Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011L0016

Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal- 15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE

OJ L 64, 11.3.2011, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 09 Volume 001 P. 363 - 374

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2011/16/oj

11.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/1


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2011/16/UE

tal-15 ta' Frar 2011

dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 113 u 115 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Il-ħtieġa tal-Istati Membri għal assistenza reċiproka fil-qasam tat-tassazzjoni qed tikber rapidament f'era globalizzata. Hemm żvilupp tremend fil-mobbiltà tal-pagaturi tat-taxxa, fl-għadd ta' transazzjonijiet transkonfinali u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-istrumenti finanzjarji, li jagħmilha diffiċli għall-Istati Membri biex jivvalutaw kif xieraq it-taxxi dovuti. Din id-diffikultà dejjem tiżdied taffettwa l-funzjonament tas-sistemi fiskali u tinvolvi tasssazzjoni doppja, li minnha nnifisha tinċita l-frodi fiskali u l-evażjoni fiskali, filwaqt li s-setgħat ta' kontroll jibqgħu f'livell nazzjonali. B'hekk dan jikkomprometti l-funzjonament tas-suq intern.

(2)

Għalhekk, Stat Membru wieħed ma jistax jimmaniġġja s-sistema fiskali interna tiegħu speċjalment fir-rigward tat-tassazzjoni diretta, mingħajr ma jirċievi informazzjoni minn Stati Membri oħrajn. Sabiex jingħelbu l-effetti negattivi ta' dan il-fenomenu, huwa indispensabbli li tiġi żviluppata kooperazzjoni amministrattiva ġdida bejn l-amministrazzjonijiet fiskali tal-Istati Membri. Huma meħtieġa strumenti b'potenzjal li x'aktarx joħolqu fiduċja bejn l-Istati Membri, bl-istabbiliment tal-istess regoli, obbligi u drittijiet għall-Istati Membri kollha.

(3)

Għalhekk, għandu jittieħed approċċ ġdid bil-ħolqien ta' test ġdid biex l-Istati Membri jingħataw is-setgħa biex jikkooperaw effiċjentement fil-livell internazzjonali biex jegħlbu l-effetti negattivi ta' globalizzazzjoni dejjem tikber fis-suq intern.

(4)

F'kuntest bħal dan, id-Direttiva eżistenti tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni ta' primjums tal-assigurazzjoni (3) m'għadhiex tipprevedi miżuri adatti. Id-dgħufijiet kbar tagħha ġew studjati mill-Grupp ta' Ħidma Ad hoc tal-Kunsill dwar il-Frodi Fiskali fir-rapport tiegħu tat-22 ta' Mejju 2000 u aktar reċentament fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra Mġiba Ħażina Korporattiva u Finanzjarja tas-27 ta' Settembru 2004 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija koordinata bil-għan li titjieb il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa tal-31 ta' Mejju 2006.

(5)

Id-Direttiva 77/799/KEE, anki bl-emendi sussegwenti tagħha, kienet imfassla f'kuntest differenti mir-rekwiżiti attwali tas-suq intern u m'għadhiex tista' tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda tal-kooperazzjoni amministrattiva.

(6)

Minħabba l-għadd u l-importanza tal-adattamenti li għandhom isiru għadDirettiva 77/799/KEE, sempliċi emenda tagħha ma tkunx biżżejjed biex tissodisfa l-għanijiet imfissra hawn fuq. Id-Direttiva 77/799/KEE għalhekk għandha titħassar u tiġi ssostitwita bi strument legali ġdid. Dak l-istrument għandu japplika għat-taxxi diretti u t-taxxi indiretti li għadhom m'humiex koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Għal dan il-għan, huwa meqjus li din id-Direttiva ġdida tkun l-istrument xieraq f'termini ta' kooperazzjoni amministrattiva effettiva.

(7)

Din id-Direttiva tibni fuq il-kisbiet tad-Direttiva 77/799/KEE iżda tipprevedi regoli aktar ċar u aktar preċiżi li jirregolaw il-kooperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri fejn meħtieġ, sabiex tkun stabbilita, speċjalment fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni, portata usa' ta' kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Regoli aktar ċari għandhom ukoll jagħmluha possibbli li, b'mod partikolari, jiġu koperti l-persuni ġuridiċi u fiżiċi kollha fl-Unjoni, b'kont meħud tal-firxa dejjem tiżdied ta' arranġamenti legali, inklużi mhux biss l-arranġamenti tradizzjonali bħat-trusts, il-fondazzjonijiet u l-fondi tal-investiment, iżda kwalunkwe strument ġdid li jista' jiġi stabbilit mill-pagaturi tat-taxxa fl-Istati Membri.

(8)

Għandu jkun hemm aktar kuntatt dirett bejn l-uffiċċji lokali jew nazzjonali tal-Istati Membri responsabbli mill-kooperazzjoni amministrattiva, bi, bħala regola, komunikazzjoni bejn l-uffiċċji ċentrali ta' kollegament. In-nuqqas ta' kuntatti diretti jwassal għal ineffiċjenza, nuqqas ta' użu tal-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva u dewmien fil-komunikazzjoni. Għandhom għalhekk jiġu pprovduti miżuri li jwasslu għal aktar kuntatti diretti bejn is-servizzi bil-ħsieb li l-kooperazzjoni ssir aktar effiċjenti u rapida. L-għoti ta' kompetenzi lid-dipartimenti ta' kollegament għandu jiġi deċiż skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' kull Stat Membru.

(9)

L-Istati Membri għandhom jiskambjaw informazzjoni dwar każijiet partikolari meta mitluba jagħmlu dan minn Stat Membru ieħor u għandhom jagħmlu l-indaġni meħtieġa biex jikseb tali informazzjoni. L-istandard ta' “rilevanza prevedibbli” huwa maħsub biex jipprovdi għall-iskambju ta' informazzjoni fi kwistjonijiet ta' taxxa safejn hu possibbli u, fl-istess ħin, biex jiċċara li l-Istati Membri mhumiex liberi li jippruvaw jiksbu informazzjoni jew jitolbu informazzjoni li x'aktarx ma tkunx rilevanti għall-kwistjonijiet tat-taxxa ta' pagatur speċifiku tat-taxxa. Waqt li l-Artikolu 20 ta' din id-Dreittiva jinkludi rekwiżiti proċedurali, jeħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b'mod liberali sabiex ma jfixklux l-iskambju effettiv ta' informazzjoni.

(10)

Huwa magħruf li l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta'informazzjoni mingħajr prekondizzjonijiet huwa l-mezz l-aktar effettiv kif tittejjeb il-valutazzjoni korretta tat-taxxi f'sitwazzjonijiet transkonfinali u fil-ġlieda kontra l-frodi. Għalhekk, għal dan il-għan, għandu jiġi segwit approċċ gradwali li jibda bl-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni disponibbli dwar ħames kategoriji u r-rieżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti wara rapport mill-Kummissjoni.

(11)

L-iskambju spontanju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri għandu wkoll jissaħħaħ u jiġi inkoraġġit.

(12)

Il-limiti ta' żmien għall-għoti tal-informazzjoni skont din id-Direttiva għandhom jiġu stabbiliti sabiex ikun żgurat li l-iskambju ta' informazzjoni jsir f'waqtu u għalhekk ikun effettiv.

(13)

Huwa importanti li uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa ta' Stat Membru wieħed jitħallew ikunu preżenti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

(14)

Peress li s-sitwazzjoni tat-taxxa ta' persuna waħda jew aktar soġġetta għat-taxxa stabbilita f'diversi Stati Membri spiss tkun ta' interess komuni u komplementari, għandu jkun possibbli li jitwettqu kontrolli simultanji fuq tali persuna minn żewġ Stati Membri jew aktar, bi ftehim reċiproku u fuq bażi volontarja.

(15)

Fid-dawl tar-rekwiżit legali f'ċerti Stati Membri li pagatur tat-taxxa jiġi nnotifikat dwar deċiżjonijiet u strumenti li jikkonċernaw ir-responsabbiltà fiskali tiegħu u tad-diffikultajiet suċċessivi għall-awtoritajiet tat-taxxa, inklużi każijiet fejn il-pagatur tat-taxxa jkun irrilokola għal Stat Membru ieħor, huwa mixtieq li, f'dawn iċ-ċirkostanzi, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom ikunu kapaċi li jirrikorru għall-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih irriloka l-pagatur tat-taxxa.

(16)

Ir-reazzjoni dwar l-informazzjoni mibgħuta ser tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri.

(17)

Kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni hija meħtieġa għall-istudju permanenti tal-proċeduri ta' kooperazzjonu u l-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-aħjar prattiki fl-oqsma kkunsidrati.

(18)

Huwa importanti għall-effiċjenza tal-kooperazzjoni amministrattiva li l-informazzjoni u d-dokumenti miksubin skont din id-Direttiva, soġġetti għar-restrizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, jistgħu jintużaw mill-Istat Membru li jirċivihom għal finijiet oħra wkoll. Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jkunu jistgħu jittrasmettu dik l-informazzjoni lil pajjiż terz, taħt ċerti kondizzjonijiet.

(19)

Is-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru rikjest jista' jirrifjuta li jagħti l-informazzjoni għandhom ikunu definiti u limitati b'mod ċar, b'kont meħud ta' ċerti interessi privati li għandhom ikunu mħarsa kif ukoll tal-interess pubbliku.

(20)

Madankollu, Stat Membru m'għandux jirrifjuta li jittrasmetti informazzjoni minħabba li ma jkollux interess domestiku jew minħabba li l-informazzjoni hija miżmuma minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, kuratur jew persuna li taġixxi f'aġenzija jew f'kapaċità fiduċjarja jew minħabba li hija relatata ma' interessi ta' appartenenza f'persuna.

(21)

Din id-Direttiva fiha regoli minimi u għalhekk m'għandhiex taffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jidħlu f'kooperazzjoni usa' ma' Stati Membri oħrajn skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom jew fil-qafas ta' ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi ma' Stati Membri oħrajn.

(22)

Għandu jkun ċar ukoll li fejn Stat Membru jipprovdi kooperazzjoni usa' ma' pajjiż terz minn dik prevista skont din id-Direttiva, huwa m'għandux jirrifjuta li jipprovdi tali kooperazzjoni usa' lill-Istati Membri l-oħrajn li jixtiequ jiffurmaw parti minn tali kooperazzjoni reċiproka usa'.

(23)

L-iskambju ta' informazzjoni għandu jsir permezz ta' formoli, formati u rotot ta' komunikazzjoni standardizzati.

(24)

Għandha ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kooperazzjoni amministrattiva, speċjalment abbażi tal-istatistika.

(25)

'Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom jiġu adottati f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4).

(26)

F'konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, l-Istati Membri huma inkoraġġuti li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u li jagħmluhom pubbliċi.

(27)

L-iskambju kollu ta' informazzjoni msemmi f'din id-Direttiva huwa soġġett għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (5) u għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (6). Madankollu, huwa xieraq li jitqiesu l-limitazzjonijiet ta' ċerti drittijiet u obbligi stabbiliti bid-Direttiva 95/46/KE sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva. Limitazzjonijiet bħal dawn huma meħtieġa u proporzjonati bil-ħsieb tat-telf potenzjali ta' dħul għall-Istati Membri u l-importanza kruċjali tal-informazzjoni koperta minn din id-Direttiva għall-effikaċja tal-ġlieda kontra l-frodi.

(28)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji li huma rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(29)

Peress li l-għan tal-azzjoni li għandha titttieħed, jiġifieri l-kooperazzjoni amministrattiva effiċjenti bejn l-Istati Membri biex jingħelbu l-effetti negattivi tal-globalizzazzjoni li qed tiżdied fis-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentament mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-uniformità u l-effikaċja meħtieġa, jintlaħqu aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu dak l-għan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li taħthom l-Istati Membri għandhom jikkooperaw flimkien bil-ħsieb tal-iskambju ta' informazzjoni li hija prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri li jikkonċernaw it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.

2.   Din id-Direttiva tistabbilixxi wkoll id-dispożizzjonijiet għall-iskambju ta' informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 b'mezzi elettroniċi, kif ukoll regoli u proċeduri li taħthom l-Istati Membri u l-Kummissjoni jridu jikkooperaw dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni.

3.   Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa l-applikazzjoni fl-Istati Membri tar-regoli dwar l-assistenza reċiproka fi kwistjonijiet kriminali. Din għandha wkoll tkun mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta' kwalunkwe obbligu tal-Istati Membri fir-rigward ta' kooperazzjoni amministrattiva usa' li tirriżulta minn strumenti legali oħra, inklużi ftehimiet bilaterali jew multilaterali.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għat-taxxi kollha ta' kwalunkwe tip intaxxati minn jew f'isem Stat Membru jew is-suddiviżjonijiet territorjali jew amministrattivi tal-Istat Membru, inklużi l-awtoritajiet lokali.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għat-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazji doganali, jew għad-dazji tas-sisa koperti minn leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-Istati Membri. Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika wkoll għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali pagabbli lill-Istat Membru jew subdiviżjoni tal-Istat Membru jew lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà soċjali stabbiliti skont il-liġi pubblika.

3.   Fl-ebda każ m'għandhom it-taxxi msemmijin fil-paragrafu 1 jinftehmu li jinkludu:

(a)

ħlasijiet, bħal għaċ-ċertifikati u dokumenti oħrajn maħruġin mill-awtoritajiet pubbliċi; jew

(b)

miżati ta' natura kuntrattwali, bħall-konsiderazzjoni għall-utilitajiet pubbliċi.

4.   Din id-Direttiva għandha tapplika għat-taxxi msemmijin fil-paragrafu 1 intaxxati fit-territorju li għalih japplikaw it-Trattati permezz tal-Artikolu 52 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“awtorità kompetenti” ta' Stat Membru tfisser l-awtorità li nħatret bħala tali minn dak l-Istat Membru. Meta jaġixxi skont din id-Direttiva, l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti għandhom jitqiesu wkoll bħala awtoritajiet kompetenti permezz ta' delega skont l-Artikolu 4;

2.

“uffiċċju ċentrali ta' kollegament” tfisser l-uffiċċju li nħatar bħala tali bir-responsabbiltà prinċipali għal kuntatti mal-Istati Membri l-oħrajn fil-qasam tal-kooperazzjoni amministrattiva;

3.

“dipartiment ta' kollegament” tfisser kwalunkwe uffiċċju għajr l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament li nħatar bħala tali għall-iskambju dirett ta' informazzjoni skont din id-Direttiva;

4.

“uffiċjal kompetenti” tfisser kwalunkwe uffiċjal li huwa awtorizzat li jiskambja informazzjoni direttament skont din id-Direttiva;

5.

“awtorità rikjedenti” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew kwalunkwe uffiċjal kompetenti ta' Stat Membru li jagħmel talba għall-għajnuna f'isem l-awtorità kompetenti;

6.

“awtorità rikjesta” tfisser l-uffiċċju ċentrali ta' kollegament, dipartiment ta' kollegament jew kwalunkwe uffiċjal kompetenti ta' Stat Membru li jirċievi talba għall-għajnuna f'isem l-awtorità kompetenti;

7.

“indaġni amministrattiva”, tfisser il-kontrolli, il-verifiki u l-azzjonijiet l-oħra kollha meħudin mill-Istati Membri fil-qadi ta' dmirijiethom bil-ħsieb li jiżguraw l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni fiskali;

8.

“skambju ta' informazzjoni fuq talba” tfisser l-iskambju ta' informazzjoni bbażata fuq talba magħmula mill-Istat Membru rikjedenti lill-Istat Membru rikjest f'każ speċifiku;

9.

“skambju awtomatiku” tfisser il-komunikazzjoni sistematika ta' informazzjoni definita minn qabel lil Stat Membru ieħor, mingħajr talba minn qabel, f'intervalli regolari stabbiliti minn qabel. Fil-kuntest tal-Artikolu 8, l-informazzjoni disponibbli tirreferi għal informazzjoni fil-fajls dwar it-taxxa tal-Istat Membru li jkun qed jikkomunika l-informazzjoni, li tista' tiġi rkuprata f'konformità mal-proċeduri dwar il-ġbir u l-ipproċessar tal-informazzjoni f'dak l-Istat Membru;

10.

“skambju spontanju” tfisser il-komunikazzjoni mhux sistematika, fi kwalunkwe waqt u mingħajr talba minn qabel, ta' informazzjoni lil Stat Membru ieħor;

11.

“persuna” tfisser:

(a)

persuna fiżika;

(b)

persuna ġuridika;

(c)

fejn il-leġiżlazzjoni fis-seħħ tipprovdi hekk, assoċjazzjoni ta' persuni rikonoxxuti bħala li għandhom il-kapaċità li jwettqu atti ġuridiċi iżda li m'għandhomx l-istatus ta' persuna ġuridika; jew

(d)

kwalunkwe arrangament legali ieħor ta' kwalunkwe natura u forma, irrispettivament minn jekk għandux personalità ġuridika, li jappartjeni jew jamministra l-assi, li, inkluż id-dħul minnhom, huma soġġetti għal kwalunkwe waħda mit-taxxi koperti minn din id-Direttiva;

12.

“b'mezzi elettroniċi” tfisser l-użu ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar, inkluż il-kompressjoni diġitali, u l-ħażna tad-data, u l-utilizzar ta' wajers, trasmissjoni bir-radju, teknoloġiji ottiċi jew mezzi oħrajn elettromanjetiċi;

13.

“Netwerk CCN” tfisser il-pjattaforma komuni bbażata fuq in-netwerk komuni ta' komunikazzjoni (CCN), żviluppata mill-Unjoni għat-trasmissjonijiet kollha b'mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet kompetenti fiż-żona doganali u fiskali.

Artikolu 4

Organizzazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni, li fi żmien xahar mill-11 ta' Marzu 2011, bl-awtorità kompetenti tiegħu għall-finijiet ta' din id-Direttiva u għandu jinforma lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe bidla għal dan.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-Istati Membri l-oħra u tippubblika lista tal-awtoritajiet tal-Istati Membri f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-awtorità kompetenti għandha taħtar uffiċċju ċentrali ta' kollegament uniku. L-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli li tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.

L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament jista' wkoll jinħatar bħala responsabbli għall-kuntatti mal-Kummissjoni. L-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli li tinforma lill-Kummissjoni b'dan.

3.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista' taħtar dipartimenti ta' kollegament bil-kompetenza mogħtija f'konformità mal-leġiżlazzjoni jew il-politika interna tiegħu. L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkun responsabbli li jżomm aġġornata l-lista tad-dipartimenti ta' kollegament u jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament tal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati u għall-Kummissjoni.

4.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru tista' taħtar uffiċjali kompetenti. L-uffiċċju ċentrali ta' kollegament għandu jkun responsabbli li jżomm aġġornata l-lista tal-uffiċjali kompetenti u jagħmilha disponibbli għall-uffiċċji ċentrali ta' kollegament tal-Istati Membri l-oħrajn ikkonċernati u għall-Kummissjoni.

5.   L-uffiċjali impenjati f'kooperazzjoni amministrattiva skont din id-Direttiva għandhom fi kwalunkwe każ jitqiesu uffiċjali kompetenti għal dan il-fini, f'konformità mal-arranġamenti stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti.

6.   Fejn dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jibgħat jew jirċievi talba jew tweġiba għal talba għall-kooperazzjoni, huwa għandu jinforma lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament tal-Istat Membru tiegħu skont il-proċeduri stabbiliti minn dak l-Istat Membru.

7.   Fejn dipartiment ta' kollegament jew uffiċjal kompetenti jirċievi talba għall-kooperazzjoni li teħtieġ azzjoni li taqa' 'l barra mill-kompetenza li tingħatalu f'konformità mal-leġiżlazzjoni jew il-politika interna tal-Istat Membru tiegħu, huwa għandu jgħaddi din it-talba mingħajr dewmien lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament tal-Istat Membru tiegħu u jinforma lill-awtorità rikjedenti b'dan. F'tali każ, il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 7 għandu jibda mill-jum ta' wara dak li fih it-talba għall-kooperazzjoni tgħaddi lill-uffiċċju ċentrali ta' kollegament.

KAPITOLU II

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI

TAQSIMA I

Skambju ta' informazzjoni fuq talba

Artikolu 5

Proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni fuq talba

Fuq it-talba tal-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika lill-awtorità rikjedenti kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) li hija jkollha fil-pussess tagħha jew li tikseb b'riżultat ta' indaġnijiet amministrattivi.

Artikolu 6

Indaġnijiet amministrattivi

1.   L-awtorità rikjesta għandha tieħu ħsieb l-arranġamenti għat-twettiq ta' kwalunkwe indaġni amministrattiva meħtieġa biex tinkiseb l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5.

2.   It-talba msemmija fl-Artikolu 5 jista' jkun fiha talba motivata għal indaġni amministrattiva speċifika. Jekk l-awtorità rikjesta tkun tal-opinjoni li ma tkun meħtieġa l-ebda indaġni amministrattiva, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għal dan.

3.   Sabiex tinkiseb l-informazzjoni rikjesta jew biex titwettaq l-indaġni amministrattiva rikjesta, l-awtorità rikjesta għandha ssegwi l-istess proċeduri li ssegwi li kieku kienet ser taġixxi minn rajha jew fuq it-talba ta' awtorità oħra fl-Istat Membru tagħha stess.

4.   Meta speċifikament mitluba mill-awtorità rikjedenti, l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika d-dokumenti oriġinali bil-kondizzjoni li dan ma jmurx kontra d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru tal-awtorità rikjesta.

Artikolu 7

Limiti ta' żmien

1.   L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 kemm jista' jkun malajr, u mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data tal-irċevuta tat-talba.

Madankollu, fejn l-awtorità rikjesta tkun diġà fil-pussess ta' dik l-informazzjoni, l-informazzjoni għandha tiġi trasmessa fi żmien xahrejn minn dik id-data.

2.   F'ċerti każijiet speċjali, il-limiti ta' żmien għajr dawk previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jinqablu bejn l-awtoritajiet rikjesti u dawk rikjedenti.

3.   L-awtorità rikjesta għandha tikkonferma immedjatament u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem ta' ħidma mill-irċevuta, jekk huwa possibbli b'mezzi elettroniċi, li tkun irċeviet talba mill-awtorità rikjedenti.

4.   Fi żmien xahar mill-irċevuta tat-talba, l-awtorità rikjesta għandha tinnotifika lill-awtorità rikjedenti bi kwalunkwe defiċjenzi fit-talba u bil-ħtieġa għal kwalunkwe informazzjoni addizzjonali. F'tali każ, il-limit ta' żmien stabbiliti fil-paragrafu 1 għandhom jibdew mill-jum wara li l-awtorità rikjedenti tkun irċeviet l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.

5.   Fejn l-awtorità rikjesta ma tkunx f'pożizzjoni twieġeb għat-talba sal-limitu ta' żmien rilevanti, hija għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti immedjatament u fi kwalunkwe każ fi żmien tliet xhur mill-irċevuta tat-talba, bir-raġunijiet għan-nuqqas tagħha li tagħmel hekk, u d-data sa meta hi tqis li tista' tkun f'pożizzjoni li twieġeb.

6.   Fejn l-awtorità rikjesta m'għandhiex fil-pussess tagħha l-informazzjoni rikjesta u ma tkunx f'pożizzjoni twieġeb għat-talba għall-informazzjoni jew tirrifjuta li tagħmel dan għar-raġunijiet previsti fl-Artikolu 17, hija għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti dwar ir-raġunijiet għal dan u fi kwalunkwe każ fi żmien xahar mill-irċevuta tat-talba.

TAQSIMA II

Skambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni

Artikolu 8

Ambitu u kondizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni rigward perijodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2014 li tkun disponibbli dwar ir-residenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar il-kategoriji speċifiċi li ġejjin ta' dħul u ta' kapital kif għandhom jinftehmu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni:

(a)

dħul minn impjieg;

(b)

ħlasijiet tad-direttur;

(c)

prodotti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja li mhumiex koperti minn strumenti legali oħra tal-Unjoni dwar l-iskambju ta' informazzjoni u miżuri simili oħra;

(d)

pensjonijiet;

(e)

dritt ta' proprjetà ta' u dħul minn beni immobbli.

2.   Qabel l-1 ta' Jannar 2014, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-kategoriji elenkati fil-paragrafu 1 li fir-rigward tagħhom għandhom informazzjoni disponibbli. Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla sussegwenti għalihom.

3.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tindika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor li hija ma tixtieqx tirċievi informazzjoni dwar il-kategoriji ta' dħul u ta' kapital imsemmijin fil-paragrafu 1, jew li ma tixtieqx tirċievi informazzjoni dwar dħul jew kapital li ma jkunx iktar minn ammont ta' limitu. Hija għandha wkoll tinforma lill-Kummissjoni b'dan. Stat Membru jista' jitqies li ma jixtieqx jirċievi informazzjoni f'konformità mal-paragrafu 1, jekk ma jinformax lill-Kummissjoni bi kwalunkwe kategorija speċifika li fir-rigward tagħha huwa jkollu informazzjoni disponibbli.

4.   Qabel l-1 ta' Lulju 2016, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni fuq bażi annwali bi statistiki dwar il-volum ta' skambji awtomatiċi u, sa fejn ikun possibbli, b'informazzjoni dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji amministrattivi u oħrajn rilevanti relatata mal-iskambji li seħħew u bidliet potenzjali oħrajn, kemm għall-amministrazzjonijiet fiskali u kif ukoll għall-partijiet terzi.

5.   Qabel l-1 ta' Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jipprovdi ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-istatistika u l-informazzjoni riċevuta, dwar kwistjonijiet bħall-ispejjeż amministrattivi u oħrajn rilevanti u l-benefiċċji tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, kif ukoll l-aspetti prattiċi marbuta ma' dan. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta lill-Kunsill rigward il-kategoriji ta' dħul u ta' kapital u/jew il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, inkluż il-kondizzjoni li għandha tkun disponibbli l-informazzjoni li tikkonċerna lil residenti fi Stati Membri oħra.

Meta jkun qed jeżamina proposta ppreżentata mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jivvaluta t-tisħiħ ulterjuri tal-effiċjenza u l-funzjonament tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni u t-titjib tal-istandard tiegħu, bil-għan li jipprevedi li:

(a)

l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha, permezz ta' skambju awtomatiku, tikkomunika lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, informazzjoni rigward perijodi taxxabbli mill-1 ta' Jannar 2017 rigward ir-residenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor, dwar mill-inqas tliet kategoriji speċifiċi ta' dħul u ta' kapital elenkati fil-paragrafu 1, kif għandhom jinftiehmu skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li jikkomunika l-informazzjoni; u

(b)

il-lista ta' kategoriji fil-paragrafu 1 tiġi estiża biex tinkludi dividendi, qligħ kapitali u royalties.

6.   Il-komunikazzjoni tal-informazzjoni għandha ssir tal-inqas darba fis-sena, fi żmien sitt xhur wara tmiem is-sena tat-taxxa tal-Istat Membru li matulha l-informazzjoni tkun saret disponibbli.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni, f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2), qabel id-dati msemmija fl-Artikolu 29(1).

8.   Fejn l-Istati Membri jaqblu dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għal kategoriji addizzjonali ta' dħul u kapital fi ftehimiet bilaterali jew multilaterali li jikkonkludu ma' Stati Membri oħrajn, huma għandhom jikkomunikaw dawk il-ftehimiet lill-Kummissjoni li għandha tagħmel dawn il-ftehimiet disponibbli għall-Istati Membri l-oħrajn kollha.

TAQSIMA III

Skambju spontanju ta' informazzjoni

Artikolu 9

Ambitu u kondizzjonijiet għall-iskambju spontanju ta' informazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru għandha tikkomunika l-informazzjonimsemmija fl-Artikolu 1(1) lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat, fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru wieħed li jkollha raġunijiet biex taħseb li jista' jkun hemm telf ta' taxxa fl-Istat Membru l-ieħor;

(b)

persuna soġġetta għat-taxxa tikseb tnaqqis fi, jew eżenzjoni minn, taxxa fi Stat Membru wieħed li jista' jwassal għal żieda fit-taxxa jew għal obbligu ta' taxxa fl-Istat Membru l-ieħor;

(c)

kuntatti kummerċjali bejn xi persuna soġġetta għat-taxxa fi Stat Membru wieħed u persuna soġġetta għat-taxxa fl-Istat Membru l-ieħor isiru permezz ta' pajjiż wieħed jew aktar b'tali mod li l-iffrankar fit-taxxa jista' jirriżulta fi Stat Membru wieħed jew l-ieħor jew fit-tnejn;

(d)

l-awtorità kompetenti ta' xi Stat Membru jkollha raġunijiet biex taħseb li l-iffrankar fit-taxxa jista' jirriżulta minn trasferimenti artifiċjali ta' profitti fi gruppi ta' intrapriżi;

(e)

informazzjoni mogħtija lil Stat Membru wieħed mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor tkun ippermettiet li tinkiseb l-informazzjoni li tista' tkun rilevanti biex issir valutazzjoni tal-obbligu tat-taxxa fl-Istat Membru tal-aħħar.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru jistgħu jikkomunikaw, permezz ta' skambju spontanju, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kwalunkwe informazzjoni li huma konxji tagħha u li tista' tkun utli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 10

Limiti ta' żmien

1.   L-awtorità kompetenti li lilha ssirilha disponibbli l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1), għandha tgħaddi dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor ikkonċernat malajr kemm jista' jkun, u mhux aktar tard minn xahar wara li ssir disponibbli.

2.   L-awtorità kompetenti li lilha tiġi kkomunikata l-informazzjoni skont l-Artikolu 9 għandha tikkonferma, jekk possibbli permezz ta' mezzi elettroniċi, li tkun irċeviet l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti li tkun pprovdiet l-informazzjoni immedjatament u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sebat ijiem ta' ħidma wara l-irċevuta.

KAPITOLU III

FOROM OĦRA TA' KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

TAQSIMA I

Preżenza fl-uffiċċji amministrattivi u parteċipazzjoni fl-indaġnijiet amministrattivi

Artikolu 11

Ambitu u kondizzjonijiet

1.   Bi ftehim bejn l-awtorità rikjedenti u l-awtorità rikjesta u skont l-arranġamenti stabbiliti minn din tal-aħħar, l-uffiċjali awtorizzati mill-awtorità rikjedenti jistgħu, bil-ħsieb li jiskambjaw l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)

ikunu preżenti fl-uffiċċji fejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjest jaqdu dmirijithom;

(b)

ikunu preżenti matul l-indaġnijiet amministrattivi mwettqa fit-territorju tal-Istat Membru rikjest.

Fejn l-informazzjoni mitluba tinsab f'dokumentazzjoni li għaliha għandhom aċċess l-uffiċjali tal-awtorità rikjesta, l-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhom jingħataw kopji tagħhom.

2.   Safejn dan huwa permissibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membru rikjest, il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jipprovdi li, fejn uffiċjali tal-awtorità rikjedenti jkunu preżenti matul indaġnijiet amministrattivi, huma jistgħu jintervistaw individwi u jeżaminaw reġistri.

Kwalunkwe rifjut mill-persuna taħt investigazzjoni li tirrispetta l-miżuri ta' spezzjoni tal-uffiċjali tal-awtorità rikjedenti għandhu jitqies mill-awtorità rikjesta daqs li kieku dak ir-rifjut twettaq kontra l-uffiċjali tal-awtorità tal-aħħar.

3.   L-uffiċjali awtorizzati mill-Istat Membru rikjedenti preżenti fi Stat Membru ieħor skont il-paragrafu 1 għandhom f'kull waqt ikunu jistgħu jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tiddikjara l-identità tagħhom u l-kapaċità uffiċjali tagħhom.

TAQSIMA II

Kontrolli simultanji

Artikolu 12

Kontrolli simultanji

1.   Fejn żewġ Stati Membri jew aktar jaqblu li jwettqu kontrolli simultanji, fit-territorju tagħhom stess, fuq persuna waħda jew aktar dwar interess komuni jew komplementari għalihom, bil-ħsieb li jiskambjaw l-informazzjoni miksuba b'dan il-mod, il-paragrafi 2, 3 u 4 għandhom japplikaw.

2.   L-awtorità kompetenti f'kull Stat Membru għandha tidentifika b'mod indipendenti l-persuni li jkollha l-intenzjoni li tipproponi kontroll simultanju fuqhom. Hija għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kkonċernati dwar kwalunkwe każ li għalih tipproponi kontroll simultanju, waqt li tagħti r-raġunijiet għall-għażla tagħha.

Hija għandha tispeċifika l-perijodu ta' żmien li matulu iridu jitwettqu dawk il-kontrolli.

3.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha tiddeċiedi jekk tixtieqx tieħu sehem f'kontrolli simultanji. Hija għandha tikkonferma l-qbil tagħha jew tikkomunika r-rifjut motivat tagħha lill-awtorità li pproponiet kontroll simultanju.

4.   L-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru kkonċernat għandha taħtar rappreżentant bir-responsabbiltà li jissorvelja u jikkoordina l-operazzjoni ta' kontroll.

TAQSIMA III

Notifika amministrattiva

Artikolu 13

Talba għal notifika

1.   Fuq talba tal-awtorità kompetenti ta' Stat Membru, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor għandha, skont ir-regoli li jirregolaw in-notifika ta' strumenti simili fl-Istat Membru rikjest, tinnotifika lid-destinatarju bi kwalunkwe strument u deċiżjoni li joriġinaw mill-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Membru rikjedenti u li jikkonċernaw l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu ta' leġiżlazzjoni dwar taxxi koperti minn din id-Direttiva.

2.   It-talbiet għal notifika għandhom jindikaw is-suġġett tal-istrument jew deċiżjoni li għandhom jiġu nnotifikati u għandhom jispeċifikaw l-isem u l-indirizz tad-destinatarju, flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni oħra li tista' tiffaċilita l-identifikazzjoni tad-destinatarju.

3.   L-awtorità rikjesta għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bit-tweġiba tagħha u, partikolarment, bid-data tan-notifika l-istrument jew tad-deċiżjoni lid-destinatarju.

4.   L-awtorità rikjedenti għandha tagħmel talba għal notifika skont dan l-Artikolu biss meta ma tkunx tista' tinnotifika f'konformità mar-regoli li jirregolaw in-notifika tal-istrumenti kkonċernati fl-Istat Membru rikjedenti, jew fejn tali notifika tagħti lok għal diffikultajiet sproporzjonati. L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tista' tinnotifika kwalunkwe dokument permezz tal-posta rreġistrata jew elettronikament direttament lil persuna fit-territorju ta' Stat Membru ieħor.

TAQSIMA IV

Feedback

Artikolu 14

Kondizzjonijiet

1.   Meta awtorità kompetenti tipprovdi informazzjoni skont l-Artikoli 5 jew 9, hija tista' titlob lill-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni biex tibgħat feedback dwar dan. Jekk tintalab feedback, l-awtorità kompetenti li tkun irċeviet l-informazzjoni għandha, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar is-segretezza fiskali u l-protezzjoni tad-data applikabbli fl-Istat Membru tagħha, tibgħat il-feedback lill-awtorità kompetenti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni kemm jista' jkun malajr u mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jkun magħruf l-eżitu tal-użu tal-informazzjoni mitluba. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-arranġamenti prattiċi f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jibagħtu l-feedback dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati darba fis-sena, f'konformità mal-arranġamenti prattiċi maqbula bilateralment.

TAQSIMA V

Kondiviżjoni tal-aħjar prattika u tal-esperjenza

Artikolu 15

Ambitu u kondizzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, jeżaminaw u jevalwaw il-kooperazzjoni amministrattiva skont din id-Direttiva u għandhom jikkondividu l-esperjenza tagħhom, bil-ħsieb li tittejjeb tali kooperazzjoni u, fejn ikun il-każ, jitfasslu regoli fl-oqsma kkonċernati.

2.   L-Istati Membri jistgħu, flimkien mal-Kummissjoni, jipproduċu linji gwida dwar kwalunkwe aspett meqjus bħala meħtieġ għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u tal-esperjenza kondiviża.

KAPITOLU IV

KONDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW IL-KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 16

Żvelar ta' informazzjoni u dokumenti

1.   L-informazzjoni kkomunikata bejn l-Istati Membri f'kwalunkwe forma skont din id-Direttiva għandha tkun koperta mill-obbligu ta' segretezza uffiċjali u tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li rċeviha. Tali informazzjoni tista' tintuża għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi tal-Istati Membri fir-rigward tat-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2.

Tali informazzjoni tista' tintuża wkoll għall-valutazzjoni u l-infurzar ta' taxxi u dazji oħrajn koperti mill-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta' Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta' talbiet relatati ma' taxxi, dazji u miżuri oħra (7), jew għall-valutazzjoni u l-infurzar tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji tas-sigurtà soċjali.

Barra minn hekk, din tista' tintuża b'rabta mal-proċedimenti ġudizzjarji u amministrattivi li jistgħu jinvolvu penalitajiet, li jinbdew bħala riżultat ta' ksur tal-liġi tat-taxxa, mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-drittijiet tal-konvenuti u tax-xhieda f'tali proċedimenti.

2.   Bil-permess tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jikkomunika informazzjoni skont din id-Direttiva, u biss safejn dan huwa permissibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tirċievi l-informazzjoni, l-informazzjoni u d-dokumenti li jkunu waslu skont din id-Direttiva jistgħu jintużaw għal finijiet diversi minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 1. Tali permess għandu jingħata jekk l-informazzjoni tista' tintuża għal finijiet simili fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tikkomunika l-informazzjoni.

3.   Fejn awtorità kompetenti ta' Stat Membru tikkunsidra li l-informazzjoni li tkun irċeviet mill-awtorità kompetenti ta' Stat Membru ieħor x'aktarx li tkun utli għall-finijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għall-awtorità kompetenti ta' Stat Membru terz, hija tista' tittrasmetti dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-aħħar, bil-kondizzjoni li dik it-trasmissjoni tkun f'konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti f'din id-Direttiva. Hija għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu toriġina l-informazzjoni dwar l-intenzjoni tagħha li tikkondividi dik l-informazzjoni ma' Stat Membru terz. L-Istat Membru tal-oriġini tal-informazzjoni jista' jopponi din il-kondiviżjoni ta' informazzjoni fi żmien 10 ijiem ta' ħidma minn mets jirċievi l-komunikazzjoni mill-Istat Membru li jkun jixtieq jikkondividi l-informazzjoni.

4.   Il-permess biex tintuża informazzjoni skont il-paragrafu 2, li tkun ġiet trasmessa skont il-paragrafu 3, jista' jingħata biss mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu toriġina l-informazzjoni.

5.   Informazzjoni, rapporti, dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokument ieħor, jew veri kopji jew siltiet minnhom, miksuba mill-awtorità rikjesta u kkomunikati lill-awtorità rikjedenti skont din id-Direttiva jistgħu jiġu invokati bħala evidenza mill-korpi kompetenti tal-Istat Membru rikjedenti fuq l-istess bażi ta' informazzjoni, rapporti, dikjarazzjonijiet u kwalunkwe dokument ieħor simili pprovduti minn awtorità ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 17

Limiti

1.   Awtorità rikjesta fi Stat Membru wieħed għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti fi Stat Membru ieħor l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5, bil-kondizzjoni li l-awtorità rikjedenti tkun eżawriet is-sorsi ta' informazzjoni tas-soltu li setgħet użat fiċ-ċirkostanzi biex tikseb l-informazzjoni mitluba, mingħajr ma tieħu r-riskju li tikkomprometti l-kisba tal-għanijiet tagħha.

2.   Din id-Direttiva m'għandha timponi l-ebda obbligu fuq Stat Membru rikjest biex iwettaq indaġnijiet jew biex jikkomunika informazzjoni, jekk dan ikun kontra l-leġiżlazzjoni tiegħu li jitwettaq tali indaġnijiet jew li jiġbor l-informazzjoni mitluba għall-finijiet tiegħu stess.

3.   L-awtorità kompetenti ta' Stat Membru rikjest tista' tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni meta l-Istat Membru rikjedenti ma jkunx jista', għal raġunijiet ġuridiċi, jipprovdi informazzjoni simili.

4.   L-għoti ta' informazzjoni jista' jkun irrifjutat jekk dan iwassal għall-iżvelar ta' sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali jew ta' proċess kummerċjali, jew ta' informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku.

5.   L-awtorità rikjesta għandha tinforma lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet għar-rifjut ta' talba għal informazzjoni.

Artikolu 18

Obbligi

1.   Jekk tintalab informazzjoni minn Stat Membru skont din id-Direttiva, l-Istat Membru rikjest għandu juża l-miżuri tiegħu bil-għan li tinġabar informazzjoni sabiex tinkiseb l-informazzjoni mitluba, anki jekk dak l-Istat Membru jista' ma jkunx jeħtieġ tali informazzjoni għall-finijiet fiskali tiegħu stess. Dak l-obbligu huwa mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 4 tal-Artikolu 17, li l-invokazzjoni tiegħu m'għandha bl-ebda mod tinftiehem li tippermetti Stat Membru rikjest jirrifjuta li jforni informazzjoni sempliċiment għax ma jkollu l-ebda interess domestiku f'tali informazzjoni.

2.   Fl-ebda każ m'għandu l-Artikolu 17(2) u (4) jinftiehem li jippermetti awtorità rikjesta ta' Stat Membru tirrifjuta li tforni informazzjoni sempliċiment għax din l-informazzjoni tinżamm minn bank, istituzzjoni finanzjarja oħra, persuna nominata jew li taġixxi fil-kapaċità ta' aġent jew tà fiduċjarju jew għax tirreferi għall-interessi proprjetarji ta' persuna.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, Stat Membru jista' jirrifjuta t-trasmissjoni tal-informazzjoni mitluba meta tali informazzjoni tikkonċerna perijodu taxxabbli qabel l-1 ta' Jannar 2011 u meta t-trasmissjoni ta' tali informazzjoni tista' tkun ġiet irrifjutata abbażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 77/799/KEE jekk kienet ġiet mitluba qabel il-11 ta' Marzu 2011.

Artikolu 19

Estensjoni ta' kooperazzjoni usa' pprovduta lil pajjiż terz

Fejn Stat Membru jipprovdi kooperazzjoni usa' ma' pajjiż terz minn dik prevista skont din id-Direttiva, dak l-Istat Membru ma jistax jirrifjuta li jipprovdi tali kooperazzjoni usa' lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jixtieq jidħol f'tali kooperazzjoni reċiproka usa' ma' dak l-Istat Membru.

Artikolu 20

Formoli standard u formati elettroniċi

1.   It-talbiet għal informazzjoni u għal indaġnijiet amministrattivi skont l-Artikolu 5 u t-tweġibiet għalihom, il-konfermi ta' rċevuta, it-talbiet għal informazzjoni kuntestwali addizzjonali, l-inabbiltà jew ir-rifjut skont l-Artikolu 7 għandhom, kemm jista' jkun possibbli, jintbagħtu permezz ta' formola standard adotatta mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

Il-formoli standard jistgħu jiġu akkumpanjati minn rapporti, dikjarazzjonijiet jew kwalunkwe dokument ieħor, jew veri kopji jew siltiet minnhom.

2.   Il-formola standard li hemm referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni li ġejja li għandha tiġi pprovduta mill-awtorità rikjedenti:

(a)

l-identità tal-persuna taħt eżami jew investigazzjoni;

(b)

l-għan fiskali tal-informazzjoni mitluba.

L-awtorità rikjedenti tista', safejn ikun magħruf u f'konformità mal-iżviluppi internazzjonali, tipprovdi l-isem u l-indirizz ta' kwalunkwe persuna li hu maħsub li għandha fil-pussess tagħha l-informazzjoni rikjesta kif ukoll kwalunkwe element li jista' jiffaċilita l-ġbir ta' informazzjoni mill-awtorità rikjesta.

3.   L-informazzjoni spontanja u l-konferma ta' rċevuta tagħha skont l-Artikoli 9 u 10 rispettivament, it-talbiet għal notifiki amministrattivi skont l-Artikolu 13 u l-informazzjoni ta' reazzjoni skont l-Artikolu 14 għandhom jintbagħtu permezz tal-formola standard adottata mill-Kummissjoni f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 26 (2).

4.   L-iskambji awtomatiċi ta' informazzjoni skont l-Artikolu 8 għandhom jintbagħtu bl-użu ta' format standard elettroniku mmirat li jiffaċilita tali skambju awtomatiku u bbażat fuq il-format elettroniku skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar tassazzjoni ta' riżervi fuq id-dħul fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx (8), li għandu jintuża għat-tipi kollha ta' skambju awtomatiku ta' informazzjoni, adottat mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

Artikolu 21

Arranġamenti prattiċi

1.   L-informazzjoni kkomunikata skont din id-Direttiva għandha, safejn hu possibli, tkun ipprovduta b'mezzi elettroniċi bl-użu tan-netwerk CCN.

Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tadotta l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ewwel subparagrafu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tan-netwerk CCN li jkun meħtieġ biex jippermetti l-iskambju ta' dik l-informazzjoni bejn Stati Membri.

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe żvilupp tas-sistemi tagħhom li jkun meħtieġ biex dik l-informazzjoni tiġi skambjata permezz tan-netwerk CCN.

L-Istati Membri għandhom iċedu l-pretensjonijiet kollha għar-rimborż ta' spejjeż imġarrba fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva ħlief, fejn adatt, fir-rigward ta' ħlasijiet lill-esperti.

3.   Persuni debitament akkreditati mill-Awtorità ta' Akkreditament ta' Sigurtà tal-Kummissjoni jista' jkollhom aċċess għal dik l-informazzjoni sal-punt fejn tkun meħtieġa għall-kura, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-netwerk CCN.

4.   It-talbiet għal kooperazzjoni, inklużi t-talbiet għal notifika, u d-dokumenti mehmuża jistgħu jsiru fi kwalunkwe lingwa miftiehma mill-awtorità rikjesta u dik rikjedenti.

Dawk it-talbiet għandhom ikunu akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tal-awtorità rikjesta f'każijiet speċjali biss fejn l-awtorità rikjesta tiddikjara r-raġuni tagħha għaliex tkun qed titlob it-traduzzjoni.

Artikolu 22

Obbligi speċifiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex:

(a)

tiġi żgurata koordinazzjoni interna effettiva fl-organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4;

(b)

tiġi stabbilita kooperazzjoni diretta mal-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra msemmija fl-Artikolu 4;

(c)

jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva previsti f'din id-Direttiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lil kull Stat Membru kwalunkwe informazzjoni ġenerali dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li tirċievi u li hi tkun f'pożizzjoni li tipprovdi.

KAPITOLU V

RELAZZJONIJIET MAL-KUMMISSJONI

Artikolu 23

Evalwazzjoni

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw u jevalwaw il-funzjonament tal-kooperazzjoni amministrattiva prevista f'din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni rilevanti meħtieġa għall-evalwazzjoni tal-effikaċja tal-kooperazzjoni amministrattiva skont din id-Direttiva fil-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali u l-evitar tat-taxxa.

3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni valutazzjoni annwali tal-effikaċja tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni imsemmi fl-Artikolu 8 kif ukoll ir-riżultati prattiċi miksuba. Il-forma u l-kondizzjonijiet ta' komunikazzjoni ta' dik il-valutazzjoni annwali għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 26(2), lista ta' data statistika li għandha tingħata mill-Istati Membri għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta' din id-Direttiva.

5.   L-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni taħt il-paragrafi 2 sa 4 għandha tinżamm kunfidenzjali mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-awtoritajiet tal-Unjoni.

6.   L-informazzjoni kkomunikata lill-Kummissjoni minn Stat Membru taħt il-paragrafi 2, 3 u 4, kif ukoll kwalunkwe rapport jew dokument prodott mill-Kummissjoni bl-użu ta' tali informazzjoni, jistgħu jiġu trasmessi lil Stati Membri oħrajn. Tali informazzjoni trasmessa għandha tkun koperta mill-obbligu ta' segretezza uffiċjali u għandha tgawdi l-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jkun irċeviha.

Ir-rapporti u d-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni msemmijin f'dan il-paragrafu jistgħu jintużaw biss mill-Istati Membri għal skopijiet analitiċi, iżda m'għandhomx jiġu ppubblikati jew isiru disponibbli għal kwalunkwe persuna jew korp ieħor mingħajr il-qbil espliċitu tal-Kummissjoni.

KAPITOLU VI

RELAZZJONIJIET MA' PAJJIŻI TERZI

Artikolu 24

Skambju ta' informazzjoni ma' pajjiżi terzi

1.   Fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru tirċievi informazzjoni minn pajjiż terz li tkun prevedibbilment rilevanti għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet domestiċi ta' dak l-Istat Membru rigward it-taxxi msemmijin fl-Artikolu 2, dik l-awtorità tista', dment li dan ikun permess skont ftehim ma' dak il-pajjiż terz, tipprovdi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għalihom dik l-informazzjoni tista' tkun utli u lil kwalunkweawtorità rikjedenti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkomunikaw, skont id-dispożizzjonijiet domestiċi tagħhom dwar il-komunikazzjoni ta' data personali lil pajjiżi terzi, informazzjoni miksuba skont din id-Direttiva lil pajjiż terz, kemm-il darba l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfatti:

(a)

l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu tkun oriġinat l-informazzjoni tkun qablet ma' dik il-komunikazzjoni;

(b)

il-pajjiż terz ikkonċernat ikun impenja lilu nnifsu li jipprovdi l-kooperazzjoni meħtieġa biex tinġabar evidenza dwar in-natura irregolari jew illegali ta' transazzjonijiet li jidhru li jikkontravjenu jew jikkostitwixxu abbuż ta' leġiżlazzjoni fiskali.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 25

Protezzjoni tad-data

L-iskambju kollu ta' informazzjoni skont din id-Direttiva għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE. Madankollu, għall-fini tal-applikazzjoni korretta ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-ambitu tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikolu 10, l-Artikolu 11(1), l-Artikoli 12 u 21 tad-Direttiva 95/46/KE safejn meħtieġ sabiex jiġu salvagwardati l-interessi msemmija fl-Artikolu 13(1)(e) ta' dik id-Direttiva.

Artikolu 26

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat imsejjaħ il-“Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva għat-Tassazzjoni”.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw.

Il-perijodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

Artikolu 27

Rappurtar

Kull ħames snin wara l-1 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 28

Tħassir tad-Direttiva 77/799/KEE

Id-Direttiva 77/799/KEE hija mħassra b'effett mill-1 ta' Jannar 2013.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 29

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Jannar 2013.

Madankollu, huma għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 8 ta' din id-Direttiva b'effett mill-1 ta' Jannar 2015.

Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 30

Dħul fis-Seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 31

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Frar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MATOLCSY Gy.


(1)  Opinjoni tal-10 ta' Frar 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tas-16 ta' Lulju 2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1.

(8)  ĠU L 157, 26.6.2003, p. 38.


Top