EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0512

Regolament (UE) Nru 512/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Mejju 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill- 1 ta’ Jannar 2009 sal- 31 ta’ Diċembru 2011

OJ L 145, 31.5.2011, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 11 Volume 082 P. 279 - 280

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32012R0978

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/512/oj

31.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 145/28


REGOLAMENT (UE) Nru 512/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Mejju 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2011

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposti mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Mill-1971, l-Unjoni tat preferenzi kummerċjali lil pajjiżi li qed jiżviluppaw, fil-qafas tal-Iskema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (is-SĠP) tagħha. Is-SĠP ġiet implimentata permezz ta’ Regolamenti suċċessivi li japplikaw skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (“l-iskema”) b’perjodi ta’ applikazzjoni li normalment ilaħħqu t-tliet snin kull darba.

(2)

L-iskema attwali ġiet stabbilita permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (2) u tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2011. Dar ir-Regolament għandu jiżgura li l-operat tal-iskema jissokta japplika wara dik id-data.

(3)

Titjib ulterjuri għall-iskema għandu jkun ibbażat fuq proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid (“ir-Regolament li jmiss”) li għandu jqis kunsiderazzjonijiet rilevanti relatati mal-effikaċja tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 fil-kisba tal-għanijiet tal-iskema. Ir-Regolament li jmiss għandu jinkludi l-emendi meħtieġa biex jiżgura l-effikaċja kontinwa tal-iskema. Huwa essenzjali wkoll li l-proposta tal-Kummissjoni tqis id-data tal-istatistika kummerċjali, li saret disponibbli biss f’Lulju 2010, dwar importazzjonijiet koperti mill-iskema għall-perjodu li jinkludi l-2009, sena mmarkata minn tnaqqis sinifikanti fil-kummerċ globali inkluż dak ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw. Huwa ugwalment importanti li jiġi żgurat li l-operaturi ekonomiċi u l-pajjiżi benefiċjarji jingħataw avviż adegwat tal-bidliet li jġib miegħu r-Regolament li jmiss. Għal dawk ir-raġunijiet, il-perjodu li baqa’ ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 mhuwiex biżżejjed biex jippermetti li l-Kummissjoni tfassal proposta u l-adozzjoni sussegwenti tar-Regolament li jmiss skont il-proċedura leġislattiva ordinarja. Minkejja dan, huwa preferibbli li tiġi żgurata l-kontinwità fl-operat tal-iskema lil hinn mill-31 ta’ Diċembru 2011 sakemm jasal il-waqt li jiġi adottat u jibda japplika r-Regolament li jmiss.

(4)

Il-perjodu ta’ estensjoni tar-Regolament (KE) Nru 732/2008 ma għandux ikun indefinit. Konsegwentement u biex jingħata ż-żmien meħtieġ għall-proċedura leġislattiva għall-adozzjoni tal-iskema l-ġdida, il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament għandu jiġi estiż sal-31 ta’ Diċembru 2013. Fil-każ li r-Regolament li jmiss isir applikabbli qabel dik id-data, il-perjodu ta’ estensjoni għandu jitqassar b’mod korrispondenti.

(5)

Huma meħtieġa xi emendi tekniċi għar-Regolament (KE) Nru 732/2008 biex tiġi żgurata koerenza u kontinwità fl-operat tal-iskema.

(6)

Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jissodisfaw il-kriterji biex ikunu eliġibbli għall-arranġament speċjali ta’ inċentiv għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (SĠP+) għandhom ikunu jistgħu jgawdu minn preferenzi tariffarji addizzjonali taħt dak l-arranġament jekk, mat-talba tagħhom sal-31 ta’ Ottubru 2011 jew it-30 ta’ April 2013, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħtihom l-arranġament speċjali ta’ inċentiv sal-15 ta’ Diċembru 2011 jew il-15 ta’ Ġunju 2013 rispettivament. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li diġà ngħataw benefiċċji li jaqgħu taħt l-arranġament speċjali ta’ inċentiv bħala riżultat tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2008/938/KE tad-9 ta’ Diċembru 2008 dwar il-lista ta’ pajjiżi benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-arranġament ta’ inċentiv speċjali għall-iżvilupp sostenibbli u governanza tajba, stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (3), u 2010/318/UE tad-9 ta’ Ġunju 2010 dwar il-pajjiżi benefiċjarji li jikkwalifikaw għall-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba għall-perjodu ta’ bejn l- 1 ta’ Lulju 2010 u l- 31 ta’ Diċembru 2011, kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (4) għandhom iżommu dak l-istatus tul l-estensjoni tal-iskema attwali.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 732/2008 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 732/2008 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

It-titolu jinbidel b’dan li ġej:

“Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill- 1 ta’ Jannar 2009 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u (KE) Nru 964/2007”.

(2)

Fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(2), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(c)

għall-finijiet tal-Artikolu 9(1)(a)(iii) - dawk disponibbli fl-1 ta’ Settembru 2010, bħala medja annwali fuq tliet snin konsekuttivi;

(d)

għall-finijiet tal-Artikolu 9(1)(a)(iv) – dawk disponibbli fl-1 ta’ Settembru 2012, bħala medja annwali fuq tliet snin konsekuttivi.”.

(3)

L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-punt (a) tal-paragrafu 1, wara l-punt (ii) jiddaħħal dan li ġej:

“jew

(iii)

sal-31 ta’ Ottubru 2011, li jrid jingħata arranġament speċjali ta’ inċentiv mill-1 ta’ Jannar 2012;

jew

(iv)

sat-30 ta’ April 2013, li jrid jingħata l-arranġament speċjali ta’ inċentiv mill-1 ta’ Lulju 2013;”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-pajjiżi mogħtija l-arranġament speċjali ta’ inċentiv għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba abbażi ta’ talba skont il-paragrafu 1(a)(i) m’għandhomx l-obbligu li jippreżentaw talba skont il-paragrafu 1(a)(ii), 1(a)(iii) jew 1(a)(iv).”;

(ii)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-pajjiżi mogħtija l-arranġament speċjali ta’ inċentiv għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba abbażi ta’ talba skont il-paragrafu 1(a)(ii) m’għandhomx l-obbligu li jippreżentaw talba skont il-paragrafu 1(a)(iii), jew il-paragrafu 1(a)(iv). Il-pajjiżi mogħtija l-arranġament speċjali ta’ inċentiv għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba abbażi ta’ talba skont il-paragrafu 1(a)(iii) m’għandhomx l-obbligu li jippreżentaw talba skont il-paragrafu 1(a)(iv).”.

(4)

l-Artikolu 10(3) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-kelma “jew” tiżdied fl-aħħar tal-punt (b);

(b)

jiżdiedu il-punti li ġejjin:

“(c)

sal- 15 ta’ Diċembru 2011 għal talba skont l-Artikolu 9(1)(a)(iii); jew

(d)

sal-15 ta’ Ġunju 2013 għal talba skont l-Artikolu 9(1)(a)(iv).”.

(5)

Fl-Artikolu 32(2), il-kliem “31 ta’ Diċembru 2011” huma sostitwiti bil-kliem: “31 ta’ Diċembru 2013 jew sa data stipulata mir-Regolament li jmiss, skont liema minnhom tiġi l-ewwel”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-11 ta’ Mejju 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

GYŐRI E.


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Marzu 2011 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurmal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ April 2011.

(2)  ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 334, 12.12.2008, p. 90.

(4)  ĠU L 142, 10.6.2010, p. 10.


Top