EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0060

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/60/UE tat- 30 ta’ Awwissu 2010 li tistipula ċerti derogi għat-tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf maħsubin għall-użu fil-preservazzjoni tal-ambjent naturali Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 228, 31.8.2010, p. 10–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 059 P. 135 - 139

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/60/oj

31.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/10


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/60/UE

tat-30 ta’ Awwissu 2010

li tistipula ċerti derogi għat-tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf maħsubin għall-użu fil-preservazzjoni tal-ambjent naturali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 66/401/KEE tal-14 ta’ Ġunju 1966 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf (1), u b’mod partikolari r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tagħha,

Billi:

(1)

Matul dawn l-aħħar snin, il-kwistjonijiet tal-bijodiversità u tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti żdiedu fl-importanza tagħhom, kif juru żviluppi differenti fuq livell internazzjonali u tal-UE. Xi eżempji jinkludu d-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika (2), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/869/KE tal-24 ta’ Frar 2004 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat Internazzjonali dwar ir-Riżorsi Ġenetiċi tal-Pjanti għall-Ikel u l-Agrikoltura (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 870/2004 tas-26 ta’ April 2004 li jwaqqaf programm tal-Komunità dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u l-użu ta’ riżorsi genetiċi fl-agrikoltura u li jħassar Regolament (KE) Nru 1467/94 (4) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (5). Għandhom jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċifiċi skont il-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf, jiġifieri d-Direttiva 66/401/KEE, sabiex jitqiesu dawn il-kwistjonijiet.

(2)

Sabiex ikun permess it-tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet ta’ żerriegħa ta’ pjanti tal-għalf li jkunu maħsubin għall-użu fil-preservazzjoni tal-ambjent naturali fil-kuntest tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi (minn hawn ’il quddiem “taħlitiet ta’ preservazzjoni”), anke fejn il-komponenti ta’ dawk it-taħlitiet mhumiex konformi ma’ xi wħud mir-rekwiżiti ġenerali għat-tqegħid fis-suq previsti fid-Direttiva 66/401/KEE, jeħtieġ li jiġu stipulati ċerti derogi.

(3)

Sabiex jiġi żgurat li t-taħlitiet li jinsabu fis-suq bħala taħlitiet ta’ preservazzjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dawk id-derogi, jeħtieġ li jiġi stipulat li t-tqegħid fis-suq ta’ tali taħlitiet ikun soġġett għal awtorizzazzjoni. L-awtorizzazzjoni għandha tingħata jekk issir applikazzjoni għaliha.

(4)

Rigward it-taħlitiet ta’ preservazzjoni li fihom varjetajiet ta’ konservazzjoni fi ħdan it-tifsira tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/62/KE tal-20 ta’ Ġunju 2008 li tipprevedi ċerti derogi għall-approvazzjoni ta’ landraces (tipi partikolari) u varjetajiet agrikoli li huma adattati b’mod naturali għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u mhedda minn tagħwir ġenetiku, u t-tqegħid fis-suq ta’ żerriegħa u patata taż-żerriegħa ta’ dawk il-landraces u varjetajiet (6), din id-Direttiva għandha madankollu tkun mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2008/62/KE.

(5)

Żoni speċjali ta’ konservazzjoni maħturin mill-Istati Membri skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (7) jospitaw ħabitats naturali u seminaturali denji ta’ konservazzjoni. Żoni bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala żoni ta’ sors għat-taħlitiet ta’ preservazzjoni. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà wkoll li jinnominaw żoni oħrajn li jikkontribwixxu għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti jekk dawn jikkonformaw ma’ regoli komparabbli.

(6)

Għandu jkun ipprovdut li l-komponenti tat-taħlita ta’ preservazzjoni jkunu indikati bħala speċijiet u, fejn rilevanti, sottospeċijiet fl-awtorizzazzjoni u fuq it-tikketta. Ir-rata speċifika ta’ ġerminazzjoni għall-komponenti tat-taħlita koperti mid-Direttiva 66/401/KEE li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ ġerminazzjoni stabbiliti fl-Anness II ma’ dik id-Direttiva għandha tiġi prevista wkoll. Rigward dawn ir-rekwiżiti, għat-taħlitiet ta’ preservazzjoni maħsudin direttament huwa neċessarju li jiġi kkunsidrat il-metodu ta’ ħsad.

(7)

Jeħtieġ li jkunu stipulati derogi li jikkonċernaw l-eżaminazzjoni tat-taħlita ta’ preservazzjoni mill-Istati Membri qabel ma tiġi awtorizzata għat-tqegħid fis-suq. Il-mod li bih dawn it-taħlitiet jiġu eżaminati għandu f’ċerti każijiet, iqis ukoll id-differenzi bejn il-metodi ta’ taħlita tal-għelejjel li jikbru fiż-żona u ta’ taħlitiet ta’ preservazzjoni maħsudin direttament.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li t-tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet ta’ preservazzjoni jseħħ fil-kuntest tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi, għandhom jiġu previsti restrizzjonijiet, b’mod partikolari, rigward ir-reġjun ta’ oriġini u ż-żona ta’ sors.

(9)

Għandha tiġi stabbilita kwantità massima għat-tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet ta’ preservazzjoni. Sabiex jiġi żgurat li din il-kwantità massima tkun rispettata, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu lill-produtturi sabiex jinnotifikaw il-kwantitajiet ta’ taħlitiet ta’ preservazzjoni li biħsiebhom japplikaw għal awtorizzazzjoni għalihom, u, jekk ikun hemm bżonn, l-Istati Membri għandhom jallokaw il-kwantitajiet lill-produtturi.

(10)

It-traċċabbiltà tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni għandha tiġi żgurata permezz ta’ rekwiżiti xierqa ta’ ssiġillar u tikkettar.

(11)

Sabiex jiġi żgurat li r-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva jkunu applikati b’mod korrett, għandu jitwettaq monitoraġġ uffiċjali.

(12)

Wara perjodu xieraq il-Kummissjoni għandha tivvaluta jekk il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva humiex effettivi.

(13)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar iż-Żerriegħa u l-Materjal ta’ Propagazzjoni għall-Agrikoltura, l-Ortikoltura u l-Forestrija,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“żona ta’ sors” tfisser:

(i)

żona nnominata minn Stat Membru bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43/KEE; jew

(ii)

żona li tikkontribwixxi għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti u li hija nnominata minn Stat Membru skont proċedura nazzjonali bbażata fuq kriterji komparabbli ma’ dawk stipulati fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 92/43/KEE flimkien mal-Artikolu 1(k) u (l) ta’ dik id-Direttiva, u li hija mmaniġġjata, protetta u ssorveljata b’mod ekwivalenti għall-Artikolu 6 u l-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva;

(b)

“sit ta’ ġbir” ifisser parti miż-żona ta’ sors, minn fejn tkun inġabret iż-żerriegħa;

(c)

“taħlita maħsuda direttament” tfisser taħlita ta’ żrieragħ li titqiegħed fis-suq bħala miġbura mis-sit ta’ ġbir, kemm jekk imnaddfa kif ukoll jekk le;

(d)

“taħlita tal-għelejjel li jikbru fiż-żona” tfisser taħlita ta’ żrieragħ prodotta skont il-proċess li ġej:

(i)

iż-żerriegħa ta’ speċi individwali tittieħed fis-sit ta’ ġbir;

(ii)

iż-żerriegħa msemmija f’punt (i) hija mmultiplikata barra mis-sit ta’ ġbir bħala speċi singola;

(iii)

wara, iż-żrieragħ ta’ dawk l-ispeċijiet jitħalltu sabiex tinħoloq taħlita li hija magħmula minn dawk il-ġeneri, speċijiet u, fejn rilevanti, sottospeċijiet li huma tipiċi għat-tip ta’ ħabitat fis-sit ta’ ġbir.

Artikolu 2

Taħlitiet ta’ preservazzjoni

1.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 66/401/KEE, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw tqegħid fis-suq ta’ taħlitiet minn diversi ġeneri, speċijiet u, fejn rilevanti, sottospeċijiet, maħsubin għall-użu fil-preservazzjoni tal-ambjent naturali fil-kuntest tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi msemmija fl-Artikolu 22a(1)(b) ta’ dik id-Direttiva.

Taħlitiet bħal dawn jista’ jkun fihom żerriegħa mill-pjanti tal-għalf koperti mid-Direttiva 66/401/KEE u, barra minn hekk, żerriegħa mill-pjanti li mhumiex pjanti tal-għalf skont it-tifsira ta’ dik id-Direttiva.

Taħlitiet bħal dawn huma minn issa ‘l quddiem imsejħin “taħlitiet ta’ preservazzjoni”.

2.   Fejn taħlita ta’ preservazzjoni tinkludi varjetà ta’ konservazzjoni, tapplika d-Direttiva 2008/62/KEE.

3.   Sakemm mhux previst mod ieħor f’din id-Direttiva, tapplika d-Direttiva 66/401/KEE.

Artikolu 3

Reġjun ta’ oriġini

Meta Stat Membru jawtorizza t-tqegħid fis-suq ta’ taħlita ta’ preservazzjoni, għandu jiddefinixxi r-reġjun li miegħu hija assoċjata b’mod naturali dik it-taħlita, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “reġjun ta’ oriġini”. Huwa għandu jqis l-informazzjoni mill-awtoritajiet jew mill-organizzazzjonijiet għar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti rikonoxxuti għal dan l-għan mill-Istati Membri. Fejn ir-reġjun ta’ oriġini ikun jinsab f’aktar minn Stat Membru wieħed, huwa għandu jiġi identifikat mill-Istati Membri kollha kkonċernati permezz ta’ ftehim komuni.

Artikolu 4

Awtorizzazzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw it-taħlitiet ta’ preservazzjoni għal tqegħid fis-suq fir-reġjun ta’ oriġini tagħhom sakemm dawk it-taħlitiet ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti fl-Artikolu 5 fil-każ tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni maħsudin direttament jew ir-rekwiżiti fl-Artikolu 6 fil-każ ta’ taħlitiet tal-għelejjel li jikbru fiż-żona.

2.   L-awtorizzazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

l-isem u indirizz tal-produttur;

(b)

il-metodu ta’ ħsad: kemm jekk maħsudin direttament kif ukoll jekk inhuma taħlitiet tal-għelejjel li jikbru fiż-żona;

(c)

il-perċentwal skont il-piż tal-komponenti bħala speċijiet u, fejn rilevanti, sottospeċijiet;

(d)

fil-każ tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni mkabbrin fl-uċuħ, ir-rata speċifika ta’ ġerminazzjoni għall-komponenti tat-taħlita koperta mid-Direttiva 66/401/KEE li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ ġerminazzjoni stabbiliti fl-Anness II ma’ dik id-Direttiva;

(e)

il-kwantità tat-taħlita li għaliha għandha tapplika l-awtorizzazzjoni;

(f)

ir-reġjun ta’ oriġini;

(g)

ir-restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq fir-reġjun ta’ oriġini;

(h)

iż-żona ta’ sors;

(i)

is-sit ta’ ġbir, u fil-każ tat-taħlita ta’ għelejjel li jikbru fiż-żona, is-sit ta’ multiplikazzjoni ukoll;

(j)

it-tip ta’ ħabitat tas-sit ta’ ġbir; u

(k)

is-sena tal-ġbir.

3.   Rigward punt (c) tal-paragrafu 2, għal taħlitiet ta’ preservazzjoni maħsudin direttament għandu jkun biżżejjed li dawk il-komponenti jingħataw bħala speċijiet u, fejn rilevanti, sottospeċijiet li huma tipiċi għat-tip ta’ ħabitat tas-sit ta’ ġbir u li huma, bħala komponenti tat-taħlita, ta’ importanza għall-preservazzjoni tal-ambjent naturali fil-kuntest tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi.

Artikolu 5

Rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni għat-taħlitiet ta’ preservazzjoni maħsudin direttament

1.   Taħlita ta’ preservazzjoni maħsuda direttament għandha tkun inġabret fiż-żona ta’ sors tagħha f’sit ta’ ġbir li ma jkunx ġie miżrugħ matul l-40 sena ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni mill-produttur, imsemmija fl-Artikolu 7(1). Iż-żona ta’ sors għandha tkun tinsab fir-reġjun ta’ oriġini.

2.   Il-perċentwal tal-komponenti tat-taħlita ta’ preservazzjoni maħsuda direttament li huma speċijiet u, fejn rilevanti, sottospeċijiet li huma tipiċi għat-tip ta’ ħabitat tas-sit ta’ ġbir u li huma, bħala komponenti tat-taħlita, ta’ importanza għall-preservazzjoni tal-ambjent naturali fil-kuntest tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi, għandu jkun adegwat għall-iskop li jerġa’ jinħoloq it-tip ta’ ħabitat tas-sit ta’ ġbir.

3.   Ir-rata ta’ ġerminazzjoni tal-komponenti msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun biżżejjed għall-għan li jerġa’ jinħoloq it-tip ta’ ħabitat tas-sit ta’ ġbir.

4.   Il-kontenut massimu ta’ speċijiet u, fejn rilevanti, sottospeċijiet li ma jikkonformawx mal-paragrafu 2 ma għandux jaqbeż il-1 % tal-piż. It-taħlita ta’ preservazzjoni maħsuda direttament ma għandhiex tinkludi Avena fatua, Avena sterilis u Cuscuta spp. Il-kontenut massimu ta’ Rumex spp. minbarra Rumex acetosella u Rumex maritimus ma għandux jaqbeż 0,05 % tal-piż.

Artikolu 6

Rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni għat-taħlitiet ta’ preservazzjoni tal-għelejjel li jikbru fiż-żona

1.   Rigward it-taħlitiet ta’ preservazzjoni tal-għelejjel li jikbru fiż-żona, iż-żerriegħa miġbura li minnha tiġi prodotta t-taħlita taż-żerriegħa tal-għelejjel li jikbru fiż-żona jeħtieġ li tkun inġabret fiż-żona ta’ sors tagħha f’sit ta’ ġbir li ma jkunx ġiex miżrugħ fl-40 sena ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni mill-prodottur, imsemmija fl-Artikolu 7(1). Iż-żona ta’ sors għandha tkun tinsab fir-reġjun ta’ oriġini.

2.   Iż-żerriegħa tat-taħlita ta’ preservazzjoni tal-għelejjel li jikbru fiż-żona għandha tkun ta’ speċijiet u, fejn rilevanti, sottospeċijiet li huma tipiċi għat-tip ta’ ħabitat tas-sit ta’ ġbir u li huma, bħala komponenti tat-taħlita, ta’ importanza għall-preservazzjoni tal-ambjent naturali fil-kuntest tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi.

3.   Il-komponenti ta’ taħlita ta’ preservazzjoni tal-għelejjel li jikbru fiż-żona li huma żrieragħ ta’ pjanti tal-għalf skont it-tifsira tad-Direttiva 66/401/KEE għandhom, qabel jitħalltu, jikkonformaw mar-rekwiżiti għaż-żerriegħa kummerċjali stabbiliti fit-Taqsima III tal-Anness II mad-Direttiva 66/401/KEE fir-rigward tal-purità analitika, hekk kif stabbilit fil-kolonni 4 sa 11 tat-tabella fit-Taqsima I(2)A ta’ dak l-Anness, rigward il-kontenut massimu ta’ speċijiet oħrajn ta’ pjanti f’kampjun mill-piż speċifikat f’kolonna 4 tal-Anness III tiegħu (total għal kull kolonna), kif stabbilit f’kolonni 12, 13 u 14 tat-tabella fit-Taqsima I(2)A tal-Anness II tiegħu, u rigward kundizzjonijiet li jikkonċernaw iż-żrieragħ Lupin, kif stabbilit fil-kolonna 15 tat-tabella fit-Taqsima I(2)A ta’ dak l-Anness.

4.   Il-multiplikazzjoni tista’ sseħħ għal ħames ġenerazzjonijiet.

Artikolu 7

Rekwiżiti tal-proċedura

1.   L-awtorizzazzjoni għandha tingħata wara li ssir applikazzjoni mill-produttur.

L-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-Artikoli 4 u 5 fil-każ tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni maħsudin direttament jew mal-Artikoli 4 u 6 fil-każ tat-taħlitiet tal-għelejjel li jikbru fiż-żona.

2.   Rigward it-taħlitiet ta’ preservazzjoni maħsudin direttament, l-Istati Membri li fihom jinsabu s-siti ta’ ġbir għandhom iwettqu spezzjonijiet viżwali.

Dawk l-ispezzjonijiet viżwali għandhom jitwettqu fis-sit ta’ ġbir matul il-perjodu ta’ tkabbir f’intervalli xierqa sabiex jiġi żgurat li t-taħlita tkun konformi, għall-inqas, mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni stipulati fl-Artikolu 5(2) u (4).

L-Istat Membru li wettaq l-ispezzjonijiet viżwali għandu jiddokumenta r-riżultati tagħhom.

3.   Rigward it-taħlitiet ta’ preservazzjoni tal-għelejjel li jikbru fiż-żona, meta Stat Membru jeżamina applikazzjoni, huwa għandu jwettaq testijiet jew għandhom jitwettqu testijiet taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-Istat Membru sabiex jiġi kkontrollat li t-taħlita ta’ preservazzjoni tikkonforma, minn tal-anqas, mar-rekwiżiti ta’ awtorizzazzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) u (3).

Testijiet bħal dawn għandhom jitwettqu skont il-metodi internazzjonali attwali, jew, fejn metodi bħal dawn ma jeżistux, skont kwalunkwe metodu xieraq.

Għal dawk it-testijiet l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-kampjuni jittieħdu minn lottijiet omoġeni. Huwa għandu jiżgura li jiġu applikati r-regoli dwar il-piż tal-lottijiet u l-piż tal-kampjun stipulati fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 66/401/KEE.

Artikolu 8

Restrizzjoni kwantitattiva

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-kwantità totali ta’ żerriegħa tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni li jitqiegħdu fis-suq kull sena ma taqbiżx il-5 % tal-piż totali tat-taħlitiet ta’ żerriegħa mill-pjanti tal-għalf koperti mid-Direttiva 66/401/KEE u li jitqiegħdu fis-suq fis-sena rispettiva fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 9

Applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet kwantitattivi

1.   Fil-każ tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni maħsudin direttament, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-bidu ta’ kull staġun ta’ produzzjoni, il-produtturi jinnotifikaw il-kwantità ta’ żerriegħa tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni li jkun biħsiebhom japplikaw għal awtorizzazzjoni għaliha flimkien mad-daqs u l-post tas-sit jew is-siti ta’ ġbir maħsub(in).

Fil-każ tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni tal-għelejjel li jikbru fiż-żona, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, qabel il-bidu ta’ kull staġun ta’ produzzjoni, il-produtturi jinnotifikaw il-kwantità ta’ żerriegħa tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni li jkun biħsiebhom japplikaw għal awtorizzazzjoni għaliha flimkien mad-daqs u l-post tas-sit jew is-siti ta’ ġbir maħsub(in) kif ukoll id-daqs u l-post tas-sit jew is-siti ta’ multiplikazzjoni maħsubin.

2.   Jekk, fuq il-bażi tan-notifiki msemmija fil-paragrafu 1, huwa probabbli li jinqabżu l-kwantitajiet stabbiliti fl-Artikolu 8, l-Istati Membri għandhom jallokaw, għal kull produttur ikkonċernat, il-kwantità permessa li titqiegħed fis-suq fl-istaġun ta’ produzzjoni rispettiv.

Artikolu 10

Siġillar ta’ pakketti u reċipjenti

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taħlitiet ta’ preservazzjoni jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss f’pakketti u f’reċipjenti magħluqin li jkollhom apparat li jissiġilla.

2.   Sabiex jiġi żgurat is-siġillar, is-sistema ta’ siġill għandha tinkludi minn tal-anqas it-tikketta jew it-twaħħil ta’ siġill.

3.   Il-pakketti u r-reċipjenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ssiġillati b’tali mod li ma jkunux jistgħu jinfetħu mingħajr ma ssir ħsara lis-sistema ta’ siġill jew mingħajr ma titħalla evidenza ta’ tbagħbis fuq it-tikketta tal-produttur, jew fuq il-pakkett jew kontenitur.

Artikolu 11

Tikkettar

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-pakketti u l-kontenituri tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni jkollhom tikketta tal-produttur jew notifika stampata jew ittimbrata li tinkludi minn tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-kliem “regoli u standards tal-UE”;

(b)

l-isem u indirizz tal-persuna responsabbli mit-twaħħil tat-tikketti jew il-marka ta’ identifikazzjoni ta’ din il-persuna;

(c)

il-metodu ta’ ħsad: kemm jekk maħsudin direttament kif ukoll jekk għelejjel li jikbru fiż-żona;

(d)

is-sena tas-siġillar imfissra bħala: “issiġillat …” (sena);

(e)

ir-reġjun ta’ oriġini;

(f)

iż-żona ta’ sors;

(g)

is-sit ta’ ġbir;

(h)

it-tip ta’ ħabitat tas-sit ta’ ġbir;

(i)

il-kliem “taħlita ta’ preservazzjoni ta’ żerriegħa tal-pjanti tal-għalf, maħsuba sabiex tintuża f’żona li jkollha l-istess tip ta’ ħabitat bħas-sit ta’ ġbir, mingħajr kunsiderazzjoni għall-kundizzjonijiet bijotiċi”;

(j)

in-numru ta’ referenza tal-lott mogħti mill-persuna responsabbli mit-twaħħil tat-tikketti;

(k)

il-perċentwal bil-piż tal-komponenti bħala speċijiet u, fejn rilevanti, sottospeċijiet;

(l)

il-piż nett jew gross iddikjarat;

(m)

fejn jintużaw pestiċidi granulati, sustanzi f’għamla ta’ pretkuni jew addittivi solidi oħrajn, in-natura tal-addittiv kif ukoll il-proporzjon approssimattiv bejn il-piż tal-ħbub jew żrieragħ puri u l-piż totali għandhom jiġu indikati; u

(n)

fil-każ ta’ taħlitiet ta’ preservazzjoni tal-għelejjel li jikbru fiż-żona, rata ta’ ġerminazzjoni speċifika għall-komponenti tat-taħlita koperti mid-Direttiva 66/401/KEE li ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ ġerminazzjoni stabbiliti fl-Anness II ma’ dik id-Direttiva.

2.   Fir-rigward tal-punt (k) ta’ paragrafu 1, għandu jkun biżżejjed li jiġu indikati l-komponenti tat-taħlitiet ta’ preservazzjoni maħsudin direttament kif previst fl-Artikolu 4(3).

3.   Rigward il-punt (n) tal-paragrafu 1, għandu jkun biżżejjed li tiġi indikata medja ta’ dawn ir-rati ta’ ġerminazzjoni speċifiċi meħtieġa f’każ li l-għadd ta’ rati speċifiċi ta’ ġerminazzjoni biżżejjed jkun aktar minn ħamsa.

Artikolu 12

Monitoraġġ

Permezz ta’ monitoraġġ uffiċjali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-konformità ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 13

Rappurtar

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi li joperaw fit-territorju tagħhom jirrapportaw, għal kull staġun, l-ammont ta’ taħtlitiet ta’ preservazzjoni mqiegħed fis-suq.

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw, meta mitlubin, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn, l-ammont ta’ taħlitiet ta’ preservazzjoni li tpoġġa fis-suq fit-territorju tagħhom.

Artikolu 14

Notifika lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti għar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, meta mitlubin, lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet jew bl-organizzazzjonijiet għar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti rikonoxxuti għal dan l-għan mill-Istati Membri.

Artikolu 15

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva fil-31 ta’ Diċembru 2014.

Artikolu 16

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru 2011, il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Direttiva, lill-Kummissjoni.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU 125, 11.7.1966, p. 2298/66.

(2)  ĠU L 309, 13.12.1993, p. 1.

(3)  ĠU L 378, 23.12.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 162, 30.4.2004, p. 18.

(5)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 162, 21.6.2008, p. 13.

(7)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.


Top