EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1219

Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi

OJ L 351, 20.12.2012, p. 40–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 127 P. 188 - 194

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1219/oj

20.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 351/40


REGOLAMENT (UE) Nru 1219/2012 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Diċembru 2012

li jistabbilixxi arranġamenti transizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta’ investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposti mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, investiment barrani dirett huwa inkluż fil-lista tas-suġġetti li jagħmlu parti mill-politika kummerċjali komuni. Skont l-Artikolu 3(1)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika kummerċjali komuni. Għal dan il-għan, l-Unjoni biss tista’ tilleġiżla u tadotta atti legalment vinkolanti f’dak il-qasam. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan huma stess biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni, skont l-Artikolu 2(1) tat-TFUE.

(2)

B’żieda ma’ dan, il-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-TFUE jistipula regoli komuni dwar il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi, inkluż fir-rigward tal-movimenti ta’ kapital li jinvolvu investiment. Dawk ir-regoli jistgħu jiġu affettwati mill-ftehimiet internazzjonali relatati mal-investiment barrani konklużi mill-Istati Membri.

(3)

Dan ir-Regolament huwa bla ħsara għall-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont it-TFUE.

(4)

Fil-mument tad-dħul fis-seħħ tat-TFUE ta’ Lisbona, l-Istati Membri żammew għadd sinifikanti ta’ ftehimiet bilaterali ta’ investiment ma’ pajjiżi terzi. It-TFUE ma fih l-ebda dispożizzjoni transizzjonali espliċita għal ftehimiet bħal dawn li issa ġew taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Barra minn dan, xi wħud minn dawn il-ftehimiet jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jaffettwaw ir-regoli komuni dwar il-movimenti ta’ kapital stipulati fil-Kapitolu 4 tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-TFUE.

(5)

Għalkemm il-ftehimiet bilaterali ta’ investiment jibqgħu vinkolanti għall-Istati Membri skont id-dritt internazzjonali pubbliku u ser jiġu sostitwiti progressivament bi ftehimiet tal-Unjoni relatati mal-istess suġġett, il-kondizzjonijiet għall-eżistenza kontinwa tagħhom u r-relazzjoni tagħhom mal-politika tal-Unjoni rigward l-investiment, jeħtieġu ġestjoni xierqa. Dik ir-relazzjoni ser tkompli tiżviluppa hekk kif l-Unjoni teżerċita l-kompetenza tagħha.

(6)

Fl-interess tal-investituri tal-UE u l-investiment tagħhom f’pajjiżi terzi, u tal-Istati Membri li jospitaw investituri u investimenti barranin, ftehimiet bilaterali ta’ investiment li jispeċifikaw u jiggarantixxu l-kondizzjonijiet tal-investiment għandhom jinżammu fis-seħħ u sostitwiti progressivament minn ftehimiet tal-Unjoni fil-qasam tal-investiment, biex b’hekk jipprovdu standards għolja ta’ protezzjoni tal-investiment.

(7)

Dan ir-Regolament għandu jindirizza l-istatus taħt il-liġi tal-Unjoni ta’ ftehimiet bilaterali ta’ investiment tal-Istati Membri ffirmati qabel l-1 ta’ Diċembru 2009. Dawk il-ftehimiet jistgħu jinżammu fis-seħħ, jew jidħlu fis-seħħ, skont dan ir-Regolament.

(8)

Dan ir-Regolament għandu jistipula wkoll il-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jikkonkludu u/jew iżommu fis-seħħ ftehimiet bilaterali ta’ investiment iffirmati bejn l-1 ta’ Diċembru 2009 u d-9 ta' Jannar 2013.

(9)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jistipula l-kondizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jemendaw jew jikkonkludu ftehimiet bilaterali ta’ investiment ma’ pajjiżi terzi wara d-9 ta' Jannar 2013.

(10)

Fejn jinżammu fis-seħħ ftehimiet bilaterali ta’ investiment ma’ pajjiżi terzi minn Stati Membri taħt dan ir-Regolament, jew fejn ingħataw awtorizzazzjonijiet għall-ftuħ ta’ negozjati jew għall-konklużjoni ta’ dawn il-ftehimiet, dak m’għandux jimpedixxi n-negozjar jew il-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ investiment mill-Unjoni.

(11)

L-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex jeliminaw l-inkompatibbiltajiet, fejn dawn jeżistu, mal-liġi tal-Unjoni li tinsab fi ftehimiet bilaterali ta’ investiment konklużi bejniethom u pajjiżi terzi. L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 258 tat-TFUE fir-rigward tan-nuqqas tal-Istati Membri li jissodisfaw l-obbligi taħt il-liġi tal-Unjoni.

(12)

L-awtorizzazzjoni li temenda jew li tikkonkludi ftehimiet biltaterali ta’ investiment previsti minn dan ir-Regolament għandha tippermetti b’mod partikolari li l-Istati Membri jindirizzaw kwalunkwe inkompatibbiltà bejn il-ftehimiet internazzjonali tagħhom relatati mal-investiment u l-liġi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni ta’ inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni ta’ kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, li huma indirizzati f’dan ir-Regolament.

(13)

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu, fost oħrajn, jirrevedi l-ħtieġa għall-applikazzjoni kontinwa tal-Kapitolu III. Fejn ir-rapport jirrakkomanda li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament ma titkompliex jew fejn jipproponi li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu mmodifikati, dan jista’ jiġi akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

(14)

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li kwalunkwe informazzjoni identifikata bħala kunfidenzjali tiġi ttrattata skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (2).

(15)

Il-ftehimiet ta’ investiment bejn l-Istati Membri m’għandhomx jiġu koperti minn dan ir-Regolament.

(16)

Huwa meħtieġ li jsir provvediment għal ċerti arranġamenti biex jiżguraw li l-ftehimiet biltaterali ta’ investiment miżmuma fis-seħħ skont dan ir-Regolament jibqgħu operattivi, anke fir-rigward tar-riżoluzzjoni ta’ disputi, filwaqt li fl-istess waqt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni tibqa’ rrispettata.

(17)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll minn Stati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (3).

(18)

B’mod speċifiku, dawn is-setgħat għandhom jiġu kkonferiti fuq il-Kummissjoni minħabba li l-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 9, 11 u 12 jagħtu s-setgħa lill-Istati Membri li jaġixxu f’oqsma ta’ kompetenza esklussiva tal-Unjoni u deċiżjonijiet fuqhom għandhom jittieħdu fil-livell tal-Unjoni.

(19)

Il-proċedura ta’ konsulenza għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 9, 11 u 12, minħabba li dawk l-awtorizzazzjonijiet għandhom jingħataw fuq il-bażi ta’ kriterji definiti b’mod ċar u stabbiliti f’dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

AMBITU

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Mingħajr preġudizzju għad-diviżjoni tal-kompetenzi stabbiliti mit-TFUE, dan ir-Regolament jindirizza l-istatus tal-ftehimiet bilaterali ta’ investiment tal-Istati Membri taħt il-liġi tal-Unjoni, u jistabbilixxi t-termini, il-kondizzjonijiet u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri huma awtorizzati li jemendaw jew jikkonkludu ftehimiet bilaterali ta’ investiment.

2.   Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “ftehim bilaterali ta’ investiment” ifisser kwalunkwe ftehim ma’ pajjiż terz li jkun fih dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment. Dan ir-Regolament ikopri biss dawk id-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet biltaterali ta’ investiment li jittrattaw il-protezzjoni tal-investiment.

KAPITOLU II

ŻAMMA FIS-SEĦĦ TA’ FTEHIMIET BILATERALI EŻISTENTI TA’ INVESTIMENT

Artikolu 2

Notifika lill-Kummissjoni

Sat-8 ta' Frar 2013, jew fi żmien 30 jum mid-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull ftehim bilaterali ta’ investiment ma’ pajjiżi terzi ffirmati qabel 1 ta’ Diċembru 2009 jew qabel id-data tal-adeżjoni tagħhom, skont liema data tkun l-aktar tard, li huma jew jixtiequ jżommu fis-seħħ jew jippermettu li jidħlu fis-seħħ skont dan il-Kapitolu. In-notifika għandha tinkludi kopja ta’ dawk il-ftehimiet bilaterali ta’ investiment. L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-istatus ta’ dawk il-ftehimiet.

Artikolu 3

Żamma fis-seħħ

Mingħajr preġudizzju għal obbligi oħra tal-Istati Membri taħt il-liġi tal-Unjoni, il-ftehimiet bilaterali ta’ investiment innotifikati skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jinżammu fis-seħħ, jew jidħlu fis-seħħ, skont it-TFUE u dan ir-Regolament, sa meta jidħol fis-seħħ ftehim bilaterali ta’ investiment bejn l-Unjoni u l-istess pajjiż terz.

Artikolu 4

Pubblikazzjoni

1.   Kull 12-il xahar il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea lista tal-ftehimiet bilaterali ta’ investiment innotifikati skont l-Artikolu 2, l-Artikolu 11(6) jew l-Artikolu 12(6).

2.   L-ewwel pubblikazzjoni tal-lista tal-ftehimiet bilaterali ta’ investiment imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha sseħħ mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-iskadenza għan-notifiki magħmula skont l-Artikolu 2.

Artikolu 5

Valutazzjoni

Il-Kummissjoni tista’ tivvaluta l-ftehimiet bilaterali ta’ investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2, billi tevalwa jekk xi waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet tagħhom jikkostitwixxux ostakolu serju għan-negozjar jew konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehimiet bilaterali ta’ investiment ma’ pajjiżi terzi, bil-għan tas-sostituzzjoni progressiva tal-ftehimiet bilaterali ta’ investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2.

Artikolu 6

Obbligu ta’ kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu kwalunkwe miżura xierqa biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet bilaterali ta’ investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2 ma jikkostitwixxux ostakolu serju għan-negozjar jew konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehimiet bilaterali ta’ investiment ma’ pajjiżi terzi, bil-għan tas-sostituzzjoni progressiva tal-ftehimiet bilaterali ta’ investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2.

2.   Jekk il-Kummissjoni tistabbilixxi li xi waħda jew aktar mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali ta’ investiment innotifikat taħt l-Artikolu 2 jikkostitwixxu ostakolu serju għan-negozjar jew konklużjoni mill-Unjoni ta’ ftehimiet bilaterali ta’ investiment ma’ pajjiżi terzi, bil-għan tas-sostituzzjoni progressiva tal-ftehimiet bilaterali ta’ investiment innotifikati taħt l-Artikolu 2 il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom jidħlu f’konsultazzjonijiet mingħajr dewmien u jikkooperaw bil-ħsieb li jidentifikaw l-azzjonijiet xierqa biex jirriżolvu l-kwistjoni. Dawk il-konsultazzjonijiet għandhom jieħdu mhux aktar minn 90 jum.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’, fi żmien 60 jum mit-tmiem tal-konsultazzjonijiet, tindika l-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jitneħħew l-ostakoli msemmija fil-paragrafu 2.

KAPITOLU III

AWTORIZZAZZJONI BIEX JIĠU EMENDATI JEW KONKLUŻI FTEHIMIET BILATERALI TA’ INVESTIMENT

Artikolu 7

Awtorizzazzjoni biex jiġi emendat jew konkluż ftehim bilaterali ta’ investiment

B’mod soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 8 sa 11, Stat Membru għandu jkun awtorizzat li jidħol f’negozjati ma’ pajjiż terz biex jemenda ftehim eżistenti jew jikkonkludi ftehim bilaterali ġdid ta’ investiment.

Artikolu 8

Notifika lill-Kummissjoni

1.   Fejn Stat Membru bi ħsiebu jidħol f’negozjati ma’ pajjiż terz biex jemenda jew jikkonkludi ftehim bilaterali ta’ investiment, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-intenzjoni tiegħu bil-miktub.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi d-dokumentazzjoni rilevanti u indikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati fin-negozjati jew li għandhom jiġu rinegozjati, l-objettivi tan-negozjati u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.

3.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi trasmessa mill-inqas ħames xhur qabel ma jkunu skedati li jibdew in-negozjati formali mal-pajjiż terz ikkonċernat.

4.   Fejn l-informazzjoni trasmessa mill-Istat Membru ma tkunx biżżejjed għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati formali taħt l-Artikolu 9, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali.

5.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel n-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, fuq talba, id-dokumentazzjoni ta’ akkumpanjament, disponibbli għall-Istati Membri l-oħra soġġett għar-rekwiżiti tal-kunfidenzalità stipulati fl-Artikolu 14.

Artikolu 9

Awtorizzazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati formali

1.   Il-Kummissjoni għandha tawtorizza lill-Istati Membri biex jiftħu negozjati formali ma pajjiż terz għall-emendar jew il-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali ta’ investiment ħlief jekk tikkonkludi li l-ftuħ ta’ dawn in-negozjati jkun:

(a)

f’kunflitt mal-liġi tal-Unjoni barra l-inkompatibbiltajiet li jirriżultaw mill-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha;

(b)

superfluwu, għaliex il-Kummissjoni tkun ippreżentat jew tkun iddeċidiet li tippreżenta rakkomandazzjoni għall-ftuħ ta’ negozjati mal-pajjiż terz ikkonċernat taħt l-Artikolu 218(3) tat-TFUE;

(c)

inkonsistenti mal-prinċipji u l-objettivi tal-Unjoni għall-azzjoni esterna kif eleborat skont id-dispożizzjonijiet ġenerali stipulati fil-Kapitolu 1 tat-titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;

(d)

jikkostitwixxi ostakolu serju għan-negozjar jew għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bilaterali futuri ta’ investiment ma’ pajjiżi terzi mill-Unjoni.

2.   Bħala parti mill-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru biex jinkludi jew jeskludi fir-rigward ta’ tali negozjar u ftehim bilaterali prospettiv ta’ investiment kwalunkwe klawsola, fejn dan ikun meħtieġ, biex tkun żgurata l-konsistenza mal-politika tal-Unjoni dwar l-investimenti jew il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni.

3.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tingħata f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2). Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien 90 jum minn meta tasal in-notifika msemmija fl-Artikolu 8. Fejn tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tittieħed deċiżjoni, il-perijodu ta’ 90 jum għandu jibda jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni addizzjonali.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 3.

5.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tagħtix awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 1, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’dan u tiddikjara r-raġunijiet għal dan.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fin-negozjati

Il-Kummissjoni għandha tinżamm infurmata bil-progress u r-riżultati tan-negozjati għall-emendament jew għall-konklużjoni ta’ ftehim bilaterali ta’ investiment matul l-istadji differenti u tista’ titlob li tipparteċipa fin-negozjati relatati mal-investiment bejn l-Istat Membru u l-pajjiż terz.

Artikolu 11

Awtorizzazzjoni biex jiġi ffirmat u konkluż ftehim bilaterali ta’ investiment

1.   Qabel ma jiġi ffirmat ftehim bilaterali ta’ investiment, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tan-negozjati u għandu jibgħat it-test ta’ tali ftehim lill-Kummissjoni.

2.   Dan l-Artikolu għandu japplika wkoll għall-ftehimiet bilaterali ta’ investiment li ġew innegozjati qabel id-9 ta' Jannar 2013, iżda li mhumiex soġġetti għall-obbligu ta’ notifika taħt l-Artikolu 2 jew taħt l-Artikolu 12.

3.   Man-notifika, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk il-ftehim bilaterali ta’ investiment innegozjat ikunx f’konflitt mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2).

4.   Fejn il-Kummissjoni ssib li n-negozjati rriżultaw fi ftehim bilaterali ta’ investiment li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2), hija għandha tawtorizza l-Istat Membru biex jiffirma u jikkonkludi tali ftehim. L-Artikoli 3, 5 u 6 japplikaw għal dawn il-ftehimiet, daqs li kieku kienu nnotifikati taħt l-Artikolu 2.

5.   Id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2). Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjoni tagħha fi żmien 90 jum minn meta jkun waslu n-notifiki msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu. Fejn informazzjoni addizzjonali hija meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni, il-perijodu ta’ 90 jum għandu jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni addizzjonali.

6.   Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 4, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bil-konklużjoni u d-dħul fis-seħħ tal-ftehim bilaterali ta’ investiment u bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-istatus ta’ dak il-ftehim.

7.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 4.

8.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tagħtix l-awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 4, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’dan u tiddikjara r-raġunijiet għal dan.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 12

Ftehimiet iffirmati mill-Istati Membri bejn l-1 ta’ Diċembru 2009 u d-9 ta' Jannar 2013

1.   1. Fejn, bejn l-1 ta' Diċembru 2009 u d-9 ta' Jannar 2013, Stat Membru jkun iffirma ftehim bilaterali ta' investiment, dak l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar tali ftehim li jkun jixtieq iżomm fis-seħħ jew jippermetti li jidħol fis-seħħ sat-8 ta' Frar 2013. In-notifika għandha tinkludi kopja ta' tali ftehim.

2.   Man-notifika l-Kummissjoni għandha tagħmel valtuazzjoni dwar jekk il-ftehim bilaterali ta’ investiment innotifikat taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkunx f’konflitt mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2).

3.   Fejn il-Kummissjoni ssib li ftehim bilaterali ta’ investiment innotifikat taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 9(1) u (2), hija għandha tawtorizza ż-żamma jew dħul fis-seħħ ta’ tali ftehim taħt il-liġi tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu fi żmien 180 jum mir-riċezzjoni tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Fejn tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali biex tittieħed deċiżjoni, il-perijodu ta’ 180 jum għandu jiddekorri mid-data tar-riċezzjoni tal-informazzjoni addizzjonali. Id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom jittieħdu skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 16(2).

5.   Sakemm ftehim bilaterali ta’ investiment ma jkunx ġie awtorizzat taħt il-paragrafu 3, l-Istat Membru m’għandux jieħu aktar passi lejn il-konklużjoni ta’ tali ftehim, u għandu jirtira jew ireġġa’ lura dawk il-passi li jkunu ttieħdu.

6.   Fejn il-Kummissjoni tagħti awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bid-dħul fis-seħħ tal-ftehim bilaterali ta’ investiment u bi kwalunkwe bidla sussegwenti fl-istatus ta’ tali ftehim. L-Artikoli 3, 5 u 6 għandhom japplikaw għal tali ftehim daqs li kieku kien innotifikat taħt l-Artikolu 2.

7.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-deċiżjonijiet meħuda taħt il-paragrafu 3.

8.   Fil-każ li l-Kummissjoni ma tagħtix awtorizzazzjoni taħt il-paragrafu 3, hija għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’dan u tiddikjara r-raġunijiet għal dan.

Artikolu 13

Il-kondotta tal-Istati Membri fir-rigward ta’ ftehim bilaterali ta’ investiment ma’ pajjiż terz

Fejn ftehim bilaterali ta’ investiment ikun jaqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru kkonċernat għandu:

(a)

jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien mhux meħtieġ bil-laqgħat kollha li jsiru taħt id-dispożizzjonijiet tal-ftehim. Il-Kummissjoni għandha tiġi pprovduta bl-aġenda u l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jkun hemm ftehim tas-suġġetti li għandhom jiġu diskussi f’dawk il-laqgħat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tista’ titlob aktar informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. Fejn kwistjoni li għandha tiġi diskussa tkun tista’ taffettwa l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni relatati mal-investiment, inkluża b’mod partikolari l-politika kummerċjali komuni, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex jieħu pożizzjoni partikolari.

(b)

jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien mhux meħtieġ bir-rappreżentazzjonijiet magħmula lilu li miżura partikolari tkun inkonsistenti mal-ftehim. L-Istat Membru għandu wkoll jinforma immedjatament lill-Kummissjoni bi kwalunkwe talba għal riżoluzzjoni ta’ disputa li tkun ġiet ippreżentata taħt il-ftehim bilaterali ta’ investiment hekk kif l-Istat Membru jsir jaf b’tali talba. L-Istat Membru ul-Kummissjoni għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ u jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw difiża effettiva li tista’ tinkludi, fejn xieraq, il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni f’dik il-proċedura.

(c)

jfittex il-qbil tal-Kummissjoni qabel ma jattiva kwalunkwe mekkaniżmu rilevanti għar-riżoluzzjoni ta’ disputa kontra pajjiż terz inkluż fil-ftehim bilaterali ta’ investiment u għandu, fejn mitlub mill-Kummissjoni, jattiva dawn il-mekkaniżmi. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jinkludu konsultazzjonijiet mal-parti l-oħra għal ftehim bilaterali ta’ investiment u għal riżoluzzjoni ta’ disputa fejn previst fil-ftehim. L-Istat Membru u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw b’mod sħiħ fl-iżvolġiment tal-proċeduri fi ħdan il-mekkaniżmi rilevanti, li jistgħu jinkludu, fejn xieraq, il-parteċipazzjoni fil-proċeduri rilevanti mill-Kummissjoni.

Artikolu 14

Kunfidenzjalità

Meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar in-negozjati u l-eżitu tagħhom skont l-Artikoli 8 u 11, l-Istati Membri jistgħu jindikaw jekk xi informazzjoni pprovduta għandhiex tiġi kkunsidrata bħala kunfidenzjali u jekk tistax tiġi kondiviża mal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 15

Reviżjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament qabel l-10 ta' Jannar 2020.

2.   Ir-rapport għandu jinkludi sintesi tal-awtorizzazzjonijiet mitluba u mogħtija taħt il-Kapitolu III kif ukoll reviżjoni tal-ħtieġa għall-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni ta’ dak il-Kapitolu.

3.   Fejn ir-rapport jirrakkomanda li ma titkompliex l-applikazzjoni tal-Kapitolu III jew li jiġu mmodifikati d-dispożizzjonijiet tiegħu, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva xierqa.

Artikolu 16

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għall-Ftehimiet ta’ Investiment. Dak il-Kumitat għandu jikkostitwixxi kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-12 ta' Diċembru 2012.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

A. D. MAVROYIANNIS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Mejju 2011, (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-4 ta’ Ottubru 2012 (ĠU C 352 E, 16.11.2012, p. 23). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2012 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(3)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.


DIKJARAZZJONI MILL-PARLAMENT EWROPEW, MILL-KUNSILL U MILL-KUMMISSJONI

Il-fatt li dan ir-Regolament, u partikolarment il-premessi 17, 18 u 19 jipprevedu l-użu tal-proċeduri msemmija fir-Regolament (UE) Nru 182/2011 ma jikkostitwixxix preċedent fir-rigward ta' regolamenti futuri li jippermettu lill-Unjoni tagħti s-setgħa lill-Istati Membri skont l-Artikolu 2(1) TFUE biex jippromulgaw liġijiet u jadottaw atti legalment vinkolanti f'oqsma ta' kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Barra minn hekk, f'dan ir-Regolament, l-użu tal-proċedura konsultattiva minflok dik ta' eżami m'għandux jitqies li qed jistabbilixxi preċedent għal regolamenti futuri li jistabbilixxu l-qafas għall-politika kummerċjali komuni.


Top