Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0379

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 379/2012 tat- 3 ta’ Mejju 2012 li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta' ċerti stqarrijiet sanitarji li jsiru dwar l-ikel, ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 119, 4.5.2012, pp. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/379/oj

4.5.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 119/12


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 379/2012

tat-3 ta’ Mejju 2012

li jirrifjuta l-awtorizzazzjoni ta' ċerti stqarrijiet sanitarji li jsiru dwar l-ikel, ħlief dawk li jirreferu għat-tnaqqis tar-riskju tal-mard u għall-iżvilupp u s-saħħa tat-tfal

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 l-istqarrijiet li jsiru dwar l-ikel huma projbiti sakemm dawn ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni b’konformità ma’ dak ir-Regolament u inklużi f’lista ta’ stqarrijiet permessi.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta’ stqarrijiet dwar is-saħħa jistgħu jitressqu mill-operaturi tan-negozji tal-ikel quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali ta’ Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tressaq l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Awtorità".

(3)

Wara li tirċievi applikazzjoni, l-Awtorità għandha tgħarraf bla dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni u tipprovdi opinjoni fuq l-istqarrija kkonċernata dwar is-saħħa.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni ta’ stqarrijiet dwar is-saħħa filwaqt li tqis l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità.

(5)

Wara applikazzjoni mingħand Valio Ltd., imressqa skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni dwar stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti tal-Lactobacillus rhamnosus GG (LGG) fuq iż-żamma tad-difiża kontra mikroorganiżmi gastrointestinali patoġeniċi. (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2010-01028) (2). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej: "Il-Lactobacillus GG tgħin biex iżżomm difiża kontra patoġeni intestinali".

(6)

Fl-1 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mingħand l-Awtorità li kkonkludiet li abbażi tad-dejta ppreżentata, ma ġietx stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-Lactobacillus rhamnosus GG u l-effett mistqarr. Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din ma għandhiex tiġi awtorizzata.

(7)

Wara applikazzjoni minn Gelita AG, imressqa skont l-Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni dwar stqarrija dwar is-saħħa marbuta mal-effetti tal-idroliżat tal-kollaġen fuq iż-żamma tal-ġogi. (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2011-00201) (3). L-istqarrija proposta mill-applikant kienet tgħid dan li ġej:"Taħlita karatteristika ta' peptida tal-kollaġen (l-idroliżat tal-kollaġen) li għandha effett fiżjoloġiku ta' benefiċċju fuq iż-żamma tas-saħħa tal-ġogi ta' nies li huma fiżikament attivi".

(8)

Fl-20 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika mingħand l-Awtorità li kkonkludiet li abbażi tad-dejta ppreżentata, ma ġietx stabbilita rabta ta’ kawża u effett bejn il-konsum tal-idroliżat tal-kollaġen u l-effett mistqarr. Għaldaqstant, billi l-istqarrija ma tikkonformax mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, din ma għandhiex tiġi awtorizzata.

(9)

L-istqarrijiet dwar is-saħħa soġġetti għal dan ir-Regolament huma stqarrijiet dwar is-saħħa kif inhuma msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u jistgħu jibbenefikaw mill-perjodu ta' tranżizzjoni stipulat fl-Artikolu 28(5) ta' dak ir-Regolament. Minħabba li l-Awtorità kkonkludiet li ma ġewx stabbiliti rabtiet ta' kawża u effett bejn dawn l-oġġetti tal-ikel u l-effetti mistqarra, l-istqarrijiet ma jikkonformawx mar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, u għaldaqstant ma jistgħux jibbenefikaw mill-perjodu ta' tranżizzjoni stipulat f'dak l-Artikolu.

(10)

Biex jiżguraw li jkun hemm konformità sħiħa ma' dan ir-Regolament, kemm l-operaturi tan-negozji tal-ikel, kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jaċċertaw li, mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-istqarrijiet dwar is-saħħa elenkati fl-Anness għalih ma jkunux għadhom jintużaw.

(11)

Meta stabbiliet il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni qieset il-kummenti li rċeviet mingħand l-applikanti u l-membri tal-pubbliku skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

(12)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-istqarrijiet dwar is-saħħa elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament ma għandhomx jiġu inklużi fil-lista tal-Unjoni ta' stqarrijiet permessi stipulati fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

2.   Madanakollu, l-istqarrijiet dwar is-saħħa msemmijin fil-paragrafu 1 li kienu jintużaw qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu jintużaw għal perjodu massimu ta' sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Mejju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  The EFSA Journal 2011; 9(6):2167.

(3)  The EFSA Journal 2011; 9(7):2291.


ANNESS

Stqarrijiet irrifjutati dwar is-saħħa

L-applikazzjoni – Dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006

Nutrijent, sustanza, ikel jew kategorija ta' ikel

L-Istqarrija

Referenza tal-opinjoni tal-EFSA

L-Artikolu 13(5), l-istqarrija dwar s-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-protezzjoni ta’ dejta riżervata

Lactobacillus rhamnosus GG (LGG)

Il-Lactobacillus GG tgħin biex iżżomm difiża kontra patoġeni intestinali.

Q-2010-01028

L-Artikolu 13(5), l-istqarrija dwar s-saħħa bbażata fuq evidenza xjentifika żviluppata reċentement u/jew li tinkludi talba għall-protezzjoni ta’ dejta riżervata

L-idroliżat tal-kollaġen

Taħlita karatteristika ta' peptida tal-kollaġen (l-idroliżat tal-kollaġen) li għandha effett fiżjoloġiku ta' benefiċċju fuq iż-żamma tas-saħħa tal-ġogi ta' nies li huma fiżikament attivi.

Q-2011-00201


Top