EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1276

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1276/2011 tat- 8 ta’ Diċembru 2011 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-trattament biex jinqatlu parassiti vijabbli fil-prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 327, 9.12.2011, p. 39–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 060 P. 289 - 291

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1276/oj

9.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 327/39


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1276/2011

tat-8 ta’ Diċembru 2011

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-trattament biex jinqatlu parassiti vijabbli fil-prodotti tas-sajd għall-konsum mill-bniedem

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistipula regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 jistipula regoli speċifiċi dwar l-iġjene tal-ikel li joriġina mill-annimali għal operaturi tan-negozju tal-ikel. Dan jistipula, inter alia, li l-operaturi fin-negozju tal-ikel jistgħu jqiegħdu prodotti li ġejjin mill-animali fis-suq fl-Unjoni Ewropea biss jekk dawn ikunu tħejjew u ġew immaniġġati esklussivament fi stabbilimenti li jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tal-Anness III ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Il-Parti D tal-Kapitolu III tat-Taqsima VIII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tistipula li l-operaturi fin-negozju tal-ikel għandhom jiżguraw li ċerti prodotti tas-sajd, inklużi dawk li se jiġu kkunsmati nejjin jew kważi nejjin, jgħaddu minn trattament ta’ ffriżar biex joqtlu parassiti vijabbli li jistgħu jirrappreżentaw riskju għas-saħħa tal-konsumatur.

(3)

F’April 2010, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel adottat opinjoni xjentifika dwar il-valutazzjoni tar-riskju tal-parassiti fil-prodotti tas-sajd (2) (l-Opinjoni tal-EFSA). Dik l-Opinjoni tinkludi tagħrif rigward il-każijiet meta prodotti tas-sajd jistgħu jippreżentaw periklu għas-saħħa fir-rigward tal-preżenza ta’ parassiti vijabbli. L-Opinjoni tal-EFSA tanalizza wkoll l-effetti ta’ bosta trattamenti biex jinqatlu tali parassiti fil-prodotti tas-sajd.

(4)

Minkejja li l-Opinjoni tal-EFSA tindika li l-ħut selvaġġ kollu maqbud mill-ilma baħar u mill-ilma ħelu għandu jiġi kkunsidrat li hu f’riskju li għandu parassiti vijabbli ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem jekk dawn il-prodotti jittieklu nejjin jew kważi nejjin, f’dak il-każ dik id-dejta epidemjoloġika turi li ż-żoni tas-sajd ma jirrappreżentawx periklu għas-saħħa fir-rigward tal-preżenza tal-parassiti, l-awtorità kompetenti tista’ tadotta miżuri nazzjonali li jawtorizzaw eżenzjoni mit-trattament meħtieġ ta’ ffriżar fuq prodotti tas-sajd li ġejjin minn qabdiet bla kontroll. Il-Kummissjoni għandha tiġi notifikata b’dawn il-miżuri nazzjonali.

(5)

L-Opinjoni tal-EFSA kkonkludiet li meta s-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku jitkabbar f’gaġeġ li jibqgħu f’wiċċ l-ilma jew tankijiet fuq l-art, u jiġu mitmugħa prodotti tal-għalf komposti, li mhumiex mistennija li jkollhom parassiti, ir-riskju ta’ infezzjoni b’larval anisakids huwa negliġibbli sakemm ma jkunx hemm bidliet fil-prattika tat-trobbija. Minkejja li l-Opinjoni tikkonkludi li m’hemmx disponibbli biżżejjed dejta ta’ monitoraġġ għal kwalunkwe ħut ieħor tat-trobbija, l-EFSA ħejjiet kriterji għall-kunsiderazzjoni meta prodotti tas-sajd mill-akwakultura ma jippreżentawx periklu għas-saħħa fir-rigward tal-preżenza ta’ parassiti.

(6)

Għaldaqstant, jekk l-istess proċeduri ta’ tkabbir ibbażati fuq dawn il-kriterji huma segwiti, prodotti tal-ħut imrobbijin ħlief is-salamun tal-Atlantiku jistgħu jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju neġliġibbli għall-parassiti li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa tal-konsumatur. Konsegwentement, tali prodotti tas-sajd imrobbijin jistgħu wkoll jiġu eżentati mir-rekwiżiti tal-iffriżar filwaqt li jibqa’ żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa.

(7)

Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu emendati r-rekwiżiti stipulati fil-Parti D tal-Kapitolu III tat-Taqsima VIII tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 sabiex jiġu kkunsidrati ċerti punti tal-parir xjentifiku l-ġdid inkluż fl-Opinjoni tal-EFSA u l-esperjenza prattika miksuba.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(2)  EFSA Journal 2010;8(4):1543.


ANNESS

Fl-Anness III, Taqsima VIII, Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 853/2004, il-Parti D hija sostitwita b’dan li ġej:

“D.   ĦTIĠIJIET DWAR IL-PARASSITI

1.

Operaturi fin-negozju tal-ikel li jqiegħdu fis-suq il-prodotti tas-sajd li ġejjin li jiġu minn ħut tal-ġewnaħ jew molluski ċefalopodi:

(a)

prodotti tal-ħut maħsuba biex jiġu kkunsmati nejjin, jew

(b)

marinati, melħin jew kwalunkwe prodott ieħor tas-sajd li hu ttrattat, jekk it-trattament mhux biżżejjed biex joqtol parassiti vijabbli,

għandhom jiżguraw li l-materja prima jew il-prodott finali jgħaddu minn trattament ta’ ffriżar sabiex joqtlu parassiti vijabbli li jistgħu jkunu ta’ riskju għas-saħħa tal-konsumatur.

2.

Għal parassiti ħlief trematodes it-trattament ta’ ffriżar għandu jikkonsisti f’temperatura li titbaxxa fil-partijiet kollha tal-prodott għal tal-inqas:

(a)

– 20 °C għal mhux inqas minn 24 siegħa, jew

(b)

– 35 °C għal mhux inqas minn 15-il siegħa.

3.

Operaturi tan-negozju tal-ikel ma għandhomx iwettqu t-trattament ta’ ffriżar stabbilit fil-punt 1 għall-prodotti tas-sajd:

(a)

li għaddew, jew għandhom il-ħsieb li jgħaddu minn trattament ta’ tisħin qabel il-konsum, li joqtol il-parassiti vijabbli. Fil-każ tal-parassiti ħlief it-trematodes, il-prodott jissaħħan għal temperatura interna ta’ 60 °C jew aktar għal tal-inqas minuta;

(b)

li ġew ippriżervati bħala prodotti ffriżati tas-sajd għal perjodu twil biżżejjed biex joqtlu parassiti vijabbli;

(c)

minn qabdiet bla kontroll, sakemm:

(i)

ikun hemm dejta epidemjoloġika disponibbli li tindika li ż-żoni tas-sajd tal-oriġini mhijiex ta’ periklu għas-saħħa minħabba fil-preżenza ta’ parassiti, u

(ii)

l-awtorità kompetenti tawtorizza dan;

(d)

li ġejjin minn trobbija tal-ħut, imkabbrin minn embrijuni u ġew mitmuha esklussivament dieta li ma tistax tinkludi parassiti vijabbli li jippreżentaw periklu għas-saħħa, u jikkonformaw ma’ waħda mir-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

tkabbru esklussivament f’ambjent li hu ħieles minn parassiti vijabbli, jew

(ii)

l-operatur tan-negozju tal-ikel jivverifika permezz ta’ proċeduri, approvati mill-awtorità kompetenti, li l-prodotti tas-sajd ma jirrappreżentawx periklu għas-saħħa fir-rigward tal-preżenza ta’ parassiti vijabbli.

4.

(a)

Meta jitqiegħdu fis-suq, ħlief meta jiġu fornuti lill-konsumatur finali, il-prodotti tas-sajd imsemmija fil-punt 1 għandhom ikunu akkumpanjati minn dokument maħruġ mill-operatur tan-negozju tal-ikel li jwettaw it-trattament ta’ ffriżar, li jistqarr it-tip ta’ trattament ta’ ffriżae li għaddew minnu l-prodotti.

(b)

Qabel jitqiegħdu fis-suq prodotti tas-sajd imsemmija fil-punti 3(c) u (d) li ma għaddewx minn trattament ta’ ffriżar jew li mhumiex maħsuba li jgħaddu minn trattament li joqtol il-parassiti vijabbli li huwa ta’ periklu għas-saħħa, qabel jiġu kkunsmati, l-operatur tan-negozju tal-ikel għandu jiżgura li l-prodotti tas-sajd li joriġinaw minn żoni tas-sajd jew minn trobbija tal-ħut li tikkonforma mal-kundizzjonijiet speċifiċi msemmija f’waħda minn dawk il-punti. Din id-dispożizzjoni tista’ tiġi sodisfata minn tagħrif fid-dokument kummerċjali jew minn kwalunkwe tagħrif ieħor li jakkumpanja l-prodotti tas-sajd.”


Top