitur bil-posta reġistrata attestata b’dikjarazzjoni tal-konferma li d-dokumenti jkunu waslu fl-indirizz indikat mid-debitur f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

Fejn il-kreditur kien responsabbli biex jagħti bidu għan-notifika tad-dokumenti msemmija fl-Artikolu 28, nuqqas ta’ notifika jista’ jiġi rettifikat biss jekk il-kreditur juri li huwa kien diġà ħa l-passi kollha li kellu jieħu biex issir in-notifika inizjali tad-dokumenti.

4.   Ir-rimedju li jitressaq rikors għalih skont il-punt (c) tal-paragrafu 1 għandu jingħata sakemm il-kreditur ma jipprovdix it-traduzzjonijiet rikjesti skont dan ir-Regolament fi żmien 14-il jum minn meta l-kreditur jiġi infurmat bir-rikors mid-debitur għal rimedju skont il-punt (c) tal-paragrafu 1.

It-tieni u t-tielet subparagrafi tal-paragrafu 3 għandhom japplikaw kif adatt.

5.   Fir-rikors tiegħu għal rimedju skont il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1 id-debitur għandu jindika indirizz fejn id-dokumenti u t-traduzzjonijiet msemmijin fl-Artikolu 28 jistgħu jintbagħtu lilu f’konformità mal-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu jew, alternattivament, għandu jindika li jaqbel li jiġbor dawk id-dokumenti mill-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini.

Artikolu 34

Rimedji tad-debitur kontra l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni

1.   Minkejja l-Artikoli 33 u 35, malli jitressaq rikors mid-debitur lill-qorti kompetenti jew, fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi dan, lill-awtorità kompetenti tal-eżekuzzjoni fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni f’dak l-Istat Membru għandha tkun:

(a)

imitata għar-raġuni li ċerti ammonti miżmuma fil-kont għandhom ikunu eżentati mill-konfiska skont l-Artikolu 31(3), jew li ammonti eżentati mill-konfiska ma ġewx ikkunsidrati jew ma ġewx ikkunsidrati b’mod korrett fl-implimentazzjoni tal-Ordni kif previst fl-Artikolu 31(2); jew

(b)

itterminata għar-raġuni li:

(i)

il-kont ippreservat ikun eskluż mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 2(3) u (4);

(ii)

l-eżekuzzjoni tas-sentenza, it-transazzjoni ġudizzjarja jew l-istrument awtentiku, li l-kreditur ikun qed ifittex li jikseb l-eżekuzzjoni tiegħu permezz tal-Ordni ikun ġie miċħud fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni;

(iii)

l-eżegwibbiltà tas-sentenza li l-kreditur fittex li jikseb l-eżekuzzjoni tagħha permezz tal-Ordni, tkun ġiet sospiża fl-Istat Membru ta’ oriġini; jew

(iv)

japplika l-punt (b), (c), (d), (e), (f) jew (g) tal-Artikolu 33(1). L-Artikolu 33(3), (4) u (5) għandu japplika kif xieraq.

2.   Malli d-debitur iressaq rikors lill-qorti kompetenti fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni f’dak l-Istat Membru għandha tintemm, jekk b’mod ċar tmur kontra l-politika pubblika (ordre public) tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 35

Rimedji oħra disponibbli għad-debitur u l-kreditur

1.   Id-debitur jew il-kreditur jista’ jressaq rikors lill-qorti li tkun ħarġet l-Ordni tal-Preservazzjoni għal modifika jew revoka tal-Ordni għar-raġuni li ċ-ċirkustanzi li fuq il-bażi tagħhom inħarġet l-Ordni nbidlu.

2.   Il-qorti li tkun ħarġet l-Ordni tal-Preservazzjoni tista’ wkoll„ fejn il-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini tippermetti dan, fuq inizjattiva tagħha stess, timmodifika jew tirrevoka l-Ordni minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi.

3.   Id-debitur u l-kreditur jistgħu, għar-raġuni li jkunu qablu li jittransiġu l-pretensjoni, iressqu b’mod konġunt rikors lill-qorti li tkun ħarġet l-Ordni tal-Preservazzjoni għal revoka jew modifika tal-Ordni jew lill-qorti kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jew, fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi dan, lill-awtorità kompetenti tal-eżekuzzjoni f’dak l-Istat Membru, għal tmiem jew limitazzjoni tal-eżekuzzjoni tal-Ordni.

4.   Il-kreditur jista’ jressaq rikors quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni jew, fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi dan, l-awtorità kompetenti tal-eżekuzzjoni f’dak l-Istat Membru, għal modifika tal-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni li tikkonsisti f’aġġustament għall-eżenzjoni applikata f’dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 31, għar-raġuni li jkunu diġà saru rikorsi għal eżenzjonijiet oħrajn għal ammont għoli biżżejjed fir-rigward ta’ kont wieħed jew diversi kontijiet miżmuma fi Stat Membru wieħed jew aktar u li għalhekk ikun xieraq li jsir aġġustament.

Artikolu 36

Proċedura għar-rimedji skont l-Artikoli 33, 345 u 35

1.   Ir-rikors għal rimedju skont l-Artikolu 33, l-Artikolu 34 jew l-Artikolu 35 għandu jitressaq bl-użu tal-formola ta’ rimedju stabbilita permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2). Ir-rikors jista’ jsir fi kwalunkwe mument u bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, inklużi mezzi elettroniċi, li jkunu aċċettati skont ir-regoli ta’ proċedura tal-Istat Membru fejn isir ir-rikors.

2.   Il-parti l-oħra għandha tiġi mgħarrfa dwar ir-rikors.

3.   Ħlief fejn ir-rikors tressaq mid-debitur skont il-punt (a) tal-Artikolu 34(1) jew skont l-Artikolu 35(3), id-deċiżjoni dwar ir-rikors għandha tinħareġ wara li ż-żewġ partijiet ikunu ngħataw l-opportunità jippreżentaw il-każ tagħhom, inkluż b’dawk il-mezzi tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni xierqa li jkunu disponibbli u aċċettati taħt il-liġi nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri involuti.

4.   Id-deċiżjoni għandha tinħareġ mingħajr dewmien, iżda mhux aktar tard minn 21 jum wara li l-qorti jew, fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi dan, l-awtorità kompetenti tal-eżekuzzjoni tkun irċeviet it-tagħrif kollu meħtieġ biex tieħu deċiżjoni. Id-deċiżjoni għandha tiġi nnotifikata lill-partijiet.

5.   Id-deċiżjoni ta’ revoka jew modifika tal-Ordni tal-Preservazzjoni u d-deċiżjoni li tiġi limitata jew itterminata l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni għandha tkun eżegwibbli minnufih:

Fejn ir-rikors għal rimedju jkun sar fl-Istat Membru tal-oriġini, il-qorti għandha, f’konformità mal-Artikolu 29, tittrasmetti d-deċiżjoni dwar ir-rimedju mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, bl-użu tal-formola stabbilita permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2). Dik l-awtorità għandha tiżgura li d-deċiżjoni dwar ir-rimedju tiġi implimentata minnufih malli tirċeviha.

Meta d-deċiżjoni dwar ir-rimedju tirrigwarda kont bankarju miżmum fl-Istat Membru tal-oriġini, għandha tiġi implimentata fir-rigward ta’ dak il-kont bankarju f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini.

Fejn ir-rikors għal rimedju jkun sar fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, id-deċiżjoni dwar ir-rimedju għandha tiġi implimentata f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

Artikolu 37

Dritt ta’ appell

Kwalunkwe parti għandu jkollha d-dritt ta’ appell kontra deċiżjoni mogħtija skont l-Artikolu 33, 34 jew 35. Tali appell għandu jitressaq bl-użu tal-formola ta’ appell stabbilita permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2).

Artikolu 38

Dritt li tiġi pprovduta garanzija minflok preservazzjoni

1.   Fuq talba mid-debitur:

(a)

il-qorti li tkun ħarġet l-Ordni tal-Preservazzjoni tista’ tordna r-rilaxx tal-fondi ppreservati jekk id-debitur jagħti lil dik il-qorti garanzija fl-ammont tal-Ordni, jew assigurazzjoni alternattiva f’forma aċċettabbli taħt il-liġi tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti u ta’ valur li, mill-inqas, ikun ekwivalenti għal dak l-ammont;

(b)

il-qorti kompetenti jew, fejn il-liġi nazzjonali tipprevedi hekk, l-awtorità kompetenti tal-eżekuzzjoni tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni tista’ tittermina l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni fl-Istat Membru tal-Eżekuzzjoni jekk id-debitur jipprovdi lil dik il-qorti jew awtorità garanzija fl-ammont ippreservat f’dak l-Istat Membru, jew assigurazzjoni alternattiva f’forma aċċettabbli skont il-liġi tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti u ta’ valur tal-inqas ekwivalenti għal dak l-ammont.

2.   L-Artikoli 23 u 24 għandhom japplikaw kif xieraq għar-rilaxx tal-fondi ppreservati. Il-kreditur għandu jiġi mgħarraf dwar l-għoti tal-garanzija minflok il-preservazzjoni skont il-liġi nazzjonali.

Artikolu 39

Id-dritt ta’ partijiet terzi

1.   Id-dritt ta’ parti terza li tikkontesta Ordni tal-Preservazzjoni għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-Istat Membru tal-oriġini.

2.   Id-dritt ta’ parti terza li tikkontesta l-eżekuzzjoni ta’ Ordni tal-Preservazzjoni għandu jiġi rregolat bil-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għal regoli oħrajn dwar il-ġurisdizzjoni stipulati fil-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali, il-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe rikors mressaq minn parti terza:

(a)

li jikkontesta Ordni tal-Preservazzjoni għandha tkun tal-qrati tal-Istat Membru tal-oriġini, u

(b)

li jikkontesta l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni għandha tkun tal-qrati ta’ dak l-Istat Membru jew, fejn il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru tipprevedi dan, tal-awtorità kompetenti tal-eżekuzzjoni.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 40

Legalizzazzjoni jew formalità simili oħra

Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda legalizzazzjoni jew formalità simili oħra fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 41

Rappreżentanza legali

Ir-rappreżentanza minn avukat jew professjonist legali ieħor mhijiex obbligatorja fi proċedimenti għall-ksib ta’ Ordni tal-Preservazzjoni. Fi proċedimenti f’konformità mal-Kapitolu 4, ir-rappreżentanza minn avukat jew professjonist legali ieħor ma għandhiex tkun obbligatorja, għajr jekk il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru tal-qorti jew l-awtorità li quddiemha jitressaq r-rikors għal rimedju, tali rappreżentanza hija obbligatorja irrispettivament min-nazzjonalità jew domiċilju tal-partijiet.

Artikolu 42

Tariffi tal-qorti

It-tariffi tal-qorti fi proċedimenti għall-ksib ta’ Ordni tal-Preservazzjoni jew għal rimedju kontra Ordni ma għandhomx ikunu ogħla mit-tariffi għall-ksib ta’ ordni nazzjonali ekwivalenti jew rimedju kontra tali ordni nazzjonali.

Artikolu 43

Spejjeż imġarrba mill-banek

1.   Bank għandu jkun intitolat li jitlob il-ħlas jew ir-rimborż mingħand il-kreditur jew id-debitur tal-ispejjeż imġarrba fl-implimentazzjoni ta’ Ordni tal-Preservazzjoni biss meta, skont il-liġi tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, il-bank huwa intitolat għal dan il-ħlas jew rimborż fir-rigward tal ordnijiet nazzjonali ekwivalenti.

2.   It-tariffi imposti mill-bank biex ikopru l-ispejjeż imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jiġu determinati b’kont meħud tal-kumplessità tal-implimentazzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni u ma jistgħux ikunu ogħla mit-tariffi imposti għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti.

3.   Tariffi imposti minn bank biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-għoti ta’ informazzjoni dwar kontijiet skont l-Artikolu 14 ma jistgħux ikunu ogħla mill-ispejjeż li verament ġew imġarrba u, fejn applikabbli, mhux ogħla mit-tariffi imposti għall-għoti ta’ informazzjoni dwar kontijiet fil-kuntest ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti.

Artikolu 44

Tariffi imposti mill-awtoritajiet

Tariffi imposti minn kwalunkwe awtorità jew korp ieħor fl-Istat Membru tal-eżekuzzjoni involut/a fl-ipproċessar jew l-eżekuzzjoni ta’ Ordni tal-Preservazzjoni jew fl-għoti ta’ informazzjoni dwar kontijiet skont l-Artikolu 14, għandha tiġi determinata abbażi ta’ skala ta’ tariffi jew sett ieħor ta’ regoli stabbiliti minn qabel minn kull Stat Membru filwaqt li jingħata tagħrif b’mod trasparenti dwar it-tariffi applikabbli. Meta jistabbilixxi dik l-iskala jew sett ieħor ta’ regoli, Stat Membru jista’ jieħu kont tal-ammont tal-Ordni u l-kumplessità involuta fl-ipproċessar tiegħu. Fejn applikabbli, it-tariffi ma jistgħux ikunu ogħla mit-tariffi imposti f’rabta ma’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti.

Artikolu 45

Skedi ta’ żmien

Meta, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, ma jkunx possibbli li l-qorti jew l-awtorità involuta tirrispetta l-iskedi ta’ żmien previsti fl-Artikolu 14(7), l-Artikolu 18, l-Artikolu 23(2), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(3), l-Artikolu 28(2), (3) u (6), l-Artikolu 33(3) u l-Artikolu 36(4) u (5), il-qorti jew l-awtorità għandha tieħu l-passi meħtieġa minn dawk id-dispożizzjonijiet kemm jista’ jkun malajr.

Artikolu 46

Relazzjoni mal-liġi proċedurali nazzjonali

1.   Il-kwistjonijiet proċedurali kollha li ma jiġux indirizzati b’mod speċifiku f’dan ir-Regolament għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru fejn isseħħ il-proċedura.

2.   L-effetti tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza fuq proċeduri ta’ eżekuzzjoni individwali, bħall-eżekuzzjoni ta’ Ordni tal-Preservazzjoni, għandhom jiġu rregolati mil-liġi tal-Istat Membru li fih ikunu nfetħu l-proċedimenti ta’ insolvenza.

Artikolu 47

Protezzjoni tad-data

1.   Data personali, li hija miksuba, ipproċessata jew mibgħuta skont dan ir-Regolament għandha tkun adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih din ġiet miksuba, ipproċessata jew trasmessa, u għandha tintuża biss għal dak il-għan.

2.   L-awtorità kompetenti, l-awtorità ta’ informazzjoni u kwalunkwe entità oħra responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni ma jistgħux jaħżnu d-data msemmija fil-paragrafu 1 lil hinn mill-perijodu meħtieġ għall-iskop li għalih kienet inkisbet, ġiet ipproċessata jew intbagħtet, li fi kwalunkwe każ ma għandux ikun itwal minn sitt xhur wara li ntemmew il-proċedimenti, u għandhom, matul dak il-perijodu, jiżguraw il-protezzjoni adegwata ta’ dik id-data. Dan il-paragrafu ma japplikax għad-data pproċessata u maħżuna mill-qrati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom.

Artikolu 48

Relazzjoni ma’ strumenti oħra

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal:

(a)

Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), ħlief kif previst fl-Artikolu 10(2), l-Artikolu 14(3) u (6), l-Artikolu 17(5), l-Artikolu 23(3) u (6), l-Artikolu 25(2) u (3), l-Artikolu 28(1), (3), (5) u (6), l-Artikolu 29, l-Artikolu 33(3), l-Artikolu 36(2) u (4), u l-Artikolu 49(1);

(b)

Regolament (UE) Nru 1215/2012;

(c)

Regolament (KE) Nru 1346/2000;

(d)

Direttiva 95/46/KE, ħlief kif previst fl-Artikoli 14(8) u 47 ta’ dan ir-Regolament;

(e)

Regolament (KE) Nru 1206/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil (15);

(f)

Regolament (KE) Nru 864/2007, ħlief kif previst fl-Artikolu 13(4) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 49

Lingwi

1.   Kwalunkwe dokument elenkat fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 28(5) li għandu jiġi nnotifikat lid-debitur u li mhuwiex bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat id-debitur jew, fejn ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikun domiċiljat id-debitur jew bi kwalunkwe lingwa oħra li huwa jifhem għandu jkun akkumpanjat minn traduzzjoni jew traslitteralizzazzjoni għal waħda minn dawk il-lingwi. Id-dokumenti elenkati fil-punt (c) tal-Artikolu 28(5) m’għandhomx jiġu tradotti, sakemm il-qorti ma tiddeċidix, eċċezzjonalment, li jeħtieġ li dokumenti speċifiċi jiġu tradotti jew trasletterati sabiex id-debitur ikun jista’ li jasserixxi d-drittijiet tiegħu.

2.   Kwalunkwe dokument li għandu jiġi indirizzat skont dan ir-Regolament lil qorti jew awtorità kompetenti jista’ wkoll ikun fi kwalunkwe lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun indika li jista’ jaċċetta din il-lingwa l-oħra.

3.   Kwalunkwe traduzzjoni li ssir skont dan ir-Regolament għandha ssir minn persuna li tkun ikkwalifikata li tagħmel traduzzjonijiet f’wieħed mill-Istati Membri.

Artikolu 50

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri

1.   Sat-18 ta' Lulju 2016, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-qrati nominati kompetenti biex toħroġ Ordni tal-Preservazzjoni (Artikolu 6(4));

(b)

l-awtorità nominata kompetenti biex tikseb informazzjoni dwar il-kontijiet (Artikolu 14);

(c)

il-metodi biex tinkiseb l-informazzjoni dwar il-kontijiet disponibbli skont il-liġi nazzjonali tagħhom(Artikolu 14(5));

(d)

il-qrati li quddiemhom għandu jiġi ppreżentat appell (Artikolu 21);

(e)

l-awtorità jew l-awtoritajiet nominati bħala kompetenti biex jirċievu, jittrasmettu jew jinnotifikaw l-Ordni tal-Preservazzjoni u dokumenti oħrajn skont dan ir-Regolament (il-punt (14) tal-Artikolu 4);

(f)

l-awtorità kompetenti biex teżegwixxi l-Ordni tal-Preservazzjoni skont il-Kapitolu 3;

(g)

il-punt sa fejn il-kontijiet konġunti jew nominee jistgħu jiġu preservati skont il-liġi nazzjonali tagħhom (Artikolu 30);

(h)

ir-regoli applikabbli għall-ammonti eżenti mill-konfiska skont il-liġi nazzjonali (Artikolu 31);

(i)

jekk, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, il-banek humiex intitolati jimponu tariffi għall-implimentazzjoni ta’ ordnijiet nazzjonali ekwivalenti jew biex jipprovdu informazzjoni dwar il-kontijiet u, jekk dan ikun il-każ, liema parti hija responsabbli b’mod proviżorju u finali biex tħallas dawk it-tariffi (Artikolu 43);

(j)

l-iskala ta’ tariffi jew sett ieħor ta’ regoli li jistabbilixxu t-tariffi applikabbli imposti minn kwalunkwe awtorità jew korp ieħor involut fl-ipproċessar jew l-eżekuzzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni(Artikolu 44);

(k)

jekk tingħatax xi klassifikazzjoni lil ordnijiet nazzjonali ekwivalenti skont il-liġi nazzjonali (Artikolu 32);

(l)

il-qrati jew, fejn applikabbli, l-awtorità tal-eżekuzzjoni, kompetenti biex tagħti rimedju (Artikolu 33(1), Artikolu 34(1) jew (2));

(m)

il-qrati li quddiemhom għandu jiġi ppreżentat appell, il-perijodu ta’ żmien, jekk ikun stipulat, li fih irid jiġi ppreżentat tali appell skont il-liġi nazzjonali u l-avveniment li jimmarka l-mument li minnu jibda jiskorri dak il-perijodu (l-Artikolu 37);

(n)

indikazzjoni tat-tariffi tal-qorti (Artikolu 42); u

(o)

il-lingwi aċċettati għat-traduzzjonijiet tad-dokumenti (Artikolu 49(2)).

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti għal din l-informazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-pubbliku permezz ta’ kwalunkwe mezz xieraq, b’mod partikolari permezz tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali.

Artikolu 51

Stabbiliment u emendi sussegwenti tal-formoli

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu u sussegwentement jemendaw il-formoli msemmijin fl-Artikoli 8(1), 10(2), 19(1), 25(1), 27(2), 29(2), u 36(1), it-tienisubparagrafu tal-Artikolu 36(5) u l-Artikolu 37. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 52(2).

Artikolu 52

Il-proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 53

Monitoraġġ u reviżjoni

1.   Sat-18 ta' Jannar 2022, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż evalwazzjoni dwar jekk:

(a)

strumenti finanzjarji għandhomx ikunu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, u

(b)

l-ammonti kkreditati lill-kont tad-debitur wara l-implimentazzjoni tal-Ordni tal-Preservazzjoni jistgħux isiru soġġetti għall-preservazzjoni taħt l-Ordni.

Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn adatt, minn proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament u valutazzjoni tal-impatt tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu introdotti.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom, fuq talba, jiġbru u jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni informazzjoni dwar:

(a)

l-għadd ta’ rikorsi għal Ordni tal-Preservazzjoni u l-għadd ta’ każijiet li fihom inħarġet l-Ordni;

(b)

in-numru ta’ rikorsi għal rimedju skont l-Artikoli 33 u 34 u, jekk possibbli, l-għadd ta’ każijiet li fihom ingħata r-rimedju; u

(c)

in-numru ta’ appelli ppreżentati skont l-Artikolu 37 u, jekk possibbli, in-numru ta’ każijiet fejn intlaqa’ l-appell.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 54

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-18 ta' Jannar 2017, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 50, li għandu japplika mit-18 ta' Lulju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun applikabbli direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  ĠU C 191, 29.6.2012, p. 57.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta’ April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2014.

(3)  ĠU C 115, 4.5.2010, p. 1.

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU L 160, 30.6.2000, p. 1); Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 19 Volum 01 p. 191.

(5)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1); Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 01 Volum 01 p. 51.

(6)  Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31); Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13 Volum 015 p. 355.

(8)  ĠU C 373, 21.12.2011, p. 4.

(9)  Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar il-finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(11)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(12)  Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40).

(14)  Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (servizz ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU L 324, 10.12.2007, p. 79).

(15)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, 27.6.2001, p. 1).


Top