EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R1211

Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju Test b’rilevanza għaż-ŻEE

OJ L 337, 18.12.2009, p. 1–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 041 P. 210 - 219

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/12/2018; Imħassar b' 32018R1971

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/1211/oj

18.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/1


REGOLAMENT (KE) Nru 1211/2009 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2009

li jistabbilixxi l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (4), id-Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess) (5), id-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (6), id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (7) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (8) (flimkien imsemmija bħala “id-Direttiva Qafas u d-Direttivi Speċifiċi”) għandhom l-għan li joħolqu suq intern tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Komunità filwaqt li jiżguraw livell għoli ta’ investiment, innovazzjoni u protezzjoni tal-konsumatur permezz ta’ kompetizzjoni msaħħa.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2007 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi tal-komunikazzjonijiet mobbli fi ħdan il-Komunità (9) jikkomplementa u jappoġġja, għal dak li huwa r-roaming fil-Komunità kollha, ir-regoli previsti mill-qafas regolatorju tal-UE għall-komunikazzjonijiet elettroniċi.

(3)

Il-ħtieġa li jkun applikat konsistentement il-qafas regolatorju tal-UE fl-Istati Membri kollha hija essenzjali għall-iżvilupp b’suċċess ta’ suq intern għal networks u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika. Il-qafas regolatorju tal-UE jistabbilixxi l-għanijet li għandhom jinkisbu u jipprovdi qafas għal azzjoni mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs), filwaqt li jagħtihom flessibbiltà f’ċerti oqsma biex japplikaw ir-regoli fid-dawl ta’ kondizzjonjiet nazzjonali.

(4)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti u l-applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju komuni, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej (GRE) skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/627/KE tat-29 ta’ Lulju tal-2002 li jistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għan-Networks u Servizzi ta’ Komunikazzjonijiet Elettroniċi (10) sabiex jagħti pariri u jassisti lill-Kummissjoni fl-iżvilupp tas-suq intern u, b’mod aktar ġenerali, biex jipprovdi kollegament bejn l-NRAs u l-Kummissjoni.

(5)

L-GRE ta kontribut pożittiv billi għin fl-iżvilupp ta’ prattika regolatorja konsistenti bil-faċilitazzjoni ta’ kooperazzjoni bejn l-NRAs u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni. Dan l-approċċ għall-iżvilupp ta’ konsistenza akbar fost l-NRAs permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u għarfien dwar esperjenzi prattiċi wera li hu ta’ suċċess f’dan il-perijodu qasir wara l-użu tiegħu. Ser tkun meħtieġa kooperazzjoni u koordinazzjoni kontinwati u intensifikati bejn l-NRAs biex jiġi żviluppat aktar is-suq intern tan-networks u tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika.

(6)

Dan jitlob it-tisħiħ tal-GRE u r-rikonoxximent tiegħu fil-qafas regulatorju komuni bħala l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC). Il-BEREC la għandu jkun aġenzija Komunitarja u lanqas m’ għandu jkollu personalità ġuridika. Il-BEREC għandu jissostitwixxi l-GRE u jaġixxi bħala l-forum esklussiv għall-koperazzjoni bejn l-NRAs, u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-firxa sħiħa tar-responsabilitajiet tagħhom skont il-qafas regolatorju tal-UE. Il-BEREC għandu jipprovdi għarfien espert u jistabbilixxi kunfidenza bis-saħħa tal-indipenenza tiegħu, il-kwalità tal-parir u l-informazzjoni tiegħu, it-trasparenza tal-proċeduri tiegħu u l-metodi ta’ operat, u d-diliġenza tiegħu fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(7)

Il-BEREC għandu, permezz tal-ġbir ta’ għarfien espert, jassisti lill-NRAs mingħajr ma jissostitwixxi l-funzjonijiet eżistenti tagħhom jew jiddupplika l-ħidma li diġà qed titwettaq, u jassisti lill-Kummissjoni fl-eżekuzzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha.

(8)

Il-BEREC għandu jkompli l-ħidma tal-GRE, filwaqt li jiżviluppa kooperazzjoni bejn NRAs, u bejn NRAs u l-Kummissjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti fl-Istati Membri kollha tal-qafas regolatorju tal-UE għal networks u servizzi tal-komunikazzjoni elettronika, u b’hekk isir kontribut għall-iżvilupp tas-suq intern.

(9)

Il-BEREC għandu wkoll iservi ta’ korp għar-riflessjoni, id-dibattitu u l-parir għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fil-qasam tal-konumikazzjoni elettronika. Għaldaqstant, il-BEREC għandu jagħti parir lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom jew fuq inizjattiva tiegħu stess.

(10)

Il-BEREC għandu jsegwi l-kompiti tiegħu f’kooperazzjoni ma’, u bla ħsara għall-irwol ta’, gruppi u kumitati eżistenti bħall-Kumitat tal-Komunikazzjoni, stabbilit taħt id-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas), il-Kumitat dwar l-Ispettri tar-Radju stabbilit taħt id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju) (11), il-Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju stabbilit taħt id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE tas-26 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (12), u l-Kumitat ta’ Kuntatt stabbilit taħt id-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti mil-liġi, minn regolamenti jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri dwar l-eżerċizzju tal-attivitajiet tax-xandir televiżiv (13).

(11)

Sabiex l-BEREC jiġi pprovdut b’appoġġ professjonali u amministrattiv, l-Uffiċċju għandu jkun stabbilit bħala korp Komunitarju b’personalità ġuridika u għandu jeżerċita l-kompiti mogħtija lilu b’dan ir-Regolament. Sabiex il-BEREC jiġi pprovdut bl-appoġġ tiegħu b’mod effiċjenti, dan l-Uffiċċju għandu jkollu awtonomija legali, amministrattiva u finanzjarja. L-Uffiċċju għandu jkollu Kumitat ta’ Tmexxija u Maniġer Amministrattiv.

(12)

L-istrutturi organizzattivi tal-BEREC u tal-Uffiċċju għandhom ikunu sempliċi u adattati għall-kompiti li għandhom iwettqu.

(13)

L-Uffiċċju għandu jkun korp Komunitarju fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (14) (Regolament Finanzjarju). Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja soda (15) (IIA tas-17 ta’ Mejju 2006), u b’mod partikulari l-Punt 47 tagħha għandhom japplikaw għall-Uffiċċju.

(14)

Ladarba l-għanijiet tal-azzjoni proposta, prinċipalment l-iżvilupp ulterjuri ta’ prattika regolatorja konsistenti permezz ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni intensifikati bejn NRAs u bejn NRAs u l-Kummissjoni, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-ambitu mifrux mal-UE kollha ta’ dan ir-Regolament u għalhekk jistgħu jinkisbu aħjar fuq il-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

L-ISTABBILIMENT

Artikolu 1

L-istabbiliment

1.   B’dan huwa stabbilit Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) bir-responsabilitajiet stipulati f’dan ir-Regolament.

2.   Il-BEREC għandu jaġixxi fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE (Direttiva Qafas) u d-Direttivi 2002/19/KE, 2002/20/KE, 2002/22/KE u 2002/58/KE (Direttivi Speċifiċi), u tar-Regolament (KE) Nru 717/2007.

3.   Il-BEREC għandu jwettaq il-kompiti tiegħu indipendentement, b’mod imparzjali u trasparenti. Fl-attivitajiet kollha tiegħu, il-BEREC għandu jfittex l-istess għanijiet bħal dawk tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (NRAs) stipulati fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE (tad-Direttiva Qafas). B’mod partikolari, il-BEREC għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-operat aħjar tas-suq intern għal networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, billi jimmira li jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju tal-UE għall-komunikazzjoni elettronika.

4.   Il-BEREC għandu jibbaża fuq l-għerf espert disponibbli lill-NRAs u għandu jwettaq ħidmietu f’koperazzjoni mal-NRAs u mal-Kummissjoni. Il-BEREC għandu jippromwovi kooperazzjoni bejn l-NRAs, u bejn l-NRAs u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-BEREC għandu jagħti parir lill-Kummissjoni, u fuq talba, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

KAPITOLU II

L-ORGANIZZAZZJONI TAL-BEREC

Artikolu 2

L-irwol tal-BEREC

Il-BEREC għandu:

(a)

jiżviluppa u jxerred fost l-NRAs l-aħjar prattika regolatorja, bħal approċċi komuni, metodoloġija jew linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju komuni;

(b)

fuq talba, jipprovdi assistenza lill-NRAs dwar kwistjonijiet regolatorji;

(c)

jagħti opinjonijiet dwar l-abbozz ta’ deċiżjonijiet, rakkomandazzjonijiet u linji gwida tal-Kummissjoni, kif imsemmi f’dan ir-Regolament, fid-Direttiva Qafas) u d-Direttivi Speċifiċi;

(d)

iħejji rapporti u jipprovdi parir, fuq talba raġunata tal-Kummissjoni jew fuq inizjattiva tiegħu stess, u jagħti opinjonijiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, fuq talba raġunata jew fuq inizjattiva tiegħu stess, dwar kwalunkwe materja li tirrigwarda l-komunikazzjoni elettronika fil-kompetenza tiegħu;

(e)

fuq talba, jassisti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u l-NRAs f’relazzjonijiet, diskussjonijiet u fi skambji ma’ partijiet terzi; u jassisti lill-Kummissjoni u lill-NRAs fid-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki regolatorji lil partijiet terzi.

Artikolu 3

Il-kompiti tal-BEREC

1.   Il-kompiti tal-BEREC għandhom ikunu:

(a)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozz ta’ miżuri tal-NRAs dwar id-definizzjoni tas-suq, l-għażla tal-intrapriżi b’setgħa tas-suq sinifikanti u l-impożizzjoni ta’ rimedji, f’konformità mal-Artikoli 7 u -7a tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas); u li jikkoopera u jaħdem flimkien mal-NRAs f’konformità mal-Artikoli 7 u -7a tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(b)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ rakkomandazzjonijiet u/jew linji gwida dwar il-forma, il-kontenut u l-livell ta’ dettalji li għandhom jingħataw fin-notifiki, f’konformità mal-Artikolu 7a tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(c)

li jiġi kkonsultat dwar abbozzi ta’ rakkomondazzjonijiet dwar swieq rilevanti tal-prodotti u tas-servizzi, f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(d)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet dwar l-identifikazzjoni ta’ swieq transnazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(e)

li, fuq talba, jipprovdi assistenza lill-NRAs, fil-kuntest tal-analiżi tas-suq relevanti f’konformità mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(f)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet u ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(g)

li jiġi kkonsultat u jagħti opinjonijiet dwar tilwim transkonfinali f’konformità mal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas);

(h)

li jagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta’ deċiżjonijiet li jawtorizzaw jew jipprevjenu NRA milli tieħu miżuri eċċezzjonali, f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/19/KE (id-Direttiva tal-Aċċess);

(i)

li jiġi kkonsultat dwar abbozz ta’ miżuri dwar l-aċċess effettiv għan-numru tat-telefown ta’ emerġenza 112, f’konformità mal-Artikolu 26 tad-Direttiva 2002/22/KE (Direttiva Servizz Universali);

(j)

li jiġi kkonsultat dwar abbozz ta’ miżuri relatati mal-implimentazzjoni effettiva firxa ta’ numri li jibdew bil-116, b’mod partikulari n-numru ta’ emerġenza 116000 għat-tfal irrapurtati nieqsa, b’konformità mal-Artikolu 27a tad-Direttiva 2002/22/KE (id-Direttiva Servizz Universali);

(k)

li jassisti lill-Kummissjoni fl-aġġornar tal-Anness II tad-Direttiva 2002/19/KE (Direttiva tal-Aċċess), f’konformità mal-Artikolu 9 ta’ dik id-Direttiva;

(l)

li, fuq talba, jipprovdi assistenza lill-NRAs dwar kwistjonijiet relatati ma’ frodi jew mal-abbuż tar-riżorsi tan-numerazzjoni fil-Komunità, b’mod partikolari għal servizzi transkonfinali;

(m)

li jagħti opinjonijiet bil-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp ta’ rekwiżiti u regoli komuni għall-fornituri ta’ servizzi transkonfinali kummerċjali;

(n)

li jissorvelja u jirrapporta dwar is-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u jippubblika rapport annwali dwar l-iżviluppi fis-settur.

2.   Il-BEREC jista’, fuq talba raġunata mill-Kummissjoni, jiddeċiedi b’mod unanimu li jieħu f’idejh ħidmiet speċifiċi oħrajn neċessarji għat-twettiq tal-irwol tiegħu fl-ambitu definit fl-Artikolu 1(2).

3.   L-NRAs u l-Kummissjoni għandhom jieħdu kont sħiħ ta’ kwalunkwe opinjoni, rakkomandazzjoni, linji gwida, parir jew l-aħjar prattika regolatorja maħruġ jew adottat mill-BEREC. Il-BEREC jista’ fejn ikun xieraq, jikkonsulta lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni relevanti qabel ma jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni.

Artikolu 4

Il-kompożizzjoni u l-organizzazzjoni tal-BEREC

1.   Il-BEREC għandu jkun magħmul mill-Bord tar-Regolaturi.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jkun magħmul minn membru wieħed għal kull Stat Membru li għandu jkun il-kap jew ir-rappreżentant nominat ta’ livell għoli tal-NRA stabbilita f’kull Stat Membru bir-responsabilità ewlenija li jissorvelja t-tħaddim ta’ kuljum tas-swieq tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilu b’dan ir-Regolament, il-BEREC għandu jaġixxi b’mod indipendenti.

Il-membri tal-Bord tar-Regolaturi m’għandhomx ifittxu jew jaċċettaw istruzzjonijiet minn ebda gvern, mill-Kummissjoni, jew minn kwalunkwe entita’ pubblika jew privata oħra.

L-NRAs għandhom jinnominaw membru supplenti għal kull Stat Membru.

Il-Kummissjoni għandha tattendi l-laqgħat tal-BEREC bħala osservatur u għandha tkun rappreżentata f’livell xieraq.

3.   L-NRAs mill-Istati taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u minn dawk l-istati li huma kandidati għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea għandu jkollhom status ta’ osservatur u għandhom ikunu rappreżentati fil-livell xieraq. Il-BEREC jista’ jistieden esperti u osservaturi oħra biex jattendu l-laqgħat tiegħu.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jaħtar iċ-Chairperson u l-Viċi-Chairperson(s) tiegħu minn fost il-membri tiegħu, soġġett għar-regoli ta’ proċedura tal-BEREC. Il-Viċi-Chairperson(s) għandu/għandhom jerfa’/jerfgħu awtomatikament id-dmirijiet taċ-Chairperson jekk dan ma jkunx f’qagħda li jaqdi dawk id-dmirijiet. Il-mandat taċ-Chairperson u tal-Viċi-Chairperson(s) għandu jkun ta’ sena.

5.   Bla ħsara għall-irwol tal-Bord tar-Regolaturi fir-rigward tal-kompiti taċ-Chairperson, iċ-Chairperson ma għandu jfittex jew jaċċetta l-ebda istruzzjoni minn kwalunkwe gvern jew NRA, mill-Kummissjoni, jew minn kwalunkwe entita’ pubblika jew privata oħra.

6.   Il-laqgħat tal-plenarja tal-Bord tar-Regolaturi għandhom jissejħu miċ-Chairperson tiegħu u għandhom iseħħu mill-inqas erba’ darbiet fis-sena f’sessjoni ordinarja. Il-laqgħat straordinarji għandhom jissejħu wkoll fuq l-inizjattiva taċ-Chairperson, fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq it-talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tal-Bord. L-aġenda tal-laqgħa għandha tiġi stabbilita miċ-Chairperson u magħmula pubblika.

7.   Il-ħidma tal-BEREC tista’ tiġi organizzata fi Gruppi ta’ Ħidma ta’ Esperti.

8.   Il-Kummissjoni għandha tkun mistiedna għal-laqgħat kollha tal-plenarja tal-Bord tar-Regolaturi.

9.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jaġixxi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament jew fid-Direttiva Qafas jew fid-Direttivi Speċifiċi. Kull membru jew kull membru supplenti għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjonijiet tal-Bord tar-Regolaturi għandhom isiru pubbliċi, u għandhom jindikaw ir-riservi ta’ NRA fuq talba tagħha.

10.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tal-BEREC u jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku. Ir-regoli ta’ proċedura għandhom jistabbilixxu fid-dettall l-arraġamenti li jirregolaw il-votazzjoni, inkluż il-kundizzjonijiet li taħthom membru wieħed jista’ jaġixxi f’isem membru ieħor, ir-regoli li jirregolaw il-kworums, u n-notifiki ta’ skadenzi għal-laqgħat. Barra minn hekk, dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jiggarantixxu li l-membri tal-Bord tar-Regolaturi jkunu dejjem ipprovduti b’aġendi sħaħ u b’abbozzi ta’ proposti qabel kull laqgħa sabiex ikollhom l-opportunita’ li jipproponu emendi qabel il-vot. Ir-regoli ta’ proċedura jistgħu, inter alia, jistabbilixxu proċeduri ta’ votazzjoni ta’ emerġenza.

11.   L-Uffiċċju msemmi fl-Artikolu 6 għandu jipprovdi servizzi ta’ appoġġ amministrativ u professjonali lill-BEREC.

Artikolu 5

Il-kompiti tal-Bord tar-Regolaturi

1.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jwettaq il-kompiti tal-BEREC stipulati fl-Artikolu 3 u għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha relatati mat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu japprova l-kontribuzzjoni finanzjarja volontarja mill-Istati Membri jew mill-NRAs qabel isiru b’konformità mal-Artikolu 11(1)(b) u suġġett għall-arranġamenti li ġejjin:

(a)

b’unanimità meta l-Istati Membri kollha jew l-NRAs ikunu ddeċidew li jagħmlu kontribuzzjoni,

(b)

b’maġġoranza sempliċi meta numru ta’ Stati Membri jew NRAs b’mod unanimu jkunu ddeċidew li jagħmlu kontribuzzjoni.

3.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta, f’isem il-BEREC, id-dispożizzjonijiet speċjali dwar id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti f’idejn il-BEREC, f’konformità mal-Artikolu 22.

4.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu, wara li jikkonsulta mal-partijiet interessati b’konformità mal-Artikolu 17, jadotta l-programm ta’ ħidma annwali tal-BEREC qabel tmiem kull sena li tiġi qabel dik marbuta mal-programm ta’ ħidma. Il-Bord tar-Regolaturi għandu jgħaddi l-programm ta’ ħidma annwali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kull sena hekk kif jiġi adottat.

5.   Il-Bord tar-Regolaturi għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-BEREC, u għandu jgħaddih lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Qorti tal-Awdituri kull sena sal-15 ta’ Ġunju. Il-Parlament Ewropew jista’ jitlob liċ-Chairperson tal-Bord tar-Regolaturi biex jindirizza lill-Parlament dwar kwistjonijiet relevanti relatati mal-attivitajiet tal-BEREC.

Artikolu 6

L-Uffiċċju

1.   L-Uffiċċju huwa b’dan stabbilit bħala korp Komunitarja b’personalità ġuridika skont it-tifsira tal-Artikolu 185 tar-Regolament Finanzjarju. Il-Punt 47 Ftehim tal-IIA tas-17 ta’ Mejju 2006 għandu jappplika għall-Uffiċju.

2.   Taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi, l-Uffiċċju għandu b’mod partikolari:

jipprovdi servizzi ta’ appoġġ professjonali u amministrattivi lill-BEREC;

jiġbor tagħrif mill-NRAs u jwettaq skambju u trasmissjoni ta’ informazzjoni b’rabta mal-irwol u l-kompiti stipulati fl-Artikoli 2(a) u 3;

ixerred l-aħjar prattiki regolatorji fost l-NRAs, b’konformità mal-Artikolu 2(a);

jassisti liċ-Chairperson fit-tħejjija tal-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi;

iwaqqaf il-Gruppi ta’ Ħidma tal-Esperti, fuq talba tal-Bord tar-Regolaturi, u jipprovdi appoġġ u biex jiġi żgurat li dawk il-Gruppi jaħdmu bla tfixkil.

3.   L-Uffiċċju għandu jkun magħmul minn:

(a)

Kumitat ta’ Tmexxija,

(b)

Maniġer Amministrattiv.

4.   F’kull Stat Membru, l-Uffiċċju għandu jgawdi l-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi skont il-liġi nazzjonali. L-Uffiċju jista’ b’mod partikulari, jakkwista u jbiegħ proprjetà mobbli u immobbli u jkun parti fi proċedimenti legali.

5.   L-Uffiċċju għandu jitmexxa mill-Maniġer Amministrattiv u għandu jkollu numru ta’ persunal limitat strettament ma’ dak meħtieġ għall-qadi ta’ dmirijietu. In-numru tal-Persunal għandu jkun propost mill-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija u mill-Maniġer Amministrattiv b’konformità mal-Artikolu 11. Kwalunkwe proposta biex jiżdied in-numru tal-persunal tista’ tintlaqa’ biss b’deċiżjoni unanima tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

Artikolu 7

Kumitat ta’ Tmexxija

1.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn membru wieħed għal kull Stat Membru li għandu jkun il-kap jew ir-rappreżentant nominat ta’ livell għoli tal-NRA indipendenti stabbilita f’kull Stat Membru bir-responsabilità ewlenija li tissorvelja t-tħaddim ta’ kuljum tas-swieq tan-netwerks u tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, u membri wieħed li jirrappreżenta l-Kummissjoni.

Kull Membru għandu jkollu vot wieħed.

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jaħtar il-Maniġer Aministrattiv. Il-Maniġer Amministrattiv maħtur m’għandux jieħu sehem fit-tħejjija ta’din id-deċiżjoni jew jivvota fuqha.

3.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jagħti direzzjoni lill-Maniġer Amministrattiv fit-twettiq tad-dmirijiet ta’ Maniġer Amministrattiv.

4.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija jkun responsabbli għall-ħatra tal-Persunal.

5.   Il-Kumitat tat-Tmexxija għandu jassisti fil-ħidma tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Esperti.

Artikolu 8

Il-Maniġer Amministrattiv

1.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu responsabilità lejn il-Kumitat ta’ Tmexxija. Fit-twettiq tad-dmirijiet tiegħu (jew tagħha), il-Maniġer Amministrattiv la għandu jfittex u lanqas jaċċetta ebda istruzzjoni mingħand xi Stat Membru, xi NRA, il-Kummissjoni jew xi parti terza.

2.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jinħatar mill-Kumitat tat-Tmexxija, permezz ta’ kompetizzjoni miftuħa fuq il-bażi tal-mertu u l-ħiliet u l-esperjenza relevanti għan-networks u għas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Qabel il-ħatra, l-adegwatezza tal-kandidat magħżul mill-Kumitat ta’ Tmexxija tista’ tkun suġġetta għal opinjoni li ma torbotx mill-Parlament Ewropew. Għal dan il-għan, il-kandidat għandu jiġi mistieden jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat responsabbli tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistoqsijiet magħmula mill-membri tiegħu.

3.   Il-mandat tal-Maniġer Amministrattiv għandu jkun ta’ tliet snin.

4.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jestendi l-mandat tal-Maniġer Amministrattiv darba għal mhux aktar minn tliet snin, filwaqt li jqis ir-rapport ta’ evalwazzjoni mwettaq miċ-Chairperson u biss f’dawk il-każi fejn jista’ jiġi ġġustifikat mid-dmirijiet u mir-rekwiżiti tal-BEREC.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jinforma l-Parlament Ewropew dwar kull intenzjoni li jkollu li jġedded il-mandat tad-Maniġer Amministrattiv.

Fejn il-mandat ma jiġix estiż, il-Maniġer Amministrattiv għandu jibqa’ fil-kariga tiegħu sakemm jinħatar is-suċċessur tiegħu/tagħha.

Artikolu 9

Il-kompiti tal-Maniġer Amministrattiv

1.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jkun responsabbli mit-tmexxija tal-Uffiċċju.

2.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jgħin fit-tħejjija tal-aġenda tal-Bord tar-Regolaturi, tal-Kumitat ta’ Tmexxija u tal-Gruppi ta’ Ħidma ta’ Esperti. Huwa għandu jipparteċipa mingħajr ma jkollu d-dritt li jivvota, fil-ħidma tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

3.   Kull sena l-Maniġer Amministrattiv għandu jassisti lill-Kumitat ta’ Tmexxija fit-tħejjija tal-abbozz ta’ programm ta’ ħidma tal-Uffiċċju għas-sena ta’ wara. L-abbozz tal-programm ta’ ħidma fis-sena li ssegwi għandu jitressaq lill-Kumitat ta’ Tmexxija qabel sat-30 ta’ Ġunju, u għandu jiġi adottat mill-Kumitat ta’ Tmexxija sat-30 ta’ Settembru mingħajr ma tiġi antiċipata d-deċiżjoni aħħarija dwar is-sussidju meħuda mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill (flimkien imsejħa “l-awtorità baġitarja”).

4.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu, taħt il-gwida tal-Bord tar-Regolaturi jissorvelja l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali tal-Uffiċċju.

5.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu, taħt is-sorveljanza tal-Kumitat ta’ Tmexxija, jieħu l-miżuri meħtieġa, partikularment l-adozzjoni tal-istruzzjonijiet amministrattivi interni u l-pubblikazzjoni tal-avviżi, sabiex ikun żgurat il-funzjonament tal-Uffiċċju skont dan ir-Regolament.

6.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu, taħt is-sorveljanza tal-Kumitat ta’ Tmexxija, jimplimenta l-baġit tal-Uffiċċju skont l-Artikolu 13.

7.   Kull sena l-Maniġer Amministrattiv għandu jassisti fit-tħejjija tal-abbozz ta’ rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-BEREC imsemmija fl-Artikolu 5(5).

Artikolu 10

Il-Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (16) u r-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti u Kundizzjonjiet tal-Persunal għandhom japplikaw għall-Persunal tal-Uffiċċju, inkluż il-Maniġer Amministrattiv.

2.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħtieġa, skont l-arranġamenti pprovduti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   Is-setgħat mogħtija mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej lill-awtorità tal-ħatra u s-setgħat mogħtija lill-awtorità inkarigata li tikkonkludi kuntratti skont il-Kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej, għandhom ikunu eżerċitati mill-Viċi-Chairperson tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

4.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija jista’ jadotta dispożizzjonijiet li jippermettu li esperti nazzjonali mill-Istati Membri jisselfu temporanjament lill-Uffiċċju għal mhux aktar minn tliet snin.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 11

Il-baġit tal-Uffiċċju

1.   Id-dħul u r-riżorsi tal-Uffiċċju għandhom jikkonsistu b’mod partikulari f’dan li ġej:

(a)

sussidju mill-Komunità, imdaħħal taħt l-intestaturi xierqa tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Taqsima tal-Kummissjoni), kif deċiż mill-awtorità baġitarja u f’konformita’ mal-punt 47 tal-Ftehim IIA tas-17 ta’ Mejju 2006;

(b)

kontribuzzjonijiet finanzjarji magħmula mill-Istati Membri jew mill-NRAs tagħhom fuq bażi volontarja skont l-Artikolu 5(2). Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw elementi speċifiċi ta’ spiża operazzjonali kif definit fil-ftehim lit rid tiġi milħuqa bejn l-Uffiċċju u l-Istati Membri jew l-NRAs tagħhom skont l-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjkarju ta’ Qafas għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (17). Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-NRAs ikollhom ir-riżorsi finanzjarji xierqa meħtieġa biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Uffiċċju. Qabel l-istabbiliment tal-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropeja, l-Uffiċċju għandu jippreżenta lill-awtorità baġitarja dokumentazzjoni xierqa, f’waqtha u ddettaljata dwar id-dħul assenjat skont dan l-Artikolu.

2.   In-nefqa tal-Uffiċċju għandha tkopri l-ispejjeż tal-persunal flimkien mal-ispejjeż amministrattivi, infrastrutturali u operattivi.

3.   Id-dħul u l-infiq għandhom ikunu bilanċjati.

4.   Id-dħul u l-infiq kollu għandhom ikunu is-suġġett ta’ tbassiriet għal kull sena finanzjarja, li jikkoinċidu mas-sena kalendarja, u għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-Uffiċċju.

5.   L-istruttura organizzattiva u finanzjarja tal-Uffiċċju għandha tiġu riveduta ħames snin wara d-data tal-istabbiliment tal-Uffiċċju.

Artikolu 12

Tħejjija tal-baġit

1.   Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, il-Maniġer Amministrattiv għandu jassisti l-Kumitat ta’ Tmexxija fit-tħejjija ta’ abbozz ta’ baġit preliminari li jkopri n-nefqa mbassra għas-sena finanzjarja ta’ wara, flimkien ma’ lista tal-postijiet proviżorji ta’ impjieg. Kull sena, il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jagħmel stima tad-dħul u l-infiq tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja ta’ wara, abbażi tal-abbozz. Dik l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta’ pjan ta’ stabbiliment tal-impjegati, għandha tintbagħat mill-Kumitat ta’ Tmexxija lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-estimi lill-awtorità baġitarja flimkien mal-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.   Fuq il-bażi ta’ dawn l-estimi, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea l-estimi li hija tqis li jkunu meħtieġa fir-rigward tal-pjan ta’ stabbiliment tal-impjegati, u tipproponi l-ammont tas-sussidju.

4.   L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta’ stabbiliment għall-Uffiċċju.

5.   Il-baġit tal-Uffiċċju għandu jitfassal mill-Kumitat ta’ Tmexxija. Dan għandu jitqies finali wara l-adozzjoni aħħarija tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Fejn meħtieġ, għandu jkun aġġustat kif xieraq.

6.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu, mingħajr dewmien, jinnotifika lill-awtorità tal-baġit dwar il-ħsieb tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikattivi għall-finanzjament tal-baġit, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jirrigwarda l-kiri jew ix-xiri ta’ proprjetà immobbli. Huwa għandu jinforma b’dan lill-Kummissjoni. Jekk xi fergħa mill-awtorità baġitarja bi ħsiebha toħroġ opinjoni, hija għandha, fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-informazzjoni dwar il-proġett ta’ bini, tgħarraf lill-Kumitat ta’ Tmexxija bil-ħsieb li għandha li toħroġ opinjoni ta’ din ix-xorta. Jekk ma jingħatax tweġiba, il-Kumitat ta’ Tmexxija jkun jista’ jkompli bil-ħidma ppjanata.

Artikolu 13

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jaġixxi bħala l-uffiċjal li jawtorizza u għandu jimplimenta l-baġit tal-Uffiċċju taħt is-sorveljanza tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

2.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jħejji rapport annwali dwar l-attività għall-Uffiċċju, flimkien ma’ dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu pubbliċi.

3.   Sa l-1 ta’ Marzu wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Uffiċċju għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji, flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta’ dik is-sena finanzjarja, lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri. Sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Uffiċċju għandu jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni mbagħad għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji tal-istituzzjonijiet u tal-entitajiet deċentralizzati skont l-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002.

4.   Sal-31 ta’ Marzu wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjara, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji tal-Uffiċċju flimkien mar-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja tul is-sena finanzjarja lill-Qorti tal-Awdituri. Ir-rapport dwar it-tmexxija baġitarja u finanzjarja ta’ dik is-sena finanzjarja għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.   Wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji tal-Uffiċċju, skont l-Artikolu 129 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, il-Maniġer Amministrattiv, filwaqt li jaġixxi fuq ir-responsabbiltà tiegħu stess, għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Uffiċċju u jittrażmettihom, għal opinjoni, lill-Kumitat ta’ Tmexxija.

6.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet definittivi tal-Uffiċċju.

7.   Il-Maniġer Amministrattiv għandu jittrażmetti dawn il-kontijiet finali, akkumpanjati mill-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija, mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju wara l-għeluq tas-sena finanzjarja, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.

8.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

9.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jwieġeb għall-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri sal-15 ta’ Ottubru. Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jibgħat ukoll din it-tweġiba lill-Parlament Ewropew u lill-Kummissjoni.

10.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jressaq quddiem il-Parlament Ewropew, fuq it-talba ta’ dan tal-aħħar, u kif inhu provdut fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002, kwalunke informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni mingħajr problemi ta l-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata.

11.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, u qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, il-Parlament Ewropew għandu jagħti l-kwittanza lill-Maniġer Amministrattiv għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

Artikolu 14

Sistemi ta’ kontroll interni

L-Awditur Intern tal-Kummissjoni għandu jkun responsabbli għall-verifika tal-Uffiċċju.

Artikolu 15

Regoli Finanzjarji

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 għandu japplika għall-Uffiċċju. Aktar regoli finanzjarji applikabbli għall-Uffiċċju għandhom jitfasslu mill-Kumitat ta’ Tmexxija wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli jistgħu jiddevjaw mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 jekk il-ħtiġiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-Uffiċċju jeħtieġu dan u biss bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 16

Miżuri kontra l-frodi

1.   Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u atti illegali oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 li jikkonċerna l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (18) għandhom japplikaw mingħajr l-ebda restrizzjoni.

2.   L-Uffiċċju għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) (19) u għandu minnufih jadotta d-dispożizzjonijiet adatti għall-persunal kollu tal-Uffiċċju.

3.   Id-deċiżjonijiet ta’ finanzjament u l-ftehim u l-istrumenti implimentattivi li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw b’mod espliċitu li l-Qorti tal-Awdituri u l-OLAF jistgħu, jekk ikun hemm il-ħtieġa, iwettqu kontrolli fuq il-post fost il-benefiċjarji tal-ammonti li jinħareġ mill-Uffiċċju kif ukoll kontrolli tal-persunal responsabbli mill-allokazzjoni ta’dawn l-ammonti.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 17

Konsultazzjoni

Fejn xieraq, il-BEREC għandu, qabel ma jadotta opinjonijiet, l-aħjar prattika regolatorja jew rapporti, jikkonsulta lill-partijiet interessati u jagħtihom l-opportunità biex jikkummentaw f’perijodu ta’ żmien raġonevoli. Il-BEREC għandu, bla ħsara għall-Artikolu 20, jagħmel ir-riżultati tal-proċedura ta’ konsultazzjoni pubblikament disponibbli.

Artikolu 18

Trasparenza u responsabbiltà

Il-BEREC u l-Uffiċċju għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’livell għoli ta’ trasparenza. Il-BEREC u l-Uffiċċju għandhom jiżguraw li l-pubbliku u kwalunkwe parti interessata jingħataw informazzjoni oġġettiva, affidabbli u faċilment aċċessibbli, b’mod partikolari rigward ir-riżultati tal-ħidma tagħhom.

Artikolu 19

Għoti ta’ informazzjoni lill-BEREC u lill-Uffiċċju

Il-Kummissjoni u l-NRAs għandhom jipprovdu l-imformazzjoni mitluba mill-BEREC u mill-Uffiċċju sabiex il-BEREC u l-Uffiċċju jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom. L-informazzjoni għandha tiġi ġestita f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21/KE (id-Direttiva Qafas).

Artikolu 20

Kunfidenzjalità

Suġġett għall-Artikolu 22, la l-BEREC u lanqas l-Uffiċċju m’għandhom jippubblikaw jew jiżvelaw lil partijiet terzi informazzjoni li huma jipproċessaw jew jirċievu li għaliha ntalab trattament kunfidenzjali.

Il-membri tal-Bord tar-Regolaturi, u tal-Kumitat tat-Tmexxija, il-Maniġer Amministrattiv, l-esperti esterni, inklużi l-esperti tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Esperti, u l-membri tal-persunal tal-Uffiċċju għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikolu 287 tat-Trattat, anki wara li jkunu temmew l-inkarigi tagħhom.

Fir-regoli ta’ proċedura interni tagħhom, il-BEREC u l-Uffiċċju għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi sabiex jiġu implimentati r-regoli dwar il-kunfidenzjalità li jissemmew fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 21

Id-dikjarazzjoni tal-interessi

Il-membri tal-Bord tar-Regolaturi, u tal-Kumitat tat-Tmexxija, il-Maniġer Amministrattiv u l-membri tal-persunal tal-Uffiċċju għandhom jagħmlu dikjarazzjoni annwali tal-impenji u dikjarazzjoni tal-interessi fejn jindikaw kwalunkwe interessi diretti jew indiretti, li jistgħu jitqiesu li jippreġudikaw l-indipendenza tagħhom. Dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom isiru bil-miktub. Id-dikjarazzjoni tal-interessi magħmula mill-membri tal-Bord tar-Regolaturi u tal-Kumitat ta’ Tmexxija u mill-Maniġer Amministrattiv għandhom ikunu pubbliċi.

Artikolu 22

Aċċess għad-dokumenti

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (20) għandhom japplikaw ghad-dokumenti miżmuma mill-BEREC u mill-Uffiċċju.

2.   Il-Bord tar-Regolaturi u l-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jadottaw miżuri prattiċi biex ikun applikat ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fi żmien sitt xhur mid-data tal-bidu effettiv tal-operat tal-BEREC u tal-Uffiċċju, rispettivament.

3.   Id-deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ilment lill-Ombudsman jew ta’ proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

Artikolu 23

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Uffiċċju u għall-persunal tiegħu.

Artikolu 24

Ir-responsabbiltà tal-Uffiċċju

1.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, l-Uffiċċju għandu jagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu li hu jkun ikkawża jew li jkun ikkawża l-persunal tiegħu fit-twettiq ta’ dmirijiethom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Kommunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġuriżdizzjoni fi kwalunkwe tilwima dwar ir-rimedji għal dannu ta’ din ix-xorta.

2.   Ir-responsabbiltà finanzjarja u dixxiplinari personali tal-persunal tal-Uffiċċju fil-konfront tal-Uffiċċju għandha tkun irregolata mid-dispożizzjonijiet rilevanti li japplikaw għall-persunal tal-Uffiċċju.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 25

Valutazzjoni u reviżjoni

Fi żmien tliet snin mill-bidu effettiv tal-operat tal-BEREC u tal-Uffiċċju, rispettivament, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tal-ħidma tal-BEREC u tal-Uffiċċju. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jkopri r-riżultati miksuba mill-BEREC u mill-Uffiċċju u l-metodi ta’ ħidma rispettivi tagħhom, relattivi għall-għanijiet, mandati u kompiti rispettivi tagħhom, kif iddefiniti f’dan ir-Regolament u fil-programmi ta’ ħidma annwali rispettivi tagħhom. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jqis il-fehmiet tal-partijiet interessati, kemm fil-livell Komunitarju kif ukoll fil-livell nazzjonali u għandu jintbgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Parlament Ewropew għandu jagħti opinjoni dwar ir-rapport ta’ evalwazzjoni.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta’ Novembru 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

Å. TORSTENSSON


(1)  ĠU C 224, 30.8.2008, p. 50.

(2)  ĠU C 257, 9.10.2008, p. 51.

(3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Settembru 2008 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2009 (ĠU C 75 E, 31.3.2009, p. 67) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 2009, u Deċiżjoni tal-Kunsill tal- s-26 ta’ Ottubru 2009.

(4)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(5)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 7.

(6)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 21.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(8)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(9)  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32.

(10)  ĠU L 200, 30.7.2002, p. 38.

(11)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(12)  ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49.

(13)  ĠU L 202, 30.7.1997, p. 60.

(14)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(15)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

(16)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.

(17)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(18)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(19)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.

(20)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


Top