EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0107

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 107/2009 tal- 4 ta' Frar 2009 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ disinjar ekoloġiku għal kaxxi set-top sempliċi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 36, 5.2.2009, p. 8–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 047 P. 238 - 244

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 09/01/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/107/oj

5.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 36/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 107/2009

tal-4 ta' Frar 2009

li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ disinjar ekoloġiku għal kaxxi set-top sempliċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2005 dwar it-twaqqif ta' qafas għall-iffissar tar-rekwiżiti għall-eko-disinn ta' prodotti li jużaw l-enerġija u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/42/KEE u d-Direttivi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/57/KE u 2000/55/KE (1), u b′mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

Wara li kkonsultat il-Forum ta’ Konsultazzjoni dwar l-Ekodisinn,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2005/32/KE, ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni għal prodotti li jużaw l-enerġija li jirrappreżentaw volumi sinifikanti ta’ bejgħ u kummerċ, li għandhom impatt ambjentali sinifikanti, u li jippreżentaw potenzjal sinifikanti għat-titjib f’termini tal-impatt ambjentali mingħajr ma jinvolvu spejjeż żejda.

(2)

L-Artikolu 16(2), l-ewwel inċiż, tad-Direttiva 2005/32/KE jipprovdi li skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(3) u l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15(2), u wara konsultazzjoni mal-Forum ta’ Konsultazzjoni, il-Kummissjoni tintroduċi, kif xieraq, miżuri implimentattivi immirati lejn prodotti elettroniċi għall-konsumaturi.

(3)

Il-Kummissjoni wettqet studju ta’ tħejjija li analizza l-aspetti tekniċi, ambjentali u ekonomiċi tal-kaxxi set-top sempliċi (minn issa ′l quddiem SSTBs). L-istudju ġie żviluppat flimkien mal-partijiet interessati mill-UE u minn partijiet terzi, u r-riżultati tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

(4)

Fl-istudju ntqal li l-għadd ta’ SSTBs imqiegħda fis-suq tal-Komunità se jikber minn 28 miljun fl-2008 għal 56 miljun fl-2014, u l-konsum annwali tal-elettriku tal-SSTBs se jiżdied minn 6 TWh fl-2010 għal 14 TWh fl-2014, iżda li l-konsum tal-elettriku tal-SSTBs jista’ jitnaqqas b’mod sinifikanti b’mod finanzjarjament effikaċi.

(5)

Il-konsum tal-elettriku mill-SSTBs jista’ jitnaqqas bl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ disinn eżistenti bla sjieda, li minkejja li huma finanzjarjament effikaċi, mhumiex introdotti fis-suq b’mod sodisfaċenti għaliex l-utenti aħħarin mhumiex konxji mill-ispejjeż tal-operat tal-SSTBs, u għalhekk ma jagħtu l-ebda inċentiv lill-manifatturi biex jintegraw soluzzjonijiet bħal dawn biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija waqt l-użu.

(6)

Ir-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija tal-SSTBs għandhom jiġu stabbiliti bl-għan li jiġu armonizzati r-rekwiżiti tal-ekodisinn għal dan l-apparat fil-Komunità kollha kemm hi, u jagħtu kontribut għall-funzjonament tas-suq intern u għat-titjib tar-rendiment ambjentali ta' dak l-apparat.

(7)

Dan ir-Regolament għandu jtejjeb il-penetrazzjoni fis-suq ta’ teknoloġiji li jagħtu effiċjenza mtejba tal-enerġija għall-SSTBs, u jwasslu għal frankar stmat tal-enerġija ta’ 9 TWh fis-sena fl-2014, meta mqabbel max-xenarju ta’ status quo.

(8)

Ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn m’għandhomx ikollhom impatt negattiv fuq il-funzjonalità tal-prodott u m’għandhomx jaffettwaw b’mod negattiv is-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent.

(9)

Dħul fis-seħħ gradwali tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għandu jipprovdi qafas ta’ żmien xieraq biex il-manifatturi jiddisinjaw il-prodotti mill-ġdid. It-tqassim tal-istadji f’termini ta’ żmien għandu jsir b’tali mod li l-impatti negattivi marbuta mal-funzjonalità tal-apparat fis-suq jiġu evitati, u l-impatti tal-ispejjeż għall-manifatturi, partikolarment l-SMEs, jiġu meqjusa, filwaqt li tiġi żgurata l-kisba f′waqtha tal-għanijiet tal-politika.

(10)

Il-kejl tal-konsum tal-enerġija għandu jsir b’konsiderazzjoni għall-aħħar teknoloġija disponibbli ġeneralment rikonoxxuta; il-manifatturi jistgħu japplikaw standards armonizzati stabbiliti skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2005/32/KE.

(11)

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom jieħdu preċedenza fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1275/2008 li jimplimenta d-Direttiva 2005/32/KE fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-konsum tal-enerġija waqt li apparat elettriku u elettroniku tad-dar u tal-uffiċċju jkunu fuq standby inkella mitfija (2).

(12)

Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/32/KE, dan ir-Regolament għandu jispeċifika li l-proċeduri applikabbli għall-valutazzjoni tal-konformità huma l-kontroll tad-disinn intern stipulat fl-Anness IV tad-Direttiva 2005/32/KE u s-sistema ta' ġestjoni stabbilita fl-Anness V tad-Direttiva 2005/32/KE

(13)

Sabiex jiġu ffaċilitati kontrolli tal-konformità, il-manifatturi għandhom ikunu mitluba jipprovdu informazzjoni fid-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Annessi IV u V tad-Direttiva 2005/32/KE sa fejn tirrigwarda r-rekwiżiti stabbiliti f’din il-miżura ta’ implimentazzjoni.

(14)

Il-punti ta’ riferiment għall-SSTBs b’konsum baxx tal-enerġija, u li huma disponibbli attwalment għandhom jiġu identifikati. Id-disponibbiltà tal-′mod 0 W’ fuq l-SSTBs tista’ tagħti appoġġ lill-imġiba tal-konsumaturi u d-deċiżjonijiet tagħhom li jnaqqsu it-telf mhux meħtieġ tal-enerġija. Il-punti ta’ riferiment jgħinu biex tiġi żgurata d-disponibbiltà wiesgħa u l-aċċess faċli għall-informazzjoni, partikolarment għall-SMEs u kumpaniji żgħar ħafna, li jkompli jiffaċilita l-integrazzjoni tal-aqwa teknoloġiji ta' disinn biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija mill-SSTBs.

(15)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2005/32/KE,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti tal-ekodisinn għall-kaxxi set-top sempliċi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2005/32/KE japplikaw. Għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Kaxxa set-top sempliċi” (SSTB) tfisser apparat awtonomu li, irrispettivament mill-interfaces użati,

(a)

jkollu l-funzjoni ewlenija li jikkonverti sinjali ta’ xandir diġitali “free to air” ta’ definizzjoni standard (SD) jew ta’ definizzjoni għolja (HD) f’sinjali ta’ xandir analogu li jistgħu jinqraw minn televiżjonijiet jew radjijiet analogi;

(b)

ma jkollu l-ebda funzjoni ta′ “aċċess kondizzjonali” (CA);

(c)

ma joffri l-ebda funzjoni ta′ reġistrazzjoni bbażata fuq mezzi li jistgħu jinqalgħu u li jkunu fil-format standard ta’ libreriji tal-fajls.

SSTB jista’ jkun mgħammar bil-funzjonijiet u/jew komponenti addizzjonali li ġejjin li ma jikkostitwux speċifikazzjoni minima ta’ SSTB:

(a)

funzjonijiet ta’ time-shift u ta’ reġistrazzjoni permezz ta’ ħard-disk integrat;

(b)

konverżjoni ta’ sinjali ta’ xandir HD irċevuti għal output vidjo HD jew SD;

(c)

it-tieni tuner.

(2)

“Standby” tfisser kundizzjoni li fih l-apparat ikun imqabbad mas-sors ta’ elettriku tal-mains, li jiddependi fuq dan is-sors biex jaħdem kif suppost, u meta l-apparat jipprovdi biss il-funzjonijiet li ġejjin, li jistgħu jippersistu għal żmien indefinit:

(a)

funzjoni ta′ rijattivazzjoni, inkella funzjoni ta′ rijattivazzjoni u sempliċement indikazzjoni li din il-funzjoni hija attivata; u/jew

(b)

displej ta’ informazzjoni jew status.

(3)

“Funzjoni ta” rijattivazzjoni′ tfisser funzjoni li tippermetti l-attivazzjoni ta’ modi oħra, fosthom dak attiv, permezz ta’ swiċċ remot, li jinkludi l-apparat tal-kontroll remot, sonda interna, timer li jippermetti l-użu ta’ funzjonijiet addizzjonali, fosthom il-funzjoni ewlenija;

(4)

“Displej ta” informazzjoni inkella status′ tfisser funzjoni kontinwa li tipprovdi informazzjoni nkella li tindika l-istatus tal-apparat f′displej, inklużi arloġġi;

(5)

“Mod(i) attiv(i)” tfisser kundizzjoni li fiha l-apparat ikun imqabbad mas-sors ta’ elettriku tal-mains, u li fiha tkun ġiet attività għallinqas waħda mill-funzjonijiet ewlenin li jipprovdu s-servizz maħsub mill-apparat;

(6)

“Tifi awtomatiku” tfisser funzjoni li titfi l-SSTB minn mod attiv għal standby wara perjodu fil-mod attiv wara l-aħħar interazzjoni tal-utent u/jew bidla fil-kanal;

(7)

“It-tieni tuner” tfisser parti mill-SSTB li tkun disponibbli għal reġistrar indipendenti filwaqt li tippermetti li l-utent jara programm differenti;

(8)

“Aċċess kondizzjonali” (CA) tfisser servizz ta’ xandir ikkontrollat mill-fornitur li jirrikjedi abbonament għal servizz televiżiv fis-suq.

Artikolu 3

Rekwiżiti ta' ekodisinn

Ir-rekwiżiti ta’ ekodisinn għall-SSTBs huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 4

Relazzjoni mar — Regolament (KE) Nru 1275/2008

Ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament għandhom jieħdu preċedenza fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1275/2008.

Artikolu 5

Evalwazzjoni tal-konformità

Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2005/32/KE għandha tkun is-sistema għall-kontroll tad-disinn intern stipulata fl-Anness IV tad-Direttiva 2005/32/KE jew is-sistema ta′ ġestjoni stabbilita fl-Anness V tad-Direttiva 2005/32/KE

Artikolu 6

Proċedura ta’ verifika għall-finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

Għandhom isiru kontrolli ta’ sorveljanza skont il-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Anness II.

Artikolu 7

Punti ta’ riferiment

Il-punti ta’ riferiment indikattivi għall-prodotti u teknoloġiji bl-aqwa rendiment, li huma disponibbli bħalissa fis-suq huma identifikati fl-Anness III.

Artikolu 8

Reviżjoni

Sa mhux aktar tard minn 5 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tevalwah fid-dawl tal-progress teknoloġiku u tippreżenta r-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni lill-Forum ta’ Konsultazzjoni.

Artikolu 9

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f′Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-punt 1 tal-Anness I għandu jibda japplika sena wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Il-punt 2 tal-Anness I għandu jibda japplika tliet snin wara d-data msemmija fl-ewwel paragrafu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 191, 22.7.2005, p. 29.

(2)  ĠU L 339, 18.12.2008, p. 45.


ANNESS I

Rekwiżiti ta' ekodisinn

1.   Sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-SSTBs imqiegħda fis-suq m’għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ konsum ta’ enerġija li ġejjin; L-SSTBs b’ħard disk integrat u/jew li jkollhom it-tieni tuner huma eżentati minn dak ir-rekwiżit:

 

Mod standby

Mod attiv

STB sempliċi

1,00  W

5,00  W

Tolleranza għall funzjoni tad-displej waqt standby

+1,00  W

Tolleranza għad-dekodaġġ ta’ sinjali HD

+3,00  W

2.   Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-SSTBs imqiegħda fis-suq m’għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ konsum ta’ enerġija li ġejjin:

 

Mod standby

Mod attiv

STB sempliċi

0,50  W

5,00  W

Tolleranza għall funzjoni tad-displej waqt standby

+0,50  W

Tolleranza għal ħard disk

+6,00  W

Tolleranza għat-tieni tuner

+1,00  W

Tolleranza għad-dekodaġġ ta’ sinjali HD

+1,00  W

3.   Disponibbiltà tal-mod standby

Sena wara li dan ir-Regolament ikun daħal fis-seħħ, l-SSTBs għandhom jipprovdu mod standby.

4.   Tifi awtomatiku

Sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ din il-miżura ta' implimentazzjoni, l-SSTBs għandhom ikunu mgħammra b’funzjoni ta’ “tifi awtomatiku” jew funzjoni simili bil-karatteristiċi li ġejjin:

l-SSTB għandu jintefa awtomatikament mill-mod attiv għal standby wara inqas minn 3 sigħat fil-mod attiv wara l-aħħar interazzjoni mal-utent u/jew bidla fil-kanal - b'messaġġ ta' twissija żewġ minuti qabel ma jaqleb għall-mod standby.

il-funzjoni ta’ “tifi awtomatiku” għandha tkun issetjata bħala n-norma.

5.   Kejl

Il-konsum tal-enerġija msemmi fil-Punti 1 u 2 għandu jiġi stabbilit permezz ta’ proċedura affidabbli, preċiża u riproduċibbli ta’ kejl, li tqis l-aħħar teknoloġiji disponibbli ġeneralment rikonoxxuti.

Kejlijiet ta’ enerġija ta’ 0,50 W jew aktar għandhom isiru b’inċertezza ta’ 2 % jew inqas b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %. Kejl ta’ enerġija ta’ inqas minn 0,50 W għandhom isiru b’inċertezza ta’ 0,01 W jew inqas b’livell ta’ kunfidenza ta’ 95 %.

6.   Informazzjoni li trid tingħata mill-manifatturi għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità

Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità imsemmija fl-Artikolu 5, id-dokumentazzjoni teknika għandha jkun fiha l-elementi li ġejjin:

a)

Għall-mod standby u l-mod attiv

Id-dejta dwar il-konsum tal-enerġija f’Watts, approssimat għat-tieni punt deċimali, inkluża dejta tal-konsum għall-funzjonijiet addizzjonali u/jew komponenti differenti

Il-metodu ta’ kejl użat

Il-perjodu ta’ kejl

Id-deskrizzjoni ta’ kif intagħżel jew ġie pproggrammat il-mod tal-apparat

Is-sekwenza tal-avvenimenti biex jintlaħaq il-mod li fih l-apparat awtomatikament jibdel il-modi

Kwalunkwe noti rigward it-tħaddim tal-apparat

b)

Parametri ta’ testjar għall-kejl

Temperatura tal-ambjent

Vultaġġ tat-testjar f’V u frekwenza f’Hz

Distorsjoni armonika totali mis-sistema ta’ forniment tal-elettriku

Il-fluttwazzjoni fil-vultaġġ tal-provvista tal-elettriku matul it-testijiet

Informazzjoni u dokumentazzjoni dwar l-istrumenti, is-sistema u ċ-ċirkwiti li jintużaw għat-testjar elettriku

Is-sinjali tal-input fl-RF (għal xandir diġitali terrestri) jew IF (għal xandir bis-satellita)

Sinjali tat-test awdjo/vidjo kif deskritti fl-MPEG-2 transport stream

Aġġustamenti tal-kontrolli

Ir-rekwiżiti tal-enerġija ta’ apparat periferali alimentat mill-STB għar-riċezzjoni tax-xandiriet, bħal pereżempju antenna terrestri attiva, LNB satellitari jew kwalunkwe modem tal-cable jew tat-telekomunikazzjoni m’hemmx għalfejn jiġu inklużi fid-dokumentazzjoni teknika.

7.   Informazzjoni li trid tingħata mill-manifatturi għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità

Il-manifatturi għandhom jiżguraw li l-konsumaturi tal-SSTBs jingħataw il-konsum tal-enerġija f’Watts, approssimat għall-ewwel punt deċimali tal-modi standby u attivi tal-SSTB.


ANNESS II

Proċedura ta’ verifikazzjoni

Fit-twettiq tal-kontrolli tas-sorveljanza tas-suq imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2005/32/KE, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura ta’ verifika li ġejja għar-rekwiżiti applikabbli stipulati fl-Anness I, Punti 1, 2 u 4, kif applikabbli.

Għal konsum ta’ enerġija ta' aktar minn 1,00 W:

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw biss unità waħda.

Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Punti 1 u 2 kif applikabbli, ta’ dan ir-Regolament jekk ir-riżultati għall-kundizzjonijiet tal-mod attiv u dak standby, kif applikabbli, ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu b’aktar minn 10 %.

Inkella, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra. Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma dan ir-Regolament jekk il-medja tar-riżultati tal-aħħar tliet testijiet tal-mod attiv u dak standby, kif applikabbli, ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu b’aktar minn 10 %.

Għal konsum ta’ enerġija ta' 1,00 W jew inqas:

L-awtoritajiet tal-Istat Membru għandhom jittestjaw biss unità waħda.

Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Punti 1 u 2 kif applikabbli, ta’ dan ir-Regolament jekk ir-riżultati għall-kundizzjonijiet tal-mod attiv u/jew dak standby, kif applikabbli, ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu b’aktar minn 0,10 W.

Inkella, għandhom jiġu ttestjati tliet unitajiet oħra. Il-mudell għandu jitqies li jikkonforma ma’ dan ir-Regolament jekk il-medja tar-riżultati tal-aħħar tliet testijiet tal-kundizzjonijiet attivi u/jew dawk standby, kif applikabbli, ma jaqbżux il-valuri ta’ limitu b’aktar minn 0,10 W.

Inkella, il-mudell għandu jitqies li ma jikkonformax.


ANNESS III

Punti ta’ riferiment

Il-punti ta’ riferiment li ġejjin huma identifikati għall-finijiet tal-Anness I, parti 3, punt 2, tad-Direttiva 2005/32/KE. Jirreferu għall-aqwa teknoloġija disponibbli fid-data tal-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament:

 

SSTB mingħajr karatteristiċi addizjonali:

Mod attiv: 4,00 W

Il-mod standby, minbarra l-funzjoni ta’ displej: 0,25 W

Mod mitfi: 0 W

 

SSTB b’ħard drajv integrat:

Mod attiv: 10,00 W

Il-mod standby, minbarra l-funzjoni ta’ displej: 0,25 W

Mod mitfi 0 W:

Il-punti ta’ riferiment imsemmija hawn fuq huma stabbiliti fuq il-bażi ta’ SSTB b’konfigurazzjoni bażika u funzjoni ta’ “tifi awtomatiku” u swiċċ għat-tifi totali.


Top