EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0097

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 97/2009 tat- 2 ta’ Frar 2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-kummerċ strutturali, fir-rigward tal-użu tal-modulu flessibbli (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

OJ L 33, 3.2.2009, p. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 054 P. 159 - 160

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/97/oj

3.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 33/6


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 97/2009

tat-2 ta’ Frar 2009

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika tal-kummerċ strutturali, fir-rigward tal-użu tal-modulu flessibbli

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 295/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar l-istatistika tal-kummerċ strutturali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 295/2008 stabbilixxa qafas komuni għall-ġbir, il-kumpilazzjoni, it-trażmissjoni u l-evalwazzjoni ta’ statistika tal-Komunità fuq l-istruttura, l-attività, il-kompetittività u r-rendiment tan-negozji fil-Komunità.

(2)

L-użu tal-modulu flessibbli msemmi fl-Artikolu 3(2)(j) ta' dak ir-Regolament għandu jkun ippjanat b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri filwaqt li l-firxa, il-lista ta' karatteristiċi, il-perjodu ta' referenza, l-attivitajiet koperti u r-rekwiżiti ta' kwalità għandhom ikunu deċiżi.

(3)

L-aċċess għall-finanzi hija limitazzjoni prinċipali tal-politika f'ħafna mill-Istati Membri, kif ukoll fil-Komunità. Hemm evidenza qawwija li l-intrapriżi Ewropej ibatu minn nuqqas ta' finanzjament, speċjalment jekk jikbru b'rittmu mgħaġġel jew jekk għandhom karatteristiċi ta' intrapriża fil-bidu tagħha. Għaldaqstant hemm bżonn ta' statistiċi biex is-sitwazzjoni ta' dawn l-intrapriżi tista' tkun analizzata f'paragun mal-intrapriżi żgħar u medji kollha. Jekk possibbli, id-dejta għandha tinġabar minn sorsi eżistenti.

(4)

Kull dettall tekniku ieħor neċessarju għandu jkunu suġġett għal-linji gwida u r-rakkommandazzjonijiet definiti mill-Kummissjoni (Eurostat) f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri.

(5)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Programm Statistiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-modulu flessibbli msemmi fl-Artikolu 3(2)(j) tar-Regolament (KE) Nru 295/2008 għandu jintuża għall-produzzjoni ta' statistiċi dwar l-aċċess għall-finanzi min-negozji. L-ambitu tal-ġbir tad-dejta għandu jkun l-intrapriżi fil-komunità kummerċjali mhux finanzjarja li impjegaw bejn 10 u 249 persuna fl-2005 u li kienu għadhom attivi fl-2008 u li jkollhom 10 persuni jew aktar impjegati magħhom fil-perjodu ta' referenza kif imsemmi fl-Artikolu 6, u li huma intrapriżi ta' tkabbir mgħaġġel ta' sotto-popolazzjoni (tkabbir annwali medju fl-impjiegi ta' aktar minn 20 % kull sena matul il-perjodu mill-2005 sal-2008) u “għażżiela” (intrapriżi bi tkabbir mgħaġġel li għandhom sa ħames snin), mwaqqfa għall-ewwel darba fl-2003 jew fl-2004.

Artikolu 2

Sabiex ikun limitat il-piż fuq l-intrapriżi u l-ispejjeż għall-Istati Membri, jekk huwa possibbli, għandhom jintużaw sorsi ta' dejta eżistenti.

Artikolu 3

Il-karatteristiċi inklużi fil-kollezzjoni tad-dejta għandhom ikunu:

(a)

ir-rilevanza tas-sitwazzjoni tas-sjieda dakinhar tat-twaqqif tal-intrapriża u fil-ħin tal-osservazzjoni għall-aċċess għall-finanzi;

(b)

il-grad u r-rata ta' suċċess tal-isforzi kollha għall-kisba ta' diversi finanzjamenti interni u esterni u r-raġunijiet għalfejn dan il-finanzjament ma nkisibx;

(c)

l-ammont ta' garanziji għas-self kummerċjali;

(d)

il-perċezzjoni tas-sid/amministratur tal-ispejjeż u d-diffikultà biex jinkiseb self kummerċjali u tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-intrapriża;

(e)

l-importanza tal-għażla tal-istituzzjoni finanzjarja (prossimità ġeografika, b'mod partikolari sitwazzjonijiet transkonfinali, sjieda barranija vs. dik domestika, sitwazzjoni tal-klijenti preċedenti, eċċ.);

(f)

il-valur tad-dejn/bejgħ u korrelazzjonijiet oħra tal-karatteristiċi finanzjarji fil-kontabilità tal-intrapriża u l-importanza tagħhom għat-tkabbir tal-kummerċ fil-futur;

(g)

il-perċezzjoni tal-bżonn għall-finanzjament fil-futur u l-forom u r-raġunijiet ta' dan il-bżonn;

(h)

il-perċezzjoni tar-rabta bejn l-għażliet finanzjarji u d-disponibilità tagħhom u l-perspettivi għat-tkabbir fl-impjiegi;

(i)

il-perċezzjoni tal-piż amministrattiv b'mod ġenerali fuq l-intrapriżi;

(j)

l-isforz neċessarju biex jitwieġeb kwestjonarju (jekk ikun hemm bżonn) dwar l-aċċess għall-finanzi.

Artikolu 4

L-attivitajiet li għandhom ikunu koperti huma l-aggregazzjonijiet li ġejjin tal-klassifikazzjoni tal-istatistika komuni tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea kif stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (NACE Rev. 2), sakemm dawn huma attivitajiet tas-suq:

(a)

B sa E (industrija);

(b)

F (kostruzzjoni);

(c)

G sa N (servizzi, aggregati minbarra J, K (servizzi finanzjarji) u M);

(d)

J (servizzi tal-ICT);

(e)

M (servizzi professjonali, xjentifiċi u tekniċi).

Artikolu 5

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fl-Istati Membri għandhom jibagħtu r-riżultati dwar il-karatteristiċi msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament, inkluża dejta kunfidenzjali, lill-Kummissjoni (Eurostat) skont id-dispożizzjonijiet Komunitarji eżsitenti dwar it-trażmissjoni tad-dejta li hija suġġetta għall-kunfidenzjalità tal-istatistika, b'mod partikolari r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta' Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni tad-dejta li hija suġġetta għall-kunfidenzjalità tal-istatistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (3).

Dawk id-dispożizzjonijiet tal-Komunità japplikaw għat-trattament tar-riżultati, sa fejn dawn jinkludu dejta kunfidenzjali. Id-dejta għandha tkun trażmessa fil-forma elettronika. Il-format ta' trażmissjoni għandu jkun konformi mal-istandards ta’ skambju speċifikati mill-Kummissjoni (Eurostat). Id-data għandha tiġi trażmessa jew imtella' b'mezzi elettroniċi fil-punt ta' aċċess uniku għad-dejta għand il-Kummissjoni (Eurostat).

Artikolu 6

Il-perjodu ta' referenza għandu jkun dak il-perjodu fl-2010 matul liema d-dejta hija miġbura min sorsi eżistenti jew mill-intrapriżi.

Artikolu 7

Ir-rekwiżiti ta' kwalità għandhom ikunu l-ġbir ta' settijiet ta' dejta li jkopru n-numru ta' unitajiet ta' statistika li jmiss għal kull Stat Membru li qed jipparteċipa:

il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit: 1 800 risposta mill-intrapriżi kull wieħed, jew l-ekwivalenti f'dejta eżistenti;

il-Belġju, il-Bulgarija, l-Irlanda, il-Greċja, l-Olanda, il-Polonja, is-Slovakkja u l-Iżvezja: 900 risposta mill-intrapriżi kull wieħed, jew l-ekwivalenti f'dejta eżistenti;

id-Danimarka u l-Finlandja, 500 risposta mill-intrapriżi kull wieħed, jew l-ekwivalenti f'dejta eżistenti;

Il-Latvja u l-Litwanja: 300 risposta mill-intrapriżi kull wieħed, jew l-ekwivalenti f'dejta eżistenti;

Ċipru u Malta: 233 risposta mill-intrapriżi kull wieħed, jew l-ekwivalenti f'dejta eżistenti.

Artikolu 8

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum ta' wara dak tal-publikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 2 ta’ Frar 2009.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 13.

(2)  ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

(3)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.


Top