EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0020

2014/20/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 23 ta’ Settembru 2013 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita

OJ L 15, 20.1.2014, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/20(1)/oj

Related international agreement

20.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 15/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-23 ta’ Settembru 2013

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita

(2014/20/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tad-29 ta' Ġunju 2010, il-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, awtorizzaw lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Isvizzera għall-istabbiliment ta' Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar in-Navigazzjoni bis-Satellita ("il-Ftehim").

(2)

Il-Ftehim ġie nnegozjat mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(3)

Il-Ftehim ta' kooperazzjoni jippermetti l-parteċipazzjoni tal-Isvizzera fil-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita. Min-naħa tagħha, l-Isvizzera ser tikkontribwixxi finanzjarjament ta' dawk il-programmi.

(4)

In-negozjati ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fis-6 ta' Marzu 2013 mill-Kummissjoni u fit-12 ta' Marzu 2013 mill-Konfederazzjoni Svizzera.

(5)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(6)

Bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni immedjata u l-parteċipazzjoni xierqa tal-Isvizzera fil-programmi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita, l-elementi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni għandhom jiġu applikati b'mod proviżorju skont l-Artikolu 27(2) tal-Ftehim.

(7)

Skont l-Artikolu 27(1), il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-proċeduri interni tagħhom.

(8)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt għandha tiġi adottata mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, sa fejn il-Kumitat ikun imsejjaħ jadotta atti li għandhom effetti legali jew deċiżjonijiet li jissospendu l-applikazzjoni tal-Ftehim.

(9)

Barra minn hekk, għal kwistjonijiet li għandhom jiġu ttrattati mill-Kumitat Konġunt li m'għandhomx effetti legali, il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-pożizzjoni tal-Unjoni mal-Istati Membri.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-Programmi Ewropej tan-Navigazzjoni bis-Satellita hija b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim inkwistjoni.

It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna/i bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja, skont l-Artikolu 27(2) tiegħu, sakemm jiġu kkompletati l-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu (1).

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 27(2) tal-Ftehim.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

V. JUKNA


(1)  Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat proviżorjament ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


Top