EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0421

Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/421/PESK tat- 23 ta’ Lulju 2012 b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva

OJ L 196, 24.7.2012, p. 61–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2012/421/oj

24.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/61


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/421/PESK

tat-23 ta’ Lulju 2012

b’appoġġ għall-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC), fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 26(2) u 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta’ Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (“l-Istrateġija tal-UE”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta’ miżuri għall-ġlieda kontra tali proliferazzjoni.

(2)

L-Unjoni qed timplimenta b’mod attiv l-Istrateġija tal-UE u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b’mod partikolari dawk il-miżuri relatati mar-rafforzament, l-implimentazzjoni u l-universalizzazzjoni tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC - Biological and Toxin Weapons Convention).

(3)

Fis-27 ta’ Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK (1) b’appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (AQM), li skadiet fis-26 ta’ Awwissu 2007. Seba’ Stati oħra saru Stati Partijiet għall-BTWC mill-adozzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK.

(4)

Fl-20 ta’ Marzu 2006, il-Kunsill adotta Pjan ta’ Azzjoni dwar l-armi bijoloġiċi u tossiċi, komplementari għall-Azzjoni Konġunta 2006/184/PESK b’appoġġ għall-BTWC (2). Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni pprevedew l-użu effiċjenti ta’ Miżuri biex Tinbena l-Fiduċja (CBMs - Confidence Building Measures) u l-mekkaniżmu ta’ investigazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) għall-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi.

(5)

Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK (3) b’appoġġ għall-BTWC, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-AQM. Tliet stati oħrajn saru Stati Partijiet għall-BTWC mill-adozzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK ’l hawn u diversi Stati bbenefikaw mill-assistenza pprovduta mill-esperti tal-Unjoni.

(6)

Is-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni tal-BTWC iddeċidiet li tistabbilixxi l-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni (ISU - Implimentation Support Unit)), b’mandat ta’ ħames snin (2007-2011), fil-Fergħa ta’ Ġinevra tal-Uffiċċju għall-Affarijiet ta’ Diżarm (UN ODA) sabiex jiġi pprovdut appoġġ amministrattiv għal-laqgħat miftiehma mis-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni kif ukoll appoġġ għall-implimentazzjoni komprensiva u l-universalizzazzjoni tal-BTWC u l-iskambju ta’ Miżuri biex Tinbena l-Fiduċja.

(7)

Fit-18 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/429/PESK (4) dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-BTWC.

(8)

Is-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni tal-BTWC iddeċidiet li ġġedded il-mandat tal-Unità ta’ Appoġġ għall-Implimentazzjoni b’perijodu ieħor ta’ ħames snin (2012-2016) u ddeċidiet li tespandi l-kompiti tagħha sabiex jinkludu l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni għall-istabbiliment u l-amministrazzjoni tad-database għal talbiet għal, u offerti ta’, assistenza, u l-faċilitazzjoni tal-iskambju assoċjat ta’ informazzjoni fost l-Istati Partijiet, kif ukoll l-appoġġ, kif meħtieġ, tal-implimentazzjoni mill-Istati Partijiet tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni.

(9)

Il-Kummissjoni għandha tkun fdata bis-superviżjoni tal-implimentazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Bl-għan li tingħata applikazzjoni immedjata u prattika lil xi elementi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva, l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa lill-BTWC, bl-objettivi li ġejjin:

Il-promozzjoni tal-universalità tal-BTWC,

L-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-BTWC inkluża l-preżentazzjoni ta’ CBMs mill-Istati Partijiet,

L-appoġġ għall-ħidma tal-programm intersessjonali 2012-2015 bl-għan li tissaħħaħ l-implimentazzjoni u l-effettività tal-BTWC.

2.   Il-proġetti li jikkorrispondu għall-miżuri tal-Istrateġija tal-UE, huma dawk li għandhom l-għan ta’:

Promozzjoni tal-għarfien dwar l-implimentazzjoni tal-BTWC, it-tisħiħ tad-diskussjoni reġjonali ta’ suġġetti intersessjonali u l-applikazzjoni tagħhom u l-appoġġ għal atturi reġjonali ewlenin fid-definizzjoni tal-ħtiġijiet u r-rekwiżiti għall-implimentazzjoni nazzjonali,

Assistenza lil Stati Partijiet u lil Stati mhux Partijiet, sabiex jiġi żgurat li l-Istati Partijiet jittrasponu l-obbligi internazzjonali tagħhom fil-leġislazzjoni nazzjonali u l-miżuri amministrattivi tagħhom u jistabbilixxu relazzjoni li taħdem fost il-partijiet interessati nazzjonali kollha. L-assistenza tinvolvi appoġġ lill-Istati Partijiet għall-istabbiliment ta’ proċess tas-CBMs nazzjonali u n-nomina ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali. Għall-Stati mhux Partijiet, l-assistenza tinkludi appoġġ għall-adeżjoni ma’ jew ir-ratifika tal-BTWC,

Appoġġ għall-iżvilupp ta’ diversi strumenti u attivitajiet li jsaħħu l-kapaċitajiet u b’hekk jgħinu lill-Istati Partijiet fl-implimentazzjoni nazzjonali, inkluża l-preżentazzjoni ta’ CBMs, li jippermettu lil rappreżentanti tal-Istati Partijiet jieħdu sehem b’mod attiv fil-proċess tal-BTWC internazzjonali, u jissensibilizzaw l-għarfien tal-Istati Partijiet dwar appoġġ internazzjonali disponibbli.

Deskrizzjoni dettaljata ta’ dawn il-proġetti tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

2.   L-implimentazzjoni teknika tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun fdata lill-UN ODA. Dan għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-UN ODA.

Artikolu 3

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 1 700 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-UN ODA. Il-ftehim għandu jistipula li l-UN ODA għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha taġixxi sabiex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjijin mill-UN ODA. Dawk ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3) jew sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni tagħha jekk ebda ftehim ta’ finanzjament ma jkun ġie konkluż f’dak il-perijodu.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 65, 7.3.2006, p. 51.

(2)  ĠU C 57, 9.3.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 302, 13.11.2008, p. 29.

(4)  ĠU L 188, 19.7.2011, p. 42.


ANNESS

1.   QAFAS ĠENERALI

Filwaqt li tibni fuq is-suċċess li sar fl-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK, din id-Deċiżjoni sservi bħala għodda ta’ politika operattiva biex jitmexxew ’il quddiem l-objettivi tal-Deċiżjoni 2011/429/PESK u tiffoka b’mod partikolari fuq dawk l-aspetti li dwarhom intlaħaq kunsens ġenerali fis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni, kif rifless fid-Dokument Finali tagħha.

Din id-Deċiżjoni hija ggwidata mill-prinċipji li ġejjin:

(a)

li jsir l-aħjar użu mill-esperjenza li nkisbet permezz tal-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK;

(b)

li ssir riflessjoni dwar il-ħtiġijiet speċifiċi li esprimew l-Istati Partijiet kif ukoll Stati mhux Partijiet għall-BTWC fir-rigward ta’ implimentazzjoni u universalizzazzjoni aħjar tal-BTWC;

(c)

li tkun imħeġġa l-appartenenza lokali u reġjonali tal-proġetti sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom għall-perijodu fit-tul u biex tinbena sħubija bejn l-Unjoni u partijiet terzi fil-qafas tal-BTWC;

(d)

li tingħata attenzjoni partikolari lil dawk l-attivitajiet li jiksbu riżultati konkreti u/jew jikkontribwixxu għal tfassil bikri ta’ apprezzament komuni rilevanti għall-proċess ta’ reviżjoni tal-BTWC tal-2016;

(e)

i jingħata appoġġ lill-President tal-laqgħat tal-Istati Partijiet u li jsir l-aħjar użu mill-mandat tal-ISU kif ġie miftiehem fis-Sitt Konferenza ta’ Reviżjoni u mġedded u mwessa’ fis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni.

2.   PROĠETTI

2.1.   Proġett 1: Workshops reġjonali biex jissensibilizzaw l-għarfien u jidentifikaw ħtiġijiet

2.1.1.   Għan tal-proġett

Sabiex jiġi sensibilizzat l-għarfien fost l-uffiċjali nazzjonali rilevanti u l-esperti dwar aspetti differenti tal-implimentazzjoni tal-BTWC (inklużi CBMs), biex jiġu diskussi suġġetti intersessjonali tal-programm u l-applikazzjoni tagħhom f’kuntest reġjonali, u biex jiġu identifikati persunal ewlieni, ħtiġijiet u rekwiżiti nazzjonali, u pajjiżi riċevituri possibbli għal assistenza estiża għall-implimentazzjoni nazzjonali (ara l-Proġett 2) permezz ta’ workshops reġjonali organizzati li jibnu fuq l-esperjenza u l-kuntatti li jirriżultaw mill-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK.

Dan il-proġett ser jappoġġa l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tas-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni dwar l-Artikolu IV tal-BTWC (b’mod partikolari l-paragrafi 13 u 14 tad-Dikjarazzjoni Finali), u l-programm intersessjonali 2012-2015.

2.1.2.   Ir-riżultati mistennija tal-proġett

(a)

Adeżjoni akbar mal-BTWC fir-reġjuni ġeografiċi kollha;

(b)

Titjib fl-apprezzament tal-BTWC fost l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti u/jew tisħiħ tan-netwerking subreġjonali dwar il-BTWC sabiex tiġi promossa l-adeżjoni mal-BTWC u l-implimentazzjoni tagħha;

(c)

Identifikazzjoni tal-ħtiġijiet biex jissaħħu l-attivitajiet reġjonali u nazzjonali mmirati lejn l-implimentazzjoni tal-BTWC;

(d)

Promozzjoni ta’ u appoġġ għall-ħolqien ta’, u l-aderenza ma’, assoċjazzjonijiet ta’ bijosigurtà nazzjonali u reġjonali;

(e)

Talbiet għal assistenza estiża, li għandha ssir taħt il-Proġett 2.

2.1.3.   Deskrizzjoni u implimentazzjoni tal-proġett

Ser isiru mhux aktar minn erba’ workshops reġjonali jew subreġjonali, fejn ikun meħtieġ f’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali u b’koordinazzjoni mal-programm intersessjonali tal-BTWC 2012-2015.

Kemm l-Istati Partijiet kif ukoll Stati mhux Partijiet għall-BTWC ser ikunu mistiedna għall-workshops, u ser ikunu mistiedna wkoll organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti, assoċjazzjonijiet ta’ bijosigurtà nazzjonali u reġjonali, esperti akkademiċi u organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs).

Ir-reġjuni jew subreġjuni ser jintgħażlu għal workshops abbażi ta’ kriterji bħall-attivitajiet fil-qafas tal-Azzjonijiet Konġunti 2006/184/PESK u 2008/858/PESK u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/242/PESK (1), attivitajiet oħra tal-Unjoni (inkluż il-proġett taċ-Ċentri ta’ Eċċellenza), attivitajiet ta’ fornituri oħrajn li jagħtu assistenza, u ħtiġijiet u interessi stmati għat-tisħiħ tal-proċessi tal-BTWC fir-reġjuni.

Il-workshops ser jintużaw għall-komunikazzjoni u l-informazzjoni dwar il-programm ta’ assistenza estiża u attivitajiet ta’ appoġġ disponibbli.

2.2.   Proġett 2: Programmi ta’ assistenza estiża għall-implimentazzjoni nazzjonali

2.2.1.   Għan tal-proġett

Li tiġi promossa aderenza universali għall-BTWC u jittejbu l-kapaċitajiet nazzjonali biex jiġu implimentati l-obbligi taħt il-BTWC, inklużi l-preżentazzjonijiet tas-CBMs, permezz ta’ leġislazzjoni, miżuri amministrattivi u ta’ infurzar, sensibilizzazzjoni tal-għarfien, kodiċijiet ta’ kondotta, standards dwar il-bijosigurtà u l-bijosikurezza, u l-istabbiliment tal-modalitajiet għall-koordinazzjoni nazzjonali permezz ta’ programmi ta’ assistenza estiża.

2.2.2.   Ir-riżultati mistennija tal-proġett

(a)

Numru akbar ta’ Stati Partijiet għall-BTWC;

(b)

Implimentazzjoni volontarja tal-BTWC minn Stati qabel l-adeżjoni tagħhom magħha;

(c)

Adozzjoni ta’ miżuri leġislattivi jew amministrattivi adatti, inklużi dispożizzjonijiet tad-dritt kriminali, li jkopru l-ambitu kollu tal-projbizzjonijiet u l-miżuri preventivi previsti fil-BTWC u elaborati bis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni;

(d)

Implimentazzjoni u rinfurzar effettivi għall-prevenzjoni ta’ vjolazzjonijiet tal-BTWC u biex jiġu imposti sanzjonijiet f’każijiet ta’ ksur;

(e)

Ħolqien jew tisħiħ ta’ mekkaniżmi nazzjonali għall-ġbir ta’ informazzjoni meħtieġa u l-preżentazzjonijiet annwali tas-CBMs bil-ħsieb li jiżdied in-numru ta’ Stati Partijiet li jipparteċipaw fl-iskambju tas-CBMs;

(f)

Koordinazzjoni u netwerking aħjar fost il-partijiet interessati kollha involuti fil-proċess tal-BTWC, inkluż assoċjazzjonijiet ta’ bijosigurtà nazzjonali u reġjonali u s-settur privat, sabiex tiġi promossa implimentazzjoni effettiva;

(g)

Promozzjoni ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni tal-għarfien, kodiċijiet ta’ kondotta u standards dwar il-bijosigurtà u l-bijosikurezza.

2.2.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Is-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni rriaffermat li l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali neċessarji jsaħħu l-effettività tal-BTWC. Il-Konferenza sejħet lill-Istati Partijiet biex jadottaw miżuri leġislattivi, amministrattivi, ġudizzjarji u oħrajn maħsuba biex issaħħu l-implimentazzjoni domestika tal-BTWC u jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza ta’ aġenti jew tossiċi mikrobiċi jew bijoloġiċi oħrajn. Dik il-Konferenza enfasizzat l-importanza tal-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Partijiet permezz tas-CBMs u rrikonoxxiet il-ħtieġa li jiżdied in-numru ta’ Stati Partijiet li jipparteċipaw fis-CBMs. Dik il-Konferenza qablet ukoll li huwa meħtieġ sforz konġunt ulterjuri mill-Istati Partijiet permezz ta’ attivitajiet bilaterali, reġjonali u multilaterali għall-promozzjoni tal-universalizzazzjoni tal-BTWC.

Abbażi tal-esperjenzi miksuba permezz tal-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK, ser ikunu pprovduti programmi ta’ assistenza estiża għall-implimentazzjoni nazzjonali għal massimu ta’ tmien pajjiżi identifikati bħala idonei permezz tal-workshops reġjonali tal-Proġett 1.

Kull programm ser idum madwar 12-il xahar, jinvolvi l-parteċipazzjoni minn delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi benefiċjarji u l-uffiċċji tad-diżarm reġjonali tan-NU fejn ikun meħtieġ, u ser jinkludi dawn li ġejjin:

workshop nazzjonali inizjali, li jiġbor l-aġenziji domestiċi rilevanti u l-partijiet interessati kollha, jintroduċi l-kunċetti varji tal-BTWC, jidentifika sħab motivati u affidabbli lokali, u jagħmel valutazzjoni inizjali ta’ bżonnijiet u prijoritajiet,

l-iżvilupp ta’ pjan strutturat għall-assistenza (Pjan ta’ Azzjoni), imfassal għall-pajjiż benefiċjarju, li jinvolvi żjarat u/jew workshops minn fornituri ta’ assistenza varji waqt il-programm, kif ukoll taħriġ ipprovdut fl-Istati Membri tal-UE jew bnadi oħra,

l-eżekuzzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, ma’ fornituri bħall-Interpol, il-WHO, VERTIC, l-Istati Membri tal-UE, l- BTWC ISU, u istituzzjonijiet akkademiċi li jwettqu l-attivitajiet ta’ assistenza rispettivi (eż abbozzar ta’ leġislazzjoni, taħriġ dwar il-bijosigurtà/bijosikurezza, tħejjija tas-CMB, taħriġ għall-pulizija, sensibilizzazzjoni tal-għarfien għax-xjenzati, l-ippjanar ta’ rispons għal emerġenzi, eċċ.),

workshop finali wara l-konklużjoni tal-attivitajiet, fejn jiġu konklużi l-kwistjonijiet pendenti, l-aġenziji jirrapportaw dwar l-attivitajiet u l-progress tagħhom, u tiġi valutata kwalunkwe ħtieġa għal assistenza ulterjuri jew kontinwa,

bħala appoġġ tal-universalizzazzjoni tal-BTWC, programmi ta’ assistenza għall-implimentazzjoni nazzjonali estiżi jistgħu, fejn ikun il-każ, jiġu pprovduti lil Stati mhux Partijiet, f’liema każ l-adeżjoni mal-BTWC tifforma parti mill-Pjan ta’ Azzjoni miftiehem mal-pajjiż riċevitur,

biex tkun żgurata assistenza effiċjenti u produttiva, ser jiġi organizzat workshop tal-UE għall-esperti tal-UE li jgħinu pajjiżi benefiċjarji taħt il-Proġett 2 bl-objettiv li jiġu diskussi l-aħjar prattiki u t-tħejjijet adatti għal attivitajiet ta’ assistenza.

2.3.   Proġett 3: Strumenti u attivitajiet li jsaħħu l-kapaċitajiet

2.3.1.   Għan tal-proġett

Biex jiġu pprovduti diversi għodod u attivitajiet, li jippermettu u jappoġġaw l-implimentazzjoni nazzjonali effettiva tal-BTWC inkluża l-preżentazzjoni tas-CBMs.

2.3.2.   Ir-riżultati mistennija tal-proġett

(a)

Fuljett gwida dwar l-implimentazzjoni nazzjonali;

(b)

Fuljett gwida rivedut dwar is-CBM;

(c)

Sistema għal preżentazzjoni elettronika ta’ CBMs;

(d)

Aktar parteċipazzjoni minn pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-programm intersessjonali tal-BTWC;

(e)

Kapaċità miżjuda għall-mekkaniżmu ta’ investigazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi u tossiċi.

2.3.3.   Deskrizzjoni tal-proġett

Is-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni ddeċidiet li t-tisħiħ tal-implimentazzjoni nazzjonali ser ikun Punt Permanenti fuq l-Aġenda matul il-programm intersessjonali 2012-2015. Is-suġġetti li jridu jiġu indirizzati jinkludu miżuri speċifiċi għal implimentazzjoni sħiħa u komprensiva tal-BTWC, speċjalment l-Artikoli III u IV, u modi u mezzi biex jittejbu l-implimentazzjoni nazzjonali u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u esperjenzi.

Is-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni ddeċidiet li tadotta reviżjoni tal-formoli ta’ rappurtar għall-preżentazzjonijiet tas-CBMs. Barra minn hekk, ġie deċiż li l-ISU f’kooperazzjoni mal-Istati Partijiet ser teżamina u tiżviluppa alternattivi ta’ mezzi elettroniċi għall-preżentazzjoni tas-CBMs.

Is-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni ddeċidiet u ddiskutiet aktar dwar miżuri speċifiċi għall-appoġġ u ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-Istati Partijiet li qed jiżviluppaw fil-laqgħat tal-programm intersessjonali.

Is-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni rreferiet għall-mekkaniżmu ta’ investigazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-użu allegat ta’ armi kimiċi u bijoloġiċi. Il-promozzjoni tiegħu, anke permezz ta’ korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzati għall-esperti, ikun strumentali.

Abbażi tal-esperjenzi miksuba permezz tal-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK u bħala tkomplija ta’ attivitajiet li tlestew u/jew mibdija, ser jitwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

Tħejjija ta’ dokumentazzjoni komprensiva (fuljett gwida) li tipprovdi ħarsa ġenerali tal-obbligi tal-Istati Partijiet tal-BTWC u li tkopri miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni sħiħa u komprensiva tal-BTWC. Il-fuljett ser ikun imfassal bħala sett ta’ għodda ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni u ser jipprovdi eżempji tal-aħjar prattiki waqt li jirrikonoxxi d-differenzi fil-proċeduri nazzjonali. Fil-proċess ta’ tħejjija tiegħu, jiġu kkonsultati esperti mill-Istati Membri tal-UE, l-Istati Partijiet tal-BTWC, l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, kif ukoll is-settur mhux governattiv ikkonċernat bl-implimentazzjoni tal-BTWC. Il-fuljett ser jinkiteb bil-lingwi uffiċjali kollha tan-NU. Il-koordinazzjoni ġenerali tat-tħejjija tal-fuljett ser titwettaq mill-UN ODA;

(b)

Reviżjoni u żvilupp ulterjuri tal-fuljett gwida tas-CBM, imħejji taħt l-Azzjoni Konġunta 2008/858/PESK, konformement mad-deċiżjoni meħuda mis-Seba’ Konferenza ta’ Reviżjoni;

(c)

Żvilupp u manutenzjoni ta’ għodda elettronika għall-preżentazzjoni, l-ipproċessar u d-disseminazzjoni tas-CBMs (faċilità elettronika għas-CBMs);

(d)

Aktar żvilupp tas-sit tal-ISU u ta’ għodod ta’ komunikazzjoni u IT relatati;

(e)

Sponsorizzazzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ esperti minn massimu ta’ għaxar pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-programm intersessjonali tal-BTWC;

(f)

Organizzazzjoni ta’ eżerċizzju internazzjonali dwar il-mekkaniżmu ta’ investigazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-użu allegat ta’ armi bijoloġiċi, bl-isponsorizzazzjoni għall-parteċipazzjoni tal-esperti.

3.   ASPETTI TA’ PROĊEDURA, KOORDINAZZJONI

L-implimentazzjoni tal-proġetti ser tinbeda minn Kumitat ta’ Tmexxija bl-objettiv li jiġu stabbiliti proċeduri u modalitajiet għall-kooperazzjoni. Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser jirrivedi l-implimentazzjoni tal-proġetti regolarment, mill-inqas darba kull sitt xhur, anke bl-użu ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser ikun magħmul mir-rappreżentanti tar-RGħ u l-UN ODA.

L-applikazzjonijiet tal-Istati Partijiet, li mhumiex Stati Membri tal-UE, għal kwalunkwe assistenza u kooperazzjoni taħt din id-deċiżjoni għandhom ikunu indirizzati lill-UN ODA. L-UN ODA ser jirrivedi u jivvaluta dawk l-applikazzjonijiet, kif meħtieġ, u jippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat ta’ Tmexxija. Il-Kumitat ta’ Tmexxija ser jeżamina l-applikazzjonijiet għall-assistenza kif ukoll il-Pjanijiet ta’ Azzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom. Fuq il-proposta tar-RGħ, u b’kont meħud tar-riżultati ta’ diskussjonijiet fil-Kumitat ta’ Tmexxija, ir-RGħ ser jieħu d-deċiżjoni finali dwar il-pajjiżi benefiċjarji b’konsultazzjoni mal-gruppi ta’ ħidma kompetenti tal-Kunsill.

Biex jiġu żgurati appartenenza u sostenibbiltà qawwija ta’ attivitajiet mibdija fl-UE minn pajjiżi benefiċjarji, huwa maħsub li kull meta possibbli u meħtieġ, il-benefiċjarji magħżula jintalbu biex iħejju l-Pjanijiet ta’ Azzjoni, li għandhom, inter alia, jispeċifikaw l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq ta’ attivitajiet iffinanzjati (inklużi dawk iffinanzjati permezz ta’ riżorsi nazzjonali), l-ambitu u t-tul tal-proġett, il-partijiet interessati prinċipali. L-UN ODA, jew l-Istati Membri tal-UE, kif ikun il-każ, ser ikunu assoċjati mat-tħejjija ta’ dawk il-Pjanijiet ta’ Azzjoni. L-implimentazzjoni tal-proġetti ser issir skont il-Pjanijiet ta’ Azzjoni.

4.   RAPPORTAR U VALUTAZZJONI

L-UN ODA ser jippreżenta lir-RGħ rapporti ta’ progress ta’ kull sitt xhur regolari dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti. Barra minn hekk, ir-rapporti ser jiġu ppreżentati fuq attivitajiet ta’ assistenza individwali li jsiru taħt il-Pjanijiet ta’ Azzjoni stabbiliti għal pajjiżi benefiċjarji. Ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-grupp ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill għall-valutazzjoni tal-progress u l-evalwazzjoni globali tal-proġetti u segwitu possibbli.

Kull meta possibbli, l-Istati Partijiet tal-BTWC ser jiġu informati dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti, inkluż permezz ta’ mezzi elettroniċi.

5.   PARTEĊIPAZZJONI TA’ ESPERTI LI ĠEJJIN MINN STATI MEMBRI TAL-UE

L-involviment attiv ta’ esperti ġejjin minn Stati Membri tal-UE huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni b’suċċess tad-Deċiżjoni. L-UN ODA ser jiġi mħeġġeġ biex jagħmel użu minn dawk l-esperti. L-ispejjeż tal-missjoni tagħhom relatati mal-implimentazzjoni ta’ proġetti ser ikunu koperti minn din id-Deċiżjoni.

Hu mistenni li meta jkunu previsti żjarat ta’ assistenza (bħal assistenza legali jew assistenza bis-CBMs), żjara minn mhux aktar minn tliet esperti għal mhux aktar minn ħamest ijiem tkun ikkunsidrata bħala l-prattika standard.

6.   TUL TA’ ŻMIEN

It-tul ta’ żmien totali tal-implimentazzjoni tal-proġetti hu stmat li jkun ta’ 24 xahar.

7.   BENEFIĊJARJI

Il-benefiċjarji ta’ attivitajiet relatati mal-universalizzazzjoni huma Stati mhux Partijiet għall-BTWC (kemm Stati firmatarji kif ukoll Stati mhux firmatarji).

Il-benefiċjarji ta’ attivitajiet ta’ implimentazzjoni nazzjonali huma kemm Stati Partijiet u wkoll Stati mhux Partijiet għall-BTWC, kif ukoll rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet ta’ bijosigurtà nazzjonali u reġjonali, is-settur privat, l-akkademja u l-NGOs.

Il-benefiċjarji ta’ attivitajiet relatati mal-implimentazzjoni huma Stati Partijiet għall-BTWC.

8.   RAPPREŻENTANTI TA’ PARTIJIET TERZI

Bil-għan li jiġu promossi l-appartenenza reġjonali u s-sostenibbiltà tal-proġetti, il-parteċipazzjoni ta’ esperti li mhumiex tal-UE, inklużi dawk minn organizzazzjonijiet reġjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, ser tiġi ffinanzjata minn din id-Deċiżjoni. Il-parteċipazzjoni mill-UN ODA fil-workshops tal-BTWC ser tiġi ffinanzjata. Il-parteċipazzjoni tal-President fil-laqgħat tal-Istati Partijiet tal-BTWC tista’ tiġi ffinanzjata fuq bażi ta’ każ b’każ.

9.   ENTITÀ TA’ IMPLIMENTAZZJONI — KWISTJONIJIET DWAR IL-PERSUNAL

Minħabba n-natura extra-baġitarja tal-attivitajiet previsti f’din id-Deċiżjoni għall-UN ODA, ser ikun meħtieġ persunal addizzjonali.


(1)  ĠU L 88, 25.3.2006, p. 65.


Top