EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010L0032

Direttiva tal-Kunsill 2010/32/UE tal- 10 ta’ Mejju 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 134, 1.6.2010, p. 66–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 05 Volume 006 P. 272 - 278

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/32/oj

1.6.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/66


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2010/32/UE

tal-10 ta’ Mejju 2010

li timplimenta l-Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa li ġie konkluż mill-HOSPEEM u l-EPSU

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 155(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-imsieħba soċjali jistgħu, skont l-Artikolu 155(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien jitolbu biex il-ftehimiet konklużi minnhom fuq il-livell tal-Unjoni dwar kwistjonijiet koperti mill-Artikolu 153 tat-TFUE jiġu implimentati minn deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

(2)

Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Novembru 2008, l-organizzazzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej il-HOSPEEM (Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Min Iħaddem fis-Settur tal-Isptarijiet u tal-Kura tas-Saħħa, organizzazzjoni settorjali li tirrappreżenta lil min iħaddem) u l-EPSU (Federazzjoni Ewropea ta’ Unions tas-Servizz Pubbliku, organizzazzjoni Ewropea ta’ trade unions) infurmaw lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jidħlu f’negozjati f’konformità mal-Artikolu 138(4) u l-Artikolu 139 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (it-“Trattat KE”) (1) bil-ħsieb li jiġi konkluż Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa.

(3)

Fis-17 ta’ Lulju 2009 l-imsieħba soċjali Ewropej iffirmaw it-test ta’ Ftehim Qafas dwar il-prevenzjoni ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa.

(4)

Peress li l-għanijiet tad-Direttiva, jiġifieri biex jinkiseb l-aktar ambjent ta’ xogħol sikur possibbli permezz tal-prevenzjoni ta’ korrimenti mill-ħaddiema kkawżati mill-oġġetti mediċi kollha li jaqtgħu (inkluż tingiż ta’ labar) u permezz tal-protezzjoni tal-ħaddiema f’riskju fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri b’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(5)

Meta abbozzat il-proposta tagħha għal Direttiva, il-Kummissjoni qieset ir-rappreżentanza tal-partijiet firmatarji, wara li kkunsidrat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, għas-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa, il-mandat tagħhom u l-legalità tal-klawsoli fil-Ftehim Qafas u l-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet rilevanti fir-rigward ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

(6)

Il-Kummissjoni infurmat lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-proposta tagħha.

(7)

Fil-11 ta’ Frar 2010, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-proposta.

(8)

L-għan tal-Ftehim Qafas kif stabbilit fil-Klawsola 1 tiegħu huwa biex jinkiseb aħjar wieħed mill-għanijiet tal-politika soċjali, jiġifieri t-titjib tal-kondizzjonijiet tax-xogħol.

(9)

Il-Klawsola 11 tippermetti lill-Istati Membri u lill-Komunità (mill-1 ta’ Diċembru 2009 sostitwita bl-Unjoni) li jżommu u jintroduċu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-ħaddiema minn korrimenti kkawżati minn strumenti mediċi li jaqtgħu.

(10)

L-Istati Membri għandhom jipprevedu pieni effettivi, proporzjonali u dissważivi f’każ ta’ kwalunkwe ksur tal-obbligi taħt din id-Direttiva.

(11)

L-Istati Membri jistgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali, fuq talba konġunta tagħhom, bl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, bil-kondizzjoni li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li jkunu jistgħu jiggarantixxu f’kull ħin ir-riżultati imposti b’din id-Direttiva.

(12)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (2), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom, li, sa fejn hu possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva timplimenta l-Ftehim Kwadru dwar il-prevenzjoni kontra korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fl-isptarijiet u fis-settur tal-kura tas-saħħa ffirmat mill-imsieħba soċjali Ewropej il-HOSPEEM u l-EPSU fis-17 ta’ Lulju 2009, kif stabbilit fl-Anness.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw liema pieni huma applikabbli meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali ppromulgati f’konformità ma’ din id-Direttiva jiġu miksura. Il-pieni għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri meħtieġa permezz ta’ ftehim sa mhux aktar tard mill-11 ta’ Mejju 2013. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b’dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw mal-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fl-ambitu kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

Á. GONZÁLEZ-SINDE REIG


(1)  Rinumerati: Artikoli 154(4) u 155 tat-TFUE.

(2)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS

FTEHIM QAFAS DWAR IL-PREVENZJONI MINN KORRIMENTI KKAWŻATI MINN OĠĠETTI LI JAQTGĦU FIS-SETTUR TAL-ISPTARIJIET U L-KURA TAS-SAĦĦA

Preambolu:

1.

Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol hija kwistjoni li għandha tkun importanti għal dawk kollha fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa. It-teħid ta’ azzjoni għall-prevenzjoni u l-protezzjoni kontra korrimenti mhux meħtieġa, jekk titwettaq tajjeb, għandu jkollha effetti pożittivi fuq ir-riżorsi;

2.

Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huma importanti ħafna u huma marbutin mill-qrib mas-saħħa tal-pazjenti. Huma l-kondizzjonijiet għal kwalità ta’ kura aħjar;

3.

Il-proċess ta’ tfassil ta’ politika u implimentazzjoni fir-rigward ta’ strumenti mediċi li jaqtgħu għandu jkun ir-riżultat ta’ djalogu soċjali;

4.

Il-HOSPEEM (Assoċjazzjoni Ewropea ta’ Min Iħaddem fis-Settur tal-Isptarijiet u l-Kura tas-Saħħa) u l-EPSU (Union tas-Servizz Pubbliku Ewropew), l-imsieħba soċjali Ewropej rikonoxxuti fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa, qablu fuq dan li ġej:

Konsiderazzjonijiet Ġenerali:

1.

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u b’mod partikolari l-Artikoli 138 u 139 (2) tiegħu (1);

2.

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (2);

3.

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 89/655/KEE tat-30 ta’ Novembru 1989 li tirrigwarda l-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà u s-saħħa fl-użu tat-tagħmir tax-xogħol mill-ħaddiema fuq ix-xogħol (3);

4.

Wara li kkunsidraw id-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol (4);

5.

Wara li kkunsidraw l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol (5);

6.

Wara li kkunsidraw id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (6);

7.

Wara li kkunsidraw ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Lulju 2006 dwar il-protezzjoni ta’ persuni Ewropej li jaħdmu fis-settur tal-kura tas-saħħa minn infezzjonijiet fid-demm minħabba korrimenti minn tingiż ta’ labar (2006/2015(INI));

8.

Wara li kkunsidraw l-ewwel u t-tieni stadju ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta’ ħaddiema Ewropej fis-settur tal-kura tas-saħħa minn infezzjonijiet fid-demm minħabba korrimenti minn tinġiż ta’ labar;

9.

Wara li kkunsidraw l-eżitu tas-seminar tekniku tal-EPSU-HOSPEEM dwar korrimenti minn tingiż ta’ labar tas-7 ta’ Frar 2008;

10.

Wara li kkunsidraw il-ġerarkija ta’ prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE kif ukoll il-miżuri ta’ prevenzjoni definiti fl-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2000/54/KE;

11.

Wara li kkunsidraw il-linji gwida konġunti tal-ILO/WHO dwar is-servizzi tas-saħħa u l-HIV/AIDS u l-linji gwida konġunti tal-ILO/WHO dwar profilassi wara l-espożizzjoni għall-prevenzjoni tal-infezzjoni HIV;

12.

B’rispett sħiħ għal-leġislazzjoni nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi eżistenti;

13.

Billi jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġi evalwat kemm hija l-inċidenza ta’ korrimenti kkawżati minn oġġetti li jaqtgħu fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa, l-evidenza xjentifika turi li miżuri preventivi u ta’ protezzjoni jistgħu jnaqqsu b’mod sinifikanti l-okkorrenza ta’ aċċidenti u infezzjonijiet;

14.

Billi proċess sħiħ ta’ valutazzjoni tar-riskju huwa prekondizzjoni biex tittieħed azzjoni adatta għall-prevenzjoni ta’ korrimenti u infezzjonijiet;

15.

Billi min iħaddem, u r-rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema jeħtieġ li jikkoperaw biex jipprevjenu u jipproteġu lill-ħaddima minn korrimenti u infezzjonijiet minn strumenti mediċi li jaqtgħu;

16.

Billi l-ħaddiema fis-settur tal-kura tas-saħħa huma primarjament iżda mhux esklussivament imħassbin dwar korrimenti kkawżati minn strumenti li jaqtgħu;

17.

Billi studenti li qed jieħdu taħriġ kliniku, bħala parti mill-edukazzjoni tagħhom, mhumiex ikkunsidrati bħala ħaddiema taħt dan il-ftehim, huma għandhom ikunu koperti minn miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni kif spjegat f’dan il-ftehim, bir-responsabbiltajiet regolati skont il-leġislazzjoni u l-prattika nazzjonali;

Klawsola 1:   Għan

L-għan ta’ dan il-ftehim qafas huwa:

Li jintlaħaq l-aktar ambjent ta’ xogħol sikur possibbli;

Li jiġu evitati l-korrimenti minn ħaddiema kkawżati mill-istrumenti mediċi li jaqtgħu kollha (inkluż tingiż ta’ labar);

Li jiġu mħarsal-ħaddiema f’riskju;

Li jiġi stabbilit approċċ integrat li jistabbilixxi linji ta’ politika fil-valutazzjoni tar-riskju, il-prevenzjoni tar-riskju, it-taħriġ, l-informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-monitoraġġ;

Li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ rispons u ta’ segwitu;

Klawsola 2:   Kamp ta’ applikazzjoni

Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema kollha fis-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa, u dawk kollha li huma taħt l-awtorità maniġerjali u ta’ superviżjoni ta’ min iħaddem. Min iħaddem għandu jagħmel kull sforz biex jiżgura li s-subkuntratturi jsegwu d-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dan il-ftehim.

Klawsola 3:   Definizzjonijiet

Skont it-tifsira ta’ dan il-ftehim:

1.

    Ħaddiema: kwalunkwe persuna impjegata minn min iħaddem inklużi dawk li qed jitħarrġu u apprendisti f’servizzi u attivitajiet li huma direttament relatati mas-settur tal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa. Ħaddiema li huma impjegati minn impriża ta’ impjieg temporanju skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE li tissupplimenta l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ impjieg b’dewmien fiss jew ta’ impjieg temporanju (7) jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim.

2.

    Postijiet tax-xogħol koperti: organizzazzjonijiet/servizzi tal-kura tas-saħħa fis-settur pubbiku u privat, u kull post ieħor fejn isiru u jingħataw servizzi/attivitajiet marbutin mas-saħħa, taħt l-awtorità maniġerjali u s-superviżjoni ta’ min iħaddem.

3.

    Min iħaddem: persuni/organizzazzjonijiet fiżiċi/ġuridiċi li għandhom relazzjoni ta’ impjieg mal-ħaddiema. Dawn huma responsabbli għall-ġestjoni, l-organizzazzjoni u l-provvista ta’ kura tas-saħħa u servizzi/attivitajiet direttament relatati li jingħataw mill-ħaddiema.

4.

    Oġġetti li jaqtgħu: oġġetti jew strumenti meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet speċifiċi tal-kura tas-saħħa, li jistgħu jaqtgħu, iniggżu, jikkawżaw korrimenti u/jew infezzjonijiet. L-istrumenti li jaqtgħu huma kkunsidrati bħala tagħmir tax-xogħol skont it-tifsira tad-Direttiva 89/655/KEE dwar it-tagħmir tax-xogħol.

5.

    Ġerarkija ta’ miżuri: definita skont l-ordni tal-effettività biex jiġu evitati, eliminati u mnaqqsin ir-riskji kif definit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE u l-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2000/54/KE.

6.

    Miżuri speċifiċi ta’ prevenzjoni: miżuri li jittieħdu għall-prevenzjoni ta’ korrimenti u/jew it-trasmissjoni ta’ infezzjoni fil-provvista ta’ servizzi u attivitajiet direttament relatati mal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa, inkluż l-użu tal-aktar tagħmir sikur meħtieġ, ibbażat fuq il-valutazzjoni tar-riskju u metodi sikuri ta’ mmaniġġar tar-rimi ta’ strumenti mediċi li jaqtgħu.

7.

    Rappreżentanti tal-ħaddiema: kull persuna eletta, magħżula jew maħtura skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali biex tirrappreżenta l-ħaddiema.

8.

    Rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema huma definiti f’konformità mal-Artikolu 3(c) tad-Direttiva 89/391/KEE bħala kwalunkwe persuna eletta, magħżula jew maħtura skont il-liġijiet u/jew prattiċi nazzjonali sabiex tirrappreżenta ħaddiema li jkollhom problemi li jkollhom x’jaqsmu mas-sigurtà u mal-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

9.

    Subkuntrattur: kwalunkwe persuna li tieħu azzjoni f’servizzi u attivitajiet direttament relatati mal-isptarijiet u l-kura tas-saħħa fil-qafas tar-relazzjonijiet kuntrattwali ta’ xogħol stabbiliti ma’ min iħaddem.

Klawsola 4:   Prinċipji

1.

Forza tax-xogħol fis-settur tas-saħħa li hija mħarrġa tajjeb, bir-riżorsi adegwati u sikuri hija essenzjali għall-prevenzjoni tar-riskji ta’ korrimenti u infezzjonijiet minn strumenti mediċi li jaqtgħu. Il-prevenzjoni tal-espożizzjoni għar-riskju hija strateġija fundamentali biex jiġi eliminat u minimizzat ir-riskju ta’ korrimenti u infezzjonijiet miksuba fuq il-post tax-xogħol.

2.

Ir-rwol tar-rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà huwa fundamentali fil-prevenzjoni tar-riskju u l-protezzjoni.

3.

Min iħaddem għandu d-dover li jassigura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema f’kull aspett marbut max-xogħol, inklużi l-fatturi psikosoċjali u l-organizzazzjoni tax-xogħol.

4.

Għandha tkun ir-responsabbiltà ta’ kull ħaddiem – sakemm huwa possibbli – li jieħu ħsieb is-sigurtà u s-saħħa tiegħu u ta’ persuni oħra li huma affettwati mill-azzjonijiet tiegħu fuq il-post tax-xogħol, f’konformità mat-taħriġ tiegħu u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddmu.

5.

Min iħaddem għandu jiżviluppa ambjent fejn il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom ikunu qed jieħdu sehem fl-iżvilupp ta’ linji ta’ politika u prattika dwar is-saħħa u s-sigurtà.

6.

Il-prinċipju tal-miżuri ta’ prevenzjoni speċifiċi li ġejjin indikati fil-Klawsoli 5 - 10 tal-ftehim attwali ifisser li wieħed qatt m’għandu jassumi li ma jeżisti l-ebda riskju. Il-ġerarkija ta’ prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/391/KEE u l-Artikoli 3, 5 u 6 tad-Direttiva 2000/54/KE hija applikabbli.

7.

Min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema għandhom jaħdmu flimkien fil-livell adatt biex jeliminaw u jipprevjenu r-riskji, iħarsu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, u joħolqu ambjent tax-xogħol sikur, inkluż konsultazzjoni dwar l-għażla u l-użu ta’ tagħmir sikur, waqt li jidentifikaw kif l-aħjar li jsiru t-taħriġ, l-informazzjoni u l-proċessi ta’ sensibilizzazzjoni.

8.

Jeħtieġ li tittieħed azzjoni permezz ta’ proċess ta’ informazzjoni u konsultazzjoni, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew ftehimiet kollettivi.

9.

L-effettività ta’ miżuri ta’ sensibilizzazzjoni tinkludi obbligi kondiviżi bejn min iħaddem, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom.

10.

Bil-kisba ta’ ambjent ta’ xogħol l-aktar sikur possibbli, huwa essenzjali li jkun hemm flimkien miżuri ta’ ppjanar, sensibilizzazzjoni, informazzjoni, taħriġ, prevenzjoni u monitoraġġ.

11.

Tiġi promossal-kultura ta’ “bla tort”. Il-proċedura tar-rappurtar ta’ inċidenti għandha tiffoka fuq fatturi sistemiċi aktar milli fuq żbalji individwali. Ir-rappurtar sistematiku tal-inċidenti għandu jiġi kkunsidrat bħala proċedura aċċettata.

Klawsola 5:   Valutazzjoni tar-Riskju

1.

Il-proċeduri tal-valutazzjoni tar-riskju għandhom isiru f’konformità mal-Artikoli 3 u 6 tad-Direttiva 2000/54/KE, u l-Artikoli 6 u 9 tad-Direttiva 89/391/KEE.

2.

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tinkludi d-determinazzjoni tal-espożizzjoni għar-riskju, waqt li tiġi mifhuma l-importanza ta’ ambjent ta’ xogħol li jkollu riżorsi tajbin u jkun organizzat tajjeb u għandu jkopri s-sitwazzjonijiet kollha fejn hemm korriment, demm jew materjal ieħor li huwa potenzjalment infettiv.

3.

Il-valutazzjonijiet tar-riskju għandhom iqisu t-teknoloġija, l-organizzazzjoni tax-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-livell ta’ kwalifiki, il-fatturi psikosoċjali marbutin max-xogħol u l-influwenza ta’ fatturi relatati mal-ambjent tax-xogħol. Din għandha:

Tidentifika kif tista’ tiġi eliminata l-espożizzjoni;

Tikkunsidra sistemi alternattivi possibbli;

Klawsola 6:   Eliminazzjoni, prevenzjoni u protezzjoni

1.

Fejn ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju juru li hemm riskju ta’ korrimenti minn strumenti li jaqtgħu u/jew infezzjoni, l-espożizzjoni tal-ħaddiema għandha tiġi eliminata billi jittieħdu l-miżuri li ġejjin, mingħajr preġudizzju għall-ordni ta’ prijorità:

L-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri sikuri għall-użu u r-rimi ta’ strumenti mediċi li jaqtgħu u ta’ skart ikkontaminat. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu vvalutati mill-ġdid regolarment u għandhom jiffurmaw parti integrali tal-miżuri għall-informazzjoni u t-taħriġ tal-ħaddiema msemmijin fil-klawsola 8;

L-eliminazzjoni tal-użu mhux meħtieġ ta’ strumenti li jaqtgħu billi jiġu implimentati bidliet fil-prattika u abbażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju, il-provvediment ta’ tagħmir mediku li jinkludi mekkaniżmi ta’ protezzjoni u sikurezza;

Il-projbizzjoni b’effett immedjat tal-prattika tat-tqegħid mill-ġdid tal-għata protettiva tal-labra.

2.

B’kont meħud tal-attività u l-valutazzjoni tar-riskju, ir-riskju ta’ espożizzjoni għandu jitnaqqas għal livell baxx kemm jista’ jkun sabiex jiġu protetti adegwatament is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema kkonċernati. Il-miżuri li ġejjin għandhom jiġu applikati fid-dawl tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju:

Għandhom jiġu attwati proċeduri ta’ rimi aktar effettivi u jitpoġġew kontenituri mmarkati b’mod ċar u teknikament sikuri għall-immaniġġar ta’ strumenti li jaqtgħu u tagħmir ta’ injezzjoni li jintremew wara l-użu kemm jista’ jkun qrib iż-żoni vvalutati fejn ikunu qed jintużaw jew fejn jinsabu strumenti li jaqtgħu;

Ikun hemm prevenzjoni tar-riskju ta’ infezzjonijiet billi jiġu implimentati sistemi sikuri ta’ xogħol, billi:

a.

Tiġi żviluppata politika ġenerali koerenti ta’ prevenzjoni, li tkopri t-teknoloġija, l-organizzazzjoni tax-xogħol, il-kondizzjonijiet tax-xogħol, il-fatturi psikosoċjali relatati max-xogħol u l-influwenza ta’ fatturi relatati mal-ambjent tax-xogħol;

b.

Isir taħriġ;

c.

Isiru proċeduri ta’ sorveljanza tas-saħħa, f’konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/54/KE;

Isir użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali.

3.

Jekk il-valutazzjoni msemmija fil-klawsola 5 turi li hemm riskju għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema minħabba l-espożizzjoni tagħhom għal aġenti bijoloġiċi li għalihom jeżisti tilqim effettiv, il-ħaddiema għandhom jiġu offruti t-tilqima.

4.

It-tilqim u, jekk meħtieġ, it-tilqim mill-ġdid għandu jitwettaq skont il-liġi u/jew il-prattika nazzjonali, inkluż id-determinazzjoni tat-tip ta’ vaċċini.

Il-ħaddiema għandhom ikunu infurmati dwar il-benefiċċji u l-iżvantaġġi kemm jekk tittieħed it-tilqima kif ukoll jekk ma titteħidx;

It-tilqim għandu jkun bla ħlas għall-ħaddiema u l-istudenti kollha li jagħtu l-kura tas-saħħa u attivitajiet relatati fuq il-post tax-xogħol;

Klawsola 7:   Informazzjoni u sensibilizzazzjoni

Billi l-istrumenti li jaqtgħu huma kkunsidrati bħala tagħmir tax-xogħol fit-tifsira tad-Direttiva 89/655/KEE (8), minbarra li jiġu offruti informazzjoni u struzzjonijiet bil-miktub lill-ħaddiema kif speċifikat fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/655/KEE, min iħaddem għandu jieħu l-miżuri adatti li ġejjin:

Jevidenzja r-riskji differenti;

Jagħti parir dwar il-leġislazzjoni eżistenti;

Jippromwovi prattika tajba rigward il-prevenzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ inċidenti/aċċidenti;

Joħloq sensibilizzazzjoni permezz tal-iżvilupp ta’ attivitajiet u materjal promozzjonali bi sħab ma’ trade unions rappreżentattivi u/jew rappreżentanti tal-ħaddiema;

Jipprovdi informazzjoni dwar programmi ta’ appoġġ disponibbli.

Klawsola 8:   Taħriġ

Minbarra l-miżuri stabbiliti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/54/KE, għandu jkun disponibbli għall-ħaddiema t-taħriġ adatt dwar linji ta’ politika u proċeduri assoċjati ma’ korrimenti kkawżati minn strumenti li jaqtgħu, inkluż:

L-użu korrett ta’ tagħmir mediku li jinkorpora mekkaniżmi ta’ protezzjoni fi strumenti li jaqtgħu;

Kors ta’ taħriġ għall-impjegati ġodda u temporanji kollha;

Ir-riskju assoċjat mal-espożizzjoni għad-demm u l-fluwidi tal-ġisem;

Miżuri ta’ prevenzjoni li jinkludu l-prekawzjonijiet standard, is-sistemi sikuri ta’ xogħol, il-proċeduri korretti ta’ użu u rimi, l-importanza tat-tilqim, skont il-proċeduri fuq il-post tax-xogħol;

Il-proċeduri ta’ rappurtar, rispons u monitoraġġ u l-importanza tagħhom;

Il-miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ korrimenti.

Min iħaddem għandu jorganizza u jipprovdi taħriġ li huwa obbligatorju għall-ħaddiema. Min iħaddem għandu jippermetti lil dawk il-ħaddiema li huma meħtieġa jattendu għal taħriġ biex jattendu. Dan it-taħriġ għandu jkun disponibbli fuq bażi regolari waqt li jittieħed kont tar-riżultati tal-monitoraġġ, il-modernizzazzjoni u t-titjib.

Klawsola 9:   Rappurtar

1.

Dan jinkludi r-reviżjoni tal-proċeduri ta’ rappurtar fis-seħħ minn rappreżentanti tas-saħħa u s-sigurtà u/jew rappreżentanti adatti ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema. Il-mekkaniżmi ta’ rappurtar għandhom jinkludu sistemi lokali, nazzjonali u Ewropej.

2.

Il-ħaddiema għandhom jirrappurtaw minnufih kwalunkwe aċċident jew inċident li jinvolvi strumenti li jaqtgħu lil min iħaddem u/jew il-persuna inkarigata, u/jew il-persuna responsabbli għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol.

Klawsola 10:   Rispons u Segwitu

Il-linji ta’ politika u l-proċeduri għandhom ikunu fis-seħħ meta jsir korriment ikkawżat minn strument li jaqta’. Il-ħaddiema kollha għandhom ikunu infurmati dwar dawn il-linji ta’ politika u l-proċeduri. Dawn għandhom ikunu konformi mal-leġislazzjoni u l-ftehimiet kollettivi Ewropej u nazzjonali/reġjonali, kif adatt.

B’mod partikolari, għandha tittieħed l-azzjoni li ġejja:

Min iħaddem għandu jieħu l-passi immedjati għall-kura tal-ħaddiem li korra, inkluż il-provvista ta’ profilassi wara l-espożizzjoni u t-testijiet mediċi meħtieġa fejn indikat għal raġunijiet mediċi, u sorveljanza tas-saħħa adatta skont il-Klawsola 6 §2,c;

Min iħaddem għandu jinvestiga l-kawżi u ċ-ċirkostanzi u jirreġistra l-aċċident/l-inċident, filwaqt li jieħu l-azzjoni meħtieġa, fejn adatt. Il-ħaddiem għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti fil-mument adatt biex jiġu kkompletati d-dettalji dwar l-aċċident jew l-inċident;

F’każijiet ta’ korriment, min iħaddem għandu jikkunsidra l-passi li ġejjin li jinkludu l-għoti ta’ pariri lill-ħaddiema fejn adatt u kura medika garantita. Ir-rijabilitazzjoni, il-prosegwiment tal-impjieg u l-aċċess għal kumpens għandhom ikunu konformi mal-ftehimiet jew il-leġislazzjoni nazzjonali u/jew settorjali;

Il-konfidenzjalità dwar il-korriment, id-dijanjosi u t-trattament hija ta’ importanza kbira u għandha tiġi rispettata.

Klawsola 11:   Implimentazzjoni

Dan il-ftehim ser ikun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali u Komunitarji (9) eżistenti jew futuri li huma aktar favur il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra korrimenti kkawżati minn strumenti mediċi li jaqtgħu.

Il-partijiet firmatarji qed jitolbu lill-Kummissjoni biex tippreżenta dan il-Ftehim Qafas lill-Kunsill għal deċiżjoni biex dan il-Ftehim isir vinkolanti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

Jekk implimentat permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, fuq livell Ewropew u bla ħsara għar-rwol rispettiv tal-Kummissjoni, tal-qrati nazzjonali u tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim, tista’ tiġi riferita mill-Kummissjoni lill-partijiet firmatarji li għandhom jagħtu l-opinjoni tagħhom.

Il-partijiet firmatarji għandhom jirrevedu l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim ħames snin wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill jekk dan jintalab minn waħda mill-partijiet għall-ftehim.

Brussell, is-17 ta’ Lulju 2009

Għall-EPSU

Karen JENNINGS

Għall-HOSPEEM

Godfrey PERERA


(1)  Rinumerati: Artikoli 154 u 155(2) tat-TFUE.

(2)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(3)  ĠU L 393, 30.12.1990, p. 13. Sussegwentement, id-Direttiva ġiet ikkodifikata fid-Direttiva 2009/104/KE, ĠU L 260, 3.10.2009, p. 5.

(4)  ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21.

(5)  COM(2007) 62 finali, 21.2.2007.

(6)  ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

(7)  ĠU L 206, 29.7.1991, p. 19.

(8)  Sussegwentement id-Direttiva ġiet ikkodifikata fid-Direttiva 2009/104/KE.

(9)  “Komunità” ġiet sostitwita b’“Unjoni” mill-1 ta’ Diċembru 2009.


Top