Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0640

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 640/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità

OJ L 181, 20.6.2014, p. 48–73 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/640/oj

20.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 181/48


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 640/2014

tal-11 ta’ Marzu 2014

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 63(4), 64(6), 72(5), 76, 77(7), 93(4), 101(1) u 120 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fost affarijiet oħra, iħassar u jissostitwixxi, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati u atti ta’ implimentazzjoni. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-sistema fil-qafas legali l-ġdid, għandhom jiġu adottati ċerti regoli permezz ta’ dawn l-atti. Dawn l-atti b’mod partikolari għandhom jissostitwixxu r-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 (3).

(2)

B’mod partikolari, għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiġu ssupplimentati ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 b’rabta mal-funzjonament tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll (“is-sistema integrata”), il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew għat-talbiet għal pagamenti, il-kundizzjonijiet għar-rifjut totali jew parzjali tal-għajnuna u l-irtirar totali jew parzjali ta’ għajnuna jew appoġġ mhux dovuti u d-determinazzjon tal-penali amministrattivi li jindirizzaw in-nuqqas ta’ konformità relatata mal-kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi appoġġ taħt miżuri stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u kundizzjonijiet biex wieħed jirċievi appoġġ taħt il-miżuri ta’ żvilupp rurali stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u regoli dwar iż-żamma ta’ mergħat permanenti u l-kalkolu ta’ penali amministrattivi fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità.

(3)

Hemm bżonn ta’ definizzjonijiet supplimentari sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata tas-sistema integrata, apparti d-definizzjonijiet stipulati fir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013. Barra minn hekk, hemm bżonn li jiġu ddefiniti ċerti termini applikabbli għal regoli dwar il-kundizzjonalità.

(4)

L-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi u r-rifjut jew l-irtirar ta’ għajnuna jew ta’ appoġġ, ipprovduti f’dan ir-Regolament ma għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli japplikaw penali kriminali nazzjonali, jekk il-liġi nazzjonali tistipula hekk.

(5)

L-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jiddefinixxi ċerti każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali li għandhom jiġu rikonoxxuti mill-Istati Membri. Għandhom jiġu stabbiliti regoli supplimentari li jippermettu lill-Istati Membri jirrikonoxxu każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali fir-rigward tal-pagamenti diretti, l-għajnuna għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità. Għandu jiġi stabbilit limitu ta’ żmien sa meta l-benefiċjarju għandu jinnotifika każ bħal dan.

(6)

Hemm bżonn ukoll ta’ regoli supplimentari fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni ta’ ħbula art li se jitħaddmu mill-Istati Membri skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Skont dik id-dispożizzjoni, għandu jsir użu minn tekniki ta’ sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata (GIS). Huwa neċessarju li jiġi ċċarat liema huma r-rekwiżiti bażiċi u l-miri ta’ kwalità li għandhom jiġu ssodisfati mis-sistema u li informazzjoni partikolari għandha tkun disponibbli fil-GIS sabiex ikunu żgurati kontroverifiki amministrattivi effettivi. Għaldaqstant, is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli għandha tkun aġġornata b’mod regolari sabiex teskludi karatteristiċi u żoni li mhumiex eliġibbli b’mod ċar. Madankollu, biex jiġi evitat in-nuqqas ta’ stabbiltà tas-sistema, għandha tingħata flessibbiltà lill-Istati Membri minħabba bidliet żgħar fiż-żona l-aktar eliġibbli minħabba l-inċertezza tal-interpretazzjoni fotografika, ikkawżata fost l-oħrajn mill-kontorn u l-kundizzjoni tal-ħbula art ta’ referenza.

(7)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jidentifikaw b’mod proattiv id-dgħufiji possibbli fis-sistema u jieħdu azzjoni ta’ rimedju meta jkun meħtieġ, il-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni ta’ ħbula art agrikoli għandha tiġi vvalutata kull sena.

(8)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni kif imiss tal-iskema ta’ pagament bażiku u pagamenti relatati kif stipulat fit-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni għad-drittijiet għall-pagament li tiżgura li d-drittijiet għall-pagament ikunu traċċabbli u li, fost l-oħrajn, tippermetti li jiġu kontroverifikati żoni ddikjarati għall-finijiet tal-iskema ta’ pagament bażiku mad-drittijiet għall-pagament disponibbli għal kull bidwi u bejn id-drittijiet għall-pagament differenti bħal dawn.

(9)

Sabiex ikun possibbli li jitwettaq kontroll effettiv u biex tiġi evitata l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet multipli għall-għajnuna lil aġenziji tal-ħlas differenti fi Stat Membru wieħed, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għal sistema waħda biex issir ir-reġistrazzjoni tal-identità tal-bdiewa li jippreżentaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna soġġetti għas-sistema integrata.

(10)

L-esperjenza wriet li ċerti karatteristiċi tal-pajsaġġ tal-għelieqi, b’mod partikolari, is-sisien tal-ħaxix, il-fossijiet u l-ħitan tal-ġebel, għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti miż-żona eliġibbli għall-pagamenti diretti relatati mal-erja. Hemm bżonn li tiġi ddefinita l-wisa’ aċċettabbli tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ fl-għalqa. Minħabba ħtiġijiet ambjentali speċifiċi, jixraq li l-Istati Membri jingħataw xi ftit ta’ flessibbiltà fir-rigward tal-limiti li għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni meta r-rendiment reġjonali ġie stabbilit għall-fini tal-pagamenti skont l-erja preċedenti għall-għelejjel. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw metodu differenti għall-bwar permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ mifruxa u siġar fejn din l-għażla ma tapplikax.

(11)

Minħabba l-importanza tagħhom għal agrikoltura sostenibbli, il-karatteristiċi kollha tal-pajsaġġ li huma soġġetti għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jiffurmaw parti mill-erja totali ta’ ħabel art agrikolu għandhom jitqiesu eliġibbli.

(12)

Fir-rigward ta’ ħbula art agrikoli użati bħala raba’ jew bħala bwar permanenti li jkun fihom is-siġar, għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għall-preżenza tas-siġar f’dawn iż-żoni u għall-impatt tagħhom fuq l-eliġibbiltà tat-tali żoni. Għall-finijiet ta’ ċertezza legali, għandha tiġi stipulata densità massima ta’ siġar, li għandha tiġi ddefinita mill-Istati Membri abbażi tal-prattiki tradizzjonali tal-kultivazzjoni, il-kundizzjonijiet naturali u r-raġunijiet ambjentali.

(13)

Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni u biex tiġi favorita l-osservabbiltà u l-kontrollabbiltà tal-pagamenti diretti, l-Istati Membri għandhom jitħallew japplikaw sistema prorata sabiex jistabbilixxu ż-żona eliġibbli ta’ bur permanenti b’karatteristiċi ineliġibbli mferrxin, bħal karatteristiċi tal-pajsaġġ (u siġar, minbarra karatteristiċi tal-pajsaġġ soġġetti għar-rekwiżiti u l-istandards elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Iż-żona eliġibbli hija ddeterminata għal kull ħabel art ta’ referenza skont il-limiti stabbiliti minn qabel applikati fil-livell tat-tip ta’ kopertura omoġenja tal-art. Karatteristiċi mferrxin li jgħattu sa ċertu perċentwal tal-ħabel art ta’ referenza jistgħu jitqiesu li huma parti miż-żona eliġibbli. Għaldaqstant, għandu jkun stipulat li ma għandu għalfejn isir ebda tnaqqis għaż-żona b’karatteristiċi mferrxin fl-ewwel kategorija li tirrappreżenta l-inqas perċentwal ta’ żona ineliġibbli.

(14)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli li jindirizzaw is-sitwazzjonijiet meta l-aħħar data għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet, talbiet, dokumenti jew emendi varji taħbat festa pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd.

(15)

Huwa indispensabbli li jiġu rispettati l-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna, talbiet għall-pagamenti u dikjarazzjonijiet oħra, għall-emenda tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mal-erja jew talbiet għall-pagamenti, u għal kwalunkwe dokument jew kuntratt ta’ appoġġ, sabiex ikun possibbli għall-awtoritajiet nazzjonali li jipprogrammaw u, sussegwentement, iwettqu kontrolli effettivi dwar il-korrettezza tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna, it-talbiet għall-pagamenti jew dokumenti oħrajn. Għalhekk, għandhom jitfasslu regoli fir-rigward tal-limiti ta’ żmien li fihom l-applikazzjonijiet li jintbagħtu tard jistgħu jiġu aċċettati. Sabiex il-benefiċjarji jitħeġġu jirrispettaw il-limiti ta’ żmien, għandu jiġi applikat tnaqqis dissważiv f’każ ta’ preżentazzjoni tard, sakemm l-ittardjar ma jkunx dovut għal każijiet ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali.

(16)

Il-preżentazzjoni fil-ħin tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament jew, meta jkun applikabbli, iż-żieda tal-valur tad-drittijiet għall-pagament mill-benefiċjarji hija essenzjali għall-Istati Membri bil-għan li jiġu stabbiliti fil-ħin id-drittijiet għall-pagament. Għalhekk, il-preżentazzjonijiet ta’ dawk l-applikazzjonijiet li saru tard għandhom jiġu permessi biss fl-istess limitu ta’ żmien addizzjonali bħal dak tal-preżentazzjonijiet ta’ kwalunkwe applikazzjoni għall-għajnuna li jkunu saru tard. Għandu jiġi applikat ukoll tnaqqis dissważiv dejjem jekk id-dewmien ma jkunx riżultat ta’ każijiet ta’ force majeure jew ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali.

(17)

Il-benefiċjarji li javżaw lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fi kwalunkwe żmien b’applikazzjonijiet għall-għajnuna jew talbiet għall-pagamenti inkorretti, ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi penali amministrattivi irrispettivament mir-raġuni tan-nuqqas ta’ konformità, sakemm il-benefiċjarju jkun ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post jew l-awtorità tkun diġà infurmat lill-benefiċjarju bi kwalunwke nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.

(18)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli supplimentari għall-bażi tal-kalkolu tal-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-erja u miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja, u għall-bażi tal-kalkolu tal-appoġġ volontarju akkoppjat imsejjes fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-annimali tal-irziezet skont skemi ta’ għajnuna għall-annimali jew l-appoġġ għall-iżvilupp rurali fuq il-bażi ta’ talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali.

(19)

Għandhom jiġu stabbiliti l-penali amministrattivi filwaqt li jitqiesu l-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità u l-problemi speċifiċi marbuta ma’ każijiet ta’ force majeure kif ukoll ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-penali amministrattivi għandhom jiġu ggradati skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità mwettaq u jistgħu jwasslu għall-esklużjoni totali minn waħda jew minn bosta skemi ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja għal perjodu speċifikat. Dawn għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħra jew il-possibbiltà li benefiċjarju jaf ma jiddikjarax l-erjas kollha tiegħu jew joħloq artifiċjalment il-kundizzjoni li għandha tiġi eżentata mill-obbligi ta’ tħaddir. Il-penali amministrattivi skont dan ir-Regolament għandhom jiġu kkunsidrati dissważivi biżżejjed biex jiskoraġġixxu nuqqas ta’ konformità intenzjonali.

(20)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu l-verifiki b’mod effettiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontrolli dwar il-ħarsien tal-obbligi ta’ kundizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġi previst l-obbligu tal-benefiċjarji li jiddikjaraw l-erjas kollha disponibbli għalihom kemm jekk huma jkunu qegħdin jitolbu għajnuna għal dawn l-erjas kif ukoll jekk mhumiex skont l-Artiklolu 72(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

(21)

Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-erjas eliġibbli u biex jiġi kkalkolat t-tnaqqis applikabbli, jeħtieġ li jiġu ddefiniti l-erjas li jaqgħu fi ħdan l-istess grupp ta’ għelejjel. Erja għandha titqies bosta drabi jekk din tiġi ddikjarata għall-għajnuna jew għal appoġġ taħt aktar minn skema ta’ għajnuna waħda jew minn miżura ta’ appoġġ waħda. Madankollu, għall-finijiet ta’ approċċ aktar ekoloġiku, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-gruppi ta’ għelejjel differenti.

(22)

Il-pagament ta’ għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jeħtieġ għadd ugwali ta’ drittijiet għall-pagament u ta’ ettari eliġibbli. Għall-finijiet ta’ din l-iskema jkun xieraq għalhekk li jiġi previst li l-kalkolu tal-pagament f’każ ta’ diskrepanzi bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata għandha tkun ibbażata fuq l-iżgħar ċifra. Sabiex jiġi evitat li l-kalkolu jiġi bbażat fuq drittijiet li mhumiex eżistenti, għandu jiġi previst li l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament użati għall-kalkolu ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju.

(23)

Fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna skont l-erja u/jew it-talbiet għall-pagament, in-nuqqasijiet ta’ konformità normalment jaffettwaw partijiet mill-erjas. Dikjarazzjonijiet eċċessivi fir-rigward ta’ ħabel art wieħed, jistgħu għalhekk, jibbilanċjaw id-dikjarazzjonijiet nieqsa ta’ ħbula art oħra tal-istess grupp ta’ għelejjel. Fi ħdan ċertu marġni ta’ tolleranza, għandu jiġi stipulat li l-penali amministrattivi jibdew japplikaw biss ladarba dan il-marġni jinqabeż.

(24)

Barra minn hekk, fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-pagament għal pagamenti relatati mal-erja, id-differenzi bejn it-total tal-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-pagament u t-total tal-erja stabbilit bħala eliġibbli huma ta’ spiss insinifikanti. Sabiex jiġi evitat għadd kbir ta’ aġġustamenti minuri ta’ applikazzjonijiet għandu jiġi previst li l-applikazzjoni għall-għajnuna u/jew it-talbiet għall-pagament ma għandhomx jiġu aġġustati skont l-erja stabbilita, dejjem jekk ma jinqabiżx ċertu livell ta’ differenzi.

(25)

Fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-iskema ta’ għajnuna għall-qoton, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għall-penali amministrattivi fir-rigward ta’ dik l-iskema.

(26)

Il-penali amministrattivi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali jew negliġenti mar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għandhom jiġu stabbiliti fir-rigward tal-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità għall-każijiet fejn benefiċjarju li japplika għall-iskema tal-bdiewa żgħażagħ, ma jikkonformax mal-obbligi tiegħu.

(27)

Għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi għall-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali u miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali filwaqt li jitqiesu l-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità u l-problemi speċjali marbuta mal-każijiet ta’ ċirkostanzi naturali. Il-penali amministrattivi għandhom jiġu ggradati skont il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità mwettaq u jistgħu jwasslu għall-esklużjoni totali minn waħda jew minn bosta skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ għal perjodu speċifikat. Fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, dawn għandhom iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi skemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ. Il-penali amministrattivi skont dan ir-Regolament għandhom jiġu stabbiliti f’livell dissważiv biżżejjed li jiskoraġġixxu dikjarazzjoni eċċessiva intenzjonali.

(28)

Sa fejn huma kkonċernati l-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew it-talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali, in-nuqqasijiet ta’ konformità jwasslu għall-ineliġibbiltà tal-annimal ikkonċernat. Tnaqqis varju għandu jiġi stipulat sa mill-ewwel annimal li jinstab b’nuqqas ta’ konformità iżda, irrispettivament mil-livell ta’ tnaqqis, għandu jkun hemm penali amministrattiva inqas ħarxa meta tliet annimali jew inqas jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, is-severità tal-penali amministrattivi għandha tiddependi fuq il-perċentwal tal-annimali li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.

(29)

Bħala regola ġenerali, l-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura meħtieġa sabiex jiżguraw it-tħaddim xieraq tas-sistema integrata. L-Istati Membri għandhom jitħallew jimponu penali nazzjonali addizzjonali, meta jkun hemm bżonn.

(30)

Il-possibbiltà li jsiru korrezzjonijiet bla ma jwasslu għall-penali amministrattivi pprovduta għall-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talba għall-pagament għandha tapplika wkoll fir-rigward ta’ dejta żbaljata li tinsab fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata fir-rigward ta’ annimali bovini li għalihom it-tali nuqqasijiet ta’ konformità jikkostitwixxu ksur ta’ kriterju tal-eliġibbiltà, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie mgħarraf bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post jew l-awtorità ma tkunx għada għarrfet lill-benefiċjarju dwar xi nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.

(31)

Rifjuti u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom jiġu stabbiliti għal miżuri ta’ għajnuna għall-iżvilupp rurali wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipji ta’ dissważjoni u proporzjonalità. Ir-rifjut u l-irtirar tal-appoġġ għandhom ikunu kklassifikati abbażi tas-severità, il-firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jkun instab. Rifjut u rtirar tal-appoġġ u penali amministrattivi għandhom, fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji u obbligi oħrajn, iqisu l-karatteristiċi partikolari tad-diversi miżuri ta’ appoġġ. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità serju jew fil-każ li l-benefiċjarju jkun ipprovda evidenza falza sabiex ikun jista’ jirċievi l-appoġġ, l-appoġġ għandu jkun irrifjutat u tiġi imposta penali amministrattiva. Il-penali amministrattivi għandhom jaslu sal-esklużjoni sħiħa minn miżura waħda jew iktar ta’ appoġġ [jew tipi ta’ operazzjonijiet] għal perjodu speċifikat.

(32)

Għall-miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, il-penali amministrattivi għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi sospiż temporanjament l-appoġġ affettwat min-nuqqas ta’ konformità. Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jiddefinixxu l-każijiet fejn in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun mistenni li jiġi indirizzat mill-benefiċjarju fi żmien raġonevoli.

(33)

L-Artikolu 93(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jistabbilixxi, fir-rigward tas-snin 2015 u 2016, li r-regoli dwar il-kundizzjonalità jinkludu wkoll iż-żamma ta’ mergħat permanenti. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jkun speċifikat li l-Istati Membri għandhom ikomplu jissodisfaw l-obbligi tagħhom fl-2015 u l-2016 skont il-proporzjon stabbilit fl-2014.

(34)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u sabiex tiġi stabbilita bażi armonizzata għall-valutazzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ konformità u l-kalkolu u l-applikazzjoni ta’ penali amministrattivi minħabba l-kundizzjonalità, huwa meħtieġ li jiġu pprovduti indikazzjonijiet dwar it-tifsira tat-termini: ripetizzjoni, firxa, severità u permanenza ta’ nuqqas ta’ konformità. Barra minn hekk jeħtieġ li jkun spjegat meta jkun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità.

(35)

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità, għandhom jiġu stabbiliti penali amministrattivi wara li jiġi kkunsidrat il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dawn għandhom jiġu applikati biss meta l-bidwi jkun ġab ruħu b’mod negliġenti jew intenzjonat u għandhom jiġu ggradati skont kemm ikun serju n-nuqqas ta’ konformità.

(36)

Fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità, minbarra l-iggradar tal-penali amministrattivi fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, għandu jiġi stipulat li minn ċertu żmien, il-ksur ripetut tal-istess obbligu ta’ konformità għandu, wara twissija minn qabel lill-bidwi, jiġi ttrattat bħala nuqqas ta’ konformità intenzjonali.

(37)

Barra minn hekk, fejn f’kundizzjonijiet partikolari l-possibbiltà li ma jiġu applikati ebda penali amministrattivi għal nuqqasijiet ta’ konformità skont l-Artikoli 97(3) u 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 hija applikata minn Stat Membru, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti rigward ir-rimedju tan-nuqqas ta’ konformità rilevanti.

(38)

Fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sistema ta’ twissija bikrija, kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, f’każ li l-benefiċjarju ma jissodisfax l-obbligu li tittieħed azzjoni ta’ rimedju, it-tnaqqis għandu jiġi applikat b’mod retroattiv fir-rigward tas-sena li għaliha tkun ġiet applikata s-sistema ta’ twissija bikrija. Il-kalkolu ta’ penali amministrattivi għandu jqis ukoll ir-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni fis-sena ta’ kontroll sussegwenti, jekk applikabbli. Sabiex tingħata ċertezza legali lill-benefiċjarji, għandu jiġi stabbilit limitu taż-żmien għall-applikazzjoni retroattiva ta’ penali amministrattivi.

(39)

Fir-rigward tal-benefiċjarji tal-operazzjonijiet pluriennali li nbdew taħt programmi ta’ żvilupp rurali approvati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (6) u li huma taħt l-obbligi ta’ kundizzjonalità, għandu jiġi stabbilit li japplikaw is-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi l-ġodda, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-awtoritajiet nazzjonali li huma inkarigati biex jivverifikaw il-konformità tagħhom u jiżguraw is-simplifikazzjoni tal-proċeduri.

(40)

Fir-rigward ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità, li għalihom ma ġewx applikati l-penali amministrattivi peress li kienu jaqgħu taħt ir-regola de minimis ipprovduta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (7) jew ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, iżda li għalihom l-Istati Membri kellhom jassiguraw li l-benefiċjarji jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta’ konformità, għandhom jiġu stabbiliti regoli tranżitorji sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn l-obbligu ta’ segwitu li kien jeżisti qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1306/2013 u r-regoli l-ġodda f’dak ir-rigward f’dak ir-Regolament.

(41)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandu jitħassar. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 (8) għandu jitħassar.

(42)

Filwaqt li jiġi kkunsidrat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 119(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan ir-Regolament għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew it-talbiet għall-pagamenti relatati mas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew il-perjodi tal-primjum li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2015.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward ta’:

(a)

il-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar parzjali jew totali tal-għajnuna jew tal-appoġġ;

(b)

l-identifikazzjoni tal-penali amministrattivi u l-iffissar tar-rata speċifika li għandha tkun imposta;

(c)

l-identifikazzjoni tal-każijiet li fihom ma tiġix applikata l-penali amministrattiva;

(d)

ir-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien li fihom id-data finali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet jew emendi taħbat vaganza pubblika, is-Sibt jew il-Ħadd;

(e)

id-definizzjonijiet speċifiċi meħtieġa sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata tas-sistema integrata;

(f)

il-karatteristiċi bażiċi u r-regoli tekniċi għas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-ħbula art agrikoli u l-identifikazzjoni tal-benefiċjarji;

(g)

il-karatteristiċi bażiċi, ir-regoli tekniċi u r-rekwiżiti tal-kwalità tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament;

(h)

il-bażi għall-kalkolu tal-għajnuna, inklużi regoli dwar kif għandhom jiġu ttrattati ċerti każijiet li fihom iż-żoni eliġibbli jinkludu karatteristiċi tal-pajsaġġ jew siġar;

(i)

ir-regoli addizzjonali għall-intermedji bħal servizzi, korpi u organizzazzjonijiet, li huma involuti fil-proċedura tal-għoti tal-għajnuna jew tal-appoġġ;

(j)

iż-żamma ta’ mergħat permanenti fir-rigward tal-kundizzjonalità;

(k)

bażi armonizzata għall-kalkolu ta’ penali amministrattivi relatati mal-kundizzjonalità;

(l)

kundizzjonijiet għall-applikazzjoni u l-kalkolu tal-penali amministrattivi relatati mal-kundizzjonalità;

(m)

żieda mar-regoli pprovduti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel mir-regoli mħassra għar-regoli l-ġodda.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet tas-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u fl-Artikolu 67(4) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

(1)

“benefiċjarju” tfisser bidwi kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li hemm referenza għalih fl-Artikolu 9 ta’ dak ir-Regolament, il-benefiċjarju soġġett għall-kundizzjonalità skont it-tifsira tal-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u/jew il-benefiċjarju li jirċievi appoġġ għal żvilupp rurali kif imsemmi fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

(2)

“nuqqas ta’ konformità” tfisser:

(a)

għall-kriterji ta’ eliġibbiltà, l-impenji jew obbligi oħra relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna jew l-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 67(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, kwalunkwe nuqqas ta’ ħarsien ta’ dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra; jew

(b)

għall-kundizzjonalità, in-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ ġestjoni statutorja skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, bl-istandards għal kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba tal-art iddefinita mill-Istati Membri skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jew biż-żamma ta’ mergħa permanenti li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 93(3) ta’ dak ir-Regolament;

(3)

“applikazzjoni għal appoġġ” tfisser applikazzjoni għal appoġġ jew għad-dħul f’miżura taħt ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(4)

“talba għall-pagament” tfisser applikazzjoni minn benefiċjarju għal pagament mill-awtoritajiet nazzjonali skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(5)

“dikjarazzjoni oħra” tfisser kwalunkwe dikjarazzjoni jew dokument, minbarra l-applikazzjonijiet għal appoġġ jew it-talbiet għall-pagament, li għandhom jiġu ppreżentati jew miżmuma mill-benefiċjarju jew parti terza sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi ta’ ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali;

(6)

“miżuri ta’ żvilupp rurali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema integrata” tfisser il-miżuri ta’ appoġġ mogħtija skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b) u l-Artikoli 28 sa 31, 33, 34 u 40 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u fejn ikun applikabbli l-Artikolu 35(1)(b) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, bl-eċċezzjoni tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u l-miżuri skont l-Artikolu 21(1)(a) u (b) ta’ dak ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mal-ispiża għall-istabbilment;

(7)

“sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali” tfisser is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u/jew is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini jew kaprini stabbilita mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (11) rispettivament;

(8)

“tikketta tal-widna” tfisser it-tikketta tal-widna biex tidentifika lill-annimali bovini msemmija fl-Artikolu 3(a) u l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew it-tikketta tal-widna biex tidentifika l-annimali ovini u kaprini msemmija individwalment fil-punt A.3 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(9)

“bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali” tfisser il-bażi tad-dejta kompjuterizzata li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(b) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew ir-reġistru ċentrali jew il-bażi tad-dejta kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 3(1)(d), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(10)

“passaport tal-annimal” tfisser il-passaport tal-annimal li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(c) u fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000;

(11)

“reġistru” fir-rigward tal-annimali tfisser ir-reġistru miżmum mill-indokraturi tal-annimali li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(d) u fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew ir-reġistru li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(1)(b) u fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(12)

“kodiċi ta’ identifikazzjoni” tfisser il-kodiċi ta’ identifikazzjoni li hemm referenza għalih fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u/jew il-kodiċijiet li hemm referenza għalihom fil-punt A.2. tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 rispettivament;

(13)

“skema ta’ għajnuna għall-annimali” tfisser miżura ta’ appoġġ akkoppjat u volontarju prevista fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali;

(14)

“miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali” tfisser il-miżuri għall-iżvilupp rurali jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li fil-każ tagħhom l-appoġġ huwa bbażat fuq l-għadd ta’ annimali jew l-għadd ta’ unitajiet ta’ bhejjem iddikjarati;

(15)

“applikazzjoni ta’ għajnuna għall-bhejjem” tfisser l-applikazzjonijiet għall-pagamenti tal-għajnuna fejn il-pagament annwali li għandu jingħata fi ħdan limiti kwantitattivi ddefiniti huwa bbażat fuq għadd fiss ta’ annimali taħt l-appoġġ akkoppjat u volontarju previst fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(16)

“annimali ddikjarati” tfisser l-annimali soġġetti għal għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew soġġetti għal talba għall-pagament għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali;

(17)

“annimal potenzjalment eliġibbli” tfisser annimal li a priori jista’ potenzjalment jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà biex jirċievi l-għajnuna taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew appoġġ taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali fis-sena tat-talba inkwistjoni;

(18)

“annimal determinat” tfisser:

(a)

għal skema ta’ għajnuna għall-annimali, annimal li fil-każ tiegħu jkunu ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha stipulati fir-regoli għall-għoti tal-għajnuna; jew

(b)

għal miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, annimal identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post;

(19)

“indokratur tal-annimali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-annimali kemm jekk fuq bażi permanenti kif ukoll jekk fuq bażi temporanja, inkluż matul it-trasport jew f’suq;

(20)

“skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja” tfisser il-pagamenti diretti relatati mal-erja skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4)(b) tar-Regolament 1306/2013, bl-eċċezzjoni tal-miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-Unjoni kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) u miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-Gżejjer minuri tal-Eġew kif imsemmi fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

(21)

“miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja” tfisser il-miżuri għall-iżvilupp rurali jew it-tipi ta’ operazzjonijiet li fil-każ tagħhom l-appoġġ huwa bbażat fuq id-daqs tal-erja ddikjarata;

(22)

“użu” fir-rigward tal-erja tfisser l-użu ta’ erja f’termini tat-tip ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, it-tip ta’ bur permanenti kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(h) ta’ dak ir-Regolament, bwar permanenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 45(2)(a) ta’ dak ir-Regolament jew erjas ta’ bur, minbarra bur permanenti jew mergħa permanenti, jew kopertura ta’ art jew in-nuqqas ta’ għelejjel;

(23)

“erja determinata” tfisser:

(a)

għal skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, l-erja li fil-każ tagħha ġew sodisfatti l-kriterji ta’ eliġibbiltà kollha jew obbligi oħrajn relatati mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna, irrispettivament mill-għadd tad-drittijiet għall-pagament għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju; jew

(b)

għal miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja, l-erja ta’ ġonot raba’ jew ħbula art kif identifikat permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fuq il-post;

(24)

“Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika” (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “GIS”) tfisser it-tekniki ta’ sistema ta’ informazzjoni ġeografika kompjuterizzata msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(25)

“ħabel art ta’ referenza” tfisser erja ġeografikament delimitata li żżomm identifikazzjoni unika kif reġistrata fis-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013;

(26)

“materjal ġeografiku” tfisser mapep u dokumenti oħrajn użati biex jiġi kkomunikat il-kontenut tal-GIS bejn l-applikanti għall-għajnuna jew l-appoġġ u l-Istati Membri.

2.   Għall-finijiet tat-Titolu IV ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fit-Titolu VI tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Barra minn hekk, “standards” tfisser kwalunkwe wieħed mill-istandards kif iddefiniti mill-Istati Membri skont l-Artikolu 94 tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 kif ukoll l-obbligi fir-rigward tal-mergħat permanenti kif stabbiliti fl-Artikolu 93(3) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 3

Applikazzjoni tal-penali kriminali

L-applikazzjoni tal-penali amministrattivi u r-rifjut jew l-irtirar tal-għajnuna jew l-appoġġ kif stipulat f’dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali kriminali, jekk il-liġi nazzjonali tkun tistipula hekk.

Artikolu 4

Force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali

1.   Fir-rigward ta’ pagamenti diretti, jekk benefiċjarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-kriterji ta’ eliġibbiltà jew obbligi oħra minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa għandu jżomm id-dritt tiegħu għall-għajnuna fir-rigward tal-erja jew tal-annimali eliġibbli fiż-żmien meta jkun seħħ il-każ ta’ force majeure jew iċ-ċirkostanza eċċezzjonali.

Fir-rigward tal-miżuri ta’ appoġġ tal-iżvilupp rurali skont l-Artikoli 28, 29, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jekk benefiċjarju ma setax jissodisfa l-impenn minħabba force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali, il-pagament rispettiv għandu jiġi rtirat b’mod proporzjonali għas-snin li matulhom ikunu seħħew il-force majeure jew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-irtirar għandu jirrigwarda biss dawk il-partijiet tal-impenn li għalihom ma sarux spejjeż addizzjonali jew intilef dħul qabel seħħet il-force majeure jew qabel seħħew iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. L-ebda irtirar ma għandu japplika fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà u obbligi oħrajn u ma għandha tapplika l-ebda penali amministrattiva.

Rigward miżuri oħrajn ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali, l-Istati Membri ma għandhomx jeħtieġu r-rimborż parzjali jew sħiħ tal-appoġġ f’każ ta’ force majeure jew ċirkostanzi eċċezzjonali. Fil-każ ta’ impenji jew pagamenti pluriennali, ir-rimborż tal-appoġġ riċevut fis-snin ta’ qabel ma għandux ikun meħtieġ u l-impenn jew il-pagament għandu jkompli fis-snin ta’ wara skont it-tul oriġinali tiegħu.

Meta n-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn din il-force majeure jew miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jikkonċerna l-kundizzjonalità, il-penali amministrattivi korrispondenti msemmija fl-Artikolu 91(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma għandhomx jiġu applikati.

2.   Il-każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu notifikati bil-miktub lill-awtorità kompetenti, bl-evidenza rilevanti għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, fi żmien ħmistax-il jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-benefiċjarju, jew il-persuna intitolata permezz tiegħu, tkun f’pożizzjoni biex tagħmel dan.

TITOLU II

IS-SISTEMA INTEGRATA TA’ AMMINISTRAZZJONI U KONTROLL

KAPITOLU I

REKWIŻITI TAS-SISTEMI

Artikolu 5

Identifikazzjoni tal-ħbula art agrikoli

1.   Is-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha topera fil-livell ta’ ħabel art ta’ referenza. Ħabel art ta’ referenza għandu jkun fih unità ta’ art li tirrappreżenta żona agrikola kif definita fl-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Fejn ikun xieraq, ħabel art ta’ referenza għandu jinkludi wkoll żoni kif imsemmija fl-Artikolu 32(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u art agrikola kif imsemmija fl-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

L-Istati Membri għandhom jiddelimitaw il-ħabel art ta’ referenza b’tali mod li jiżguraw li l-ħabel art ta’ referenza jista’ jitkejjel, jippermetti l-lokalizzazzjoni unika u mhux ambigwa ta’ kull ħabel art agrikolu ddikjarat kull sena u bħala prinċipju, huwa stabbli maż-żmien.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ħbula art agrikoli li huma ddikjarati jkunu identifikati b’mod affidabbli. Dawn għandhom b’mod partikolari jeħtieġu li tintbagħat l-applikazzjoni għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament flimkien ma’ dokumenti speċifikati mill-awtorità kompetenti li jippermettu li jinstab u jitkejjel kull ħabel art. Għal kull ħabel art ta’ referenza, l-Istati Membri għandhom:

(a)

jistabbilixxu l-aktar żona eliġibbli għall-fini tal-iskemi ta’ appoġġ elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b)

jistabbilixxu l-aktar żona eliġibbli għall-fini tal-miżuri relatati mal-erja msemmija fl-Artikoli 28 sa 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013;

(c)

isibu u jiddeterminaw id-daqs ta’ dawk iż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika elenkati fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li dwarhom l-Istat Membru jkun iddeċieda li jitqiesu bħala żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-fatturi ta’ konverżjoni u/jew ta’ ponderazzjoni stipulati fl-Anness X tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, fejn xieraq;

(d)

jiddeterminaw jekk id-dispożizzjonijiet għaż-żoni muntanjużi, żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali konsiderevoli u żoni oħrajn affetwati minn limitazzjonijiet speċifiċi kif imsemmija fl-Artikolu 32 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, iż-żoni ta’ Natura 2000, żoni koperti mid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14), art agrikola awtorizzata għall-produzzjoni tal-qoton skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni miżmuma b’mod naturali fi stat ta’ mergħa jew għat-tkabbir kif imsemmi fl-Artikolu 4(1)(c)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni magħżula mill-Istati Membri għall implimentazzjoni reġjonali u/jew kollettiva ta’ żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika skont l-Artikoli 46(5) u (6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni li ġew innotifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, żoni koperti bi bwar permanenti li huma ambjentalment sensittivi f’żoni koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE (15) jew id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16) u żoni sensittivi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE Nru 1307/2013 u/jew żoni magħżula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 48 ta’ dak ir-Regolament japplikawx.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żona l-aktar eliġibbli skont il-ħabel art ta’ referenza kif imsemmi fil-paragrafu 2(a) hija kkwantifikata b’mod korrett f’marġni ta’ massimu 2 %, u b’hekk jikkunsidraw il-kontorn u l-kundizzjoni tal-ħabel art ta’ referenza.

4.   Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 21(1)(a) u l-Artikoli 30 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sistemi alternattivi xierqa sabiex jidentifikaw b’mod uniku l-art soġġetta għall-appoġġ meta dik l-art tkun miksija bil-foresti.

5.   Il-GIS għandha topera abbażi ta’ sistema nazzjonali ta’ referenza ta’ koordinati kif iddefinita fid-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) li tippermetti l-kejl standardizzat u l-identifikazzjoni unika tal-ħbula art agrikoli fl-Istat Membru kollu kkonċernat. Fejn jintużaw sistemi ta’ koordinati differenti, dawn għandhom ikunu reċiprokament esklussivi u kull waħda minnhom għandha tiżgura l-konsistenza bejn il-punti ta’ informazzjoni li jirreferu għall-istess post.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli

1.   L-Istati Membri għandhom jivvalutaw kull sena l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli għall-fini tal-iskema ta’ pagament bażiku u l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja kif imsemmi fil-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Din il-valutazzjoni għandha tinkludi żewġ klassijiet ta’ konformità.

L-ewwel klassi ta’ konformità għandha tkopri l-elementi li ġejjin sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli:

(a)

il-kwantifikazzjoni korretta tal-erja massima eliġibbli;

(b)

il-proporzjon u d-distribuzzjoni ta’ ħbula art ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli jew fejn ma tqisx l-erja agrikola;

(c)

l-okkorrenza ta’ ħbula art ta’ referenza b’difetti kritiċi.

L-ewwel klassi ta’ konformità għandha tkopri l-elementi li ġejjin sabiex tiġi vvalutata l-kwalità tas-sistema ta’ identifikazzjoni għall-ħbula art agrikoli:

(a)

il-kategorizzazzjoni ta’ ħbula art ta’ referenza fejn l-erja massima eliġibbli tqis erjas ineliġibbli, fejn ma tqisx l-erja agrikola jew tikxef difett kritiku;

(b)

il-proporzjon ta’ erja ddikjarata relattiva mal-erja massima eliġibbli fil-ħbula art ta’ referenza;

(c)

il-perċentwal ta’ ħbula art ta’ referenza li kienu soġġetti għal bidla, akkumulata matul is-snin.

Fejn ir-riżultati tal-valutazzjoni tal-kwalità jiżvelaw nuqqasijiet fis-sistema, l-Istat Membru għandu jieħu azzjoni ta’ rimedju xierqa.

2.   L-Istati Membri għandhom iwettqu l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbażi ta’ kampjun ta’ ħbula art ta’ referenza li għandu jintgħażel u jiġi pprovdut mill-Kummissjoni. Għandhom jużaw dejta li tippermetti l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni attwali fuq l-art.

3.   Rapport ta’ valutazzjoni u, fejn xieraq, l-azzjonijiet ta’ rimedju u l-iskeda tal-implimentazzjoni tagħhom għandhom jinbagħtu lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar ta’ wara is-sena kalendarja relatata.

Artikolu 7

Identifikazzjoni u reġistrazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament

1.   Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-drittijiet għall-pagament stipulata fl-Artikolu 71 tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013 għandha tkun reġistru elettroniku f’livell ta’ Stat Membru u għandha, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontroverifiki previsti fil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu, tiżgura traċċabbiltà effettiva tad-drittijiet għall-pagamenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-elementi li ġejjin:

(a)

id-detentur;

(b)

il-valuri annwali;

(c)

id-data tat-twaqqif;

(d)

id-data tal-aħħar attivazzjoni;

(e)

l-oriġini, partikolarment fir-rigward tal-attribuzzjoni, ir-riżerva oriġinali, nazzjonali jew reġjonali kif ukoll ix-xiri, il-kiri u l-wirt tiegħu;

(f)

meta jiġi applikat l-Artikolu 21(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, id-drittijiet imħaddna bis-saħħa ta’ dik id-dispożizzjoni;

(g)

fejn applikabbli, restrizzjonijiet reġjonali.

2.   L-Istati Membri li fihom hemm aktar minn aġenzija tal-pagamenti waħda jistgħu jiddeċiedu li jħaddmu r-reġistru elettroniku fil-livell tal-aġenzija tal-pagamenti. F’dak il-każ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li r-reġistri differenti jkunu kompatibbli ma’ xulxin.

Artikolu 8

Identifikazzjoni tal-benefiċjarji

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72(3) tar-Regolament (KE) Nru 1306/2013, is-sistema unika għar-reġistrazzjoni tal-identità ta’ kull benefiċjarju kif previst fl-Artikolu 73 ta’ dak ir-Regolament għandha tiggarantixxi identifikazzjoni unika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna u t-talbiet għall-pagament kollha jew dikjarazzjonijiet oħrajn ippreżentati mill-istess benefiċjarju.

KAPITOLU II

ĦBULA ART AGRIKOLI B’KARATTERISTIĊI TAL-PAJSAĠĠ U SIĠAR

Artikolu 9

Determinazzjoni taż-żoni li fihom il-ħbula art agrikoli jinkludu karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar

1.   Meta ċerti karatteristiċi tal-pajsaġġ, b’mod partikolari s-sies tal-ħaxix, il-fossijiet u l-ħitan, ikunu tradizzjonalment parti minn prattiki agrikoli tajbin ta’ kultivazzjoni jew użu f’żona agrikola f’ċerti reġjuni, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ż-żona korrispondenti għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli ta’ ħabel art agrikolu skont it-tifsira tal-Artikolu 67(4)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 diment li din ma taqbiżx il-wisa’ totali li għandha tiġi ddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat. Dik il-wisa’ għandha tikkorrispondi mal-wisa’ tradizzjonali fir-reġjun ikkonċernat u ma għandux jaqbeż iż-żewġ metri.

Madankollu, meta l-Istati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni qabel id-9 ta’ Diċembru 2009 b’wisa’ akbar minn żewġ metri f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 (18), dik il-wisa’ xorta waħda tista’ tiġi applikata.

L-ewwel u t-tieni subparagrafu ma għandhomx japplikaw għall-bwar permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar imferrxa jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun iddeċieda li japplika sistema prorata skont l-Artikolu 10.

2.   Kwalunkwe karatteristika tal-pajsaġġ soġġetta għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li jagħmlu parti miż-żona totali ta’ ħabel art agrikolu għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli ta’ dak il-ħabel art agrikolu.

3.   Ħabel art agrikolu li fih siġar imferrxin għandu jitqies bħala żona eliġibbli diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-attivitajiet agrikoli jistgħu jitwettqu b’mod simili bħal fi ħbula art mingħajr siġar fl-istess żona; u

(b)

l-għadd ta’ siġar għal kull ettaru ma jaqbiżx id-densità massima.

Id-densità massima msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi ddefinita mill-Istati Membri u nnotifikata abbażi tal-prattiki tradizzjonali tal-kultivazzjoni, il-kundizzjonijiet naturali u raġunijiet ambjentali. Din ma għandhiex taqbeż il-100 siġra għal kull ettaru. Madankollu, dak il-limitu ma għandux japplika b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 28 u 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal siġar tal-frott imferrxin li jrendu ħsad ripetut, għal siġar imferrxin li jistgħu jintużaw għall-mergħat f’bur permanenti u għal bur permanenti b’karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar imferrxin jekk l-Istat Membru kkonċernat jkun iddeċieda li japplika sistema prorata skont l-Artikolu 10.

Artikolu 10

Sistema prorata għal bwar permanenti li jkun fihom karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar

1.   Fir-rigward tal-bwar permanenti b’karatteristiċi mferrxin ineliġibbli, bħal karatteristiċi tal-pajsaġġ u siġar, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw sistema prorata sabiex jiddeterminaw iż-żona eliġibbli fil-ħabel art ta’ referenza.

Is-sistema prorata msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tikkonsisti f’kategoriji differenti ta’ tipi ta’ kopertura omoġenja tal-art li għalihom jiġi applikat koeffiċjent ta’ tnaqqis fiss ibbażat fuq il-perċentwal taż-żona ineliġibbli. Il-kategorija li tirrappreżenta l-aktar perċentwal baxx ta’ erja ineliġibbli ma għandhiex taqbeż l-10 % tal-erja ineliġibbli u ma għandu jiġi applikat ebda koeffiċjent ta’ tnaqqis għal dik il-kategorija.

2.   Kwalunkwe karatteristika tal-pajsaġġ soġġetta għar-rekwiżiti u l-istandards imniżżla fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 li tagħmel parti miż-żona totali ta’ ħabel art agrikolu għandha titqies bħala parti miż-żona eliġibbli.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal bwar permanenti li jkun fihom siġar tal-frott li jroddu ħsad ripetut.

KAPITOLU III

APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-GĦAJNUNA U TALBIET GĦAL PAGAMENTI

Artikolu 11

L-applikazzjoni unika

L-applikazzjoni unika għandha mill-inqas tkopri l-applikazzjoni għall-pagamenti diretti msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 fir-rigward tal-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja u skemi ta’ għajnuna oħra relatati mal-erja.

Artikolu 12

Deroga għad-data finali għall-preżentazzjoni

B’deroga mill-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (19), meta d-data finali għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna, applikazzjoni għal appoġġ, talba għall-pagament jew dikjarazzjonijiet oħra jew kwalunkwe dokument jew kuntratt ta’ appoġġ), jew id-data finali għall-emendi tal-applikazzjoni unika, tkun btala pubblika, jew tkun is-Sibt jew il-Ħadd, din għandha titqies li taqa’ fl-ewwel jum tax-xogħol li jkun imiss.

L-ewwel paragrafu għandu japplika wkoll għall-aħħar data possibbli għal preżentazzjoni mressqa tard kif stipulat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u għall-aħħar data possibbli għal preżentazzjoni tard kif stipulat fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14 għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet minn benefiċjarji għal allokazzjoni jew żieda ta’ drittijiet għall-pagament.

Artikolu 13

Preżentazzjoni tard

1.   Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament skont dan ir-Regolament wara d-data finali ta’ din il-preżentazzjoni kif iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li l-benefiċjarju kien ikun intitolat għalihom kieku l-applikazzjoni jew it-talba kienet ippreżentata fi ħdan il-limitu taż-żmien.

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura partikolari li għandha tittieħed mill-Istati Membri fir-rigward tal-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta’ kwalunkwe dokument ta’ appoġġ fi żmien xieraq li jippermetti li jiġu skedati u mwettqa kontrolli effettivi, l-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet oħra li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtorità kompetenti meta tali applikazzjonijiet għal appoġġ, dokumenti, kuntratti jew dikjarazzjonijiet, ikunu kostituttivi għall-eliġibbiltà għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati. F’dak il-każ, it-tnaqqis għandu jiġi applikat fuq l-ammont pagabbli għall-għajnuna jew l-appoġġ ikkonċernati.

Jekk dewmien bħal dan jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni jew it-talba għandha titqies bħala inammissibbli u ma għandhom jingħataw ebda għajnuna jew appoġġ lill-benefiċjarju.

2.   Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4, fejn il-benefiċjarju tal-iskemi previsti fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) li huwa wkoll soġġett għall-obbligi ta’ kundizzjonalità skont l-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 ma jissottomettix il-formola ta’ applikazzjoni unika sad-data finali kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol. It-tnaqqis massimu għandu jkun limitat għal 25 %. Il-perċentwal ta’ tnaqqis għandu japplika għall-ammont totali ta’ pagamenti relatati mal-miżuri taħt l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, diviż bi 3 għar-ristrutturar u l-konverżjoni.

3.   Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ emenda għal applikazzjoni unika jew talba għall-pagament wara d-data finali għal din il-preżentazzjoni kif iffissata mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha twassal għal tnaqqis ta’ 1 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti relatati mal-użu reali tal-ħbula art agrikoli kkonċernati.

Emendi għal applikazzjoni unika jew talba għall-pagament għandhom ikunu ammissibbli biss sal-aħħar data possibbli għat-tressiq tard tal-applikazzjoni unika jew it-talba għall-pagament kif hemm speċifikat fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1. Madankollu, meta dik id-data tkun qabel jew l-istess bħad-data finali għall-preżentazzjoni ta’ emenda fl-applikazzjoni unika jew it-talba għall-pagament kif imsemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-emendi għall-applikazzjoni unika jew talba għall-pagament għandhom jitqiesu bħala mhux ammissibbli wara dik id-data.

Artikolu 14

Preżentazzjoni tard ta’ applikazzjoni relatata mad-drittijiet għall-pagament

Ħlief f’każijiet ta’ force majeure u ċirkostanzi eċċezzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 4, il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal allokazzjoni jew, meta jkun applikabbli, ta’ żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament wara d-data finali ffissata għal dan il-għan mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandha twassal f’dik is-sena għal tnaqqis ta’ 3 % għal kull jum ta’ xogħol fl-ammonti li għandhom jitħallsu fir-rigward tad-drittijiet għall-pagament, jew, fejn ikun applikabbli, fir-rigward taż-żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarju.

Jekk dewmien bħal dan jammonta għal aktar minn 25 jum kalendarju, l-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux ammissibbli u l-ebda dritt għall-pagament jew, meta jkun applikabbli, l-ebda żieda fil-valur tad-drittijiet għall-pagament ma għandhom jiġu allokati lill-benefiċjarju.

KAPITOLU IV

KALKOLU TAL-GĦAJNUNA U TAL-PENALI AMMINISTRATTIVI RELATATI MAL-ISKEMI TA’ PAGAMENTI DIRETTI U MIŻURI GĦALL-IŻVILUPP RURALI FIL-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI TAS-SISTEMA INTEGRATA

TAQSIMA 1

Regoli ġenerali

Artikolu 15

Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi

1.   Il-penali amministrattivi previsti f’dan il-Kapitolu ma għandhomx japplikaw fir-rigward tal-parti tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament li dwarhom il-benefiċjarju jinforma lill-awtorità kompetenti bil-miktub li l-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament hija inkorretta jew saret inkorretta minn meta ġiet ippreżentata, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx ġie infurmat bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti li twettaq verifika fuq il-post u li l-awtorità ma tkunx diġà infurmat lill-benefiċjarju b’xi nuqqasijiet ta’ konformità fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament.

2.   L-informazzjoni mogħtija mill-benefiċjarju kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkollha l-effett li l-applikazzjoni għall-għajnuna tiġi aġġustata għas-sitwazzjoni attwali.

Artikolu 16

Nuqqas ta’ dikjarazzjoni tal-erjas kollha

1.   Jekk, għal sena partikolari, benefiċjarju ma jiddikjarax il-ħbula art agrikoli relatati mal-erja msemmija fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u d-differenza bejn l-erja kumplessiva ddikjarata fl-applikazzjoni unika u/jew talba għall-pagament minn naħa u l-erja ddikjarata flimkien mal-erja kumplessiva tal-ħbula art mhux iddikjarati, min-naħa l-oħra, hija aktar minn 3 % tal-erja ddikjarata, l-ammont kumplessiv tal-pagamenti diretti u/jew l-appoġġ relatat mal-erja taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja pagabbli lil dak il-benefiċjarju għal dik is-sena għandu jitnaqqas b’mhux aktar minn 3 % skont is-severità tal-ommissjoni.

Il-penali kkalkulata skont l-ewwel subparagrafu għandha titnaqqas bl-ammont ta’ kwalunkwe penali amministrattiva applikata skont l-Artikolu 28(2).

2.   Il-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal pagamenti relatati mal-iskemi previsti fl-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament Nru 1308/2013, fejn il-benefiċjarju huwa soġġett għall-obbligi ta’ kundizzjonalità skont l-Artikolu 92 ta’ dak ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013. Il-perċentwal ta’ tnaqqis għandu japplika għall-ammont totali ta’ pagamenti relatati mal-miżuri skont l-Artikoli 46 u 47 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 diviż bi 3 għar-ristrutturar u l-konverżjoni.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-pagamenti taħt l-iskema tal-bdiewa żgħar kif stipulat fit-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

TAQSIMA 2

Skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, ħlief il-pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent, jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-erja

Artikolu 17

Prinċipji ġenerali

1.   Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, il-gruppi ta’ għelejjel li ġejjin għandhom jintgħarfu kif xieraq:

(a)

erjas iddikjarati għall-finijiet ta’ attivazzjoni tad-drittijiet għall-pagament taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew għall-finijiet li jingħata l-pagament uniku skont l-erja;

(b)

grupp għal kull waħda mill-erjas iddikjarati għall-finijiet ta’ kull skema oħra ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżura ta’ appoġġ, li għalih tapplika rata differenti ta’ għajnuna jew appoġġ;

(c)

erjas iddikjarati skont l-intestatura “użi oħra”.

2.   Meta l-istess erja sservi bħala l-bażi għal applikazzjoni għall-għajnuna u/jew talba għall-pagament taħt aktar minn skema waħda ta’ għajnuna relatata mal-erja jew miżura ta’ appoġġ, dik l-erja għandha titqies b’mod separat għal kull waħda minn dawk l-iskemi ta’ għajnuna jew miżuri ta’ appoġġ.

Artikolu 18

Bażi għall-kalkolu fir-rigward ta’ pagamenti relatati mal-erja

1.   Fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku, l-iskema tal-bdiewa żgħar, il-pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, il-pagament għall-erjas b’restrizzjonijiet naturali u, fejn applikabbli, l-iskema tal-bdiewa żgħażagħ u meta l-Istati Membri japplikaw l-iskema ta’ pagament bażiku, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a)

jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati għandu jitnaqqas għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-benefiċjarju.

(b)

jekk hemm differenza bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata, l-erja ddikjarata għandha tiġi aġġustata għaċ-ċifra l-aktar baxxa.

Dan il-paragrafu ma għandux japplika fl-ewwel sena ta’ allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament.

2.   Fil-każ tal-pagament għal bdiewa żgħażagħ u fejn l-Istat Membru jagħżel metodu ta’ pagament stabbilit fl-Artikolu 50(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; jekk l-erja ddikjarata skont l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taqbeż il-limitu stabbilit mill-Istat Membru skont l-Artikolu 50(9), l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak il-limitu.

3.   F’każ ta’ pagament ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, jekk l-erja ddikjarata taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament tal-erja unika taqbeż il-limiti stabbiliti mill-Istat Membru skont l-Artikolu 41(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak il-limitu.

4.   Fil-każ ta’ pagament għal erjas b’restrizzjonijiet naturali u fejn l-Istat Membru jagħżel metodu ta’ pagament stabbilit fl-Artikolu 48(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013; jekk l-erja ddikjarata taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja taqbeż in-numru massimu stabbilit mill-Istat Membru, l-erja ddikjarata għandha titnaqqas għal dak in-numru.

5.   F’każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jew miżuri ta’ għajnuna, jekk jiġi stabbilit li l-erja tal-grupp ta’ għelejjel stabbilita hija akbar minn dik iddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, l-erja ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-għajnuna jew l-appoġġ.

6.   Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi skont l-Artikolu 19, fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-għajnuna u/jew talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt skemi ta’ għajnuna relatati mal-erja jew miżuri ta’ għajnuna, jekk l-erja ddikjarata taqbeż l-erja stabbilita għal grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita għal dak il-grupp ta’ għelejjel.

Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 60 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jekk id-differenza bejn l-erja totali stabbilita u l-erja totali ddikjarata għall-pagament taħt l-iskemi ta’ għajnuna stabbiliti fit-Titoli III, IV u V tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jew l-erja totali ddikjarata għall-pagament taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-erja tkun ta’ 0.1 ettaru jew inqas minn hekk, l-erja stabbilita għandha tiġi ffissata daqs l-erja ddikjarata. Għal dan il-kalkolu għandhom jitqiesu biss id-dikjarazzjonijiet eċċessivi ta’ erjas fil-livell ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1).

It-tieni subparagrafu ma għandux japplika meta dik id-differenza tirrappreżenta aktar minn 20 % tal-erja totali ddikjarata għall-pagamenti.

7.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament bażiku, għandha titqies il-medja tal-valuri tad-drittijiet għall-pagament differenti skont l-erja rispettiva ddikjarata.

Artikolu 19

Penali amministrattivi f’każijiet ta’ dikjarazzjoni eċċessiva

1.   Jekk, fir-rigward ta’ grupp ta’ għelejjel kif imsemmi fl-Artikolu 17(1), l-erja ddikjarata għall-finijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata mal-erja, tkun taqbeż l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18, l-għajnuna għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-erja stabbilita mnaqqsa bid-doppju tad-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun ta’ aktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda ma tkunx taqbeż l-20 % tal-erja stabbilita.

Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 20 % tal-erja stabbilita, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna jew appoġġ għall-grupp ta’ għelejjel ikkonċernat.

2.   Jekk id-differenza tkun ta’ aktar minn 50 %, ma għandha tingħata ebda għajnuna jew appoġġ relatat mal-erja għall-grupp ta’ għelejjel ikkonċernati. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna jew appoġġ li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-erja ddikjarata u l-erja stabbilita skont l-Artikolu 18.

3.   Jekk l-ammont ikkalkolat skont il-paragrafi 1 u 2 ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.

Artikolu 20

Penali amministrattivi li jikkonċernaw il-pagament speċifiku għall-għelejjel għall-qoton

Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattiva applikabbli skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament, fejn jiġi stabbilit li l-benefiċjarju ma josservax l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikoli 61(1) u (2) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (21), il-benefiċjarju għandu jitlef id-dritt għaż-żieda fl-għajnuna prevista fl-Artikolu 60(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Barra minn hekk, l-għajnuna għall-qoton għal kull ettaru eliġibbli skont l-Artikolu 57 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għandha titnaqqas bl-ammont taż-żieda li l-benefiċjarju kieku kien jingħata skont l-Artikolu 60(2) ta’ dak ir-Regolament.

Artikolu 21

Penali amministrattivi, minbarra dikjarazzjonijiet eċċessivi tal-erjas, li jikkonċernaw il-pagamenti għall-bdiewa żgħażagħ skont il-Kapitolu V tat-Titolu III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013

1.   Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattiva applikabbli skont l-Artikolu 19, fejn huwa stabbilit li l-benefiċjarju ma jikkonformax mal-obbligi msemmija fl-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u l-Artikolu 49 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, l-għajnuna għall-bdiewa żgħażagħ ma għandhiex titħallas jew inkella għandha tiġi rtirata kompletament. Barra minn hekk, meta jkun stabbilit li l-benefiċjarju pprovda evidenza falza għall-finijiet li jagħti prova tal-konformità mal-obbligi, għandha tiġi applikata penali li tikkorrispondi għal 20 % tal-ammont li jkun irċieva, jew li kieku kien jirċievi l-benefiċjarju, bħala pagament għal bdiewa żgħażagħ skont l-Artikolu 50(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Jekk l-ammont tal-pagamenti eċċessivi u l-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 ma jkunux jistgħu jiġu bbilanċjati għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.

TAQSIMA 3

Pagament għal prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent

Artikolu 22

Prinċipji ġenerali

1.   Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, il-gruppi ta’ għelejjel li ġejjin għandhom jintgħarfu kif xieraq:

(a)

kull grupp ta’ erjas iddikjarati bħala għelejjel partikolari kif imsemmi fl-Artikolu 44(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(b)

erjas iddikjarati bħala bwar permanenti u li huma sensittivi ambjentalment kif imsemmi fl-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(c)

erjas oħra minbarra dawk imsemmija fil-punt (b) iddikjarati bħala bwar permanenti; u

(d)

żoni ddikjarati bħala żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kif imsemmi fl-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Meta l-istess erja tkun iddikjarata għal aktar minn grupp ta’ għelejjel wieħed, dik l-erja għandha titqies b’mod separat għal kull wieħed minn dawk il-gruppi ta’ għelejjel.

Artikolu 23

Bażi tal-kalkolu tal-pagament għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent fir-rigward tal-ettari eliġibbli ddikjarati taħt l-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja

1.   Meta l-Istat Membru japplika l-iskema ta’ pagament bażiku, għandu japplika dan li ġej:

(a)

jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-benefiċjarju, l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati għandu jitnaqqas għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-benefiċjarju;

(b)

jekk hemm differenza bejn l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u l-erja ddikjarata, l-erja ddikjarata għandha tiġi aġġustata għaċ-ċifra l-aktar baxxa.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-penali amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 28, jekk l-erja ddikjarata f’applikazzjoni unika għall-pagament bażiku jew il-pagament uniku skont l-erja taqbeż l-erja stabbilita, l-erja stabbilita għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għall-prattiki agrikoli li huma ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent li minn hawn ‘il quddiem issir referenza għalih bħala “il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku”.

Madankollu, jekk l-erja stabbilita għall-iskema ta’ pagament bażiku jew l-iskema ta’ pagament uniku skont l-erja tinstab li hija akbar mill-erja ddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, l-erja ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku.

Artikolu 24

Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel

1.   Meta l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li l-għelejjel ewlenin ma jkoprux aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba’, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għall-grupp ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 75 %, l-erja li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit immultiplikat bil-proporzjon ta’ differenza.

Il-proporzjon tad-differenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun is-sehem tal-erja tal-grupp ta’ għelejjel prinċipali li jmur lil hinn minn 75 % tar-raba’ totali stabbilit fl-erja totali meħtieġa għall-gruppi l-oħrajn ta’ għelejjel.

2.   Meta l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li ż-żewġ għelejjel ewlenin ma jkoprux aktar minn 95 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għaż-żewġ gruppi ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 95 %, l-erja li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit immultiplikat bil-proporzjon ta’ differenza.

Il-proporzjon ta’ differenza msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun is-sehem tal-erja taż-żewġ gruppi ta’ għelejjel ewlenin li jmur lil hinn minn 95 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit fl-erja totali meħtieġa għall-gruppi l-oħra ta’ għelejjel.

3.   Meta l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jeħtieġ li l-għelejjel ewlenin ma jkoprux aktar minn 75 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit u ż-żewġ għelejjel ewlenin ma għandhomx ikopru aktar minn 95 %, iżda l-erja li tkun ġiet stabbilita għall-gruppi ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 75 % u l-erja li tkun ġiet stabbilita għaż-żewġ gruppi ta’ għelejjel ewlenin tkopri aktar minn 95 %, l-erja li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tal-erja totali tar-raba’ stabbilit, immultiplikata bil-proporzjon tad-differenza.

Il-proporzjon tad-differenza msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ qabel għandu jkun it-total tal-proporzjonijiet tad-differenza kkalkolata skont il-paragrafu 1 u 2. Madankollu, il-valur ta’ dan il-proporzjon ma għandux jaqbeż 1.

4.   Meta benefiċjarju jinstab li għal tliet snin ma kienx konformi mad-diversifikazzjoni tal-għelejjel kif deskritt f’dan l-Artikolu, l-erja li trid titnaqqas għas-snin sussegwenti, skont il-paragrafi 1, 2 u 3, mill-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għandha tkun daqs l-erja totali ta’ raba’ mmultiplikata bil-proporzjon tad-differenza applikabbli.

Artikolu 25

Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti ta’ bwar permanenti

1.   Jekk ikun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas bl-erja stabbilita bħala mhux konformi mar-rekwiżiti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 45(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

2.   Jekk ikun ġie stabbilit nuqqas ta’ konformità mal-obbligi kif imsemmi fl-Artikolu 44 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas biż-żona stabbilita bħala li ma tikkonformax mal-obbligi kif imsemmija fl-Artikolu 44 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014.

3.   In-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “stabbiliti” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ kwalunkwe tip ta’ kontroll imwettaq skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, l-aġenzija tal-pagamenti, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.

Artikolu 26

Tnaqqis tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika

1.   Iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa”, għandha tiġi kkalkolata fuq il-bażi taż-żona totali tar-raba’ stabbilita u li tinkludi, jekk applikabbli skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Jekk iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika taqbeż iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika stabbilita wara li titqies il-ponderazzjoni taż-żoni ta’ konċentrazzjoni ekoloġika previsti fl-Artikolu 46(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’50 % tar-raba’ totali stabbilita u li tinkludi, jekk ikun applikabbli skont l-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament, immoltiplikati bil-proporzjon tad-differenza.

Il-proporzjon tad-differenza msemmija fl-ewwel subparagrafu għandu jkun is-sehem tad-differenza bejn iż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa u ż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika stabbilita fiż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika meħtieġa.

3.   Meta benefiċjarju jinstab li għal tliet snin ma kienx konformi mar-rekwiżiti taż-żona ta’ konċentrazzjoni ekoloġika kif deskritt f’dan l-Artikolu, l-erja li trid titnaqqas skont il-paragrafu 2, mill-erja li trid tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għas-snin sussegwenti, għandha tkun daqs l-erja totali ta’ raba’ magħżula u tinkludi, jekk dan ikun skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-erjas magħżula kif imsemmija fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament immultiplikati bil-proporzjon ta’ differenza applikabbli.

Artikolu 27

Tnaqqis massimu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku

1.   L-għadd tat-tnaqqis ikkalkolat skont l-Artikoli 24 u 26 f’ettari ma għandux jaqbeż in-numru totali ta’ ettari ta’ raba’ stabbilit inklużi, jekk applikabbli skont l-Artikolu 46(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, iż-żoni stabbiliti kif imsemmi fil-punti (c), (d), (g) u (h) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) ta’ dak ir-Regolament.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-penali amministrattivi applikabbli skont l-Artikolu 28, it-tnaqqis totali kkalkolat skont l-Artikoli 24 sa 26 ma għandux jaqbeż il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku kkalkolat skont l-Artikolu 23.

Artikolu 28

Il-penali amministrattivi fir-rigward tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku

1.   Jekk iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 tkun differenti miż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27, il-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku għandu jiġi kkalkolat fuq din iż-żona msemmija l-aħħar imnaqqas bid-doppju tad-differenza stabbilita jekk dik id-differenza tkun iktar minn 3 % jew żewġ ettari, iżda mhux iktar minn 20 % taż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27.

Jekk id-differenza hija aktar minn 20 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna.

Jekk id-differenza hija ta’ iktar minn 50 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali daqs l-ammont ta’ għajnuna li jikkorrespondi għad-differenza bejn iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku skont l-Artikolu 23 u ż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27.

2.   Jekk, il-benefiċjarju ma jiddikjarax l-erja kollha tiegħu bħala raba’ bir-riżultat li kien jiġi eżentat mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 44, 45 u 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, u/jew ma jiddikjarax il-bur permanenti kollu tiegħu li huwa ambjentalment sensittiv skont l-Artikolu 45(1) ta’ dak ir-Regolament, u ż-żona mhux iddikjarata hija aktar minn 0,1 ettaru, iż-żona li għandha tintuża għall-kalkolu tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 24 sa 27 ta’ dan ir-Regolament għandha titnaqqas b’10 % oħra.

3.   Skont l-Artikolu 77(6) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandhiex tiġi applikata għas-snin tat-talbiet 2015 u 2016. Il-penali amministrattiva kkalkolata skont il-paragrafu 1 u 2 għandha tiġi diviża b’5 u limitata sa 20 % tal-ammont tal-pagament għal approċċ aktar ekoloġiku li l-bidwi kkonċernat kien ikun intitolat għalih skont l-Artikolu 23 fis-sena tat-talba 2017, u diviż b’4 u limitat għal 25 % tal-istess ammont għas-snin tat-talba 2018 ‘il quddiem.

4.   Jekk l-ammont tal-penali amministrattivi kkalkolat skont il-paragrafi 1, 2, 3 ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.

Artikolu 29

Regoli applikabbli għal prattiki ekwivalenti

Din it-Taqsima għandha tapplika mutatis mutandis għall-prattiki ekwivalenti msemmija fl-Artikolu 43(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

TAQSIMA 4

Appoġġ akkoppjat u volontarju bbażat fuq applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew l-appoġġ għall-iżvilupp rurali bbażat fuq talbiet għall-pagament li jaqgħu taħt il-miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali

Artikolu 30

Bażi tal-kalkolu

1.   Fl-ebda każ ma għandha tingħata għajnuna jew appoġġ għal għadd ta’ annimali akbar minn dak muri fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament.

2.   L-annimali preżenti fl-impriża agrikola għandhom jiġu kkunsidrati biss bħala stabbiliti jekk ikunu identifikati fl-applikazzjoni għall-għajnuna jew fit-talba għall-pagament. L-annimali identifikati jistgħu jinbidlu mingħajr ma jintilef id-dritt għall-pagament tal-għajnuna jew l-appoġġ, sakemm il-benefiċjarju ma jkunx għadu ġie infurmat mill-awtorità kompetenti b’nuqqas ta’ konformità fl-applikazzjoni jew it-talba jew ma jkunx għadu ngħata avviż dwar l-intenzjoni tal-awtorità li twettaq verifika fuq il-post. Meta Stat Membru ma jużax il-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet għall-pagament, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, dan għandu jiżgura bi kwalunkwe mezz li ma hemmx dubju dwar liema annimali huma koperti mill-applikazzjonijiet jew it-talbiet tal-benefiċjarji.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31, jekk l-għadd ta’ annimali ddikjarati f’applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament jaqbeż dak stabbilit bħala riżultat ta’ kontrolli amministrattivi jew verifiki fuq il-post, l-għajnuna jew l-appoġġ għandhom jiġu kkalkolati abbażi tal-annimali stabbiliti.

4.   Fejn jinstabu każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni għall-annimali bovini, għandhom japplikaw dawn li ġejjin:

(a)

annimal bovin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef waħda miż-żewġ tikketti tal-widnejn għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit sakemm ikun identifikat b’mod ċar u individwalment bl-elementi l-oħrajn tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000;

(b)

meta annimal bovin wieħed li jkun preżenti fl-impriża agrikola jkun tilef żewġ tikketti tal-widnejn, għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat mir-reġistru, mill-passaport tal-annimal, mill-bażi tad-dejta jew mezz ieħor stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 u sakemm l-indokratur tal-annimali jkun jista’ jipprovdi evidenza li huwa kien diġà ħa azzjoni biex jirrimedja għas-sitwazzjoni qabel in-notifika tal-verifika fuq il-post;

(c)

meta n-nuqqasijiet ta’ konformità misjuba jirrigwardaw entrati inkorretti fir-reġistru jew fil-passaporti tal-annimali, l-annimal ikkonċernat għandu jiġi kkunsidrat biss bħala mhux stabbilit jekk jinstabu żbalji bħal dawn f’mill-anqas żewġ verifiki f’perjodu ta’ 24 xahar. Fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-bhejjem ikkonċernati għandhom jiġu kkunsidrati bħala mhux stabbiliti wara l-ewwel sejba.

L-entrati fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini u n-notifiki li jintbagħtulha jistgħu jiġu aġġustati fi kwalunkwe ħin f’każijiet ta’ żbalji evidenti rikonoxxuti mill-awtorità kompetenti.

5.   Annimal ovin jew kaprin li jkun preżenti fl-impriża agrikola li jkun tilef tikketta tal-widnejn waħda għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, sakemm l-annimal jista’ xorta waħda jiġi identifikat permezz tal-ewwel mezz ta’ identifikazzjoni skont l-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 21/2004 u sakemm jiġu sodisfatti r-rekwiżiti l-oħrajn kollha tas-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini.

Artikolu 31

Penali amministrattivi fir-rigward tal-annimali ddikjarati taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-annimali jew miżuri ta’ appoġġ relatati mal-annimali

1.   Meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għajnuna taħt skema ta’ għajnuna għall-annimali jew fir-rigward ta’ talba għall-pagament li taqa’ taħt miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali, tinstab differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u dak stabbilit skont l-Artikolu 30(3), l-ammont totali ta’ għajnuna li għaliha l-benefiċjarju jkun intitolat taħt dik l-iskema ta’ għajnuna jew miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, jekk ma jkunx hemm aktar minn tliet annimali li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.

2.   Jekk jinstabu aktar minn tliet annimali b’nuqqasijiet ta’ konformità, l-ammont totali ta’ għajnuna jew appoġġ li jkun intitolat għalihom il-benefiċjarju taħt l-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għas-sena tat-talba kkonċernata għandu jitnaqqas:

(a)

bil-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ma jkunx aktar minn 10 %;

(b)

bid-doppju tal-perċentwal li għandu jiġi stabbilit skont il-paragrafu 3, jekk ikun iktar minn 10 % iżda mhux aktar minn 20 %.

Jekk il-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun aktar minn 20 %, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna jew appoġġ li għalihom ikun intitolat il-benfiċjarju skont l-Artikolu 30(3) taħt l-iskema ta’ għajnuna jew taħt il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata.

Barra minn hekk, f’każ li l-perċentwal stabbilit skont il-paragrafu 3 ikun aktar minn 50 %, il-benefiċjarju ma għandu jingħata ebda għajnuna jew appoġġ li kieku kien ikollu dritt għalih/a skont l-Artikolu 30(3) taħt l-iskema ta’ għajnuna jew il-miżura ta’ appoġġ għas-sena tat-talba kkonċernata. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jkun soġġett għal penali addizzjonali ta’ ammont ugwali għall-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn l-għadd ta’ annimali ddikjarati u l-għadd ta’ annimali stabbilit skont l-Artikolu 30(3). Jekk l-ammont ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ pendenti għandu jitħassar.

3.   Sabiex jiġu stabbiliti l-perċentwali msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-għadd ta’ annimali ddikjarati taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew miżura ta’ appoġġ relatata mal-annimali u li jinstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità għandu jiġi diviż bl-għadd ta’ annimali stabbilit għal dik l-iskema ta’ għajnuna għall-annimali jew miżura ta’ appoġġ fir-rigward tal-applikazzjoni għall-għajnuna jew talba għall-pagament għas-sena tat-talba kkonċernata.

Meta Stat Membru ma jużax il-possibbiltà li jkollu sistema mingħajr talbiet għall-pagament, skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(b) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, l-annimali potenzjalment eliġibbli li nstabu li ġew identifikati jew irreġistrati b’mod mhux korrett fis-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali għandhom jgħoddu bħala annimali li nstabu b’nuqqasijiet ta’ konformità.

Artikolu 32

Eċċezzjonijiet mill-applikazzjoni tal-penali amministrattivi f’każijiet ta’ ċirkostanzi naturali

Il-penali amminstrattivi previsti fl-Artikolu 31 ma għandhomx japplikaw f’każijiet fejn il-benefiċjarju ma jkunx jista’ jikkonforma mal-kriterji ta’ eliġibbiltà, impenji jew obbligi oħra bħala riżultat ta’ ċirkostanzi naturali li jaffettwaw il-merħla jew il-qatgħa, diment li huwa jkun informa bil-miktub lill-awtorità kompetenti fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol mis-sejba tiegħu bi kwalunkwe tnaqqis fl-għadd ta’ annimali.

Mingħajr ħsara għaċ-ċirkostanzi propji li għandhom jitqiesu fil-każijiet individwali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikonoxxu ċ-ċirkostanzi naturali li jaffettwaw il-merħla jew il-qatgħa li jikkonsistu minn

(a)

il-mewt ta’ annimal b’konsegwenza ta’ marda jew

(b)

il-mewt ta’ annimal wara inċident li għalihom il-benefiċjarju ma jistax jinżamm responsabbli.

Artikolu 33

Penali u miżuri addizzjonali

1.   L-Istati Membri jistgħu jipprovdu penali nazzjonali addizzjonali li għandhom jiġu applikati lill-intermedjarji, involuti fil-proċedura għall-kisba ta’ għajnuna jew appoġġ, sabiex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ kontroll inkluż il-ħarsien tal-obbligi ta’ notifika.

2.   Fir-rigward tal-evidenza provduta minn servizzi, korpi jew organizzazzjonijiet ħlief mill-awtoritajiet kompetenti skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 78(c) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jekk jinstab li ngħatat evidenza żbaljata minħabba negliġenza jew b’mod intenzjonali, l-Istat Membru kkonċernat għandu japplika penali xierqa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Meta nuqqasijiet ta’ konformità bħal dawn jinstabu għat-tieni darba, is-servizz, il-korp jew l-organizzazzjoni involuta għandhom jiġu esklużi għal perjodu ta’ mill-inqas sena mid-dritt li tipprovdi evidenza valida għal skopijiet ta’ appoġġ.

Artikolu 34

Emendi u aġġustamenti għall-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini

Fir-rigward ta’ annimali bovini ddikjarati, l-Artikolu 15 għandu japplika għal żbalji u ommissjonijiet fir-rigward tal-entrati fil-bażi tad-dejta kompjuterizzata għall-annimali bovini magħmulin minn dak il-ħin meta tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għall-għajnuna jew it-talba għall-pgament.

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-MIŻURI TA’ APPOĠĠ GĦALL-IŻVILUPP RURALI

Artikolu 35

Nuqqas ta’ konformità mal-kriterji ta’ eliġibbiltà minbarra d-daqs tal-erja jew l-għadd ta’ annimali, l-impenji jew obbligi oħrajn

1.   L-appoġġ mitlub għandu jiġi rifjutat jew irtirat b’mod sħiħ f’każ li ma jitħarsux il-kriterji ta’ eliġibbiltà.

2.   L-appoġġ mitlub għandu jiġi rifjutat jew irtirat kollu jew parti minnu, f’każ li ma jitħarsux l-impenji jew obbligi oħrajn li ġejjin:

(a)

impenji stabbiliti fil-programm ta’ żvilupp rurali; jew

(b)

fejn ikun rilevanti, obbligi oħrajn tal-operazzjoni stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew minn dik nazzjonali fil-programm ta’ żvilupp rurali, b’mod partikolari l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u standards u rekwiżiti obbligatorji oħrajn.

3.   Meta jiddeċiedi r-rata ta’ rifjut jew irtirar ta’ appoġġ wara n-nuqqas ta’ konformità mal-impenji jew obbligi oħra msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru għandu jqis is-severità, il-firxa, it-tul ta’ żmien u r-ripetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità marbuta mal-kundizzjonijiet għall-appoġġ imsemmija fil-paragrafu 2.

Is-severità tan-nuqqas ta’ konformità se tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tal-impenji jew l-obbligi li ma jkunux intlaħqu.

Il-firxa tan-nuqqas ta’ konformità se tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-effett tiegħu fuq il-ħidma kollha kemm hi.

It-tul għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li matulu jdum jinħass l-effett jew fuq il-possibbiltà li dan l-effett jintemm b’mezzi raġonevoli.

L-okkorrenza mill-ġdid għandha tiddependi fuq jekk instabux nuqqasijiet ta’ konformità simili fl-aħħar erba’ snin preċedenti jew waqt il-perjodu ta’ programmazzjoni sħiħ 2014-2020 fil-każ tal-istess benefiċjarju u l-istess miżura [jew tip ta’ operazzjoni] jew fil-każ tal-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013, l-istess miżura.

4.   F’każ ta’ impenji jew pagamenti pluriennali, l-irtirar ibbażat fuq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għall-ammonti li diġà tħallsu fis-snin preċedenti għall-istess operazzjoni.

5.   F’każ li l-valutazzjoni globali bbażata fuq il-kriterji msemmija fil-paragrafu 3 twassal biex jiġi stabbilit nuqqas serju ta’ konformità, l-appoġġ għandu jiġi rifjutat jew inkella għandu jiġi rtirat bis-sħiħ. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-istess miżura jew tip ta’ operazzjoni għas-sena kalendarja tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara.

6.   Fejn ikun stabbilit li l-benefiċjarju pprovda evidenza falza bil-għan li jirċievi l-appoġġ jew jonqos li jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa minħabba negliġenza, l-appoġġ għandu jiġi rrifjutat jew irtirat kollu. Barra minn hekk, il-benefiċjarju għandu jiġi eskluż mill-istess miżura jew tip ta’ operazzjoni għas-sena kalendarja tas-sejba u għas-sena kalendarja ta’ wara.

7.   Jekk l-irtirar u l-penali amministrattivi msemmija fil-paragrafi 1, 2, 4, 5 u 6 ma jkunux jistgħu jiġu bbilanċjati għalkollox matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-bilanċ li jkun għad fadal għandu jitħassar.

Artikolu 36

Sospensjoni tal-appoġġ

L-aġenzija tal-pagamenti tista’ tissospendi l-appoġġ relatat ma’ ċertu nfiq fejn jiġi skopert nuqqas ta’ konformità li jirriżulta f’penali amministrattiva. Is-sospensjoni għandha titneħħa mill-aġenzija tal-pagamenti malli l-benefiċjarju jagħti provi sodisfaċenti lill-awtorità kompetenti li s-sitwazzjoni ġiet irrimedjata. Il-perjodu massimu tas-sospensjoni ma għandux jaqbeż it-tliet xhur. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu wkoll perjodi massimi iqsar ta’ żmien skont it-tip ta’ operazzjonijiet u l-effetti tan-nuqqas ta’ konformità inkwistjoni.

L-aġenzija tal-pagamenti tista’ tissospendi biss l-appoġġ fejn in-nuqqas ta’ konformità ma jippreġudikax l-ilħuq tal-għan globali tal-operazzjoni kkonċernata, u jekk ikun mistenni li l-benefiċjarju jkun jista’ jirrimedja s-sitwazzjoni matul il-perjodu massimu ddefinit.

TITOLU IV

SISTEMA TA’ KONTROLL U PENALI AMMINISTRATTIVI RELATATI MAL-KUNDIZZJONALITÀ

KAPITOLU I

ŻAMMA TA’ MERGĦAT PERMANENTI

Artikolu 37

Obbligi ta’ mergħat permanenti

1.   Fejn huwa stabbilit li l-proporzjon li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ikun naqas fl-2014 fil-livell nazzjonali jew reġjonali, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jistipula l-obbligu tal-benefiċjarji li qed japplikaw għal kwalunkwe għajnuna skont xi skema ta’ pagamenti diretti fl-2015 biex ma jikkonvertux art li hija mergħa permanenti mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel.

Fejn huwa stabbilit li dak il-proporzjon ikun naqas b’aktar minn 5 % fl-2014, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistipula tali obbligu.

Jekk l-awtorizzazzjoni li hemm referenza għaliha fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi tkun soġġetta għall-kundizzjoni li l-erja ta’ art hija stabbilita bħala mergħa permanenti, art bħal din għandha, sa mill-ewwel ġurnata tal-konverżjoni, tiġi kkunsidrata bħala mergħa permanenti permezz ta’ deroga mid-definizzjoni stipulata fil-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Dik l-erja għandha tintuża għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix għall-ħames snin konsekuttivi wara d-data ta’ konverżjoni.

2.   L-obbligu tal-benefiċjarji stabbilit fil-paragrafu 1 ma għandux japplika meta l-benefiċjarji jkunu ħolqu art li taqa’ taħt mergħa permanenti skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 (22), (KE) Nru 1257/1999 (23) u (KE) Nru 1698/2005.

3.   Fejn huwa stabbilit li l-obbligu li hemm referenza għalih fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ma jistax jiġi żgurat fl-2014, l-Istat Membru kkonċernat għandu, apparti l-miżuri li għandhom jittieħdu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistipula, fuq livell nazzjonali jew reġjonali, l-obbligu tal-benefiċjarji li qed japplikaw għall-għajnuna skont xi skema ta’ pagamenti diretti fl-2015 biex jikkonvertu lura l-art f’art li taqa’ taħt mergħa permanenti.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika biss għal benefiċjarji li għandhom art għad-dispożizzjoni tagħhom li ġiet ikkonvertita minn art li taqa’ taħt mergħa permanenti f’art għal użi oħra.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika fir-rigward ta’ erja ta’ art ikkonvertita b’dan il-mod mid-data tal-bidu għall-perjodu ta’ 24 xahar qabel id-data li fiha kellhom jiġu ppreżentati l-applikazzjonijiet uniċi skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 fl-Istat Membru kkonċernat.

F’dak il-każ, il-bdiewa għandhom jikkonvertu lura perċentwal ta’ dik l-erja f’mergħa permanenti jew jistabbilixxu dak l-ammont ta’ erja bħala mergħa permanenti. Dak il-perċentwal għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ammont tal-erja kkonvertita b’dan il-mod mill-bidwi u l-ammont tal-erja li hija meħtieġa biex jerġa’ jiġi stabbilit il-bilanċ.

Madankollu, meta erja bħal din tkun soġġetta għal trasferiment wara li tkun ġiet konvertita f’art għal użu ieħor, l-ewwel subparagrafu għandu japplika biss jekk it-trasferiment ikun twettaq wara is-6 ta’ Mejju 2004.

L-erjas konvertiti mill-ġdid jew stabbiliti bħala mergħa permanenti għandhom, sa mill-ewwel jum tal-konverżjoni mill-ġdid jew l-istabbiliment jitqiesu bħala “mergħa permanenti” permezz ta’ deroga mill-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009. Dawk l-erjas għandhom jintużaw għat-tkabbir ta’ ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix għal ħames snin konsekuttivi wara d-data tal-konverżjoni tagħhom.

4.   Il-paragrafi 1 u 3 għandhom japplikaw biss matul is-sena 2015.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu kontrolli fl-2015 u fl-2016 sabiex jiżguraw li l-paragrafi 1 u 3 ikunu rrispettati.

KAPITOLU II

KALKOLU U APPLIKAZZJONI TA’ PENALI AMMINISTRATTIVI

Artikolu 38

Regoli ġenerali dwar in-nuqqas ta’ konformità

1.   Ir-“ripetizzjoni” ta’ nuqqas ta’ konformità tfisser nuqqas ta’ konformità mal-istess rekwiżit jew standard iddeterminat aktar minn darba waħda f’perjodu konsekuttiv ta’ tliet snin kalendarji, sakemm il-benefiċjarju jkun ġie infurmat b’nuqqas ta’ konformità preċedenti u, skont kif ikun il-każ, kellu l-possibbiltà li jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm dak in-nuqqas ta’ konformità preċedenti. Għall-fini ta’ determinazzjoni tar-ripetizzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità, nuqqasijiet ta’ konformità misjuba skont ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009 għandhom jittieħdu f’kunsiderazzjoni, u b’mod partikolari, KAAT 3, kif elenkat fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, għandu jitqies ekwivalenti għal SMR 2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 fil-verżjoni tiegħu li tkun fis-seħħ fil-21 ta’ Diċembru 2013.

2.   Il-“firxa” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiġi ddeterminata billi jitqies, partikolarment, jekk in-nuqqas ta’ konformità kellux impatt mifrux ħafna jew jekk dan kienx limitat għar-razzett innifsu.

3.   Is-“severità” ta’ nuqqas ta’ konformità għandha tiddependi, b’mod partikolari, fuq l-importanza tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ konformità billi jitqiesu l-għanijiet tar-rekwiżit jew tal-istandard ikkonċernat.

4.   Jekk nuqqas ta’ konformità jkunx ta’ “permanenza” jew le għandu jiddependi, b’mod partikolari, fuq it-tul ta’ żmien li għalih idum l-effett jew il-potenzjal li jiġu tterminati dawk l-effetti b’mezzi raġonevoli.

5.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, in-nuqqasijiet ta’ konformità għandhom jitqiesu li jkunu “ddeterminati” jekk ikunu stabbiliti bħala konsegwenza ta’ xi tip ta’ kontroll mwettaq skont dan ir-Regolament jew wara li l-awtorità kompetenti ta’ kontroll jew, fejn applikabbli, l-aġenzija tal-pagament, tkun ġiet mgħarrfa, bi kwalunkwe mezz ieħor.

Artikolu 39

Kalkolu u applikazzjoni ta’ penali amministrattivi fil-każ ta’ negliġenza

1.   Meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat jirriżulta min-negliġenza tal-benefiċjarju, għandu jiġi applikat tnaqqis. Dak it-tnaqqis għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 3 % tal-ammont totali li jirriżulta minn pagamenti u primjums annwali indikati fl-Artikolu 92 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

Madankollu, l-aġenzija tal-pagament tista’, abbażi ta’ stima tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità pprovduta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport ta’ kontroll filwaqt li tqis il-kriterji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) sa (4), tiddeċiedi jew li tnaqqas dak il-perċentwal għal 1 % jew li żżidu għal 5 % tal-ammont totali imsemmi fl-ewwel subparagrafu jew, fil-każijiet fejn id-dispożizzjonijiet li jirrelataw mar-rekwiżit jew l-istandard inkwistjoni jħallu marġni biex in-nuqqas ta’ konformità misjub ma jkomplix iseħħ jew fil-każi li għalihom jingħata appoġġ skont l-Artikoli 17(5) u 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li ma timponi l-ebda tnaqqis.

2.   Meta Stat Membru jiddeċiedi li ma japplikax penali amministrattiva skont l-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-benefiċjarju ma jkunx irrimedja s-sitwazzjoni sa data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti, għandha tiġi applikata l-penali amministrattiva.

Id-data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun aktar tard minn tmiem is-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret is-sejba.

3.   Meta Stat Membru jagħmel użu mill-possibbiltà stipulata fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u l-benefiċjarju ma jkunx irrimedja s-sitwazzjoni sa data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti, għandu jiġi applikat b’mod retroattiv tnaqqis ta’ mill-inqas 1 % kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’relazzjoni mas-sena tas-sejba inizjali meta tkun ġiet applikata s-sistema ta’ twissija bikrija, jekk in-nuqqas ta’ konformità jinstab li ma jkunx ġie rrimedjat matul perjodu massimu ta’ tliet snin kalendarji konsekuttivi kkalkolati minn u inkluż dik is-sena.

Id-data ta’ skadenza stabbilita mill-awtorità kompetenti ma għandhiex tkun aktar tard minn tmiem is-sena ta’ wara dik li fiha tkun saret is-sejba.

Nuqqas ta’ konformità li ma jkunx ġie rimedjat mill-benefiċjarju fiż-żmien stipulat ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ konformità għall-finijiet li jistabbilixxi ripetizzjoni skont il-paragrafu 4.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat fir-rigward tal-ewwel ripetizzjoni tal-istess nuqqas ta’ konformità skont il-paragrafu 1 għandu jiġi mmultiplikat bil-fattur ta’ tlieta.

F’każ ta’ ripetizzjoni ulterjuri, il-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta għandu jiġi applikat kull darba għar-riżultat tat-tnaqqis iffissat fir-rigward tar-ripetizzjoni preċedenti. Madankollu, it-tnaqqis massimu ma għandux jaqbeż il-15 % tal-ammont totali li hemm referenza għalih fil-paragrafu 1.

Ladarba l-perċentwal massimu ta’ 15 % jintlaħaq, l-awtorità tal-pagament għandha tinforma lill-benefiċjarju kkonċernat li jekk jerġa’ jiġi determinat l-istess nuqqas ta’ konformità, il-benefiċjarju jitqies li huwa jkun ġab ruħu intenzjonalment skont it-tifsira tal-Artikolu 40.

Artikolu 40

Kalkolu u applikazzjoni ta’ penali amministrattivi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonata

Fejn in-nuqqas ta’ konformità ddeterminat ikun twettaq b’mod intenzjonali mill-benefiċjarju, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-ammont totali msemmi fl-Artikolu 39(1) għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 20 % ta’ dak l-ammont totali.

Madankollu, l-aġenzija tal-pagament tista’, abbażi tal-valutazzjoni tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità fornuta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport ta’ kontroll fid-dawl tal-kriterji li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 38(1) sa (4), tiddeċiedi li tnaqqas dak il-perċentwal għal mhux inqas minn 15 % jew li żżid dak il-perċentwal sa 100 % ta’ dak l-ammont totali.

Artikolu 41

Akkumulazzjoni ta’ penali amministrattivi

F’każ li nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-punt (2)(b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) jikkostitwixxi anke nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-punt (2)(a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1), il-penali amministrattivi għandhom jiġu applikati skont ir-regoli stabbiliti mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 77(8)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

TITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 42

Regoli tranżitorji fir-rigward tal-kundizzjonalità

1.   Fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità tal-benefiċjarji tal-miżuri implimentati skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, għandhom japplikaw ir-regoli dwar is-sistema ta’ kontroll kif ukoll dwar il-penali amministrattivi stabbiliti f’dan ir-Regolament u fl-atti ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.

2.   Għal nuqqasijiet ta’ konformità mal-obbligi ta’ kundizzjonalità li għalihom ma ġewx applikati penali amministrattivi peress li kienu jaqgħu taħt ir-regola de minims imsemmija fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 jew fl-Artikolu 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 rispettivament, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 97(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandu japplika fir-rigward tal-obbligu fuq l-awtorità ta’ kontroll li tieħu l-azzjonijiet meħtieġa sabiex tivverifika li l-benefiċjarju għamel tajjeb għas-sejbiet ta’ nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 43

Tħassir

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1122/2009 u (UE) Nru 65/2011 jitħassru b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015.

Madankollu, dawk ir-Regolamenti (KE) għandhom ikomplu japplikaw għal:

(a)

l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għal pagamenti diretti mressqa fir-rigward ta’ perjodi ta’ primjums li jibdew qabel l-1 ta’ Jannar 2015;

(b)

it-talbiet għall-pagamenti magħmula b’rabta mas-sena 2014; u

(c)

is-sistema ta’ kontroll u l-penali amministrattivi fir-rigward tal-obbligi ta’ kundizzjonalità tal-bdiewa taħt l-Artikoli 85t u 103z tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (24).

Artikolu 44

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna jew talbiet għall-pagament relatati mas-snin ta’ talbiet għal pagament jew il-perjodi tal-primjums li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istat Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika komuni (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

(8)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011 tas-27 ta’ Jannar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta’ proċeduri ta’ kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU L 25, 28.1.2011, p. 8).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 23).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 229/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura favur il-gżejjer minuri fil-Baħar Eġew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1405/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, p. 41).

(14)  Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).

(15)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.).

(16)  Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(17)  Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (INSPIRE) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

(18)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa (ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18).

(19)  Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perjodi, dati u limiti ta’ żmien (ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1).

(20)  Ir-Regolament UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).

(21)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-pagamenti diretti lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(22)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja (ĠU L 215, tat-30.7.1992, p. 85).

(23)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzij (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU L 160, 26.6.1999, p. 80).

(24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1–149).


Top