Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1408

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1408/2013 tat- 18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura

OJ L 352, 24.12.2013, p. 9–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1408/oj

24.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 352/9


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1408/2013

tat-18 ta’ Diċembru 2013

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tal-agrikoltura

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(4) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali (1),

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament (2),

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat,

Billi:

(1)

Il-finanzjament tal-Istat li jissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u jeħtieġ li jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat. Madanakollu, skont l-Artikolu 109 tat-Trattat, il-Kunsill jista’ jiddetermina kategoriji ta’ għajnuna li huma eżentati minn dan ir-rekwiżit ta’ notifika. F’konformità mal-Artikolu 108(4) tat-Trattat il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti rigward dawk il-kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat. Bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 994/98 il-Kunsill iddeċieda, f’konformità mal-Artikolu 109 tat-Trattat, li l-għajnuna de minimis tista’ tikkostitwixxi kategorija ta’ dak it-tip. Fuq dik il-bażi, hu meqjus li l-għajnuna de minimis, li hija għajnuna mogħtija lil impriża unika fuq perjodu mogħti ta’ żmien u li ma tkunx iktar minn ammont fiss, li ma tissodisfax il-kriterji kollha stipulati fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk mhix soġġetta għall-proċedura ta’ notifika.

(2)

Il-Kummissjoni, f’diversi Deċiżjonijet, ikkjarifikat il-kunċett ta’ għajnuna, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni stqarret ukoll il-politika tagħha rigward limitu de minimis li taħtu l-Artikolu 107(1) tat-Trattat jista’ jitqies li ma japplikax, għall-ewwel fl-avviż tagħha dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (3) u sussegwentement fir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 (4) u (KE) Nru 1998/2006 (5). Fid-dawl tar-regoli speċjali li japplikaw fis-settur agrikolu u tar-riskju li anki livelli baxxi ta’ għajnuna jistgħu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat, is-settur agrikolu jew partijiet minnu ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti. Il-Kummissjoni diġà adottat għadd ta’ Regolamenti li jipprovdu regoli dwar l-għajnuna de minimis mogħtija fis-settur tal-agrikoltura, li l-aħħar wieħed minnhom kien ir-Regolament (KE) Nru 1535/2007 (6). Fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007, huwa xieraq li jiġu riveduti xi wħud mill-kundizzjonijiet stipulati f’dak ir-Regolament u li jiġi sostitwit.

(3)

Fid-dawl tal-esperjenza tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007, l-ammont massimu ta’ għajnuna għal impriża waħda fuq perjodu ta’ tliet snin għandu jiżdied għal EUR 15 000 u l-limitu nazzjonali għandu jiżdied għal 1 % tal-produzzjoni annwali. Dawk il-limiti massimi ġodda jibqgħu meħtieġa sabiex jiżguraw li kwalunkwe miżura li taqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament tista’ titqies li ma għandha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma tfixkilx jew ma tkunx ta’ theddida li tfixkel il-kompetizzjoni.

(4)

Għall-iskopijiet tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stabbiliti fit-Trattat, impriża hija entità involuta f’attività ekonomika, indipendentement mill-istat legali tagħha u mill-mod ta’ kif hija ffinanzjata (7). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-entitajiet kollha li huma kkontrollati (fuq bażi legali jew fuq bażi de facto) mill-istess entità għandhom jitqiesu bħala impriża unika (8). Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, dan ir-Regolament għandu jipprovdi lista eżawrjenti ta’ kriterji ċari li permezz tagħhom jiġi ddeterminat meta żewġ intrapriżi jew aktar fl-istess Stat Membru għandhom jitqiesu bħala impriża waħda. Il-Kummissjoni għażlet, minn fost il-kriterji stipulati sew li jiddefinixxu “intrapriżi marbuta” fid-definizzjoni ta’ intrapriżi żgħar jew ta’ daqs medju (SMEs) fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nru 2003/361/KE (9) u fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (10), dawk il-kriterji li huma xierqa għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-kriterji huma diġà familjari mal-awtoritajiet pubbliċi u għandhom ikunu applikabbli, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kemm għall-SMEs kif ukoll għal impriżi kbar. Dawk il-kriterji għandhom jiżguraw li grupp ta’ intrapriżi marbuta huwa meqjus bħala impriża unika għall-applikazzjoni tar-regola de minimis, iżda li intrapriżi li mhumiex relatati ħlief għal fatt li kull waħda minnhom għandha rabta diretta mal-istess korp jew korpi pubbliċi, ma jiġux ittrattati bħala relatati. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni speċifika tal-intrapriżi kkontrollati mill-istess korp jew korpi pubbliċi, li jistgħu jkollhom is-setgħa li jiddeċiedu b’mod indipendenti, qed tiġi kkunsidrata. Bl-istess mod, dawn il-kriterji għandhom jiżguraw li l-membri individwali ta’ persuna ġuridika jew grupp ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jkunux, għal dik ir-raġuni biss, meqjusa bħala relatati meta l-liġi nazzjonali tipprevedi li dawk il-membri individwali jassumu d-drittijiet u l-obbligi li jistgħu jitqabblu ma’ dawk tal-bdiewa individwali li għandhom l-istatus ta’ kap tal-azjenda, b’mod partikolari fir-rigward tal-istatus ekonomiku, soċjali u tat-taxxa tagħhom u meta dawk il-membri individwali jkunu taw sehem biex isaħħu l-istrutturi agrikoli tal-persuni ġuridiċi jew gruppi kkonċernati.

(5)

Meta jitqies ix-xebħ bejn l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli u l-prodotti mhux agrikoli, l-ipproċessar u t-tqegħid fis-suq tal-prodotti agrikoli ġew inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 (11).

(6)

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbilixxiet li, ladarba l-Unjoni lleġiżlat favur it-twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq f’settur partikolari tal-agrikoltura, l-Istati Membri huma obbligati li jastjenu milli jieħdu kwalunkwe miżura li tista’ ddgħajjifha jew toħloq eċċezzjonijiet għaliha (12). Għal dik ir-raġuni, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna li l-ammont tagħha huwa stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew il-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq. Anqas ma għandu japplika għal appoġġ marbut ma’ obbligu ta’ kondiviżjoni ta’ għajnuna ma’ produtturi primarji.

(7)

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal għajnuna għall-esportazzjoni jew għajnuna suġġetta għall-użu ta’ prodotti domestiċi fuq dawk importati. B’mod partikolari, ma għandux japplika għal għajnuna li tiffinanzja t-twaqqif u t-tħaddim ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni f’pajjiżi terzi jew Stati Membri oħra. Għajnuna għall-spejjeż ta’ parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali, jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew li diġà jeżisti f’suq ġdid fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz ma titqiesx li hija għajnuna għall-esportazzjoni.

(8)

Il-perjodu ta’ tliet snin, li għandu jiġi kkunsidrat għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi vvalutat fuq bażi ta’ rotazzjoni b’tali mod li, għal kull għotja ta’ għajnuna de minimis, l-ammont totali ta’ għajnuna de minimis li jingħata fis-sena fiskali kkonċernata u matul is-sentejn fiskali ta’ qabel jeħtieġ li jittieħed inkonsiderazzjoni.

(9)

Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u hi ukoll attiva f’setturi oħra jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dawk is-setturi jew l-attivitajiet oħra, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.

(10)

Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 (13) għandu japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward tas-settur tal-aħħar, dejjem jekk l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni bejn l-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.

(11)

Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli li jiżguraw li ma jkunx possibbli li jiġu evitati l-intensitajiet massimi tal-għajnuna stipulati f’Regolamenti speċifiċi jew f’deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. Għandu jistipula wkoll regoli ċari dwar l-akkumulazzjoni li huma faċli biex jiġu applikati.

(12)

Dan ir-Regolament ma jeskludix il-possibbiltà li miżura tista’ ma titqiesx bħala għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat minħabba raġunijiet oħra minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament, pereżempju minħabba li l-miżura tikkonforma mal-prinċipju tal-operatur tal-ekonomija tas-suq jew minħabba li l-miżura ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. B’mod partikulari, aktar finanzjament tal-Unjoni amministrat ċentralment mill-Kummissjoni u li mhux direttament jew indirettament taħt il-kontroll tal-Istat Membru, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat u ma għandux jittieħed inkonsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat jekk il-limitu massimu rilevanti jew il-limitu nazzjonali hux qed jiġi rispettat.

(13)

Għall-iskopijiet ta’ trasparenza, trattament ugwali u monitoraġġ effettiv, dan ir-Regolament għandu japplika biss għall-għajnuna de minimis li għaliha jkun possibbli li tiġi kkalkulata bi preċiżjoni l-għotja grossa ekwivalenti ex ante mingħajr il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”). Kalkolu preċiż bħal dan, pereżempju, jista’ isir għal għotjiet, sussidji fuq ir-rata tal-imgħax, eżenzjonijiet limitati tat-taxxa jew strumenti oħra li jiffissaw limitu li jiżgura li l-limitu rilevanti ma jinqabiżx. L-iffissar ta’ limitu jimplika li sakemm l-ammont preċiż tal-għajnuna mhuwiex magħruf jew għadu mhux magħruf, l-Istat Membru jkollu jassumi li l-ammont huwa daqs il-limitu sabiex ikun żgurat li bosta miżuri ta’ għajnuna flimkien ma jaqbżux il-limitu stabbilit f’dan ir-Regolament u li jiġu applikati r-regoli dwar l-akkumulazzjoni.

(14)

L-Istati Membri kollha għandhom japplikaw l-istess metodu ta’ kalkolu, sabiex ikun hemm trasparenza, trattament ugwali u applikazzjoni korretta tal-limitu de minimis. Biex jiġi ffaċilitat il-kalkolu, jeħtieġ li l-ammont tal-għajnuna mogħtija mhux skont fil-forma ta’ għotja ta’ flus kontanti jkun konvertit fl-ekwivalenti ta’ għotja grossa ekwivalenti. Il-kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti fir-rigward ta’ tipi trasparenti ta’ għajnuna barra minn għotjiet jew ta’ għajnuna li tkun pagabbli f’għadd ta’ pagamenti jeħtieġ li jiġu użati ta’ rati ta’ imgħax tas-suq li jkunu qed jintużaw fil-mument li tkun ingħatat tali għajnuna. Bil-għan li jkun hemm applikazzjoni uniformi, trasparenti u sempliċi tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament ir-rati tal-imgħax tas-suq applikabbli għandhom ikunu r-rati ta’ referenza, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (14).

(15)

L-għajnuna fil-forma ta’ self, inkluż l-għajnuna għal finanzjament ta’ riskju de minimis li tieħu l-forma ta’ self għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata abbażi ta’ rati attwali ta’ imgħax tas-suq fil-mument li fih tingħata l-għotja. Bil-għan li l-ipproċessar ta’ self żgħir fuq tul ta’ żmien qasir jiġi ssimplifikat, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola ċara li tiġi faċilment applikata u li tqis kemm l-ammont tas-self kif ukoll it-tul ta’ żmien tiegħu. Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni, self assikurat b’garanzija li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u li ma jkunx iktar minn ’ EUR 75 000 fuq perjodu ta’ ħames snin jew EUR 37 500 fuq perjodu ta’ għaxar snin, jista’ jitqies li l-għotja grossa ekwivalenti tiegħu ma tkunx iktar mil-limitu de minimis massimu. Minħabba d-diffikultajiet biex tiġi kkalkulata l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna mogħtija lil impriżi li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsu lura s-self, din ir-regola m’għandhiex tapplika għal dawk l-impriżi.

(16)

L-għajnuna inkluża f’injezzjonijiet ta’ kapital ma għandhiex titqies għajnuna de minimis trasparenti, ħlief jekk l-ammont totali ta’ injezzjoni pubblika ma jaqbiżx il-limitu de minimis. Għajnuna inkluża f’miżuri ta’ finanzjament ta’ riskju li jieħdu l-forma ta’ investimenti f’ ishma jew fi quasi-ishma, kif imsemmi fil-linji gwida dwar finanzjament ta’ riskju (15), ma għandhiex titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, ħlief jekk il-kapital ipprovdut mill miżura kkonċernata ma jaqbiżx il-limitu de minimis.

(17)

Għajnuna li tikkonsisti f’garanziji, inkluż l-għajnuna de minimis għal finanzjament ta’ riskju li tikkonsisti f’garanziji, għandha titqies li tkun trasparenti jekk l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi ta’ primjums eżentati stipulati f’Avviż tal-Garanzija (16). Bil-għan li l-ipproċessar ta’ garanziji fuq tul ta’ żmien qasir li jiggarantixxi sa 80 % ta’ self relattivament żgħir jiġi ssimplifikat, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regola ċara li tiġi faċilment applikata u li tqis kemm l-ammont tal-garanziji kif ukoll it-tul ta’ żmien tiegħu. Din ir-regola m’għandhiex tapplika għal dawk il-garanziji fuq tranżazzjonijiet sottostanti li mhumiex self, bħal garanziji għal tranżazzjonijiet ta’ ishma. Fejn il-garanzija ma tkunx iktar minn 80 % tas-self sottostanti, l-ammont garantit ma tkunx iktar minn EUR 112 500 u t-tul ta’ żmien tal-garanziji ma jkunx iktar minn ħames snin il-garanzija tista’ tiġi kkunsidrata li għandha għotja grossa ekwivalenti li ma taqbiżx il-limitu de minimis. L-istess japplika fejn il-garanzija ma tkunx iktar minn 80 % tas-self sottostanti, l-ammont garantit ma jkunx iktar minn EUR 56 250 u t-tul ta’ żmien tal-garanzija ma jkunx iktar minn għaxar snin. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jużaw metodoloġija biex jikkalkulaw l-għotja grossa ekwivalenti tal-garanziji li jkunu ġew innotifikati lill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ Regolament ieħor tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f’dak iż-żmien, li l-Kummissjoni tkun aċċettatu bħala konformi mal-Avviż dwar il-Garanziji, jew skont kwalunkwe avviż suċċessiv, sakemm il-metodoloġija aċċettata tindirizza b’mod espliċitu t-tip ta’ garanzija u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Minħabba d-diffikultajiet biex tiġi kkalkulata l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna mogħtija lil impriżi li jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jħallsu lura s-self, din ir-regola m’għandhiex tapplika għal dawk l-impriżi.

(18)

Fejn tiġi implimentata skema ta’ għajnuna de minimis permezz ta’ intermedjarji finanzjarji, għandu jkun żgurat li dawk tal-aħħar ma jirċevu l-ebda għajnuna mill-Istat. Dan jista’ jiġi żgurat, pereżempju billi l-intermedjarji li jibbenefikaw minn garanzija mill-Istat jintalbu jħallsu primjum li jkun konformi mas-suq jew li jittrasferixxu kompletament kwalunkwe vantaġġ lill-benefiċjarji finali, jew biex jirrispettaw il-limitu de minimis u kundizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament anki fil-livell tal-intermedjarji.

(19)

Wara li ssir notifika minn Stat Membru, il-Kummissjoni tista’ teżamina jekk miżura li ma tikkonsistix minn għotja, self, garanzija, injezzjoni ta’ kapital jew miżuri ta’ finanzjament ta’ riskju fil-forma ta’ investiment ta’ ishma jew quais-ishma, twassalx għal għotja grossa ekwivalenti li ma taqbiżx il-limitu de minimis u tista’ għalhekk tidħol fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(20)

Il-Kummissjoni għandha d-dover li tiżgura li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jiġu mħarsa u jkunu konformi mal-prinċipju ta’ koperazzjoni fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq ta’ dan il-kompitu billi jistabbilixxu l-għodod meħtieġa sabiex jiżguraw li l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-istess impriża taħt ir-regola de minimis ma jaqbiżx il-limitu massimu kumplessiv permissibbli. Għal dak il-għan, meta jagħtu għajnuna de minimis, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-impriża kkonċernata bl-ammont ta’ għajnuna de minimis mogħtija u l-karattru de minimis tagħha, u għandhom jagħmlu referenza espliċita għal dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jagħmlu monitoraġġ tal-għajnuna mogħtija sabiex jiġi żgurat li l-limiti massimi rilevanti ma jinqabżux u li r-regoli tal-kumulazzjoni jiġu rispettati. Sabiex dik l-obbligazzjoni tiġi rispettata, qabel l-għoti ta’ għajnuna bħal din, l-Istat Membru kkonċernat għandu jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża dwar għajnuna oħra de minimis koperta minn dan ir-Regolament jew minn regolamenti de minimis oħra li rċeviet matul is-sena fiskali kkonċernata jew is-sentejn fiskali ta’ qabel. Jew inkella għandu jkun possibbli għall-Istati Membri lijistabbilixxi reġistru ċentrali bl-informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna de minimis mogħtija u jivverifikaw li kull għotja ġdida ta’ għajnuna ma taqbiżx il-limitu massimu relevanti.

(21)

Qabel ma tingħata għajnuna de minimis ġdida kull Stat Membru għandu jivverifika li f’dak l-Istat Membru la l-limitu massimu de minimis u lanqas il-limitu nazzjonali ma jinqabżux minħabba l-għajnuna de minimis ġdida u li l-kundizzjonijiet l-oħrajn ta’ dan ir-Regolament jiġu rispettati.

(22)

Wara li tiġi kkunsidrata l-esperjenza tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari l-frekwenza li biha huwa ġeneralment meħtieġ li tiġi riveduta l-politika tal-għajnuna mill-Istat, ikun xieraq li jiġi limitat il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk dan ir-Regolament jiskadi mingħajr ma jkun ġie estiż, l-Istati Membri għandu jkollhom perjodu ta’ aġġustament ta’ sitt xhur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna de minimis koperta minn dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli, ħlief għal:

(a)

għajnuna, li l-ammont tagħha huwa ffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mqiegħda fis-suq;

(b)

għajnuna għal attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, l-aktar għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u l-operazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew ma’ nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività ta’ esportazzjoni;

(c)

l-għajnuna suġġetta għall-użu tal-prodotti nazzjonali fuq prodotti importati.

2.   Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u hija attiva wkoll f’settur wieħed jew faktar jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dak ir-Regolament japplika għall-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ dawk is-setturi jew attivitajiet, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat jiżgura li b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.

3.   Fejn impriża hija attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 875/2007 għandhom japplikaw għall-għajnuna mogħtija fir-rigward tas-settur tal-aħħar, dejjem jekk l-Istati Membru kkonċernat jiżgura, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet u d-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dak ir-Regolament.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, “prodotti agrikoli” tfisser prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura koperti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (17).

2.   “Impriża waħda”, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, tinkludi l-intrapriżi kollha li li jkollhom bejniethom mill-inqas waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin:

(a)

intrapriża waħda li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’intrapriża oħra;

(b)

intrapriża waħda li jkollha d-dritt li taħtar jew li tneħħi l-maġġoranza tal-membri tal-korp amministrattiv, ta’ ġestjoni jew regolatorju ta’ intrapriża oħra;

(c)

intrapriża waħda li jkollha d-dritt li teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt li tkun daħlet fih flimkien ma’ dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni fil-memorandum jew l-artikoli ta’ assoċċjazzjoni tagħha;

(d)

intrapriża waħda, li hija azzjonist fi jew membru ta’ intrapriża oħra, tikkontrolla waħidha, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra fi jew membri ta’ dik l-intrapriża, maġġoranza ta’ drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew il-membri f’dik l-intrapriża.

L-intrapriżi li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu permezz ta’ intrapriża waħda jew aktar, għandhom ukoll jitqiesu bħala impriża waħda.

Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.   Il-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’ dan ir-Regolament.

2.   L-ammont totali ta’ għajnuna de minimis mogħtija lil impriża waħda ma għandux jaqbeż EUR 15 000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali.

3.   L-ammont kumulattiv tal-għajnuna de minimis mogħtija minn kull Stat Membru lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli fuq perjodu ta’ tliet snin fiskali ma għandhiex tkun iktar mill-limitu nazzjonali stipulat fl-Anness.

4.   L-għajnuna de minimis għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li l-impriża tingħata d-dritt legali biex tirċievi dik l-għajnuna taħt ir-reġim nazzjonali legali applikabbli, irrispettivament mid-data tal-pagament tal-għajnuna de minimis lill-impriża.

5.   Il-limitu stipulat fil-paragrafu 2 u l-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3 għandhom japplikaw indipendentement mit-tip ta’ għajnuna de minimis jew l-għan ta’ dik l-għajnuna, indipendentement minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex iffinanzjata kompletament jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw mill-Unjoni. Il-perjodu ta’ tliet snin fiskali jiġi ddeterminat b’referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.

6.   Għar-raġunijiet tal-limitu stipulat fil-paragrafu 2 u l-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3, kull għajnuna għandha tkun espressa bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ xi tariffi oħra. Fejn għajnuna tingħata f’forma oħra differenti minn għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna.

Għajnuna pagabbli f’għadd ta’ pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-interessi li tintuża għal skopijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

7.   Meta l-limitu massimu applikabbli stabbilit fil-paragrafu 2 jew il-limitu nazzjonali msemmi fil-paragrafu 3 jinqabeż bl-għotja ta’ għajnuna de minimis ġdida, dik l-għotja l-ġdida ma tkunx tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament.

8.   Fil-każ ta’ amalgamazzjonijiet jew akkwisti, l-għajnuna kollha de minimis mogħtija qabel lil kull waħda mill-impriżi qabel l-amalgamazzjoni għandha titqies meta jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe għajnuna de minimis ġdidalill-impriża l-ġdida jew lill-impriża li takkwistaha taqbiżx il-limitu massimu jew il-limitu nazzjonali. Għajnuna de minimis li tkun ingħatat legalment qabel l-amalgamazzjoni jew l-akkwist għandha tibqa’ legali.

9.   Jekk impriża waħda tinqasam f’żewġ impriżi separati jew aktar, l-għajnuna de minimis mogħtija qabel il-qsim għandha tkun allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li bi prinċipju hija l-impriża li tieħu ħsieb l-attivitajiet li għalihom tkun ġiet użata l-għajnuna de minimis. Jekk tali allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis tiġi allokata proporzjonalment fuq il-bażi tal-valur fil-kontabilità tal-kapital ta’ ishma tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tal-qsim.

Artikolu 4

Kalkolu tal-għotja grossa ekwivalenti

1.   Dan ir-Regolament japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li tiġi kkalkulata b’mod preċiż l-għotja grossa ekwivalenti tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa ta’ valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”).

2.   L-għajnuna inkluża f’għotjiet jew sussidji tar-rata tal-imgħax għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti.

3.   Għajnuna fil-forma ta’ self titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta’ stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. F’każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-; u

(b)

is-self ikun assikurat b’garanzija li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u s-self ikun ammont ta’ EUR 75 000 fuq t-tul ta’ żmien ta’ ħames snin jew EUR 37 500 fuq tul ta’ żmien ta’ għaxar snin; jekk l-ammont tas-self ikun inqas minn dawk l-ammonti u/jew jingħata għal tul ta’ żmien inqas minn ħames snin jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta’ dak is-self tiġi kkalkulata bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c)

l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

4.   Għajnuna fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti biss jekk l-ammont totali ta’ injezzjoni mill-pubbliku ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.

5.   L-għajnuna inkluża fil-miżuri ta’ finanzjament tar-riskju, li tieħu forma ta’ investimenti f’ ishma jew fi quasi-ishma titqies biss li tkun għajnuna de minimis trasparenti jekk il-kapital ipprovdut lil impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.

6.   L-għajnuna li tikkonsisti f’garanziji għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a)

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta’ stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. F’każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-; u

(b)

il-garanzija ma taqbiżx 80 % tas-self sottostanti u jew l-ammont garantit hu ta’ EUR 112 500 u t-tul ta’ żmien tal-garanzija hu ta’ ħames snin jew l-ammont garantit hu EUR 56 250 u t-tul ta’ żmien tal-garanzija hu ta’ għaxar snin; jekk l-ammont garantit hu inqas minn dawn l-ammonti u/jew il-garanzija hi għal tul ta’ żmien ta’ inqas minn ħames jew għaxar snin rispettivament, l-għotja grossa ekwivalenti ta’ dik il-garanziji tiġi kkalkulata bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c)

l-għotja grossa ekwivalenti tkun ġiet ikkalkulata fuq il-bażi ta’ primjums eżentati stipulati f’avviż tal-Kummissjoni; jew

(d)

qabel l-implimentazzjoni,

(i)

il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għotja grossa ekwivalenti tal-garanzija tkun ġiet notifikata lill-Kummissjoni skont kwalunkwe Regolament ieħor adottat mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f’dak iż-żmien, u l-metodoloġija aċċettata mill-Kummissjoni bħala li hi konformi mal-Avviż ta’ Garanzija jew kwalunkwe Avviż sussegwenti, u

(ii)

li tindirizza b’ mod espliċitu t-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7.   L-għajnuna inkluża fi strumenti oħra għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti, jekk l-istrument jipprovdi għal amont massimu li jiżgura li l-limitu massimu rilevanti ma jinqabiżx.

Artikolu 5

Akkumulazzjoni

1.   Fejn impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli u tkun attiva wkoll f’wieħed jew f’aktar mis-setturi jew għandha attivitajiet oħra li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013 , l-għajnuna de minimis mogħtija għal attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni agrikola skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata mal-għajnuna de minimis mogħtija fir-rigward tas-settur jew setturi tal-aħħar (jew attivitajiet sal-limitu massimu rilevanti stabbilit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 1407/2013, dejjem jekk l-Istat Membru jiżgura, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (UE) Nru 1407/2013.

2.   Meta impriża tkun attiva fil-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli kif ukoll fis-settur tas-sajd u l-akkwakultura, l-għajnuna de minimis mogħtija għal attivitajiet fis-settur ta’ qabel skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna de minimis għall-attivitajiet fis-settur tal-produzzjoni agrikola skont ir-Regolament (KE) Nru 875/2007 sal-limitu stabbilit f’dak ir-Regolament, dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat, permezz ta’ mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni tal-ispejjeż, jiżgura li l-produzzjoni primarja tal-prodotti agrikoli ma tibbenefikax mill-għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament (KE) Nru 875/2007.

3.   L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jew b’għajnuna mill-Istat għall-istess miżura ta’ finanzjament ta’ riskju jekk akkumulazzjoni bħal dik taqbeż l-għola intensità ta’ għajnuna rilevanti jew ammont ta’ għajnuna ffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’regolament għal eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. L-għajnuna de minimis li ma tingħatax għal spejjeż eliġibbli speċifiċi jew li ma tkunx attribwibbli għal spejjeż ta’ dak it-tip tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra mill-Istat mogħtija skont eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Monitoraġġ

1.   Fejn Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament lil impriża, huwa jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont tal-għajnuna espressa bħala għotja grossa ekwivalenti u dwar in-natura de minimis tagħha, billi ssir referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jiġi kkwotat it-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fejn l-għajnuna de minimis tingħata skont dan ir-Regolament lil impriżi differenti abbażi ta’ skema u ammonti differenti ta’ għajnuna individwali jingħataw lil dawk l-impriżi skont dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta’ għajnuna li tkun ser tingħata skont dik l-iskema. F’tali każ, is-somma fissa għandha tintuża biex tiddetermina jekk il-limitu stipulat fl-Artikolu 3(2) intlaħaqx u jekk il-limitu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 3(3) ikunx inqabeż. Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru wkoll jikseb dikjarazzjoni mingħand l-impriża kkonċernata, bil-miktub jew f’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha skont dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn matul is-sentejn fiskali ta’ qabel u fis-sena fiskali attwali.

2.   Fejn Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jinkludi l-informazzjoni sħiħa dwar l-għajnuna de minimis kollha mogħtija minn kwalunkwe awtorità f’dak l-Istat Membru, il-paragrafu 1 jieqaf japplika mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin fiskali.

3.   Stat Membru għandu jagħti l-għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lil impriża li tipprovdi servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali taħt dan ir-Regolament għal livelli ogħla mil-limitu massimu stipulat fl-Artikolu 3(2) u l-limitu msemmi fl-Artikolu 3(3) u li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti f’ dan ir-Regolament ġew rispettati.

4.   L-Istati Membri għandhom iżommu dokumeni li fihom jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew rispettati. Id-dokumenti bl-informazzjoni dwar l-għajnuna de minimis individwali għandha tinżamm għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Id-dokumenti bl-informazzjonili jkollhom x’jaqsmu ma’ skema ta’ għajnuna de minimis jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali taħt tali skema.

5.   B’talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol, jew tali perjodu itwal hekk kif jista’ jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunux ġew rispettati, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament u ta’ Regolamenti de minimis oħra li tkun irċeviet xi impriża.

Artikolu 7

Disposizzjonijiet tranżitorji

1.   Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta dan ir-Regolament, jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe għanjnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti.

2.   Kwalunkwe għajnuna de minimis individwali li ngħatat bejn it-1 ta’ Jannar 2005 u t-30 ta’ Ġunju 2008, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1860/2004 titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stabbilit fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

3.   Kull għajnuna individwali de minimis mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-30 ta’ Ġunju 2014 u li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1535/2007, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tiġi eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

4.   Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe skema ta’ għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tibqa’ koperta minn dan ir-Regolament għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014.

Huwa japplika sal-31 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

(2)  ĠU C 227, 6.8.2013, p. 3.

(3)  Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regola de minimis għall-għajnuna mill-Istat (ĠU C 68, 6.3.1996, p. 9).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis (ĠU L 10, 13.1.2001, p. 30).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1535/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna de minimis s-settur tal-produzzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 337, 21.12.2007, p. 35).

(7)  Il-Każ C-222/04 Ministero dell’Economia e delle Finanze v Cassa di Risparmio di Firenze SpA et al. [2006] ECR I-289.

(8)  Il-Każ C-382/99 Il-Pajjiżi l-Baxxi versus il-Kummissjoni [2002] ECR I-5163.

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013, dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Il-Każ C-456/00 France v Commission [2002] I-11949.

(13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 875/2007 tal-24 ta’ Lulju 2007 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE rigward għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1860/2004 (ĠU L 193, 25.7.2007, p. 6).

(14)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6).

(15)  Linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna tal-Istat għall-promozzjoni ta’ investimenti ta’ kapital ta’ riskju f’intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (ĠU C 194, 18.8.2006, p. 2).

(16)  Pereżempju, l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar l-għajnuna mill-Istat f’ forma ta’ garanziji (ĠU C 155, 20.6.2008, p. 10).

(17)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta’ Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura (ĠU L 17, 21.1.2000, p. 22).


ANNESS

L-ammonti massimi totali kumulattivi tal-għajnuniet de minimis mogħtija lill-impriżi fis-settur tal-produzzjoni agrikola lil kull Stat Membru, skont l-Artikolu 3(3)

(EUR)

Stat Membru

Ammonti massimi ta’ għajnuna de minimis

Il-Belġju

76 070 000

Il-Bulgarija

43 490 000

Ir-Repubblika Ċeka

48 340 000

Id-Danimarka

105 750 000

Il-Ġermanja

522 890 000

L-Estonja

8 110 000

L-Irlanda

66 280 000

Il-Ġreċja

109 260 000

Spanja

413 750 000

Franza

722 240 000

Il-Kroazja

28 610 000

L-Italja

475 080 000

Ċipru

7 060 000

Il-Latvja

10 780 000

Il-Litwanja

25 860 000

Il-Lussemburgu

3 520 000

L-Ungerija

77 600 000

Malta

1 290 000

Il-Pajjiżi l-Baxxi

254 330 000

L-Awstrija

71 540 000

Il-Polonja

225 700 000

Il-Portugall

62 980 000

Ir-Rumanija

180 480 000

Is-Slovenja

12 320 000

Is-Slovakkja

22 950 000

Il-Finlandja

46 330 000

L-Isvezja

57 890 000

Ir-Renju Unit

270 170 000


Top