EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0897

2014/897/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal- 5 ta' Diċembru 2014 dwar kwistjonijiet relatati mat-tqegħid fis-servizz u l-użu ta' vetturi u sottosistemi strutturali skont id-Direttivi 2008/57/KE u 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b'rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 355, 12.12.2014, p. 59–77 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2014/897/oj

12.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 355/59


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta' Diċembru 2014

dwar kwistjonijiet relatati mat-tqegħid fis-servizz u l-użu ta' vetturi u sottosistemi strutturali skont id-Direttivi 2008/57/KE u 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/897/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Billi:

(1)

B'konformità mal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), il-Kummissjoni tista' tissottometti lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 29 tal-istess Direttiva kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva;

(2)

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (“l-Aġenzija”) ilha sa mill-2005 twettaq diversi attivitajiet li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' sistema ferrovjarja integrata, sikura u interoperabbli tal-UE. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/57/KE, l-Aġenzija kellha laqgħat regolari ma' partijiet interessati u awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, b'mod partikolari fil-qasam tal-aċċettazzjoni trasversali tal-vetturi ferrovjarji, jiġifieri r-rikonoxximent reċiproku ta' awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi ferrovjarji. Dawn il-laqgħat urew li hemm għarfien differenti tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi u sottosistemi strutturali kif previst fil-Kapitoli IV u V ta' dik id-Direttiva.

(3)

Mingħajr għarfien komuni, ir-regoli ta' implimentazzjoni nazzjonali jistgħu jwasslu lill-Istati Membri sabiex japplikaw ir-rekwiżiti b'modi differenti, li jispiċċaw joħolqu d-diffikultajiet għall-manifatturi u għall-impriżi ferrovjarji. Għarfien komuni tal-proċess għat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi u sottosistemi strutturali huwa meħtieġ ukoll sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn id-diversi rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Aġenzija fir-rigward ta' bosta kompiti stabbiliti mid-Direttiva 2004/49/KE (2) u mid-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(4)

Il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni tagħha 2011/217/UE (3). L-għan ta' din tal-aħħar kien li tikkjarifika l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi u sottosistemi strutturali kif stabbilit fid-Direttiva 2008/57/KE.

(5)

Sabiex jiġu diskussi u analizzati l-kwistjonijiet relatati mat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi u sottosistemi strutturali li tqajmu wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 2011/217/UE, fl-2011, il-Kummissjoni waqqfet task force dwar il-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-vetturi. Ir-rapport finali ta' din it-task force ġie ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija f'Lulju 2012.

(6)

Fit-30 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni adottat il-proposti leġiżlattivi tagħha għar-raba' pakkett ferrovjarju. Dawn il-proposti jqisu r-riżultati tat-task force imsemmija hawn fuq u jinkludu proċess imtejjeb għall-awtorizzazzjoni tal-vetturi u s-sottosistemi. Il-kjarifiki f'din ir-Rakkomandazzjoni huma meħtieġa sabiex jottimizzaw l-implimentazzjoni tal-qafas legali attwali.

(7)

Għaldaqstant, jeħtieġ li r-Rakkomandazzjoni 2011/217/UE tiġi estiża sabiex tkopri aspetti oħrajn relatati mal-proċess ta' awtorizzazzjoni u sabiex tkompli tikkjarifika l-kwistjonijiet li ġejjin:

ir-relazzjoni bejn ir-rekwiżiti essenzjali, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabilità (technical specifications for interoperability — TSI) u r-regoli nazzjonali;

l-użu tal-metodi komuni tas-sikurezza għall-finijiet ta' awtorizzazzjoni;

l-integrità tat-TSIs u tar-regoli nazzjonali;

il-verifiki li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz;

l-ittestjar;

id-dikjarazzjoni ta' verifika mill-manifattur jew mill-entità kontraenti;

ir-rikonoxximent reċiproku;

il-fajl tekniku;

ir-rwoli u r-responsabbiltajiet qabel, waqt u wara l-awtorizzazzjoni;

ir-rwol tas-sistema għall-ġestjoni tas-sikurezza; u

il-ġestjoni tal-modifiki.

(8)

Għall-finijiet ta' ċarezza u simplifikazzjoni, huwa preferibbli li r-Rakkomandazzjoni 2011/217/UE tiġi sostitwita minn din ir-Rakkomandazzjoni.

(9)

Wara li kkonsultat lill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza, l-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura, il-korpi ta' valutazzjoni, l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni, il-manifatturi, l-applikanti għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz u parteċipanti oħrajn involuti fl-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz u l-użu ta' vetturi u sottosistemi strutturali jkunu konxji tal-prinċipji u l-linji gwida stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 116.

DEFINIZZJONIJIET

2.

Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet tad-Direttivi 2008/57/KE u 2004/49/KE. B'mod partikolari, it-termini “impriżi ferrovjarji”, “maniġers tal-infrastruttura”, “detenturi tal-vetturi” u “entità responsabbli mill-manutenzjoni” jintużaw abbażi tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom kif definiti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2004/49/KE. Kwalunkwe entità li tissodisfa wieħed mir-rwoli msemmija f'dawn l-Artikoli tista' tissodisfa wkoll rwol ieħor (pereżempju; impriża ferrovjarja jew maniġer tal-infrastruttura tista'/jista' tkun/jkun ukoll detentur tal-vetturi). Barra minn hekk, għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“stat operattiv tad-disinn” tfisser il-modalità operattiva normali u l-kundizzjonijiet degradati prevedibbli (inkluż l-użu) fi ħdan il-medda u l-kundizzjonijiet ta' użu speċifikati fil-fajls tekniċi u tal-manutenzjoni. Dan ikopri l-kundizzjonijiet kollha li taħthom is-sottosistema hija maħsuba biex topera u l-konfini tekniċi tagħha;

(b)

“karatteristiċi bażiċi tad-disinn” tfisser il-karatteristiċi ta' sottosistema kif definiti fiċ-ċertifikat ta' eżaminazzjoni tad-disinn jew tat-tip;

(c)

“integrazzjoni sikura” tfisser li l-azzjoni intiża biex tiżgura l-inkorporazzjoni ta' element (pereżempju; tip ġdid ta' vettura, proġett ta' netwerk, sottosistema, parti, komponent, kostitwent, softwer, proċedura, organizzazzjoni) f'sistema akbar ma toħloq ebda riskju inaċċettabbli għas-sistema li tirriżulta;

(d)

“stabbiliment tal-kompatibbiltà teknika man-netwerk” tfisser il-verifika u d-dokumentazzjoni fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika tal-parametri tat-tip ta' vettura li huma rilevanti għall-kompatibbiltà teknika man-netwerk partikolari u, fejn applikabbli, għall-konformità mal-valuri limiti speċifikati għal dan in-netwerk; il-parametri jinkludu l-karatteristiċi fiżiċi u l-funzjonijiet; jeħtieġ li l-verifika ssir skont ir-regoli applikabbi għan-netwerk partikolari;

(e)

“kompatibbiltà teknika” tfisser il-kapaċità ta' żewġ sottosistemi strutturali jew aktar, jew inkella partijiet minnhom, li jkollhom mill-inqas interfaċċja waħda komuni, illi jinteraġixxu ma' xulxin, filwaqt li jżommu l-istat operattiv tad-disinn individwali tagħhom u l-livell ta' prestazzjoni mistenni minnhom;

(f)

“korp ta' valutazzjoni” tfisser il-korp innotifikat, il-korp maħtur jew il-korp ta' valutazzjoni tar-riskji;

(g)

“korp innotifikat” tfisser korp kif definit mill-Artikolu 2(j) tad-Direttiva 2008/57/KE;

(h)

“korp maħtur” tfisser korp maħtur minn Stat Membru skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/57/KE għall-verifika tal-konformità ta' sottosistema mar-regoli nazzjonali;

(i)

“korp ta' valutazzjoni tar-riskji” tfisser korp kif definit mill-Artikolu 3(14) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 402/2013 (4);

(j)

“dikjarazzjoni KE ta' verifika” tfisser, għal sottosistema, id-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika stabbilita skont l-Artikolu 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2008/57/KE, li hija dikjarazzjoni li s-sottosistema tissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti, inklużi kwalunkwe regoli nazzjonali li jintużaw għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE;

(k)

“proġett ta' netwerk” tfisser proġett għat-tqegħid fis-servizz ta' tagħmir fiss ġdid, imġedded jew aġġornat, kompost minn aktar minn sottosistema strutturali waħda;

(l)

“karatteristiċi tan-netwerk” tfisser il-karatteristiċi ta' netwerk kif deskritti mit-TSIs u, fejn ikun rilevanti, mir-regoli nazzjonali;

(m)

“fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni” KE “ta' verifika” tfisser il-kombinazzjoni tal-fajls u d-dokumentazzjoni kollha miġbura mill-applikant kif mitlub mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE għal sottosistema;

(n)

“dokumentazzjoni mressqa għall-awtorizzazzjoni” tfisser il-fajl ippreżentat mill-applikant lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fil-mument tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni;

(o)

“applikant” tfisser il-firmatarju tad-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/57/KE u li jitlob għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' sottosistema. Fejn teħtieġ is-CSM RA skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/57/KE, ir-rwol ta' “dak li jipproponi” skont is-CSM RA għandu jittieħed mill-applikant għall-awtorizzazzjoni.

(p)

“applikant għall-awtorizzazzjoni ta' proġett ta' vettura/netwerk” tfisser l-entità li qed titlob għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid is-servizz ta' proġett ta' vettura jew netwerk rispettivament. Fejn teħtieġ is-CSM RA skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/57/KE, ir-rwol ta' “dak li jipproponi” skont is-CSM RA għandu jittieħed mill-applikant għall-awtorizzazzjoni

AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SERVIZZ TA' SOTTOSISTEMI

3.

L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' sottosistema hija r-rikonoxximent mill-Istat Membru li l-applikant għal din is-sottosistema wera li huwa jissodisfa, fl-istat operattiv tad-disinn tiegħu, ir-rekwiżiti essenzjali kollha tad-Direttiva 2008/57/KE (5) meta integrati fis-sistema ferrovjarja. Skont l-Artikolu 17(1) tal-istess Direttiva, din hija pprovduta fil-forma ta' dikjarazzjoni “KE” ta' verifika. Id-dijagramma li ġejja tiġbor fil-qosor l-attivitajiet imwettqa qabel u wara awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' sottosistema strutturali:

Image

AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SERVIZZ TA' VETTURI U AWTORIZZAZZJONI TA' TIPI TA' VETTURI

4.

Għall-finijiet ta' awtorizzazzjoni, vettura hija komposta mis-sottosistema ta' vetturi ferrovjarji u, fejn applikabbli, is-sottosistema abbord ta' kontrolli u kmandi u ta' sinjalar. Awtorizzazzjoni tat-tip ta' vettura jew awtorizzazzjoni individwali għat-tqegħid ta' vettura fis-servizz hija awtorizzazzjoni kollettiva tas-sottosistema/i li minnha/minnhom tkun komposta l-vettura.

5.

Ir-rekwiżiti li jirriżultaw mis-sottosistemi funzjonali u li jaffettwaw l-istat (operattiv) tad-disinn tal-vettura (inklużi, pereżempju, ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni operattiva) huma stabbiliti fit-TSIs strutturali rilevanti jew, fejn ikun permess mid-Direttiva 2008/57/KE, fir-regoli nazzjonali (eż. is-sistemi tal-klassi B tas-CCS).

6.

Minħabba li l-vetturi huma komposti minn sottosistema waħda jew aktar, id-dispożizzjonijiet relatati mas-sottosistemi fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/57/KE huma applikabbli għas-sottosistemi rilevanti tal-vettura jew tat-tip ta' vettura, mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Kapitolu V.

7.

Għal awtorizzazzjonijiet li jirrigwardjaw vetturi komposti minn aktar minn sottosistema waħda, għall-awtorizzazzjoni tal-vettura jew tat-tip ta' vettura, l-applikant jista' jikkombina d-dikjarazzjonijiet “KE” tal-verifiki għaż-żewġ sottosistemi f'dikjarazzjoni “KE” waħda ta' verifika, kif deskritt fl-anness V tad-Direttiva 2008/57/KE, sabiex juri li l-vetturi ta' dan it-tip, b'mod ġenerali fl-istat operattiv tad-disinn tagħhom, meta jiġu integrati fis-sistema ferrovjarja, jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti, inklużi r-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE.

8.

Awtorizzazzjoni waħda għat-tip ta' vettura jew awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi individwali għandha tkun biżżejjed għan-netwerk ferrovjarju kollu tal-UE meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifikati fid-Direttiva 2008/57/KE. Dan japplika, pereżempju, fil-każ ta' vettura konformi mat-TSI jew tip ta' vettura li tiġi awtorizzata bil-kundizzjoni tal-użu li din tkun intiża biex titħaddem biss fuq netwerk konformi mat-TSI (iżda dan japplika biss jekk it-TSIs rilevanti li kienu applikati fl-awtorizzazzjonijiet rispettivi ma jkunux jinkludu kwistjonijiet pendenti u każijiet speċifiċi relatati mal-kompatibbiltà bejn in-netwerk u l-vettura).

9.

Il-proċeduri għall-awtorizzazzjoni tat-tipi ta' vetturi u l-vetturi individwali huma armonizzati u jinkludu passi ċari b'limiti ta' żmien fissi.

10.

Ir-regoli applikabbli għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi u tipi ta' vetturi għandhom ikunu stabbli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Ir-regoli għandhom ikunu jew TSIs, jew inkella, meta jkun permess mid-Direttiva 2008/57/KE, regoli nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni u magħmula disponibbli permezz ta' bażi ta' dejta mwaqqfa mill-Kummissjoni. Mill-mument li tiġi adottata TSI, l-Istati Membri ma għandhom jadottaw ebda regola nazzjonali relatata ma' prodotti jew partijiet tas-sottosistema li jkunu koperti minn dik it-TSI (għajr għal dawk iddikjarati bħala “kwistjonijiet pendenti”). Fil-każ ta' vetturi u tipi ta' vetturi mhux konformi mat-TSI, il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi applikat kemm jista' jkun possibbli sabiex jiġu evitati rekwiżiti bla bżonn u verifiki żejda, sakemm dawn ma jkunux strettament meħtieġa għall-verifikazzjoni tal-kompatibbiltà teknika ta' vettura ta' dan it-tip man-netwerk rilevanti.

11.

L-awtorizzazzjonijiet relatati mal-vetturi għandhom jirreferu għall-karatteristiċi tekniċi tal-istat operattiv tad-disinn tal-vetturi, inklużi l-limiti u l-kundizzjonijiet tal-użu, filwaqt li jindikaw in-netwerk(s) (6) tal-Istat(i) Membru/i li għalih(om) huma awtorizzati l-vetturi ta' dak it-tip. Il-karatteristiċi tekniċi msemmija fl-awtorizzazzjoni għandhom jiġu:

ddikjarati mill-manifatturi jew mill-entitajiet kontraenti, fir-rwol tagħhom bħala applikant għall-awtorizzazzjoni tal-vettura jew tat-tip ta' vettura,

ivverifikati u ċċertifikati mill-korpi tal-valutazzjoni, u

iddokumentati fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika.

12.

Il-karatteristiċi tekniċi li ssir referenza għalihom fir-rakkomandazzjoni 11 ta' hawn fuq huma l-istess għal kwalunkwe vettura individwali tal-istess tip ta' vettura.

13.

La l-awtorizzazzjoni tat-tip u lanqas l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' vettura individwali ma għandha tkun relatata ma' kwalunkwe rotta, impriża ferrovjarja, detentur jew entità responsabbli mill-manutenzjoni (ECM) partikolari.

14.

Bil-għan li jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda ħtieġa li jiġu awtorizzati tipi ta' vetturi u t-tqegħid fis-servizz ta' vetturi individwali għal rotot speċifiċi, kif ukoll sabiex tiġi evitata l-ħtieġa għal awtorizzazzjoni mill-ġdid jekk ikun hemm tibdil fil-karatteristiċi ta' kwalunkwe rotta, għandhom jiġu speċifikati kwalunkwe limitazzjonijiet u kundizzjonijiet tal-użu marbuta ma' awtorizzazzjoni relatata mal-vettura f'termini tal-parametri tal-karatteristiċi tekniċi tad-disinn tal-infrastruttura u mhux f'termini ta' ġeografija.

AWTORIZZAZZJONI TAT-TIP

15.

Il-karatteristiċi tal-istat operattiv tad-disinn ta' vettura li jiġu vvalutati għal awtorizzazzjoni huma l-karatteristiċi assoċjati mat-tip ta' vettura. Tip ta' vettura jistal-ewwel jiġi awtorizzat skont l-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2008/57/KE u mbagħad il-vetturi individwali ta' dak it-tip (inklużi serje ta' vetturi individwali) jistgħu jiġu awtorizzati permezz ta' verifika tal-konformità tagħhom mat-tip skont l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 2008/57/KE. B'mod alternattiv, l-awtorizzazzjoni tal-ewwel vettura ta' tip tikkonferixxi awtorizzazzjoni tat-tip ta' vettura skont l-Artikolu 26(2) tad-Direttiva 2008/57/KE. Dan jippermetti wkoll vetturi individwali sussegwenti tal-istess tip li jiġu awtorizzati permezz ta' verifika tal-konformità mat-tip skont l-Artikolu 26(3) tad-Direttiva 2008/57/KE. Dan il-kunċett ta' awtorizzazzjoni tat-tip ta' vettura jippermetti lill-manifatturi jqiegħdu tipi ta' vetturi fis-suq u fil-katalogu tagħhom, u b'hekk joffru lill-klijenti l-benefiċċju ta' awtorizzazzjoni, mingħajr ma jkunu diġà bnew il-vetturi individwali ta' tali tipi li jistgħu jiġu ordnati minn klijent. Wieħed mill-objettivi ta' dan il-kunċett huwa li jitneħħa ħafna mir-riskju ta' awtorizzazzjoni minn dawk li jakkwistaw vetturi ta' dawn it-tipi.

16.

Il-kunċett tat-tip huwa rilevanti wkoll għall-kompatibbiltà tar-rotta. Sabiex jiġi vvalutat jekk ir-rotta hijiex tajba għal ferrovija, impriża ferrovjarja tqabbel il-karatteristiċi ta' ferrovija komposta minn vetturi ta' ċerti tipi mal-informazzjoni pprovduta mill-maniġer tal-infrastruttura fir-reġistru tal-infrastruttura. L-obbligu tal-maniġers tal-infrastruttura li jagħmlu n-natura tal-infrastruttura pubblika diġà jeżisti (id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) safejn ikun ikkonċernat l-aċċess għan-netwerk; id-Direttiva 2004/49/KE, id-Direttiva 2008/57/KE u t-TSI relatata mal-“ġestjoni tat-traffiku u l-operat” safejn ikun ikkonċernat l-operat). Sakemm jiġi stabbilit u popolat ir-reġistru tal-infrastruttura, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jippubblikaw din l-informazzjoni f'forma oħra. Dan ma jagħtix is-setgħa lill-maniġers tal-infrastruttura sabiex jimponu xi tip ta' awtorizzazzjoni sekondarja għall-vetturi jew għall-ferroviji tal-impriżi ferrovjarji.

17.

Il-proċessi tal-awtorizzazzjoni tal-vetturi u l-operat u l-manutenzjoni sussegwenti ta' vetturi partikolari huma żewġ proċessi evidentement distinti rregolati minn dispożizzjonijiet distinti. Din is-separazzjoni tippermetti lil vetturi tal-istess tip jitqiegħdu fis-suq mill-manifatturi li diġà għandhom awtorizzazzjoni, li jitħaddmu minn impriżi ferrovjarji differenti u li ssirilhom manutenzjoni minn entitajiet differenti responsabbli mill-manutenzjoni (ECM) skont is-sistemi ta' manutenzjoni differenti abbażi tal-kuntest operattiv.

18.

Għal tipi ta' vetturi intiżi biex jiġu awtorizzati f'aktar minn Stat Membru wieħed (pereżempju sabiex jintużaw f'kurituri), l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jagħżlu li jikkooperaw sabiex joħorġu l-ewwel awtorizzazzjonijiet u dawk addizzjonali fl-istess ħin (“awtorizzazzjoni simultanja”). Dan jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza rilevanti jaqsmu x-xogħol bejniethom (pereżempju kull waħda minnhom tista' tieħu qasam) u lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li toħroġ l-ewwel awtorizzazzjoni sabiex tirrikonoxxi u tibbenifika mill-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza l-oħrajn.

AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SERVIZZ TA' SOTTOSISTEMI TA' INSTALLAZZJONI FISSA

19.

Għandu jiġi enfasizzat li t-TSIs għal installazzjonijiet fissi ma jinkludux sett komplut ta' rekwiżiti li għandhom jiġu osservati mis-sottosistema rilevanti. Ir-rekwiżiti stabbiliti fit-TSIs jinkludu dawk l-elementi li huma rilevanti għall-kompatibbiltà tas-sottosistemi ta' installazzjoni fissa ma' vettura konformi ma' TSI.

20.

Għal installazzjonijiet fissi, minbarra l-applikazzjoni tat-TSIs, sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali tal-leġiżlazzjoni applikabbli kollha tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jitolbu l-applikazzjoni ta' regoli oħrajn — li ma għandhomx bżonn jiġu armonizzati sabiex jissodisfaw l-objettivi tad-Direttiva 2008/57/KE — bħal dawk dwar is-sigurtà elettrika, l-inġinerija ċivili, il-bini, il-miżuri sanitarji, il-kodiċi tal-protezzjoni kontra n-nirien, eċċ. Dawn ir-regoli ma għandhomx jikkontradixxu d-dispożizzjonijiet tat-TSIs.

21.

Għal proġett ta' netwerk kompost minn aktar minn sottosistema waħda ta' installazzjoni fissa, huwa suġġerit li biex il-proġett jiġi ssimplifikat, l-applikant jista' jikkombina d-dikjarazzjonijiet “KE” ta' verifiki għal kull sottosistema, kif deskritt fl-Anness V tad-Direttiva 2008/57/KE, f'dikjarazzjoni “KE” ta' verifika waħda għall-proġett tan-netwerk b'mod ġenerali sabiex juri li l-proġett tan-netwerk b'mod ġenerali, meta integrat fis-sistema ferrovjarja, jissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Ewropea rilevanti, inkluż l-issodisfar tar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE.

22.

Ir-regoli nazzjonali applikabbli għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz ta' sottosistemi ta' installazzjoni fissa għandhom ikunu stabbli, trasparenti u mhux diskriminatorji. Mingħajr ħsara għar-rakkomandazzjonijiet 19 u 20 ta' hawn fuq, ir-regoli relatati mar-rekwiżiti essenzjali tas-sistema ferrovjarja stipulati mid-Direttiva 2008/57/KE għandhom ikunu jew TSIs, jew inkella, meta jkun permess mid-Direttiva 2008/57/KE, regoli nazzjonali nnotifikati lill-Kummissjoni u magħmula disponibbli permezz ta' bażi ta' dejta mwaqqfa mill-Kummissjoni. Mill-mument li tiġi adottata TSI, l-Istati Membri ma għandhom jadottaw ebda regola nazzjonali relatata ma' prodotti jew partijiet tas-sottosistema li jkunu koperti minn dik it-TSI (għajr għal dawk l-aspetti debitament iddikjarati bħala “kwistjonijiet pendenti” fit-TSIs rilevanti).

23.

Awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' sottosistemi ta' installazzjoni fissa għandha tirreferi għall-karatteristiċi tekniċi tagħha, inklużi l-limiti u l-kundizzjonijiet tal-użu. Il-karatteristiċi tekniċi msemmija fl-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz għandhom jiġu:

ddikjarati mill-applikant,

ivverifikati u ċċertifikati mill-korpi tal-valutazzjoni, u

iddokumentati fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika.

24.

Il-proċess tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz ta' sottosistemi ta' installazzjoni fissa u l-proċess tal-operat u l-manutenzjoni ta' dawk is-sottosistemi huma żewġ proċessi evidentement distinti rregolati minn dispożizzjonijiet distinti.

IR-REKWIŻITI ESSENZJALI, L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TEKNIĊI GĦALL-INTEROPERABILITÀ (TSI) U R-REGOLI NAZZJONALI

25.

Id-Direttiva dwar l-Interoperabilità tistabbilixxi rekwiżiti essenzjali għas-sistema ferrovjarja. Dawn huma “l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Anness III li għandhom jiġu ssodisfati mis-sistema ferrovjarja, mis-sottosistemi u mill-kostitwenti tal-interoperabilità, inklużi interfaċċji” ((il-punt g tal-Artikolu 2) tad-Direttiva 2008/57/KE). Għaldaqstant, ir-rekwiżiti essenzjali għas-sistema ferrovjarja huma eżawrjenti. Stat Membru, jew awtorità nazzjonali tas-sikurezza, ma jistax jistabbilixxi rekwiżiti jew kundizzjonijiet oħra għajr dawk previsti mill-Artikolu 17.

26.

Il-kompatibbiltà teknika fl-interfaċċja bejn in-netwerk u l-vetturi hija kruċjali għas-sigurtà. Għalkemm l-aspett tas-sigurtà ta' din l-interfaċċja jista' jiġi pprovat permezz tal-użu ta' sistemi ta' referenza jew estimi ta' riskji espliċiti skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 352/2009 (8) (CSM RA), għal raġunijiet ta' interoperabilità, il-kompatibbiltà teknika għandha tiġi pprovata fuq il-bażi tar-regoli armonizzati tal-Unjoni, jiġifieri t-TSIs, jew, jekk ma jkunux jeżistu tali regoli, fuq il-bażi tar-regoli nazzjonali. Għalhekk, għall-finijiet tal-interoperabilità, l-interfaċċji bejn il-vettura u n-netwerk għandhom jintwerew bl-użu ta' approċċ ibbażat fuq ir-regoli.

27.

Bħala konsegwenza, minn naħa waħda, it-TSIs għandhom jispeċifikaw b'mod eżawrjenti l-interfaċċji msemmija fir-rakkomandazzjoni 26. Kull parametru bażiku u interfaċċja tas-sistema fil-mira li jridu jiġu vverifikati espliċitament għall-awtorizzazzjoni għandhom jiġu speċifikati wkoll b'mod sħiħ fit-TSIs, flimkien mar-rekwiżiti rilevanti għall-valutazzjoni tal-konformità.

28.

Min-naħa l-oħra, it-TSIs għandhom jispeċifikaw biss ir-rekwiżiti “safejn ikun neċessarju” sabiex iwasslu l-aħjar livell ta' armonizzazzjoni teknika u d-dispożizzjonijiet obbligatorji meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE u sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva (l-Artikolu 5(3)). Għalhekk, it-TSIs għandhom jispeċifikaw ir-rekwiżiti biss sal-livell ta' dettall li jeħtieġ li jiġi armonizzat sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, filwaqt li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali. Huma jispeċifikaw ukoll l-interfaċċji bejn is-sottosistemi. Kull TSI tindika sottosistema fil-mira li tista' tinkiseb gradwalment fi żmien raġonevoli.

29.

L-applikanti għandu jkollhom il-libertà li jużaw soluzzjonijiet tekniċi tal-għażla tagħhom sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali, bil-kundizzjoni li l-ispeċifikazzjonijiet ta' dawn is-soluzzjonijiet tekniċi jikkonformaw mat-TSIs u ma' leġiżlazzjonijiet applikabbli oħrajn.

30.

Sabiex tintlaħaq il-mira taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea mingħajr fruntieri interni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali jistgħu jiġu stabbiliti fl-istandards armonizzati (EN). F'xi każijiet, l-istandards armonizzati li jkopru l-parametri bażiċi tat-TSIs jipprovdu preżunzjoni tal-konformità ma' ċerti klawżoli tat-TSIs. B'konformità mal-ispirtu tal-approċċ il-ġdid għall-armonizzazzjoni u l-istandardizzazzjoni teknika, l-applikazzjoni ta' dawn l-istandards tibqa' volontarja, iżda r-referenzi tagħhom jiġu ppubblikati fuq il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU tal-UE). Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jiġu elenkati wkoll fil-gwidi għall-applikazzjoni tat-TSI sabiex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom mill-industrija. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom jibqgħu kumplimentari għat-TSIs.

31.

Il-ġerarkija u l-livell ta' dettall tal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fir-rakkomandazzjonijiet minn 26 sa 30 huma spjegati fid-dijagramma li ġejja:

Image

32.

It-TSIs ma għandhomx jirrepetu d-dispożizzjonijiet imfassla biex jiżguraw li l-istat operattiv tad-disinn ta' vettura jew sottosistema jissodisfa r-rekwiżiti minn Direttivi applikabbli oħrajn.

33.

Ir-rekwiżiti li joħorġu minn dispożizzjonijiet tal-UE minbarra d-Direttiva 2008/57/KE għandhom jiġu applikati wkoll meta sottosistema jew vettura tiġi ddisinjata/ippjanata u mqiegħda fl-istat operattiv tad-disinn tagħha. L-applikant għandu jiżgura li dawn ir-rekwiżiti jiġu ssodisfati.

34.

Mingħajr ħsara għar-rakkomandazzjonijiet 19 u 20, ir-regoli nazzjonali jistgħu jkomplu japplikaw għall-awtorizzazzjonijiet biss fil-każijiet speċifikati mill-Artikolu 17 (3) tad-Direttiva 2008/57/KE. Dawn huma

iċ-ċirkostanzi fejn ma teżisti ebda TSI rilevanti, jiġifieri:

(q)

kwistjonijiet pendenti tat-TSI;

(r)

netwerks u vetturi mhux (intiżi biex jaqgħu) fil-kamp ta' applikazzjoni tat-TSIs;

(s)

rekwiżiti għas-sistemi ta' legat (jiġifieri interfaċċji tas-sistema mhux intiżi biex ikunu koperti mit-TSIs);

(t)

rekwiżiti għal vetturi mhux konformi mat-TSI mqiegħda fis-servizz qabel id-dħul fis-seħħ tat-TSIs jew matul perjodu tranżitorju;

derogi, li għalihom japplika l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/57/KE;

każijiet speċifiċi kif definiti fit-TSIs, li jinkludu varjazzjonijiet nazzjonali fis-sistema fil-mira.

35.

Fil-każijiet elenkati fir-rakkomandazzjoni 34, l-Istati Membri għandhom jiddependu fuq, jagħmlu pubbliċi u jinforzaw regoli li jkopru r-rekwiżiti essenzjali, inkluża l-kompatibbiltà teknika bejn il-vetturi u n-netwerk tagħhom. Sabiex jiġi ppreservat il-livell eżistenti ta' interoperabilità u tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn l-applikanti, dawn ir-regoli għandhom ikunu fl-istess livell ta' dettall bħat-TSIs u ma jkunux ambigwi fir-rekwiżiti tagħhom (jiġifieri għandhom jispeċifikaw il-valuri għall-parametri rilevanti u l-metodi għall-valutazzjoni tal-konformità).

36.

Jekk issir applikazzjoni għal awtorizzazzjoni addizzjonali għal tip ta' vettura jew vetturi individwali eżistenti mhux konformi mat-TSI, l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2008/57/KE jippermetti lill-Istat Membru fejn tintalab l-awtorizzazzjoni addizzjonali sabiex jivverifika biss il-kompatibbiltà man-netwerk tiegħu. Fl-applikazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku kif deskritt fir-rakkomandazzjonijiet minn 52 sa 54, dan l-Istat Membru għandu jirrikonoxxi l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz, sakemm ma jkunx jista' juri (lil min japplika għall-awtorizzazzjoni addizzjonali) li hemm riskju sinifikanti għas-sigurtà. Dan huwa konsistenti mal-ħtieġa li tiġi evitata d-diskriminazzjoni bejn it-tipi ta' vetturi u l-vetturi individwali li kienu awtorizzati għall-ewwel darba fi Stat Membru.

37.

Għalhekk, għall-finijiet ta' ċarezza, l-Istati Membri għandhom jiddikjaraw fir-regoli nazzjonali tagħhom liema mid-dispożizzjonijiet japplikaw: għal vetturi u sottosistemi ġodda biss għall-ewwel awtorizzazzjoni; u/jew għal tipi eżistenti; u/jew għal vetturi eżistenti li se jingħataw awtorizzazzjoni ġdida wara li ġew imġedda jew aġġornati; u/jew għas-sottosistemi u l-vetturi kollha li diġà qegħdin fis-servizz.

L-UŻU TA' METODI KOMUNI TAS-SIKUREZZA GĦALL-EVALWAZZJONI U L-VALUTAZZJONI TAR-RISKJI (CSM RA) U S-SISTEMA GĦALL-ĠESTJONI TAS-SIKUREZZA (SMS)

38.

Is-CSM RA huwa obbligatorju fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz biss fil-każijiet li ġejjin:

(u)

meta jkun mitlub għal suġġett partikolari minn TSI jew regola nazzjonali applikabbli skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/57/KE;

(v)

kif mitlub mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/57/KE sabiex titwettaq l-integrazzjoni sikura tas-sottosistemi meta r-regoli obbligatorji ma jkunux disponibbli.

Fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-użu tas-CSM RA mhuwiex obbligatorju fil-kuntest ta' tali awtorizzazzjoni.

39.

It-terminu “integrazzjoni sikura” jista' jintuża sabiex ikopri:

(w)

l-integrazzjoni sikura bejn l-elementi li jikkomponu sottosistema;

(x)

l-integrazzjoni sikura bejn is-sottosistemi li jikkostitwixxu vettura jew proġett ta' netwerk;

u, għall-vetturi:

(y)

l-integrazzjoni sikura ta' vettura bil-karatteristiċi tan-netwerk;

(z)

l-integrazzjoni sikura tal-vetturi fl-SMS tal-impriżi ferrovjarji. Din tinkludi l-interfaċċji bejn il-vetturi, l-interfaċċji mal-membri tal-persunal li jħaddmu s-sistema u l-attivitajiet ta' manutenzjoni minn ECM;

(aa)

l-integrazzjoni sikura ta' ferrovija bir-rotot speċifiċi li topera fuqhom;

u għall-proġetti tan-netwerk:

(bb)

l-integrazzjoni sikura ta' proġett ta' netwerk bil-karatteristiċi tal-vetturi definiti fit-TSIs u fir-regoli nazzjonali;

(cc)

l-integrazzjoni sikura ma' partijiet kontigwi tan-netwerk (sezzjonijiet lineari)

(dd)

l-integrazzjoni sikura ta' proġett ta' netwerk fl-SMS tal-maniġer tal-infrastruttura. Din tinkludi l-interfaċċji mal-membri tal-persunal li se jħaddmu l-proġett tan-netwerk u l-attivitajiet ta' manutenzjoni mill-maniġer tal-infrastruttura jew mill-kuntratturi tiegħu;

(ee)

l-integrazzjoni sikura ta' proġett ta' netwerk bil-ferroviji speċifiċi li joperaw fuqu.

40.

Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-integrazzjoni sikura u l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid tal-vetturi fis-servizz:

il-punti (a), (b) u (c) tar-rakkomandazzjoni 39 għandhom jitwettqu qabel l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz. Kwalunkwe kundizzjoni u limiti tal-użu derivati minnhom (eż. kwalunkwe limitazzjonijiet għall-kompożizzjoni tal-ferrovija, inkluż l-operat f'unitajiet multipli jew l-operat tal-lokomotivi flimkien mal-vetturi li jifformaw il-ferrovija) għandhom jiġu ddikjarati fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika msemmi fl-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2008/57/KE b'tali mod li l-utent tas-sottosistema jew tal-vettura awtorizzata jkun jista' japplika dawn il-kundizzjonijiet u l-limiti ta' użu skont l-SMS tiegħu;

il-punt (d) tar-rakkomandazzjoni 39 mhuwiex parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni. Huwa għandu jitwettaq mill-impriża ferrovjarja wara kunsiderazzjoni xierqa tal-kundizzjonijiet u l-limiti ta' użu kollha li jirriżultaw mill-punti (a), (b) u (c) u abbażi ta' verifika tal-konformità mat-TSIs u mar-regoli nazzjonali applikabbli;

il-punt (e) tar-rakkomandazzjoni 39 mhuwiex parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni. Huwa għandu jitwettaq mill-impriża ferrovjarja fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha meħtieġa minn impriża ferrovjarja sabiex tiddetermina l-karatteristiċi tal-ferrovija u tistabbilixxi l-kompatibbiltà mar-rotta tal-ferrovija (eż. il-kundizzjonijiet tal-użu, il-valuri tal-parametri tal-interfaċċja) li jirriżultaw mill-punti (a), (b) u (c) u mill-informazzjoni inkluża fir-reġistru tal-infrastruttura.

40 bis.

Fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-integrazzjoni sikura u l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' sottosistemi fissi u ta' proġetti ta' netwerks:

il-punti (a), (b), (f) u (g) tar-rakkomandazzjoni 39 għandhom jitwettqu qabel l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz. Il-kundizzjonijiet jew il-limiti tal-użu kollha li joħorġu minnhom għandhom jiġu ddikkjarati fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika li hemm referenza għalih fl-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2008/57/KE b'mod li l-utent tas-sottosistema jew tal-proġett ta' netwerk awtorizzati jkun jista' japplika dawn il-kundizzjonijiet u l-limiti tal-użu skont l-SMS tiegħu;

il-punt (h) tar-rakkomandazzjoni 39 mhijiex parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni. Dan għandu jitwettaq mill-maniġer tal-infrastruttura waqt li jqis kif xieraq il- kundizzjonijiet u l-limiti tal-użu li jirriżultaw mill-punti (a), (b), (c) u l-verifika tal-konformità mat-TSIs u r-regoli nazzjonali applikabbli;

il-punt (i) tar-rakkomandazzjoni 39 mhijiex parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni. Dan għandu jitwettaq mill-maniġer tal-infrastruttura abbażi tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex jiġu ddeterminati l-karatteristiċi tar-rotta u tiġi stabbilita l-kompatibilità tar-rotta ferrovjarja (pereżempju l-kundizzjonijiet tal-użu, il-valuri tal-parametri tal-interfaċji) li jirriżultaw mill-punti (a), (b), u (c) u l-informazzjoni li tinsab fir-reġistru tat-tipi ta' vetturi

41.

Fir-rigward tal-użu tas-CSM RA sabiex tiġi vverifikata l-integrazzjoni sikura qabel l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz:

il-punt (a) tar-rakkomandazzjoni 39 jaqa' b'mod sħiħ fil-kamp ta' applikazzjoni tat-TSIs li jindirizzaw sottosistema; fejn ma jkun hemm ebda regola teknika espliċita li tkopri din il-kwistjoni, it-TSI tista' tadotta approċċ ibbażat fuq ir-riskji, titlob l-applikazzjoni tas-CSM RA u tispeċifika sa liema livell aċċettabbli għandu jiġi kkontrollat ir-riskju;

fejn ma jkunx hemm regoli obbligatorji (TSIs, regoli nazzjonali) li jkopru din l-interfaċċja b'mod sħiħ, il-punt (b) tar-rakkomandazzjoni 39 għandu jiġi vverifikat bl-użu tas-CSM RA;

il-punt (c) tar-rakkomandazzjoni 39 għandu jiġi kopert b'mod sħiħ mit-TSIs u, fejn previst mill-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/57/KE, mir-regoli nazzjonali, filwaqt li din il-verifika bbażata fuq ir-regoli għandha titwettaq minn korp ivverifikat jew korp maħtur bħala parti mir-responsabbiltà tiegħu għall-“verifika tal-interfaċċji tas-sottosistema inkwistjoni mas-sistema li fiha tkun inkorporata” (l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2008/57/KE), inkella r-rekwiżiti għat-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni u l-interoperabilità jiġu kompromessi.

Għaldaqstant, l-użu tas-CSM RA mhuwiex obbligatorju għall-punt (c) tar-rakkomandazzjoni 39 għall-każijiet fejn jeżistu t-TSIs jew ir-regoli nazzjonali. Fil-każijiet fejn ir-regoli nazzjonali ma jispeċifikawx din l-interfaċċja b'mod sħiħ (eż. ċerti sistemi għas-sinjalar tal-legat u soluzzjonijiet innovattivi), dawn ir-regoli nazzjonali jistgħu jitolbu l-applikazzjoni ta' CSM RA għall-indirizzar tar-riskji li mhumiex koperti.

L-INTEGRITÀ TAT-TSIs U TAR-REGOLI NAZZJONALI

42.

Huwa rikonoxxut li t-TSIs inbnew minn grupp ta' esperti mill-assoċjazzjonijiet fis-settur u mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza b'kunsiderazzjoni tar-regoli nazzjonali u l-esperjenza prattika bħala l-bażi tagħhom. Huma jirrappreżentaw l-aħħar jew l-aħjar għarfien disponibbli li ġie żviluppat mill-Aġenzija, flimkien ma' dawn l-esperti, u li ġie rivedut mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2008/57/KE. Bħala tali, it-TSIs ġew rikonoxxuti mill-Istati Membri bħala xierqa għall-iskop tagħhom (inklużi l-kwistjonijiet pendenti) u huma legalment vinkolanti. Mhijiex parti mill-awtorizzazzjoni li jiġu vverifikati jew ivvalidati dawn ir-rekwiżiti obbligatorji.

43.

Madankollu, sabiex tiġi ppreservata l-integrità tat-TSIs u tar-regoli nazzjonali, hija r-responsabbiltà ta' kull entità li fi kwalunkwe ħin issir konxja ta' defiċjenza potenzjali fit-TSIs jew fir-regoli nazzjonali li, bħala kwistjoni ta' urġenza, dawn iqajmu d-dubji tagħhom b'ġustifikazzjoni sħiħa permezz tal-proċeduri applikabbli sabiex l-entitajiet kollha kkonċernati jsiru konxji minnufih tad-defiċjenza potenzjali u jkunu jistgħu jieħdu azzjoni xierqa.

44.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jemendaw dawk ir-regoli nazzjonali li jkunu defiċjenti jew inkompatibbli.

45.

Jekk TSI tkun defiċjenti, għandu japplika l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/57/KE u d-defiċjenza għandha tiġi indirizzata permezz ta':

(ff)

opinjoni teknika tal-Aġenzija, jew;

(gg)

emenda tat-TSI.

jew it-tnejn li huma.

Skont il-każ, TSI tista' tiġi emendata billi:

(2)

tiġi emendata l-ispeċifikazzjoni tas-sistema fil-mira,

(3)

jiżdiedu każijiet speċifiċi, meta dawn ikunu jikkonċernaw biss numru limitat ta' Stati Membri u l-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE ma tkunx meqjusa bħala meħtieġa;

(4)

jiżdiedu kwistjonijiet pendenti, meta l-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE tkun meħtieġa, iżda tkun għadha ma tistax tiġi koperta espliċitament fit-TSI.

VERIFIKI LI JAQGĦU BARRA MILL-KAMP TA' APPLIKAZZJONI TAL-AWTORIZZAZZJONI GĦAT-TQEGĦID FIS-SERVIZZ

46.

Il-verifika tal-kompatibbiltà mar-rotta tal-ferrovija għandha tkun indipendenti mill-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' tip ta' vettura jew ta' vettura individwali. Il-verifika tal-kompatibbiltà mar-rotta tal-ferrovija tiġi ġestita minn impriża ferrovjarja (jew minn maniġer tal-infrastruttura jekk din tkun topera l-ferroviji) bħala parti mill-proċess tal-ippjanar (pereżempju meta jintefgħu offerti għal mogħdijiet) u fuq bażi ta' kuljum permezz tal-SMS tagħha. L-impriża ferrovjarja għandha tistabbilixxi l-kompatibbiltà billi tikseb informazzjoni mingħand il-maniġer tal-infrastruttura permezz tar-reġistru tal-infrastruttura u mill-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika tal-vetturi li jiġi stabbilit waqt l-awtorizzazzjoni u li jkompli jinżamm minn hemm 'il quddiem. Fil-perjodu tranżitorju, jiġifieri sakemm jiġi stabbilit ir-reġistru tal-infrastruttura u jkun komplut bid-dejta kollha rilevanti għall-verifika tal-kompatibbiltà man-netwerk, il-maniġers tal-infrastruttura għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-impriżi ferrovjarji b'mezzi trasparenti oħrajn.

47.

Il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' impriża ferrovjarja li tiġġestixxi l-operat u l-manutenzjoni tal-vetturi mhijiex parti mill-proċess li jwassal għall-awtorizzazzjoni. Hija fil-fatt koperta mill-proċess ta' ċertifikazzjoni tas-sikurezza u s-superviżjoni kontinwa mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza.

48.

Il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' maniġer tal-infrastruttura li jiġġestixxi l-operat u l-manutenzjoni tal-proġetti tan-netwerk mhijiex parti mill-proċess li jwassal għall-awtorizzazzjoni. Hija fil-fatt koperta mill-proċess ta' awtorizzazzjoni tas-sikurezza u s-superviżjoni kontinwa mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza.

49.

Il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' ECM li tiġġestixxi l-manutenzjoni ta' vettura mhijiex parti mill-proċess ta' awtorizzazzjoni. Hija fil-fatt koperta mill-SMS tal-impriża ferrovjarja. Meta japplika l-proċess ta' ċertifikazzjoni tal-ECM, l-SMS tal-impriża ferrovjarja tista' tieħu kont ta' dan il-proċess.

50.

Bħala konsegwenza, applikant għal awtorizzazzjoni tat-tip ta' vettura jew għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid ta' vettura individwali jew sottosistema fis-servizz mhuwiex mitlub li jivvaluta s-sinjifikat tal-bidliet potenzjali ppreżentati mill-vettura jew id-disinn tas-sottosistema fis-sistema ferrovjarja b'mod ġenerali. Jekk l-applikant ikun l-impriża ferrovjarja jew il-maniġer tal-infrastruttura li jkollu l-ħsieb li jħaddem din il-vettura jew is-sottosistema, l-applikazzjoni ta' CSM RA bħala impriża ferrovjarja jew maniġer tal-infrastruttura responsabbli mill-ġestjoni tal-bidla bħala parti mis-sistema ferrovjarja hija indipendenti mir-rwol tagħhom bħala applikant għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

51.

Fil-prattika, meta l-manifattur ikun qiegħed jipproduċi disinn speċifiku skont l-ordni ta' impriża ferrovjarja, ġeneralment ikun hemm koinċidenza fil-ħin bejn:

il-verifika tal-konformità ta' sottosistema strutturali sabiex tiġi stabbilita dikjarazzjoni “KE” tal-verifika (attività li tinkludi l-punti (a), (b) u (c) tar-rakkomandazzjoni 39) u

l-integrazzjoni ta' din is-sottosistema fl-SMS tal-impriża ferrovjarja jew tal-maniġer tal-infrastruttura (attività li tinkludi l-punti (d) u (e) tar-rakkomandazzjoni 39).

Din hija parti minn ġestjoni tajba tal-proġett li, f'ċerti ċirkostanzi, tippermetti li titnaqqas id-diskrepanza fiż-żmien bejn l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz u l-użu proprju tal-vettura jew tal-proġett tan-netwerk f'operazzjoni kummerċjali. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tkun involuta fl-istess ħin bħala:

awtorità responsabbli mill-għoti ta' awtorizzazzjoni għat-tip ta' vettura jew mit-tqegħid ta' vettura individwali fis-servizz, u

awtorità responsabbli mis-superviżjoni taċ-ċertifikati tas-sikurezza jew tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza.

Anki jekk iż-żewġ kompiti jistgħu jikkoinċidu fiż-żmien, huma għandhom ikunu formalment indipendenti, bil-kontroparti f'tal-ewwel ikun l-applikant għall-awtorizzazzjoni tal-vettura jew tat-tip ta' vettura u f'tal-aħħar ikun l-impriża ferrovjarja jew il-maniġer tal-infrastruttura li jkollu l-ħsieb li juża s-sottosistema jew il-vettura.

IR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU TAR-REGOLI U L-VERIFIKI FUQ IL-VETTURI

52.

L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu b'mod reċiproku l-verifiki mwettqa skont ir-regoli nazzjonali ta' Stati Membri oħrajn, sakemm:

(a)

ma jkunx hemm evidenza ta' kompatibbiltà man-netwerk, jew

(b)

Stat Membru ma jkunx jista' juri lill-applikant li hemm riskju sostanzjali għas-sikurezza.

(c)

Il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għandu jiġi applikat kemm jista' jkun sabiex jiġu evitati rekwiżiti bla bżonn u verifiki żejda, sakemm dawn ma jkunux strettament meħtieġa għall-verifika tal-kompatibbiltà teknika tal-vettura man-netwerk rilevanti u mhumiex ekwivalenti għar-regoli tal-Istat Membru tal-ewwel awtorizzazzjoni.

53.

F'każ ta' awtorizzazzjonijiet addizzjonali, l-Istati Membri ma għandhomx iqajmu dubji dwar ir-regoli nazzjonali applikati għal awtorizzazzjoni preċedenti

li tkopri l-kwistjonijiet pendenti li mhumiex relatati mal-kompatibbiltà teknika bejn il-vettura u n-netwerk, jew;

ikklassifikata bħala li tappartjeni għall-kategorija “A” fid-dokument ta' referenza previst fl-Artikolu 27(4) tad-Direttiva 2008/57/KE.

54.

Minkejja n-nuqqas ta' kriterji ġeneriċi ta' aċċettazzjoni tar-riskji fis-CSM dwar il-valutazzjoni tar-riskji, il-valutazzjonijiet tas-CSM imwettqa bħala parti mill-verifiki meħtieġa mit-TSIs għandhom ikunu rikonoxxuti b'mod reċiproku skont l-Artikolu 7(4) tas-CSM RA (9).

RWOLI U RESPONSABBILTAJIET

55.

Qabel ma sottosistema tkun tista' tiġi awtorizzata biex titqiegħed fis-servizz, il-manifattur jew l-entità kuntrattwali (jiġifieri l-applikant fit-tifsira tal-Artikolu 18 (1) tad-Direttiva 2008/57/KE) għandhom iwettqu d-disinn, il-kostruzzjoni u l-ittestjar kollu meħtieġ jew jaraw li dawn jitwettqu fir-responsabbilta tagħhom u jiffirmaw dikjarazzjoni “KE” ta' verifika.

56.

Il-korpi nnotifikati jivverifikaw il-konformità mat-TSIs u jfasslu ċ-ċertifikat(i) tal-verifika intenzjonati għall-applikant. L-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 2008/57/KE jgħid li l-verifika tal-korp innotifikat “għandha tkopri wkoll il-verifika tal-interfaċċji tas-sottosistema inkwistjoni bis-sistema li fiha hija inkorporata, abbażi tal-informazzjoni disponibbli fit-TSI rilevanti u fir-reġistri previsti fl-Artikoli 34 u 35”. Dan jimplika li l-korp innotifikat għandu rwol fil-verifika tal-kompatibbiltà teknika ma' sottosistemi oħrajn, li huwa konsistenti mal-fatt li l-kompatibbiltà teknika hija koperta mit-TSIs. Il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-verifiki huwa limitat għat-TSIs rilevanti. Kull korp innotifikat jikkompila fajl tekniku fir-rigward tal-verifiki li jkunu twettqu.

57.

Id-dispożizzjonijiet tar-rakkomandazzjoni 56 japplikaw mutatis mutandis għall-korpi maħtura u r-regoli nazzjonali.

58.

Abbażi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/57/KE, ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fl-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz għandu jkun li jwettqu verifika tad-dokumenti li jakkumpanjaw l-applikazzjoni għat-tqegħid fis-servizz u li jipprovdu evidenza tal-adegwatezza tal-proċedura ta' verifika. Din il-verifika għandha tikkonsisti mill-verifika tal-kompletezza, tar-rilevanza u tal-konsistenza tad-dokumentazzjoni mressqa għall-awtorizzazzjoni. Hija limitata għal kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza tal-awtoritajiet nazzjonali (ferrovjarji) tas-sikurezza kif ġie definit fid-Direttiva 2004/49/KE.

59.

Jekk Stat Membru (jew awtorità nazzjonali tas-sikurezza) jiskopri li hemm problema bl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz minħabba li sottosistema strutturali koperta mid-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika akkumpanjata mill-fajl tekniku ma tikkonformax b'mod sħiħ mad-Direttiva 2008/57/KE u, b'mod partikolari, ma tissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali, huwa għandu japplika l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/57/KE. Dan japplika mutatis mutandis għall-kostitwenti tal-interoperabilità skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/57/KE.

60.

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza ma għandhom jirrepetu ebda waħda mill-verifiki mwettqa bħala parti mill-proċedura ta' verifika.

61.

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza ma għandhomx jipprovaw iwettqu jew jidduplikaw il-ħidma ta' dawk li jistabbilixxu r-regoli, tal-korpi nnotifikati, tal-korpi maħtura jew tal-korpi għall-valutazzjoni tar-riskji.

62.

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza la għandhom iwettqu verifika sistematika estensiva tal-ħidma mwettqa mill-applikant, mill-korp innotifikat, mill-korp maħtur u mill-korp ta' valutazzjoni tar-riskji tas-CSM, u lanqas validazzjoni sistematika tar-riżultati tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jikkontestaw il-verifiki mwettqa mill-korpi ta' valutazzjoni biss jekk ikun hemm dubji ġustifikabbli. F'dan il-każ, għandhom jiġu rrispettati l-prinċipji tal-proporzjonalità (b'kunsiderazzjoni tal-livell ta' riskju), tan-nondiskriminazzjoni u tat-trasparenza. B'mod partikolari, tali dubji ġustifikati jistgħu jitqajmu abbażi tal-verifiki msemmija fir-rakkomandazzjoni 58, jew meta l-esperjenza miksuba turi li sottosistema simili ma tissodisfax ir-rekwiżiti essenzjali kif definiti fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2008/57/KE.

63.

B'konformità mal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2008/57/KE għall-korpi nnotifikati (u mutatis mutandis għall-korpi maħtura), l-Istati Membri għandhom jimplimentaw sistemi bil-għan li jiżguraw il-kompetenza tal-korpi tal-valutazzjoni u jieħdu azzjoni sabiex jindirizzaw in-nuqqas ta' konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Bil-għan li tiżgura approċċ konsistenti, il-Kummissjoni, assistita mill-Aġenzija, għandu jkollha rwol ta' koordinazzjoni f'din il-kwistjoni.

64.

L-applikanti, il-maniġers tal-infrastruttura u l-impriżi ferrovjarji, flimkien mal-ECMs, għandhom iqisu r-ritorn tal-esperjenza b'tipi ta' vetturi u disinni ta' sottosistemi diġà awtorizzati jew l-identifikazzjoni ta' riskji mhux ġestiti u jimplimentaw azzjonijiet korrettivi xierqa.

65.

L-applikanti għandhom iwettqu dawn l-azzjonijiet korrettivi qabel it-talba tagħhom għall-awtorizzazzjoni u għandhom jintalbu jagħmlu dan hekk kif tiġi identifikata l-ħtieġa.

66.

Għall-vetturi u s-sottosistemi li diġà qegħdin jintużaw, l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jieħdu dawn l-azzjonijiet korrettivi fi ħdan l-SMS tagħhom. L-SMS tal-impriżi ferrovjarji għandha tiżgura li l-ECMs li jagħmlu l-manutenzjoni tal-vetturi użati minnhom jintroduċu kwalunkwe bidliet meħtieġa fis-sistema ta' manutenzjoni tagħhom.

67.

Bħalma r-rwol tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza qabel l-awtorizzazzjoni ma kienx li tispeċifika soluzzjoni ta' disinn, bl-istess mod, ir-rwol ta' superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza mhuwiex li jippreskrivu azzjoni korrettiva fil-każ tal-esperjenza miksuba. Minflok, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jimmonitorjaw il-konformità ta' impriża ferrovjarja jew ta' maniġer tal-infrastruttura mal-SMS tagħhom stess. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jivverifikaw li l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura jiddefinixxu, iwettqu u jiġġestixxu l-azzjonijiet korrettivi xierqa permezz tal-SMS tagħhom stess.

68.

Id-Direttiva 2004/49/KE żżomm lil kull wieħed u waħda mill-maniġers tal-infrastruttura u tal-impriżi ferrovjarji responsabbli għall-partijiet tagħhom tas-sistema. L-impriża ferrovjarja hija responsabbli biss mill-operat mingħajr periklu tal-ferroviji tagħha. Ir-rwol tal-maniġer tal-infrastruttura huwa limitat għall-ġestjoni tal-infrastruttura u, għalhekk, il-maniġer tal-infrastruttura ma għandu ebda responsabbiltà għall-operat tal-ferroviji ħlief biex joħroġ permess għall-moviment tal-ferroviji. Il-maniġer tal-infrastruttura ma għandu ebda rwol ieħor ta' awtorizzazzjoni.

69.

Il-valutazzjoni tal-kapaċità ta' subkuntrattur (eż. detentur) li jiġġestixxi l-parti tiegħu tal-operat u tal-manutenzjoni tal-vetturi mhijiex parti mill-proċess li jwassal għal awtorizzazzjoni. Din hija koperta mill-obbligu fuq l-impriża ferrovjarja li tuża vetturi awtorizzati sabiex tiżgura, taħt l-SMS tagħha, li dawn ikollhom entità xierqa li tkun inkarigata mill-manutenzjoni, skont l-Artikolu 14a tad-Direttiva 2004/49/KE.

70.

L-Artikolu 14a(1) tad-Direttiva 2004/49/KE, kif emendat mid-Direttiva 2008/110/KE, jgħid li, qabel titqiegħed fis-servizz jew tintuża fuq in-netwerk, kull vettura għandu jkollha ECM assenjata lilha. L-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz hija indipendenti mill-operat ta' vettura minn impriża ferrovjarja jew mill-manutenzjoni tal-vettura minn ECM; barra minn hekk, id-Direttiva 2004/49/KE hija relatata mal-operat (l-użu) u l-manutenzjoni tal-vetturi. Għalhekk, l-ECM tista' tiġi assenjata qabel jew wara l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid ta' vettura fis-servizz, iżda dejjem qabel tiġi rreġistrata fir-reġistru nazzjonali tal-vetturi (l-ECM hija qasam obbligatorju fl-NVR) u qabel ma effettivament tintuża fuq in-netwerk.

71.

L-organizzazzjonijiet għandhom jiġġestixxu r-riskji li jinħolqu mill-attivitajiet tagħhom. Ir-responsabbiltà għall-ġestjoni tar-riskji għandha taqa' fuq dawk bl-akbar kapaċità li jiġġestixxuhom.

72.

Billi l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura huma l-uniċi atturi li huma mitluba jkollhom ċertifikazzjonijiet tas-sikurezza u awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza, bl-appoġġ tal-SMSs, dawn l-organizzazzjonijiet għandu jkollhom rwol ewlieni fil-ġestjoni tal-kontribuzzjonijiet tal-oħrajn, kif ukoll fit-teħid tad-deċiżjonijiet xierqa rigward il-kontribuzzjonijiet tagħhom. Meta impriżi ferrovjarji jew maniġers tal-infrastruttura jieħdu deċiżjonijiet jew azzjonijiet bħal dawn skont is-sistemi tal-ġestjoni tas-sikurezza tagħhom, dan huwa mingħajr ħsara għar-responsabbiltajiet ta' entitajiet oħrajn, bħal detenturi, ECMs u manifatturi.

73.

Id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet operattivi bejn l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura hija definita fit-TSI dwar l-operat u l-ġestjoni tat-traffiku.

74.

L-impriżi ferrovjarji għandhom jitqiesu bħala li jinsabu fl-aqwa pożizzjoni u l-aktar kompetenti sabiex:

(a)

jidentifikaw il-perikli potenzjali għall-operazzjonijiet ippjanati tagħhom, inkluża l-manutenzjoni, u sabiex jimplimentaw miżuri ta' kontroll, bħal kontrolli waqt it-tluq;

(b)

jispeċifikaw kif xieraq il-ħtiġijiet operattivi tagħhom lill-kuntratturi u l-fornituri, bħall-prestazzjoni, id-disponibbiltà u l-affidabbiltà meħtieġa tal-vetturi;

(c)

jimmonitorjaw il-prestazzjoni tal-vetturi;

(d)

jipprovdu rispons regolari u komprensiv dwar l-operazzjonijiet u l-prestazzjoni lid-detentur u lill-ECM, kif xieraq; u

(e)

iwettqu reviżjonijiet tal-kuntratti sabiex jinftiehmu u jiġu kkontestati l-eżekuzzjonijiet tal-kuntratti.

75.

Min-naħa l-oħra, l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura ma għandhomx jitqiesu bħala li jinsabu fl-aqwa pożizzjoni jew li huma l-aktar kompetenti sabiex jiġġestixxu direttament ir-riskji kollha matul il-proċess kollu sal-katina tal-provvista. Sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom, l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom ifasslu obbligi kuntrattwali għall-forniment ta' prodotti u servizzi skont is-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza tagħhom, billi jqisu r-responsabbiltajiet legali tal-oħrajn. Ladarba jkunu qegħdin jintużaw, hija prattika standard għall-vetturi li jiġu mmodifikati sabiex jiġu kkoreġuti kwalunkwe difetti li jista' jkollhom u sabiex tittejjeb kontinwament il-prestazzjoni tagħhom. Il-ġestjoni ta' dawn il-bidliet b'mod sikur hija r-responsabbiltà tal-impriża ferrovjarja. Din ir-responsabbiltà għandha tiġi ssodisfata billi jiġu applikati l-proċeduri ta' ġestjoni tal-bidliet fl-SMS tagħha u fir-Regolament dwar il-valutazzjoni tar-riskji tas-CSM u, meta jkun meħtieġ, jiġi żgurat li tinkiseb l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid tal-vettura mmodifikata fis-servizz. L-impriża ferrovjarja għandha tiżgura wkoll li l-informazzjoni kollha rilevanti tiġi kkomunikata lill-ECM sabiex din tkun tista' taġġorna l-fajl ta' manutenzjoni.

76.

L-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura, l-ECMs u d-detenturi għandhom jiżguraw li kwalunkwe appoġġ li jistgħu jkunu jeħtieġu matul dan il-proċess jiġi previst fil-kuntratt mal-manifattur.

77.

Qabel ma l-impriża ferrovjarja tikseb aċċess għan-netwerk għall-ferrovija mill-maniġers tal-infrastruttura, dawn għandhom l-ewwel ikunu jafu n-natura tal-aċċess li l-maniġer tal-infrastruttura offra għall-bejgħ. L-impriża ferrovjarja għandha tkun ċerta li r-rotta li għaliha għandhom il-ħsieb li jiksbu aċċess tkun kapaċi ssostni l-ferroviji li bi ħsiebhom joperaw.

78.

L-impriżi ferrovjarji għandhom isibu fir-reġistru tal-infrastruttura l-informazzjoni kollha (dwar in-natura tal-infrastruttura) li jeħtieġu sabiex jistabbilixxu jekk il-ferrovija li għandhom il-ħsieb li joperaw hijiex kompatibbli mar-rotta speċifika (il-kompatibbiltà tal-ferrovija mar-rotta). Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jiddeskrivi fir-reġistru tal-infrastruttura, għal kull parametru, il-valuri nominali u, fejn applikabbli, il-valuri limiti tal-parametri tal-interfaċċja li fihom tinżamm is-sezzjoni tar-rotta. L-impriżi ferrovjarji jiddependu fuq l-integrità ta' din l-informazzjoni sabiex jiżguraw l-operat mingħajr periklu tal-ferroviji tagħhom. Il-maniġer tal-infrastruttura għandu jgħarraf lill-impriża ferrovjarja dwar kwalunkwe bidliet temporanji fin-natura tal-infrastruttura mhux elenkati fir-reġistru tal-infrastruttura.

79.

Ladarba impriża ferrovjarja tistabbilixxi, bl-użu tar-reġistru tal-infrastruttura u l-fajl li jakkumpanja l-awtorizzazzjoni tal-vettura/l-awtorizzazzjoni għat-tip ta' vettura, u wara li tikkunsidra l-kundizzjonijiet tal-użu u restrizzjonijiet oħra fuq l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz tal-vettura/l-awtorizzazzjoni tat-tip ta' vettura, li r-rotta tista' ssostni l-ferrovija li hija għandha l-ħsieb illi topera, hija għandha mbagħad tirreferi għad-dispożizzjonijiet tat-TSI relatati mal-“operat u l-ġestjoni tat-traffiku” (b'mod partikolari t-taqsimiet relatati mal-kompożizzjoni tal-ferrovija, l-ibbrejkjar tal-ferrovija u l-kundizzjoni tat-tħaddim) sabiex taċċerta jekk hemmx xi restrizzjonijiet relatati mal-ferrovija li jinibixxu l-operat fuq ir-rotta (pereżempju limiti tal-veloċità, limiti tat-tul, limiti tal-provvista tal-enerġija).

80.

Jekk maniġer tal-infrastruttura jew impriża ferrovjarja jkollhom tħassib relatat mal-użu ta' vettura speċifika jew biċċa apparat fiss fuq linja speċifika, huma għandhom iressquh għall-attenzjoni tal-parti l-oħra sabiex tinstab soluzzjoni. Jekk il-parti li tqajjem il-kwistjoni ma tkunx sodisfatta bir-rispons, hija għandha tqajjem il-kwistjoni mal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, li min-naħa tagħha għandha tieħu d-deċiżjonijiet skont is-setgħat tagħha.

81.

Skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1078/2012 (10), l-impriżi ferrovjarji, il-maniġers tal-infrastruttura u l-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni għandhom jinformaw lill-partijiet kollha involuti (inklużi l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza) dwar kwalunkwe riskju rilevanti għas-sikurezza fir-rigward tad-difetti u n-nuqqasijiet ta' konformità tal-kostruzzjoni jew ħsarat fl-apparat tekniku. Dan l-obbligu ta' informazzjoni jikkonċerna wkoll lill-manifatturi u l-entitajiet kontraenti li stabbilixxew id-dikjarazzjoni “KE” tal-verifika wara l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

82.

Minbarra l-kompitu tagħhom li jawtorizzaw it-tqegħid fis-servizz ta' sottosistemi strutturali u b'konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jissorveljaw ukoll li l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura qegħdin joperaw skont ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-UE u, fejn permess mid-Direttiva 2008/57/KE, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. Din is-sorveljanza għandha tkopri wkoll il-ġestjoni mill-impriżi ferrovjarji u mill-maniġers tal-infrastruttura tar-riskji relatati mal-interfaċċja mal-fornituri tagħhom (bħall-manifatturi, id-detenturi u l-kumpaniji li jikru l-vetturi ferrovjarji), b'mod partikolari matul l-akkwist tal-prodotti u s-servizzi u l-integrazzjoni tagħhom fl-SMSs tal-impriża ferrovjarja u tal-maniġers tal-infrastruttura.

83.

L-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fl-użu ta' sottosistema u l-manutenzjoni tagħha minn impriża ferrovjarja jew maniġer tal-infrastruttura taħt l-awspiċji tal-SMS tagħhom huwa ta' natura superviżorja. B'mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jirrifjutaw li jerfgħu r-responsabbiltà li jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali mill-manifattur/entità kontraenti jew mill-impriża ferrovjarja/maniġer tal-infrastruttura billi jispeċifikaw jew jivverifikaw b'mod espliċitu u/jew japprovaw soluzzjonijiet ta' disinn, rekwiżiti tal-manutenzjoni jew azzjonijiet korrettivi partikolari. Għalhekk, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tiffoka fuq l-adegwatezza u l-adattabilità tas-sistemi ta' ġestjoni tal-atturi responsabbli u ma għandhiex taġixxi bħala “spettur tax-xogħol lest” fir-rigward tar-riżultati ddettaljati jew id-deċiżjonijiet meħuda minn dawn l-atturi.

84.

Jekk Stat Membru jikkunsidra li jintroduċi miżuri urġenti bħala konsegwenza tal-aċċidenti jew l-inċidenti, dawn għandhom jirrikonoxxu li s-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-impriża ferrovjarja hija l-mekkaniżmu primarju għall-ġestjoni tar-riskji ġodda għall-operat tal-vetturi li setgħu ġew skoperti matul l-investigazzjonijiet tal-aċċidenti/inċidenti jew is-sejbiet fil-kuntest tas-superviżjoni. Anki jekk Stat Membru jemmen li hija meħtieġa b'mod urġenti regola ġdida għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz, huwa għandu jsegwi l-proċeduri speċifikati fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli, inkluża notifika tal-abbozz tar-regola ġdida lill-Kummissjoni skont id-Direttivi 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) jew 2004/49/KE.

ITTESTJAR

85.

L-uniċi testijiet li jistgħu jkunu meħtieġa għall-awtorizzazzjoni, li għandhom jitwettqu qabel l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz u li jirrikjedu l-involviment ta' korp ta' valutazzjoni, għandhom ikunu t-testijiet li huma:

speċifikati espliċitament fit-TSIs, fil-moduli u, fejn rilevanti, fir-regoli nazzjonali,

definiti mill-applikant sabiex juri l-konformità mar-rekwiżiti tat-TSIs u/jew mar-regoli nazzjonali,

definiti f'leġiżlazzjoni oħra tal-UE, jew

definiti mill-applikant, b'konformità mal-applikazzjoni ta' CSM RA kif deskritt fir-rakkomandazzjoni 41.

86.

L-involviment tal-korpi nnotifikati u/jew tal-korpi maħtura fil-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali huwa speċifikat mit-TSIs rilevanti u, rispettivament, mir-regoli nazzjonali.

87.

It-testijiet li mhumiex koperti mir-rakkomandazzjoni 85 (pereżempju t-testijiet meħtieġa minn impriża ferrovjarja sabiex tistabbilixxi l-kompatibbiltà tal-ferrovija mar-rotta qabel tuża tip ta' vettura jew sottosistema ġdida fuq rotta partikolari, jew inkella minn entità kontraenti sabiex tistabbilixxi l-konformità mar-rekwiżiti tal-klijenti) mhumiex parti mill-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

88.

Jekk ikun irid jitwettaq ittestjar fuq il-binarji sabiex tiġi vverifikata l-konformità mar-rekwiżiti għall-awtorizzazzjoni qabel tingħata l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza, kwalunkwe arranġamenti operattivi u organizzattivi għat-twettiq ta' dawn it-testijiet għandhom jiġu definiti fil-qafas legali nazzjonali ta' kull Stat Membru u għandhom jikkonformaw mad-Direttivi 2008/57/KE u 2004/49/KE. Dawn għandhom ikopru kemm l-arranġamenti amministrattivi kif ukoll kwalunkwe rekwiżiti tekniċi u operattivi obbligatorji. B'mod ġenerali, l-Istati Membri jistgħu jadottaw wieħed minn fost żewġ approċċi:

L-Istat Membru jista' jinkludi l-kompetenza tal-ittestjar fiċ-ċertifikat tas-sikurezza ta' impriża ferrovjarja. Dan jista' jkun b'tali mod li korp tal-ittestjar jista' jiġi ċċertifikat bħala impriża ferrovjarja, bil-kamp ta' applikazzjoni tal-operat tiegħu limitat għall-ittestjar biss.

L-Istat Membru jista' jitlob lil entità kompetenti (li tista' tkun jew ma tkunx l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza) sabiex tagħti permess għat-twettiq tat-testijiet. F'dan il-każ, l-entità kompetenti (fin-nuqqas ta' verifika tal-konformità mar-rekwiżiti għal awtorizzazzjoni minn korp innotifikat jew korp maħtur) għandu jkollha biżżejjed għarfien tekniku estensiv sabiex tieħu tali deċiżjonijiet. Bil-għan li jissodisfa r-rekwiżiti għat-trasparenza u ċ-ċertezza legali, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-entità tkun indipendenti kif xieraq u għandu jippubblika l-proċess għall-awtorizzazzjoni tal-ittestjar fil-qafas legali nazzjonali tiegħu, billi jikkjarifika r-rekwiżiti tiegħu u l-kriterji tat-teħid tad-deċiżjonijiet li għandhom jintużaw mill-entità kompetenti għall-għoti tal-awtorizzazzjoni għall-ittestjar.

89.

Il-maniġers tal-infrastruttura għandhom rwol dirett fil-kuntest tal-iffaċilitar tal-proċess ta' awtorizzazzjoni. Fil-każ tat-testijiet addizzjonali mitluba minn awtorità nazzjonali tas-sikurezza, l-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2008/57/KE jesiġi li “l-maniġer tal-infrastruttura, f'konsultazzjoni mal-applikant, għandu jagħmel kull sforz biex jiżgura li kwalunkwe testijiet isiru fi żmien 3 xhur mit-talba tal-applikant”.

IL-FAJL TEKNIKU

90.

Skont l-Artikolu 18 u l-Anness VI tad-Direttiva 2008/57/KE, dikjarazzjoni “KE” ta' verifika għal sottosistema għandha tkun akkumpanjata minn fajl tekniku, inkluża d-dokumentazzjoni li tiddeskrivi s-sottosistema, id-dokumentazzjoni li tirriżulta mill-verifiki mwettqa mill-korpi ta' valutazzjoni differenti u d-dokumentazzjoni tal-elementi relatati mal-kundizzjonijiet u l-limiti tal-użu u mal-istruzzjonijiet li jikkonċernaw is-servizzjar, il-monitoraġġ kostanti jew ta' rutina, l-aġġustament u l-manutenzjoni. Il-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika jinkludi d-dokumenti ta' sostenn kollha li huma meħtieġa għall-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz.

91.

Proġett ta' vettura jew netwerk huwa kopert mill-fajl(s) tekniku/tekniċi li jakkumpanja(w) d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika tas-sottosistemi li huwa kompost minnhom.

92.

Diversi korpi tal-valutazzjoni jista' jkollhom bżonn jintervjenu fil-proċess ta' verifika ta' sottosistema, kull wieħed minnhom skont il-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenza tagħhom. L-applikant għandu jinżamm responsabbli għall-ġbir tal-fajls kollha meħtieġa mil-leġiżlazzjonijiet applikabbli kollha tal-UE. Il-kombinazzjoni ta' dawn il-fajls tekniċi, ikkumplimentata minn kull informazzjoni oħra meħtieġa mil-leġiżlazzjoni tal-UE (inklużi l-partiti speċifikati fl-Anness VI 2.4 tad-Direttiva 2008/57/KE), issir referenza għaliha bħala l-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE'” ta' verifika għas-sottosistema.

93.

L-applikant għal awtorizzazzjoni ta' tip jew awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' vettura għandu jipproduċi d-dokumentazzzjoni li għandha titressaq għal awtorizzazzjoni.

Din id-dokumentazzjoni għandha tinkludi l-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika magħmul mill-applikant għal dik is-sottosistema.

Fil-każ ta' vettura li tikkonsisti minn żewġ sottosistemi, id-dokumentazzjoni li għandha titressaq għall-awtorizzazzjoni għandha tinkludi ż-żewġ fajls tekniċi li jakkumpanjaw id-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika ta' dawn iż-żewġ sottosistemi.

Sakemm tiġi adottata r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni li tiddeskrivi l-kontenut tad-dokumentazzjoni li għandha titressaq mill-applikant, Stat Membru jista' jippermetti li parti biss mill-fajls tekniċi li jakkumpanjaw id-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika tkun inkluża fid-dokumentazzjoni li takkumpanja l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta' vettura jew tat-tip ta' vettura. Dan għandu jiġi indikat b'mod ċar fil-qafas legali nazzjonali tal-Istat Membru ppubblikat fuq il-websajt tal-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea.

Il-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika għal vettura, tip ta' vettura jew sottosistema għandu jinkludi l-informazzjoni kollha elenkata fl-Anness V u d-dokumentazzjoni li ssostni d-dikjarazzjonijiet “KE” ta' verifika (pereżempju; iċ-ċertifikati tal-verifika u l-fajls tekniċi stabbiliti mill-korpi nnotifikati u maħtura, noti ta' kalkolazzjoni, rekords tat-testijiet u l-eżamijiet imwettqa, u karatteristiċi tekniċi li għandhom jiġu rreġistrati skont it-TSIs applikabbli u r-regoli nazzjonali). L-informazzjoni mill-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika li mhix inkluża fid-dokumentazzjoni mressqa għall-awtorizzazzjoni għandha titpoġġa għad-disponibbiltà tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza rilevanti, jekk tintalab.

Id-dokumentazzjoni li takkumpanja l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' vettura għandha titressaq quddiem l-awtorità nazzjonali għas-sikurezza fil-ħin tal-awtorizzazzjoni u tinżamm mill-awtorità nazzjonali għas-sikurezza bħala rekord ta' x'kien ġie awtorizzat.

94.

Fejn jiġi segwit is-suġġeriment inkluż fir-rakkomandazzjoni 21, għandha tapplika r-rakkomandazzjoni 93, mutatis mutandis, għad-dokumentazzjoni li għandha titressaq għal awtorizzazzjoni ta' proġett ta' netwerk u l-fajls tekniċi li jakkumpanjaw id-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika(i) rilevanti.

95.

L-applikant għal awtorizzazzjoni addizzjonali għat-tqegħid ta' vettura fis-servizz għandu jżid mal-fajl tekniku oriġinali li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika l-informazzjoni mitluba fl-Artikolu 23(3) jew 25(3) tad-Direttiva 2008/57/KE; din l-informazzjoni addizzjonali hija parti mill-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza. Madankollu, l-applikant għandu jippreserva l-istruttura tal-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika.

96.

Il-parti tal-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika u li tiddefinixxi “l-elementi kollha relatati mal-kundizzjonijiet u l-limiti tal-użu u mal-istruzzjonijiet li jikkonċernaw is-servizzjar, il-monitoraġġ kostanti jew ta' rutina, l-aġġustament u l-manutenzjoni” għandha titpoġġa disponibbli, fir-rigward tal-proġetti tan-netwerk, għall-maniġer tal-infrastruttura u, fir-rigward tal-vetturi, għall-impriża ferrovjarja li topera l-vettura sabiex huma jkunu jistgħu jipprovduha lill-ECM. Għall-vetturi, din it-trażmissjoni tal-informazzjoni inkluża fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika tista' ssir mid-detentur tal-vetturi. Wara t-tqegħid fis-servizz, hija r-responsabbiltà tal-impriża ferrovjarja jew tal-maniġer tal-infrastruttura b'rabta ma' ECM, illi jirrevedu kontinwament l-interventi ta' manutenzjoni u jemendaw din l-informazzjoni sabiex jiżguraw li din tkun tirrifletti ċ-ċiklu tat-tħaddim u l-esperjenza miksuba (l-Artikoli 4 u 9 tad-Direttiva 2004/49/KE).

97.

Il-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi ġestit l-istat operattiv tad-disinn tal-vettura jew tal-proġett tan-netwerk matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

98.

Il-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika għandu jiġi aġġornat jekk jitwettqu verifiki addizzjonali (pereżempju; verifika tal-konformità mar-regoli nazzjonali għall-kisba ta' awtorizzazzjoni addizzjonali għat-tqegħid fis-servizz). Fil-każ ta' awtorizzazzjoni addizzjonali, l-applikant għandu jinforma lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li tkun ħarġet l-ewwel awtorizzazzjoni.

DIKJARAZZJONI “KE” TA' VERIFIKA

99.

Skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/57/KE u l-Artikolu 4(3) u 4(4) tad-Direttiva 2004/49/KE, hija r-responsabbiltà tal-impriżi ferrovjarji jew tal-maniġers tal-infrastruttura li jiżguraw li vettura jew sottosistema tissodisfa r-rekwiżiti essenzjali kollha meta tkun qiegħda tintuża. Dan huwa mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tal-parteċipanti l-oħrajn involuti (pereżempju; ir-responsabbiltajiet tal-firmatarju tad-dikjarazzjoni “KE” tal-verifika). Kull manifattur, fornitur tal-manutenzjoni, detentur tal-vaguni, fornitur tas-servizzi u entità tal-akkwist għandhom jiżguraw li l-vetturi ferrovjarji, l-installazzjonijiet, l-aċċessorji u t-tagħmir u s-servizzi fornuti minnhom ikunu konformi mar-rekwiżiti essenzjali u li l-kundizzjonijiet għall-użu jiġu speċifikati fil-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika sabiex huma jkunu jistgħu jintużaw b'mod sikur mill-impriża ferrovjarja u/jew mill-maniġer tal-infrastruttura.

100.

Ir-responsabbiltà sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti essenzjali tal-leġiżlazzjonijiet applikabbli kollha tal-UE jiġu ssodisfati f'kull dettall mis-sottosistemi fl-istat operattiv tad-disinn tagħhom hija biss tal-applikant għall-awtorizzazzjoni ta' sottosistema, li joħroġ id-dikjarazzjoni “KE” tal-verifika. Abbażi tal-verifika mill-korp innotifikat jew mill-korp maħtur u, fejn applikabbli, abbażi ta' valutazzjoni ġenerali tas-sottosistema jew tal-vettura, l-applikant jiddikjara li r-rekwiżiti essenzjali kollha ġew issodisfati. Għalhekk, jekk fi stadju aktar tard tiġi kkontestata l-konformità tas-sottosistema fl-istat operattiv tad-disinn tagħha mar-rekwiżiti essenzjali fil-mument tal-awtorizzazzjoni, l-applikant, illi jkun iffirma d-dikjarazzjoni “KE” rilevanti tal-verifika, għandu jitqies bħala dak li jġorr ir-responsabbiltà primarja.

101.

Bħala konsegwenza, la awtorizzazzjoni tat-tip u lanqas awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ma għandha titqies bħala trasferiment tar-responsabbiltà bil-għan li jiġi żgurat jew ivverifikat li s-sottosistema tissodisfa r-rekwiżiti essenzjali kollha mill-applikant lill-awtorità nazzjonali tas-sigurtà inkarigata mill-awtorizzazzjoni.

102.

Jekk tiġi kkontestata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali ta' sottosistema fl-istat operattiv tad-disinn tagħha, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza li tawtorizza għandha tinżamm responsabbli biss għall-kompiti speċifiċi allokati mill-Artikolu 16 tad-Direttiva 2004/49/KE lill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza inkarigata mill-awtorizzazzjoni jew mis-superviżjoni. Il-liġi nazzjonali għandha tirrifletti dan il-prinċipju skont ir-rakkomandazzjonijiet 58 sa 62 u 67.

103.

Indipendentement mill-verifika tal-konformità mat-TSIs u mar-regoli nazzjonali u mill-verifika tal-integrazzjoni sikura mwettqa skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/57/KE, l-applikant jiffirma d-dikjarazzjoni “KE” tal-verifika taħt ir-responsabbiltà waħdanija tiegħu. Għalhekk, l-applikant għandu jkollu proċess fis-seħħ sabiex jaċċerta li huwa jkun ġabar u ssodisfa r-rekwiżiti essenzjali kollha u kiseb konformità mal-leġiżlazzjonijiet applikabbli kollha tal-UE.

104.

Għalkemm is-CSM RA oriġinarjament ma ġiex żviluppat għal dak il-għan, l-applikant jista' jagħżel li juża l-metodoloġija fis-CSM RA bħala għodda sabiex jissodisfa parti mir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura li l-partijiet kollha tas-sottosistema/tal-vettura jissodisfaw, fl-aspetti kollha u f'kull dettall, ir-rekwiżiti essenzjali għas-sistema ferrovjarja stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2008/57/KE.

105.

Bl-istess mod, l-applikant jista' jagħżel li juża kwalunkwe mezz ieħor permess mil-leġiżlazzjoni rilevanti sabiex jiżgura li l-partijiet kollha tas-sottosistema jew tal-vettura jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali għas-sistema ferrovjarja.

106.

Id-dikjarazzjoni “KE” tal-verifika tkopri l-leġiżlazzjonijiet applikabbli kollha tal-UE. Hija r-responsabbiltà tal-firmatarju tad-dikjarazzjoni “KE” li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni, inkluża l-valutazzjoni tal-konformità korrispondenti, kif ukoll li jinvolvi, fejn ikun meħtieġ, lill-korpi tal-valutazzjoni meħtieġa minn dik il-leġiżlazzjoni.

107.

Fil-każ ta' awtorizzazzjoni relatata ma' vetturi jew proġett ta' netwerk li jkunu jikkonsistu minn aktar minn sottosistema waħda:

(a)

jista' jkun hemm aktar minn applikant wieħed (wieħed għal kull sottosistema), li kull wieħed jistabbilixxi dikjarazzjoni “KE” tal-verifika għall-parti tiegħu, inklużi l-interfaċċji tiegħu. F'dan il-każ, kull applikant jerfa' r-responsabbiltà għas-sottosistema rilevanti skont il-kamp ta' applikazzjoni tad-dikjarazzjoni “KE” tal-verifika tiegħu. Manifattur jew entità kontraenti jistgħu jikkombinaw dawn iż-żewġ dikjarazzjonijiet f'applikazzjoni għal vettura jew proġett ta' netwerk;

(b)

il-manifattur jew l-entità kontraenti għat-tip ta' vettura, għal vettura individwali jew għal proġett ta' netwerk jistgħu jikkombinaw id-dikjarazzjonijiet “KE” tal-verifika għal kull sottosistema, kif deskritt fl-Anness V tad-Direttiva 2008/57/KE, f'dikjarazzjoni “KE” ta' verifika waħda għat-tip ta' vettura, għal vettura individwali jew għal proġett ta' netwerk. F'dan il-każ, huwa jiddikjara, taħt ir-responsabbiltà waħdanija tiegħu, illi s-sottosistemi li jikkomprendu t-tip ta' vettura, vettura individwali jew proġett ta' netwerk kkonċernati kienu soġġetti għall-proċeduri ta' verifika rilevanti u li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea rilevanti, inklużi kwalunkwe regoli nazzjonali applikabbli, kif ukoll li l-vettura nnifisha jew il-proġett ta' netwerk innifsu fil-fatt jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea rilevanti, inklużi kwalunkwe regoli nazzjonali applikabbli.

108.

Bil-għan li jistabbilixxu dikjarazzjoni “KE” tal-verifika, it-TSIs rilevanti jistgħu jippermettu konformità parzjali ma' TSI biss jekk it-TSI nnifisha tistabbilixxi li l-funzjonijiet, il-prestazzjonijiet u l-interfaċċji speċifiċi, illi huma meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali, mhumiex obbligatorji f'ċirkostanzi speċifiċi.

109.

Huwa biss meta jinġabru l-evidenza u d-dikjarazzjonijiet preċedenti kollha li l-applikant ikun f'pożizzjoni li japplika formalment quddiem l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza kompetenti għal awtorizzazzjoni għat-tqegħid tas-sottosistema fis-servizz. Madankollu, hija rikonoxxuta bħala prattika tajba għall-applikanti li jikkollaboraw b'mod informali u mill-aktar fis possibbli mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza sabiex il-proċess, ir-rekwiżiti, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet, il-kamp ta' applikazzjoni u l-limitazzjonijiet, kif ukoll il-kundizzjonijiet tal-użu jkunu ċari u bil-għan li ma jinqalgħux diffikultajiet aktar tard.

IL-ĠESTJONI TAL-MODIFIKI

110.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 5(2), 15(3) u 20 tad-Direttiva 2008/57/KE, kwalunkwe modifika ta' sottosistema strutturali eżistenti għandha tiġi analizzata u kkategorizzata biss bħala waħda mill-modifiki li ġejjin:

1.

“Sostituzzjoni fil-qafas tal-manutenzjoni” u bidliet oħrajn li ma jintroduċu ebda devjazzjoni mill-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika. F'dan il-każ, ma jkun hemm ebda ħtieġa għal verifika minn korp ta' valutazzjoni, l-Istat Membru ma hemmx bżonn jiġi informat u d-dikjarazzjoni “KE” inizjali ta' verifika tibqa' valida u ma tinbidilx;

2.

Bidliet li jintroduċu devjazzjoni mill-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika li jistgħu jirrikjedu kontrolli ġodda (u għalhekk jirrikjedu verifika skont il-moduli ta' valutazzjoni tal-konformità applikabbli), iżda li ma għandhomx impatt fuq il-karatteristiċi bażiċi tad-disinn tas-sottosistema. F'dan il-każ, il-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika jrid jiġi aġġornat u l-informazzjoni rilevanti għandha titpoġġa disponibbli fuq talba mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza;

3.

Tiġdid jew aġġornar (jiġifieri sostituzzjoni jew bidla maġġuri li titlob li l-Istat Membru jiġi informat) li ma jirrikjedix awtorizzazzjoni ġdida għat-tqegħid fis-servizz; modifiki li jinkludu bidla fil-karatteristiċi bażiċi tad-disinn tas-sottosistema jaqgħu f'din il-kategorija;

4.

Tiġdid jew aġġornar (jiġifieri sostituzzjoni jew bidla maġġuri li titlob li l-Istat Membru jiġi informat) li jirrikjedi awtorizzazzjoni ġdida għat-tqegħid fis-servizz.

Għandu jiġi nnotat li d-deċiżjonijiet meħuda minn entità kontraenti jew manifattur dwar il-bidliet ta' sottosistema abbażi tal-erba' kategoriji msemmija fuq għandhom ikunu kompletament indipendenti mid-deċiżjoni dwar is-sinjifikat ta' bidla fis-sens tas-CSM RA għas-sistema ferrovjarja li għandha tittieħed minn impriża ferrovjarja jew maniġer tal-infrastruttura li jagħmlu bidla fil-parti tagħhom tas-sistema. Id-deċiżjonijiet jinvolvu atturi differenti f'ċirkostanzi differenti bi kriterji differenti relatati mad-deċiżjonijiet.

Il-kategoriji 3 u 4 ta' hawn fuq jintroduċu devjazzjoni mill-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika b'impatt fuq il-karatteristiċi bażiċi tad-disinn tas-sottosistema.

111.

Kemm għas-sottosistemi mqiegħda fis-servizz skont id-Direttiva 2008/57/KE kif ukoll għas-sistema mqiegħda fis-servizz qabel għall-finijiet taċ-ċertezza legali u r-rikonoxximent reċiproku, it-TSIs għandhom jipprovdu l-kriterji sabiex jistabbilixxu jekk modifika għandhiex impatt fuq il-karatteristiċi bażiċi tad-disinn tas-sottosistema u jekk din toqgħodx fil-kategorija 3 jew 4. Sakemm it-TSIs jipprovdu dawn il-kriterji, l-Istati Membri jistgħu jispeċifikawhom fuq livell nazzjonali.

112.

Il-modifika għandha dejjem tiġi kkunsidrata b'referenza għas-sottosistema jew għall-vettura fil-mument tal-awtorizzazzjoni. Akkumulazzjoni ta' modifiki minuri tista' tirriżulta f'modifika maġġuri.

113.

Il-manifatturi jew l-entitajiet kontraenti għandhom jiġġestixxu l-modifiki għas-sottosistemi strutturali eżistenti abbażi ta' dan li ġej:

(a)

Abbażi tar-rakkomandazzjoni 110, il-manifattur jew l-entità kontraenti jevalwaw għal liema kategorija tappartjeni l-bidla u jekk il-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhomx jiġu informati. F'każ ta' modifiki tal-kategoriji minn 2 sa 4 tar-rakkomandazzjoni 110 li jirriżultaw f'emenda tal-fajl tekniku li jakkumpanja d-dikjarazzjoni “KE” ta' verifika jew li jaffettwaw il-validità tal-verifiki diġà mwettqa, il-manifattur jew l-entità kontraenti, meta jintroduċu bidla, għandhom jivvalutaw il-ħtieġa ta' dikjarazzjoni “KE” tal-verifika ġdida skont il-kriterji definiti fil-paragrafu 2 tal-Anness V tad-Direttiva 2008/57/KE (12). Għall-modifiki fil-kategorija 4, l-Istat Membru għandu jiddeċiedi sa liema punt jeħtieġ li jiġu applikati t-TSIs għall-proġett.

(b)

Meta jintalab l-użu tas-CSM RA minn TSI għal parametru partikolari, it-TSI għandu jispeċifika ċ-ċirkustanzi li fihom għandu jitwettaq test tas-sinifikat fir-rigward ta' dan il-parametru.

(c)

Bl-istess mod, għall-parametri li huma rilevanti għat-twettiq tal-integrazzjoni sikura bħala parti mill-awtorizzazzjoni skont ir-rakkomandazzjoni 40 ta' hawn fuq, għandu jitwettaq test tas-sinjifikat għal kull parametru b'kunsiderazzjoni tal-firxa tal-bidla li tikkonċerna l-istat operattiv tad-disinn.

114.

L-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura huma kull wieħed u waħda minnhom responsabbli għall-parti tagħhom tas-sistema ferrovjarja. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/49/KE, huma għandhom jiġġestixxu l-parti tagħhom tas-sistema ferrovjarja bl-użu ta' SMS. Fejn xieraq, l-SMS għandha tagħmel użu mis-CSM RA.

115.

Meta impriża ferrovjarja jew maniġer tal-infrastruttura jqiegħdu vettura jew sottosistema fl-użu, huma għandhom jużaw is-CSM RA, billi jibdew b'valutazzjoni tas-sinjifikat tal-bidla fil-parti tas-sistema ferrovjarja li għaliha huma responsabbli. Bħala parti minn dan il-proċess, l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jindirizzaw il-mistoqsijiet li ġejjin:

(a)

fir-rigward tal-vetturi jew tas-sottosistemi li għandhom (jerġgħu) jibdew jintużaw wara modifika u, fejn meħtieġ, awtorizzazzjoni: l-impriża ferrovjarja u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jivvalutaw, bl-użu tal-SMS tagħhom, jekk it-tqegħid fl-użu tal-vettura jew tas-sottosistema jirrappreżentax bidla li hija sinifikanti għas-sistema ferrovjarja b'mod ġenerali;

(b)

fir-rigward ta' kwalunkwe bidla fl-operat ta' sottosistema jew vettura: l-impriża ferrovjarja u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jivvalutaw jekk il-bidla hijiex sinifikanti fir-rigward tal-SMS tagħhom u, jekk hija sinifikanti, jekk il-kontroll tar-riskji rilevanti kollha huwiex kopert mill-SMS jew l-SMSs u jekk għandux bżonn jiġi adattat;

(c)

fir-rigward ta' kwalunkwe bidliet fil-manutenzjoni ta' sottosistema jew vettura: l-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jivvalutaw, bl-użu tal-SMS tagħhom, jekk il-bidla hijiex sinifikanti u, jekk hija sinifikanti, jiżguraw li s-sistemi ta' manutenzjoni tal-ECMs u l-SMS tal-impriża ferrovjarja u tal-maniġer tal-infrastruttura huma adattati kif xieraq.

116.

L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jissorveljaw il-bidliet introdotti fis-sottosistemi fis-servizz permezz tas-sorveljanza tal-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza u ċ-ċertifikati tas-sikurezza tal-maniġers tal-infrastruttura u tal-impriżi ferrovjarji, rispettivament. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jissorveljaw jekk l-inċiżi (a), (b) u (c) tar-rakkomandazzjoni 115 humiex applikati b'mod korrett.

117.

Ir-Rakkomandazzjoni 2011/217/KE hija rrevokata.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1).

(2)  Id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzji tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija) (ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/217/UE tad-29 ta' Marzu 2011 dwar l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi u sottosistemi strutturali skont id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 95, 8.4.2011, p. 1).

(4)  Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 402/2013 tat-30 ta' April 2013 dwar il-metodu komuni ta' sikurezza għall-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 352/2009 (ĠU L 121, 3.5.2013, p. 11).

(5)  Id-Direttiva 2008/57/KE tistabbilixxi fl-Anness III ir-rekwiżiti essenzjali għas-sistema tal-linji tal-ferrovija (l-Artikolu 3(1)). Dawn ir-rekwiżiti huma speċifiċi għas-settur ferrovjarju. Is-sistema tal-linji tal-ferrovija, is-sottosistemi, il-kostitwenti tal-interoperabilità u l-interfaċċji kollha għandhom jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti essenzjali (l-Artikolu 4(1)). L-issodisfar tar-rekwiżiti essenzjali huwa prerekwiżit qabel tkun tista' titqiegħed fis-servizz kwalunkwe sottosistema strutturali. Il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2008/57/KE hija mingħajr ħsara għall-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet oħrajn tal-UE (l-Artikolu 3(2)).

(6)  It-territorju ta' Stat Membru jista' jinkludi netwerk ferrovjarju wieħed jew aktar.

(7)  Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2001 dwar l-allokazzjoni ta' kapaċità ta' infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta' piżijiet għall-użu ta' infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (ĠU L 75, 15.3.2001, p. 29).

(8)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 352/2009 tal-24 ta' April 2009 dwar l-adozzjoni ta' metodu komuni tas-sikurezza dwar l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji (ĠU L 108, 29.4.2009, p. 4). Dan ir-Regolament se jiġi rrevokat u sostitwit mill-21 ta' Mejju 2015 mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 402/2013.

(9)  Dan sejjer jiġi sostitwit mill-Artikolu 15(5) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 402/2013, li għandu jibda japplika mill-21 ta' Mejju 2015.

(10)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1078/2012 tas-16 ta' Novembru 2012 dwar metodu komuni ta' sikurezza għall-monitoraġġ li għandu jiġi applikat mill-impriżi ferrovjarji u l-maniġers tal-infrastruttura wara li jirċievu ċertifikat tas-sikurezza jew awtorizzazzjoni tas- sikurezza u minn entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni (ĠU L 320, 17.11.2012, p. 8).

(11)  Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l-istandards u tar-regolamenti tekniċi (ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37).

(12)  Ara l-proposta separata sabiex jiġi emendat l-Anness V tad-Direttiva 2008/57/KE


Top