EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0685

2010/685/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 10 ta’ Novembru 2010 li temenda l-Kapitolu 3 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 293, 11.11.2010, p. 67–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 12 Volume 005 P. 97 - 101

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/685/oj

11.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 293/67


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-10 ta’ Novembru 2010

li temenda l-Kapitolu 3 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/685/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trażmissjoni tal-gass naturali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 715/2009 jistabbilixxi linji gwida dwar id-definizzjoni tal-informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-netwerk biex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema.

(2)

Il-linji gwida għandhom jintroduċu rekwiżiti ta’ trasparenza sabiex jiżguraw aċċess effettiv għas-sistemi tat-trażmissjoni tal-gass naturali u biex jipprovdu garanzija minima tal-kundizzjonijiet ugwali ta’ aċċess għas-suq fil-prattika.

(3)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 715/2009,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Il-Kapitolu 3 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 715/2009 huwa sostitwit bit-test tal-Anness għal din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mit-3 ta’ Marzu 2011.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.


ANNESS

“3.   Definizzjoni tal-informazzjoni teknika meħtieġa mill-utenti tan-netwerk sabiex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema, id-definizzjoni tal-punti kollha rilevanti għar-rekwiżiti ta’ trasparenza u l-informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti kollha rilevanti u l-iskeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni

3.1.   Definizzjoni tal-informazzjoni teknika meħtieġa għall-utenti tan-netwerk biex jiksbu aċċess effettiv għas-sistema

3.1.1.   Il-forma tal-pubblikazzjoni

(1)

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3.1.2 u l-paragrafi 3.3(1) sa 3.3(5) bil-mod li ġej:

(a)

fuq sit tal-Internet aċċessibbli għall-pubbliku, mingħajr ħlas u mingħajr ebda ħtieġa li tirreġistra jew tiffirma b’xi mod ieħor mal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(b)

fuq bażi regolari/kontinwa; il-frekwenza għandha tkun skont it-tibdil li jsir u t-tul ta’ żmien tas-servizz;

(c)

b’mod li huwa faċli għall-użu;

(d)

b’mod ċar, kwantifikabbli, aċċessibbli faċilment għall-użu u fuq bażi mhux diskrimintorja;

(e)

b’format li jista’ jiġi mniżżel mill-Internet u li jippermetti analiżi kwantitattiva;

(f)

f’unitajiet konsistenti, b’mod partikolari kWh (b’temperatura ta’ referenza ta’ kombustjoni ta’ 298,15 K) għandha tkun l-unità għall-kontenut tal-enerġija u m3 (b’273,15 K u 1,01325 bar) għandhom ikunu l-unità għall-volum. Il-fattur ta’ konverżjoni kostanti għall-kontenut tal-enerġija għandu jkun ipprovdut. Barra mill-format ta’ hawn fuq, hija possibbli wkoll il-pubblikazzjoni f’unitajiet oħrajn;

(g)

fil-lingwa/i uffiċjali tal-Istat Membru u bl-Ingliż.

(2)

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu d-dettalji dwar it-tibdiliet attwali msemmija fil-paragrafu 3.1.2 u l-paragrafu 3.3(1) sa 3.3(5) fil-ħin hekk kif ikunu disponibbli għalihom.

3.1.2.   Il-kontenut tal-pubblikazzjoni

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom għall-inqas jippubblikaw l-informazzjoni li ġejja dwar is-sistemi u s-servizzi tagħhom:

(a)

deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tas-servizzi differenti offruti u l-ħlasijiet tagħhom;

(b)

it-tipi differenti ta’ kuntratti ta’ trasportazzjoni disponibbli għas-servizzi tagħhom;

(c)

il-kodiċi tan-netwerk u/jew il-kundizzjonijiet standard li jindikaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-utenti tan-netwerk kollha, inklużi:

1.

kuntratti ta’ trasportazzjoni armonizzati u dokumenti rilevanti oħra;

2.

jekk ikun rilevanti għall-aċċess għas-sistema, għall-punti rilevanti kollha kif definiti fil-paragrafu 3.2 ta’ dan l-Anness, speċifikazzjoni tal-parametri tal-kwalità tal-gass rilevanti, inkluż mill-inqas il-valur kalorifiku gross u l-indiċi Wobbe u r-responsabbiltà jew l-ispejjeż tal-konverżjoni għall-utenti tan-netwerk f’każ li l-gass ma jkunx jaqbel ma’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet;

3.

jekk ikun rilevanti għall-aċċess għas-sistema, għall-punti rilevanti kollha, informazzjoni dwar ir-rekwiżiti tal-pressjoni;

4.

il-proċedura f’każ ta’ interruzzjoni ta’ kapaċità interrompibbli, inklużi, meta applikabbli, il-ħin, il-medda u l-klassifikazzjoni tal-interruzzjonijiet individwali (pereżempju pro-rata jew interruzzjoni ta’ min jiġi l-ewwel, jiġi l-aħħar).

(d)

il-proċeduri armonizzati applikati meta tkun qed tintuża s-sistema ta’ trażmissjoni, inkluż id-definizzjoni ta’ termini ewlenin;

(e)

dispożizzjonijiet dwar l-allokazzjoni tal-kapaċità, il-ġestjoni tal-konġestjoni u l-proċeduri ta’ kontra l-ikkapparrar u l-proċeduri ta’ riutilizzazzjoni;

(f)

ir-regoli applikabbli għall-kummerċ tal-kapaċità fis-suq sekondarju vis-à-vis l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(g)

ir-regoli dwar l-ibbilanċjar u l-metodoloġija tal-kalkolu għall-ħlasijiet tal-iżbilanċ;

(h)

jekk huwa applikabbli, il-livelli ta’ flessibbiltà u tolleranza inklużi fit-trasportazzjoni u servizzi oħrajn mingħajr ħlas separat, kif ukoll kwalunkwe flessibbiltà offruta flimkien ma’ dan u l-ħlasijiet korrispondenti;

(i)

deskrizzjoni dettaljata tas-sistema tal-gass tal-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-punti rilevanti tagħha tal-interkonnessjoni kif definiti fil-paragrafu 3.2 ta’ dan l-Anness kif ukoll l-ismijiet tal-operaturi tas-sistemi jew faċilitajiet interkonnessi;

(j)

ir-regoli applikabbli għall-konnessjoni mas-sistema operata mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(k)

informazzjoni dwar mekkaniżmi ta’ emerġenza, sakemm tkun ir-responsabbiltà tal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni, bħal miżuri li jistgħu jwasslu għall-qtugħ tas-servizz ta’ gruppi ta’ konsumaturi u regoli ġenerali oħra ta’ responsabbiltà li japplikaw għall-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni;

(l)

proċeduri maqbula mill-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni f’punti ta’ interkonnessjoni, ta’ rilevanza għall-aċċess ta’ utenti tan-netwerk tas-sistemi ta’ trażmissjoni konċernati, relatati mal-interoperabbiltà tan-netwerk, proċeduri maqbula dwar il-proċeduri tan-nominazzjoni u l-qbil u proċeduri maqbula oħra li jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-allokazzjonijiet tal-fluss tal-gass u l-ibbilanċjar, inklużi l-metodi użati;

(m)

L-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni għandhom jippubblikaw deskrizzjoni dettaljata u komprensiva tal-metodoloġija u l-proċess, inkluża l-informazzjoni dwar il-parametri użati u s-suppożizzjonijiet ewlenin, użati biex tiġi kkalkulta l-kapaċità teknika.

3.2.   Definizzjoni tal-punti rilevanti kollha għar-rekwiżiti ta’ trasparenza

(1)

Il-punti rilevanti għandhom jinkludu għall-inqas:

(a)

il-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ kollha għal u minn netwerk ta’ trażmissjoni mħaddma minn operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni, bl-eċċezzjoni tal-punti ta’ ħruġ konnessi ma’ konsumatur finali waħdieni, u bl-eċċezzjoni ta’ punti ta’ dħul marbuta direttament ma’ faċilità ta’ produzzjoni ta’ produttur waħdieni li jinsab fl-UE;

(b)

il-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ kollha konnessi maż-żoni tal-ibbilanċjar tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni;

(c)

il-punti kollha li jikkonnettjaw in-network ta’ operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni ma’ terminal LNG, ċentri fiżiċi tal-gass, faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ produzzjoni, sakemm dawn il-faċilitajiet ta’ produzzjoni ma jkunux eżenti taħt il-punt (a);

(d)

il-punti kollha li jikkonnettjaw in-netwerk ta’ operatur tas-sistema ta’ trasmissjoni partikolari ma’ infrastruttura meħtieġa biex tipprovdi servizzi anċillari kif previst fl-Artikolu 2(14) tad-Direttiva 2009/73/KE.

(2)

L-informazzjoni għal konsumatur finali waħdieni u għall-faċilitajiet ta’ produzzjoni, li hija eskluża mid-definizzjoni ta’ punti rilevanti kif deskritt fil-punt 3.2(1)(a), għandha tiġi ppubblikata f’format aggregat, mill-inqas għal kull żona ta’ bbilanċjar. L-aggregazzjoni ta’ konsumatur finali waħdieni u ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni, li huma esklużi mid-definizzjoni ta’ punti rilevanti kif deskritti fi 3.2(1)(a), għandha tkun ikkunsidrata bħala punt wieħed rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dan l-Anness.

(3)

Meta l-punti bejn tnejn jew tliet operaturi ta’ trażmissjoni jkunu mmexxija mill-operaturi tas-sistema kkonċernata biss, b’ebda involviment kuntrattwali jew operazzjonali ta’ utenti tas-sistema jkun xi jkun, jew meta l-punti jikkonnettjaw sistema ta’ trażmizzjoni ma’ sistema ta’ distribuzzjoni u ma jkun hemm l-ebda konġestjoni kuntrattwali f’dawn il-punti, l-operaturi tas-sistema ta’ tranżizzjoni għandhom jiġu eżentati għal dawn il-punti mill-obbligu li jippubblikaw ir-rekwiżiti skont il-paragrafu 3.3 ta’ dan l-Annes L-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ titlob lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni jippubblikaw ir-rekwiżiti skont il-paragrafu 3.3 ta’ dan l-Anness għall-gruppi mill-punti eżentati jew il-punti eżentati kollha. F’każ bħal dan, l-informazzjoni, jekk tkun disponibbli għat-TSO, għandha tiġi ppubblikata f’forma aggregata f’livell li jagħmel sens, mill-inqas għal kull żona ta’ bbilanċjar. Għall-applikazzjoni ta’ dan l-Anness, din l-aggregazzjoni ta’ dawn il-punti għandha tiġi kkunsidrata bħala punt rilevanti wieħed.

3.3.   Informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fil-punti rilevanti kollha u l-iskeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni

(1)

Fil-punti rilevanti kollha, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw l-informazzjoni kif elenkata fil-paragrafi (a) sa (g), għas-servizzi u s-servizzi anċillari kollha pprovduti (b’mod partikolari informazzjoni dwar it-taħlit, il-forniment u l-konverżjoni). Din l-informazzjoni għandha tiġi ppubblikata fuq bażi numerika, f’perjodi ta’ kull siegħa jew ta’ kuljum li jkunu daqs l-iżgħar perjodu ta’ referenza għar-riserva tal-kapaċità u r-(ri)nominazzjoni u l-iżgħar perjodu ta’ ssetiljar li għalih jiġu kkalkulati il-ħlasijiet tal-iżbilanċ. Jekk l-iżgħar perjodu ta’ referenza huwa differenti minn perjodu ta’ kuljum, l-informazzjoni kif elenkata fil-paragrafi (a) sa (g) għandha tkun disponibbli anke għall-perjodu ta’ kuljum. Din l-informazzjoni u dawn l-aġġornamenti għandhom jiġu ppubblikati hekk kif ikunu disponibbli għall-operatur tas-sistema (‘kważi fil-ħin reali’).

(a)

il-kapaċità teknika għall-flussi fiż-żewġ direzzjonijiet;

(b)

il-kapaċità totali kostanti u interrompibbli fiż-żewġ direzzjonijiet;

(c)

in-nominazzjonijiet u r-rinominazzjonijiet fiż-żewġ direzzjonijiet;

(d)

il-kapaċità disponibbli soda u interrompibbli fiż-żewġ direzzjonijiet;

(e)

il-flussi fiżiċi attwali;

(f)

interruzzjoni pjanata u attwali ta’ kapaċità interrompibbli;

(g)

interruzzjonijiet pjanati u mhux pjanati għal servizzi sodi kif ukoll l-informazzjoni dwar ir-restawr tas-servizzi sodi (fost l-oħrajn, il-manutenzjoni tas-sistema u t-tul ta’ żmien probabbli ta’ kwalunkwe interruzzjoni minħabba l-manutenzjoni). L-interruzzjonijiet pjanati għandhom jiġu ppubblikati mill-inqas 42 ġurnata bil-quddiem.

(2)

Fil-punti rilevanti kollha, l-informazzjoni skont il-paragrafu 3.3(1)(a), (b) u (d) għandha tiġi ppubblikata għal perjodu ta’ mill-inqas 18-il xahar bil-quddiem.

(3)

Fil-punti rilevanti kollha, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw l-informazzjoni storika dwar ir-rekwiżiti tal-paragrafu 3.3(1) (a) sa (g) għall-ħames snin li għaddew fuq bażi kontinwa.

(4)

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw il-valuri mkejla tal-valur kalorifiku gross jew l-indiċi Wobbe fil-punti rilevanti kollha, kuljum. Il-figuri preliminarji għandhom jiġu ppubblikati l-iktar tard tlett ijiem wara l-ġurnata tal-gass rispettiva. Il-figuri finali għandhom jiġu ppubblikati fi żmien tliet xhur wara tmiem ix-xahar rispettiv.

(5)

Għall-punti rilevanti kollha, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw il-kapaċitajiet disponibbli, il-kapaċitajiet irriservati u tekniċi, fuq bażi annwali matul is-snin kollha fejn il-kapaċità tiġi kuntrattata u għal sena addizzjonali, u mill-inqas għall-10 snin li jmiss. L-informazzjoni għandha tiġi aġġornata mill-inqas kull xahar jew iktar ta’ spiss, jekk tkun disponibbli informazzjoni ġdida. Il-pubblikazzjoni għandha tirrifletti l-perjodu li għalih il-kapaċità tkun offruta għas-suq.

3.4.   Informazzjoni li l-pubblikazzjoni tagħha tkun meħtieġa fir-rigward tas-sistema ta’ trażmissjoni u l-iskeda kalendarja tal-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni

(1)

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiżguraw li l-pubblikazzjoni ssir kuljum u li kuljum jiġu aġġornati l-ammonti aggregati tal-kapaċitajiet offruti, u kuntrattati fis-suq sekondarju (jiġifieri, mibjugħa minn utent tan-netwerk wieħed għal utent tan-netwerk ieħor), meta l-informazzjoni tkun disponibbli għat-TSO. Din l-informazzjoni għandha tinkludi l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-punt ta’ interkonnessjoni fejn tinbiegħ il-kapaċità;

(b)

it-tip ta’ kapaċità, jiġifieri dħul, ħruġ, kostanti, interrompibbli;

(c)

il-kwantità u t-tul ta’ żmien tad-drittijiet tal-użu tal-kapaċità;

(d)

it-tip ta’ bejgħ, eżempju t-trasferiment jew l-assenjazzjoni;

(e)

l-għadd totali ta’ kummerċ/trasferimenti;

(f)

kwalunke kundizzjoni oħra magħrufa mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kif imsemmi fil-punt 3.3.

Sakemm informazzjoni bħal din tiġi pprovduta minn parti terza, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiġu eżentati minn din id-dispożizzjoni.

(2)

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw il-kundizzjonijiet armonizzati li bihom se jiġu aċċettati t-transazzjonijiet tal-kapaċità (eżempju t-trasferimenti jew l-assenjazzjonijiet). Dawn il-kundizzjonijiet għandhom mill-inqas jinkludu:

(a)

Deskrizzjoni tal-prodotti standardizzati li jistgħu jinbiegħu fis-suq sekondarju;

(b)

Ħin biżżejjed għall-implimentazzjoni/l-aċċettazzjoni/ir-reġistrazzjoni ta’ kummerċ sekondarju. F’każ ta’ dewmien, iridu jiġu ppubblikati r-raġunijiet;

(c)

In-notifika mill-bejjiegħ jew minn parti terza lill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni kif imsemmi fil-punt 3.4(1) dwar isem il-bejjiegħ u x-xerrej u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kapaċità kif imfassla fil-punt 3.4(1).

Sakemm informazzjoni bħal din tiġi pprovduta minn parti terza, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiġu eżentati minn din id-dispożizzjoni.

(3)

Rigward is-servizz tal-ibbilanċjar tas-sistema tiegħu, kull operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jipprovdi lil kull utent tan-netwerk, għal kull perjodu tal-ibbilanċjar, il-volumi speċifiċi ta’ żbilanċ preliminarji tiegħu u d-dejta tal-ispejjeż għal kull utent individwali tan-netwerk, l-iktar tard xahar wara tmiem il-perjodu tal-ibbilanċjar. Id-dejta finali tal-konsumaturi fornuta skont il-‘load profiles’ standardizzati tista’ tiġi pprovduta sa 14-il xahar wara. Sakemm informazzjoni bħal din tiġi pprovduta minn parti terza, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jiġu eżentati minn din id-dispożizzjoni. Id-dispożizzjoni ta’ din l-informazzjoni għandha tirrispetta l-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni sensittiva mil-lat kummerċjali.

(4)

Meta s-servizzi ta’ flessibbiltà, minbarra t-tolleranzi, ikunu offruti għall-aċċess tal-parti terza, l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw it-tbassir ta’ kuljum ġurnata qabel abbażi l-ammont massimu ta’ flessibbiltà, il-livell riservat ta’ flessibbiltà u d-disponibbiltà tal-flessibbiltà għas-suq għall-ġurnata ta’ gass li jmiss. L-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni għandu jippubblika wkoll l-informazzjoni ex-post dwar l-użu aggregat ta’ kull servizz flessibbli fi tmiem kull ġurnata ta’ gass. Jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun sodisfatta li din l-informazzjoni tista’ twassal għal abbuż potenzjali mill-utenti tan-netwerk, tista’ tiddeċiedi li teżenta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni minn dan l-obbligu.

(5)

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw, għal kull żona ta’ bbilanċjar, l-ammont ta’ gass fis-sistema ta’ trażmissjoni fil-bidu ta’ kull ġurnata ta’ gass u t-tbassir tal-ammont ta’ gass fis-sistema ta’ trażmissjoni fi tmien kull ġurnata ta’ gass. L-ammont imbassar ta’ gass għal tmiem il-ġurnata ta’ gass għandu jiġi aġġornat kull siegħa matul il-ġurnata ta’ gass. Jekk il-ħlasijiet tal-iżbilanċ jiġu kkalkulati kull siegħa, l-operatur tas-sistema ta’ tranżizzjoni għandu jippubblika l-ammont ta’ gass fis-sistema ta’ trażmissjoni kull siegħa. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jippubblikaw, b’mod alternat, għal kull żona ta’ bbilanċjar, il-pożizzjoni aggregata tal-iżbilanċ tal-utenti kollha fil-bidu ta’ kull perjodu ta’ bbilanċjar u t-tbassir tal-pożizzjoni aggregata tal-iżbilanċ tal-utenti kollha fi tmien kull ġurnata ta’ gass. Jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tkun sodisfatta li din l-informazzjoni tista’ twassal għal abbuż potenzjali mill-utenti tan-netwerk, tista’ tiddeċiedi li teżenta l-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni minn dan l-obbligu.

(6)

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom jipprovdu strumenti faċli għall-użu biex jiġu kkalkulati t-tariffi.

(7)

L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, għal mill-inqas ħames snin, ir-rekords effettivi tal-kuntratti ta’ kapaċità kollha u kull informazzjoni rilevanti oħra fir-rigward tal-kalkolu u l-provvista tal-aċċess għall-kapaċitajiet disponibbli, b’mod partikolari n-nominazzjonijiet u l-interruzzjonijiet indvidwali. L-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni għandhom iżommu d-dokumentazzjoni tal-informazzjoni rilevanti kollha skont il-punt 3.3(4) u (5) għal mill-inqas 5 snin u jagħmluhom disponibbli għall-awtorità regolatorja fuq talba tagħha. Iż-żewġ partijiet għandhom jirrispettaw il-kunfidenzjalità kummerċjali.”


Top