EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0713

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 713/2013 tat- 23 ta’ Lulju 2013 li jistabbilixxi lopportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay għall-istaġun tas-sajd 2013/14

OJ L 201, 26.7.2013, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/713/oj

26.7.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 201/8


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 713/2013

tat-23 ta’ Lulju 2013

li jistabbilixxi lopportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay għall-istaġun tas-sajd 2013/14

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu 43 (3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li jistabbilixxi il-qabdiet totali permissibbli (TAC) għal kull tip ta' sajd jew grupp ta' tipi ta' sajd. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jitqassmu fost l-Istati Membri b'tali mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta' kull Stat Membru għal kull stokk jew gruppi ta' stokk u billi jitqiesu debitament l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 (1).

(2)

Għall-finijiet tas-simplifikazzjoni u tal-ġestjoni adegwata tal-istokk, jixraq li jiġu stabbiliti t-TAC u l-kwoti għall-Istati Membri għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay (is-subżona VIII tal-ICES) għal staġun tal-ġestjoni annwali li jibda fl-1 ta' Lulju u jintemm fit-30 ta' Ġunju tas-sena ta’ wara, pjuttost milli perjodu tal-ġestjoni ta' sena kalendarja. Madanakollu, is-sajd għandu jibqa' soġġett għad-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 39/2013 (2) fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-użu tal-kwoti.

(3)

It-TAC għall-inċova fil-Bajja ta’ Biscay għall-istaġun tas-sajd 2013/14 għandha tkun stabbilita abbażi tal-pariri xjentifiċi disponibbli, u billi jitqiesu l-aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jiġi żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd.

(4)

Sabiex tipprovdi għal ġestjoni multiannwali tal-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay, fid-29 ta' Lulju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament li jistabbilixxi pjan fit-tul għall-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay u għas-sajd li jisfrutta dak l-istokk. Filwaqt li jitqies li l-valutazzjoni tal-impatt li fuqha tissejjes il-proposta, tipprovdi għall-valutazzjoni l-iktar riċenti tal-impatt tad-deċiżjonijiet tal-ġestjoni għall-istokk, jixraq li tiġi stabbilita TAC għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay skont dan. Skont il-parir li ta l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) f'Lulju 2013 il-bijomassa tal-istokk riproduttiv hija stmata madwar 56 055 tunnellata. Fid-dawl tal-valutazzjoni l-aktar reċenti disponibbli dwar l-impatt tad-deċiżjonijiet ta' ġestjoni għall-istokk, it-TAC għall-istaġun tas-sajd li jibda fl-1 ta' Lulju 2013 u jintemm fit-30 ta' Ġunju 2014 għandha tiġi stabbilita għal 17 100 tunnellata.

(5)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 847/96 (3), huwa neċessarju li jiġi stabbilit safejn l-istokk tal-inċova fil-Bajja ta' Biscay hu soġġett għall-miżuri stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(6)

Minħabba l-bidu tal-istaġun tas-sajd 2013/14 u għall-finijiet tar-rappurtar annwali tal-qabdiet, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun wara l-pubblikazzjoni tiegħu u għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2013,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-opportunitajiet tas-sajd għall-inċova fil-Bajja ta' Biscay

1.   Il-qabda totali permissibbli (TAC) u l-allokazzjoni tagħha bejn l-Istati Membri għall-istaġun tas-sajd li jibda fl-1 ta' Lulju 2013 u jintemm fit-30 ta' Ġunju 2014 għall-istokk tal-inċova fis-Subżona VIII tal-ICES kif jiddefinixxi r-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), għandhom ikunu kif ġej (f'tunnellati ta' piż ta' ħut ħaj):

L-ispeċi

:

Inċova

Engraulis encrasicolus

Iż-żona tal-ICES

:

Iż-żona VIII

(ANE/08.)

Spanja

15 390

It-TAC analitika

Franza

1 710

L-UE

17 100

It-TAC

17 100

2.   L-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbilita fil-paragrafu 1 u l-użu tagħha għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 8 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 39/2013.

3.   L-istokk imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jitqies li hu soġġett għal TAC analitika għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 847/96. Għandhom japplikaw l-Artikolu 3(2) u (3) u l-Artikolu 4 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 2

It-trażmissjoni tad-dejta

Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (5), l-Istati Membri jressqu dejta lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-kwantitajiet tal-inċova li nqabdu fis-Subżona VIII tal-ICES, dawn għandhom jużaw il-kodiċi tal-istokk "ANE/08.".

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2013.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

L. LINKEVIČIUS


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 tal-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta' riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59. Edizzjoni Speċjali MT: Kap 04 Vol 05 P. 460 - 481).

(2)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 39/2013 tal-21 ta' Jannar 2013 li jiffissa, għall-2013, l-opportunitajiet tas-sajd disponibbli għall-bastimenti tal-UE għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta' stokkijiet tal-ħut li mhumiex suġġetti għal negozjati jew ftehimiet internazzjonali (ĠU L 23, 25.1.2013, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta' Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tal-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 04 Vol 02 P. 317 - 319).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta' statistiċi ta' qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 70).

(5)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta' kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).


Top