Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0038

Direttiva tal-Kummissjoni 2010/38/UE tat- 18 ta’ Ġunju 2010 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġi inkluż is-sulfuryl fluoride bħala sustanza attiva (Test b’relevanza għaż-ŻEE )

OJ L 154, 19.6.2010, p. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

No longer in force, Date of end of validity: 13/06/2011; Impliċitament imħassar minn 32009R1107

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/38/oj

19.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/21


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2010/38/UE

tat-18 ta’ Ġunju 2010

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE biex jiġi inkluż is-sulfuryl fluoride bħala sustanza attiva

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment l-Artikolu 6(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, fid-29 ta’ Lulju 2002 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni mingħand id-Dow AgroScience għall-inklużjoni tas-sustanza attiva sulfuryl fluoride fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/131/KE (2) kkonfermat li l-fajl kien “komplut” fis-sens li seta’ jitqies li jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tad-dejta u tat-tagħrif tal-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE.

(2)

Għal din is-sustanza attiva, l-effetti fuq is-saħħa umana u l-ambjent ġew evalwati, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użi proposti mill-applikant. L-Istat Membri relatur ressaq abbozz ta’ rapport evalwattiv fid-29 ta’ Ottubru 2004.

(3)

Ir-rapport evalwattiv ġie rivedut inter pares mill-Istati Membri u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u ppreżentat lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Diċembru 2009 (3). L-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fit-12 ta’ Marzu 2010 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni għas-sulfuryl fluoride.

(4)

Mid-diversi eżamijiet li saru deher li l-prodotti li jipproteġu l-pjanti li fihom is-sulfuryl fluoride jistgħu jissodisfaw, b’mod ġenerali, dak li hemm mitlub fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) u fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 91/414/KEE, partikolarment dwar l-użi tagħhom li kienu eżaminati u li ngħataw dettalji dwarhom fir-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant huwa xieraq li s-sulfuryl fluoride jiġi inkluż fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, biex jiġi żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jinkludu din is-sustanza attiva jkunu jistgħu jingħataw b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

(5)

Bla ħsara għal din il-konklużjoni, huwa xieraq li jinkiseb iktar tagħrif dwar ċerti punti speċifiċi. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 91/414/KEE jistipula li l-inklużjoni ta’ sustanza fl-Anness I tista’ tkun suġġetta għal xi kundizzjonijiet. Fir-rigward tas-sulfuryl fluoride, huwa xieraq li n-notifikant ikun meħtieġ li jippreżenta aktar tagħrif dwar il-kundizzjonijiet tal-proċess tat-tħin li huma meħtieġa biex jiżguraw li r-reżidwi tal-jone tal-fluworu fiċ-ċereali ma jeċċedux il-levelli naturali tal-isfond, dwar il-konċentrazzjonijiet troposferiċi tas-sulfuryl fluoride u dwar l-istimi tat-tul tal-ħajja tas-sulfuryl fluoride fl-atmosfera.

(6)

Bla ħsara għall-obbligi ddefiniti mid-Direttiva 91/414/KEE bħala konsegwenza tal-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu ta’ sitt xhur wara l-inklużjoni biex jiġu riveduti l-awtorizzazzjonijiet provviżorji eżistenti tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sulfuryl fluoride biex ikun żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari fl-Artikolu 13 tagħha u l-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fl-Anness I, jiġu sodisfatti. L-Istati Membri għandhom jittrasformaw l-awtorizzazzjonijiet provviżorji eżistenti f’awtorizzazzjonijiet sħaħ, jemendawhom jew jirtirawhom b’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. Permezz ta’ deroga mil-limitu ta’ żmien imsemmi hawn fuq, għandu jiġi pprovdut żmien itwal għas-sottomissjoni u l-valutazzjoni tal-fajl sħiħ tal-Anness III ta’ kull prodott għall-ħarsien tal-pjanti għal kull użu maħsub b’konformità mal-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Għaldaqstant huwa xieraq li d-Diretttiva 91/414/KEE tiġi emendata skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ma’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar 2011. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva lill-Kummissjoni.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Marzu 2011.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza meta jiġu ppubblikati offiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom b’konformità mad-Direttiva 91/414/KEE, fejn hu meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw awtorizzazzjonijiet eżistenti għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom is-sulfuryl fluoride bħala sustanza attiva sat-28 ta’ Frar 2011. Sa din id-data, huma għandhom jivverifikaw b’mod partikolari li jintlaħqu l-kundizzjonijiet li huma marbutin mas-sulfuryl fluoride fl-Anness I ta’ din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ dawk identifikati fil-parti B tal-annotazzjoni li tikkonċerna s-sustanza attiva, u li d-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu, jew għandu aċċess għal, fajl li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness II ta’ din id-Direttiva skont il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) ta’ din id-Direttiva.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2010, l-Istati Membri għandhom jerġgħu jivvalutaw kull prodott awtorizzat għall-ħarsien tal-pjanti li fih is-sulfuryl fluoride, jew bħala l-unika sustanza attiva, jew inkella bħala waħda minn bosta sustanzi attivi li jkunu lkoll elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, skont il-prinċipji uniformi stipulati fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ dossier li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Anness III ta’ din id-Direttiva u billi titqies il-parti B tal-annotazzjoni fl-Anness I ta’ din id-Direttiva li tikkonċerna s-sulfuryl fluoride. Abbażi ta’ din l-evalwazzjoni, għandhom jistabbilixxu jekk il-prodott jissodisfax il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 4(1)(b), (c), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE.

Wara li ssir din l-aċċertazzjoni l-Istati Membri għandhom:

(a)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih is-sulfuryl fluoride bħala l-unika sustanza attiva, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni sa mhux aktar tard mit-29 ta’ Frar 2012; jew

(b)

fil-każ ta’ prodott li jkun fih is-sulfuryl fluoride bħala waħda fost bosta sustanzi attivi, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni, fejn meħtieġ, sad-29 ta’ Frar 2012 jew sad-data ffissata għal din l-emenda jew dan l-iritrar fid-Direttiva jew id-Direttivi rispettivi li żiedu s-sustanza jew is-sustanzi rilevanti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE, liema minnhom tkun l-aħħar.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2010.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, it-18 ta’ Ġunju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 37, 10.2.2004, p. 34.

(3)  The EFSA Journal 2010; 8(1):1441. [66 pp.] Konklużjoni dwar ir-reviżjoni inter pares tal-valutazzjoni tar-riskju tal-pestiċida tas-sustanza attiva sulfuryl fluoride (finalizzata: is-17 ta’ Diċembru 2009).


ANNESS

Fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE l-annotazzjoni li ġejja hija miżjuda fi tmiem it-tabella:

Nru

Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni

Isem tal-IUPAC

Purità (1)

Dħul fis-seħħ

Skadenza tal-inklużjoni

Dispożizzjonijiet speċifiċi

“311

Sulfuryl fluoride

CAS No 002699-79-8

CIPAC No 757

Sulfuryl Fluoride

> 994 g/kg

L-1 ta’ Novembru 2010

Il-31 ta’ Ottubru 2020

PARTI A

Jista’ jiġi awtorizzat biss biex jintuża bħala insettiċida/nematiċida (fumigant) applikat minn nies professjonali fi strutturi li jistgħu jkunu ssiġillati

(a)

li jkunu vojta; jew

(b)

fejn il-kundizzjonijiet tal-użu jaċċertaw li l-esponiment tal-konsumatur huwa aċċettabbli.

PARTI B

Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi tal-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ valutazzjoni dwar is-sulfuryl fluoride, u b’mod partikolari l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzati mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali fil-11 ta’ Mejju 2010 għandhom jiġu kkunsidrati.

F’din il-valutazzjoni globali, l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari:

għar-riskju tal-fluworidu inorganiku permezz ta’ prodotti kkontaminati, bħad-dqiq u n-nuħħala li jibqgħu fil-makkinarju tal-mitħna waqt il-fumigazzjoni, jew permezz ta’ qmuħ li jkunu maħżuna f’fossos fil-mitħna. Għandhom jittieħdu passi biex ikun żgur li dawn il-prodotti ma jidħlux fil-katina tal-ikel jew tal-għalf;

għar-riskju għall-operaturi u għall-ħaddiema, pereżempju meta jidħlu mill-ġdid f’bini ffumigat wara l-arjazzjoni. Huma meħtieġa l-miżuri li jiżguraw li dawn jilbsu apparat li jistgħu jieħdu n-nifs minnu jew xi apparat personali protettiv xieraq ieħor;

jitnaqqas ir-riskju għal min jinzerta jkun fil-viċinanzi billi japplikaw żona xierqa ta’ esklużjoni madwar il-bini ffumigat.

Il-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni għandhom jinkludu miżuri li jnaqqsu r-riskju, fejn ikun meħtieġ.

L-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li n-notifikant jippreżenta l-Kummissjoni b’aktar informazzjoni u b’mod partikolari, dejta konfermattiva dwar:

il-kundizzjonijiet tal-proċess tat-tħin meħtieġa biex jiżguraw li r-reżidwi tal-jone tal-fluworidu fid-dqiq, fin-nuħħala u fil-qmuħ ma jeċċedux il-livelli naturali tal-isfond;

il-konċentrazzjonijiet troposferiċi tas-sulfuryl fluoride. Il-konċentrazzjonijiet mkejla għandhom ikunu aġġornati regolarment. Il-limitu ta’ detezzjoni għall-analiżi għandu jkun ta’ talanqas 0,5 ppt (ekwivalenti għal 2,1 ng sulfuryl fluoride/m3 ta’ arja troposferika);

valutazzjonijiet tat-tul tal-ħajja tas-sulfuryl fluoride fl-arja bbażati fuq l-għar possibbiltajiet b’relazzjoni mal-potenzjal ta’ riskaldament globali (GWP).

Għandhom jiżguraw li n-notifikant jipprovdi din l-informazzjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Awwissu 2012.”


(1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni ta’ sustanzi attivi huma pprovduti fir-rapport ta’ reviżjoni.


Top