Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0119

Direttiva 2009/119/KE tal-Kunsill tal- 14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi

OJ L 265, 9.10.2009, p. 9–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 12 Volume 005 P. 82 - 96

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/119/oj

9.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/9


DIRETTIVA 2009/119/KE TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Settembru 2009

li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsulta mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data  (3),

Billi:

(1)

Il-provvista ta’ żejt mhux maħdum u ta’ prodotti petroliferi għall-Komunità tibqa’ importanti ħafna, partikolarment għas-settur tat-trasport u għall-industrija tal- kimiċi.

(2)

Il-konċentrazzjoni dejjem tiżdied tal-produzzjoni, it-tnaqqis tar-riżervi taż-żejt kif ukoll iż-żieda fil-konsum dinji tal-prodotti petroliferi qegħdin kollha jikkontribwixxu għal żieda fir-riskju ta’ diffikultajiet ta’ provvista.

(3)

Il-Kunsill Ewropew, fil-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu (2007-2009), intitolat “Politika tal-Enerġija għall-Ewropa”, issottolinja l-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista għall-Unjoni Ewropea (UE) kollha kemm hi kif ukoll għal kull Stat Membru, fost l-oħrajn billi jiġu riveduti l-mekkaniżmi tal-ħażniet taż-żejt tal-Unjoni, b’referenza partikolari għad-disponibbiltà fil-każ ta’ kriżi.

(4)

Dak l-objettiv jeħtieġ, fost affarijiet oħra, aktar konverġenza bejn is-sistema Komunitarja u s-sistema prevista mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (minn hawn ’il quddiem “l-AIE”).

(5)

Skont id-Direttiva tal-Kunsill 2006/67/KE tal-24 ta’ Lulju 2006 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi (4), il-ħażniet jiġu kkalkolati abbażi tal-konsum intern medju ta’ kuljum matul is-sena kalendarja preċedenti. Madankollu, l-obbligi tal-ħżin skont il-Ftehim dwar Programm Internazzjonali tal-Enerġija tat-18 ta’ Novembru 1974 (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim AIE”) huma kkalkolati abbażi tal-importazzjoni netta ta’ żejt u ta’ prodotti petroliferi. Għal dik ir-raġuni, u minħabba differenzi oħra fil-metodoloġija, il-mod ta’ kif l-obbligi tal-ħżin u l-ħażniet ta’ emerġenza tal-Komunità jiġu kkalkolati għandu jkun aktar konformi mal-metodi ta’ kalkolu li jintuża taħt il-Ftehim AIE, minkejja l-fatti li l-metodi ta’ kalkolu tal-AIE jista’ jkollhom jiġu evalwati fid-dawl tat-titjib teknoloġiku matul l-aħħar deċenni, u li dawk li mhumiex membri tal-AIE li jiddependu bis-sħiħ fuq l-importazzjonijiet jistgħu jeħtieġu perijodu itwal biex jadattaw l-obbligi tagħhom ta’ ħżin. Emendi oħra għall-metodi u l-proċeduri għall-kalkolu tal-livelli tal-ħażniet jistgħu jirriżultaw li jkunu meħtieġa u ta’ benefiċċju sabiex tiżdied aktar il-koerenza mal-prattika tal-AIE, inklużi, pereżempju, bidliet li jwasslu għal tnaqqis għal ċerti Stati Membri tal-persentaġġ tat-tnaqqis ta’ 10 % applikat fil-kalkolu tal-ħażniet, li jkunu jippermettu trattament differenti tal-ħażniet tan-nafta, jew li jkunu jippermettu li jingħaddu l-ħażniet li jinżammu f’tankers f’ibħra territorjali ta’ Stat Membru.

(6)

Produzzjoni indiġena taż-żejt tista’ fiha nnifisha tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista u għalhekk tista’ tipprovdi ġustifikazzjoni sabiex Stati Membri li jipproduċu ż-żejt iżommu ħażniet aktar baxxi minn Stati Membri oħrajn. Deroga bħal dik m’għandiex, madankollu, tirriżulta f’obbligi tal-ħżin li jkunu sostanzjalment differenti minn dawk li japplikaw skont id-Direttiva 2006/67/KE. Għalhekk minn dan jirriżulta li l-obbligu tal-ħżin għal ċerti Stati Membri għandu jkun stabbilit abbażi tal-konsum intern taż-żejt u mhux abbażi tal-importazzjoni.

(7)

Il-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-8 u d-9 ta’ Marzu 2007 jindikaw li qed isir dejjem aktar vitali u urġenti li l-Komunità tistabbilixxi politika integrata dwar l-enerġija, li tikkombina azzjoni fil-livell Ewropew u f’dak tal-Istati Membri. Għalhekk huwa essenzjali li tiġi żgurata konverġenza akbar fl-istandards assigurati mill-mekkaniżmi tal-ħżin attwati fid-diversi Stati Membri.

(8)

Id-disponibbiltà tal-ħażniet taż-żejt u s-salvagwardja tal-provvista tal-enerġija huma elementi essenzjali tas-sigurtà pubblika għall-Istati Membri u għall-Kommunità. L-eżistenza ta’ entitajiet ċentrali ta’ ħżin (CSEs) fil-Komunità twassal dawn l-għanijiet aktar fil-qrib. Sabiex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jagħmlu l-aqwa użu mill-liġi nazzjonali sabiex jiddefinixxu t-termini ta’ referenza għas-CSEs tagħhom filwaqt li jtaffu l-piż finanzjarju mpoġġi fuq il-konsumaturi finali b’riżultati ta’ dawn l-attivitajiet ta’ ħżin huwa biżżejjed li jiġi projbit l-użu ta’ hażniet għal skopijiet kummerċjali, filwaqt li jiġi permezz illi l-ħażniet jinżammu fi kwalunkwe post fil-Komunità u minn kwalunkwe CSE stabbilit għal dak l-għan.

(9)

Fid-dawl tal-objettivi tal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-ħażniet taż-żejt, it-tħassib possibbli dwar is-sigurtà li jistgħu jesprimu xi Stati Membri u x-xewqa li l-mekkaniżmi għas-solidarjetà fost l-Istati Membri jkunu aktar rigorużi u aktar trasparenti, huwa meħtieġ li l-operat tas-CSEs jkun iffokat kemm jista’ jkun għat-territorji nazzjonali tagħhom.

(10)

Għandu jkun possibbli li l-ħażniet taż-żejt jinżammu fi kwalunkwe post fil-Komunità, dment li jittieħed kont dovut tal-aċċessibbiltà fiżika tagħhom. Konsegwentement, l-operaturi ekonomiċi li fuqhom jaqgħu tali obbligi tal-ħżin għandhom ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi tagħhom permezz ta’ delega lil operaturi ekonomiċi oħrajn jew lil kwalunkwe waħda mis-CSEs. Minbarra hekk, sakemm dawk l-obbligi jkunu jistgħu jiġu delegati lil CSE magħżula liberament li tkun tinstab ġewwa l-Komunità fuq ħlas ta’ ammont limitat għall-ispiża tas-servizzi pprovduti minn, ir-riskji ta’ prattika diskriminatorja fil-livell nazzjonali jitnaqqsu. Id-dritt ta’ operatur ekonomiku li jiddelega m’għandux jimplika obbligu mill-parti ta’ kwalunkwe attur li jaċċetta d-delega, dment li din id-Direttiva ma tkunx teħtieġ mod ieħor. Meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jillimitaw id-drittijiet ta’ delega tal-operaturi, huma għandhom jiżguraw li l-operaturi jkunu garantiti d-dritt li jiddelegaw ċertu persentaġġ minimu tal-obligazzjoni tagħhom: dawk l-Istati Membri għalhekk għandhom jiżguraw li s-CSE tagħhom taċċetta d-delega tal-obbligu tal-ħażna fir-rigward tal-ammont meħtieġ biex ikun iggarantit dak il-persentaġġ ta’ limitu minimu.

(11)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibbiltà sħiħa tal-ħażniet kollha miżmuma skont il-leġislazzjoni Komunitarja. Sabiex tiġi ggarantita dik id-disponibbiltà, m’għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni jew limitazzjoni tad-dritt ta’ appartenenza ta’ dawk il-ħażniet li tkun tista’ tostakola l-użu tagħhom f’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista taż-żejt. Il-prodotti petroliferi li jappartjenu lil kumpanniji li jkunu qed jiffaċċjaw riskju sostanzjali ta’ proċedimenti ta’ infurzar kontra l-assi tagħhom m’għandhomx jiġu kkunsidrati. Meta obbligu tal-ħżin ikun ġie impost fuq l-operaturi, il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment jew ta’ ħlas jista’ jiġi kkunsidrat li juri l-eżistenza ta’ tali riskju.

(12)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jirreaġġixxu malajr għal każijiet ta’ emerġenzi partikolari jew għal kriżijiet lokali jista’ jkun adatt li dawn ikunu jistgħu jużaw parti mill-ħażniet tagħhom għal sitwazzjonijiet bħal dawn. Każijiet ta’ Emerġenzi jew kriżijiet lokali bħal dawn ma jinkludux sitwazzjonijiet ikkawżati minn żviluppi fil-prezz taż-żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi, iżda jistgħu jinkludu interruzzjonijiet tal-provvista ta’ gass naturali li jirrikjedu tibdil tal-karburant, jiġifieri l-użu ta’ żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi bħala karburant għall-produzzjoni tal-enerġija.

(13)

Fid-dawl ta’ dak li huwa meħtieġ fir-rigward tal-istabbiliment ta’ linji politiċi ta’ emerġenza, il-konverġenza fl-istandards assigurati mill-mekkaniżmi nazzjonali ta’ ħżin u l-assigurazzjoni ta’ ħarsa ġenerali aħjar tal-livelli tal-ħażniet, b’mod partikolari fil-każ ta’ kriżi, l-Istati Membri u l-Komunità għandu jkollhom il-mezzi għal kontroll imsaħħaħ ta’ dawk il-ħażniet. Il-ħażniet miżmuma skont il-ftehimiet bilaterali, jew id-drittijiet kontrattwali għax-xiri ta’ ċerti volumi ta’ ħażniet (“biljetti”) li jissodisfaw l-obbligi kollha stabbiliti bid-Direttiva attwali, għandhom jiffurmaw strumenti utli kompatibbli ma’ dan il-għan ta’ konverġenza akbar.

(14)

Il-propjetà ta’ parti sostanzjali ta’ dawk il-ħażniet mill-Istati Membri jew mis-CSEs stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali diversi għandha tagħmilha possibbli li jiżdiedu l-livelli ta’ kontroll u trasparenza, għallinqas fuq dik il-parti tal-ħażniet.

(15)

Sabiex jingħata kontribut għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista fil-Komunità, il-ħażniet, magħrufa bħala “ħażniet speċifiċi”, mixtrija mill-Istati Membri jew mis-CSEs u kostitwiti abbażi ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri għandhom jikkorrispondu għall-ħtiġijiet effettivi fil-każ ta’ kriżi. Dawn għandu jkollhom ukoll status legali separat sabiex tiġi żgurata disponibbiltà sħiħa f’każ li sseħħ kriżi bħal din. Għal dak il-għan, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri adatti għall-protezzjoni ta’ dawk il-ħażniet minn kull miżura ta’ infurzar.

(16)

F’dan l-istadju, il-volumi li għandhom jappartjenu lis-CSEs jew l-Istati Membri għandhom ikunu stabbiliti f’livell determinat indipendentement u volontarjament minn kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati.

(17)

Fid-dawl tal-ħtieġa li jiżdiedu l-livelli ta’ kontroll u trasparenza, ħażniet ta’ emerġenza li mhumiex ħażniet speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għal ħtiġiet ta’ monitoraġġ akbar u, f’ċerti każijiet, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jinnotifikaw miżuri li jirregolaw id-disponibbiltà tal-ħażniet ta’ emerġenza u kwalunkwe tibdil fl-arranġamenti sabiex dawn jinżammu.

(18)

Varjazzjonijiet fil-volum ta’ ħażniet speċifiċi dovuti għal operazzjonijiet individwali għat-tibdil tal-ħażniet jistgħu jkunu permissibbli sabiex ikunu jistgħu jsiru operazzjonijiet neċessarji bħal dawk meħtieġa biex jiġi żgurat li l-ħażniet ikunu friski, biex tiġi żgurata konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodotti li jkunu nbidlu, jew biex jinħarġu sejħiet għall-offerti ġodda għall-ħżin.

(19)

Fejn il-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi jkunu mħalltin ma’ ħażniet oħra miżmuma minn operaturi ekonomiċi, għandha tkun enfasizzata t-trasparenza tal-livell tal-ħażniet ta’ emerġenza.

(20)

Il-frekwenza li biha jitfasslu sommarji dwar il-ħażniet u l-iskadenza għall-preżentazzjoni tagħhom, kif stabbilit bid-Direttiva 2006/67/KE, jidhru li ma jaqblux ma’ sistemi diversi ta’ ħażniet taż-żejt li ġew stabbiliti f’partijiet oħra tad-dinja. F’riżoluzzjoni dwar l-impatt makroekonomiku taż-żieda fil-prezz tal-enerġija, il-Parlament Ewropew wera l-appoġġ tiegħu għal rapportar aktar frekwenti.

(21)

Sabiex jiġi evitat rappurtar doppju fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn Stati Membri dwar il-kategoriji differenti ta’ prodotti, ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar l-istatistika dwar l-enerġija għandu jservi bħala punt ta’ referenza għall-kategoriji differenti ta’ prodotti petroliferi msemmija f’din id-Direttiva.

(22)

Sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, biex is-swieq jingħataw informazzjoni aktar kompluta, biex il-konsumaturi jiġu assigurati dwar il-qagħda tal-ħażniet taż-żejt u biex jiġi ottimizzat il-mod li bih tintbagħat l-informazzjoni, għandha tiġi prevista l-possibbiltà ta’ emendi jew kjarifiki sussegwenti tar-regoli għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ sommarji tal-istatistika.

(23)

Bil-ħsieb tal-istess objettivi, it-tħejjija u l-preżentazzjoni ta’ sommarji tal-istatistika għandhom jiġu estiżi wkoll għal ħażniet oħra li mhumiex ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi, u dawk is-sommarji għandhom jiġu ppreżentati fuq bażi ta’ kull xahar.

(24)

Peress li jista’ jkun hemm żbalji jew diskrepanzi fis-sommarji ppreżentati lill-Kummissjoni, l-impjegati jew l-aġenti awtorizzati tal-Kummissjoni għandhom ikunu jistgħu jirrevedu l-istat ta’ tħejjija għal emerġenza u l-ħżin tal-Istati Membri. Wieħed għandu jserraħ fuq is-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri sabiex ikun żgurat li eżamijiet mill-ġdid bħal dawn jistgħu jitmexxew b’mod effettiv f’konformità mal-proċeduri nazzjonali.

(25)

Għandu jitwettaq ipproċessar elettroniku u statistiku kumpless tad-data għad-data riċevuta jew miġbura. Dan jeħtieġ l-użu ta’ għodod u proċeduri integrati. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tkun tista’ tieħu l-miżuri kollha adatti għal dak il-għan, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ sistemi tal-informatika ġodda.

(26)

Il-protezzjoni tal-individwi rigward l-ipproċessar ta’ data personali mill-Istati Membri hija rregolata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (5), filwaqt li l-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni hija rregolata mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 45/2001 tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data  (6). B’mod partikolari, dawk l-Atti jeħtieġu li l-ipproċessar tad-data personali jkun iġġustifikat minn għan leġittimu u jistipulaw li kwalunkwe data personali miġbura b’kumbinazzjoni għandha titħassar minnufih.

(27)

Il-bijokarburanti u ċerti addittivi spiss ikunu mħallta mal-prodotti petroliferi. Meta mħallta jew ikun hemm il-ħsieb li jitħalltu ma’ dawk il-prodotti, għandu jkun possibbli li jittieħed kont tagħhom kemm meta jkun qed jiġi kkalkolat l-obbligu tal-ħżin kif ukoll meta jkunu qed jiġu kkalkolati l-ħażniet miżmuma.

(28)

L-Istati Membri kkonċernati għandhom ikun permessi li jissodisfaw kwalunkwe obbligu li huma jista’ jkunu soġġetti għalih b’riżultat ta’ deċiżjoni li l-ħażniet jiġu rilaxxati meħuda skont il-Ftehim AIE jew il-miżuri implimentattivi tagħha. Esekuzzjoni xierqa u f’waqtha tad-deċiżjonijiet tal-AIE hija fattur ċentrali għal rispons effiċjenti f’każijiet b’diffikultajiet ta’ provvista. Sabiex dan ikun żgurat, l-Istati Membri għandhom jirrilaxxaw parti mill-ħażniet ta’ emerġenza tagħhom sal-punt kif previst mid-deċiżjoni tal-AIE involuta. Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mill-qrib mal-AIE u tibbaża l-azzjoni fil-livell tal-Komunità fuq il-metodoloġija tal-AIE. B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tkun fil-pożizzjoni li tirrakkomanda r-rilaxx ta’ ħażniet mill-Istati Membri kollha, kif meħtieġ biex tkun ikkumplimentata u ffaċilitata l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-AIE li tistieden lill-membri tagħha jirrilaxxaw il-ħażniet. Huwa xieraq li l-Istati Membri jwieġbu b’mod pożittiv għal tali rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, fl-interess ta’ solidarjetà u koeżjoni sodi fil-Komunità kollha, bejn dawk l-Istati Membri li huma membri tal-AIE u dawk li mhumiex, fit-tweġiba għal interruzzjoni tal-provvista.

(29)

Id-Direttiva tal-Kunsill 73/238/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar miżuri sabiex jittaffew l-effetti ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi (7) hija maħsuba, b’mod partikolari, biex tikkumpensa, jew għallinqas biex ittaffi, l-effetti ħżiena ta’ kwalunkwe diffikultà, ukoll jekk temporanja, li jkollha l-effett li tnaqqas konsiderevolment il-provvisti ta’ żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi, inkluża l-interruzzjoni serja fl-attività ekonomika tal-Komunità li tali tnaqqis jista’ jikkawża. Din id-Direttiva għandha tinkludi miżuri simili.

(30)

Id-Direttiva 73/238/KEE għandha wkoll l-għan li twaqqaf korp konsultattiv biex jiffaċilita l-koordinazzjoni ta’ miżuri prattiċi meħuda jew proposti mill-Istati Membri f’dan il-qasam. Tali korp għandu jkun previst f’din id-Direttiva. Tibqa’ l-ħtieġa li kull Stat Membru jfassal pjan li jkun jista’ jintuża f’każ li jirriżultaw xi diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u ta’ prodotti petroliferi. Kull Stat Membru għandu jagħmel ukoll arranġamenti fir-rigward tal-miżuri organizzattivi li għandhom jittieħdu f’każ ta’ kriżi.

(31)

Peress li din id-Direttiva tintroduċi numru ta’ mekkaniżmi ġodda, l-implimentazzjoni u t-tħaddim tagħha għandhom jiġu riveduti.

(32)

Din id-Direttiva tissotitwixxi jew tkopri l-aspetti kollha ttrattati fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 68/416/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1968 dwar il-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-patti ta’ ftehim individwali bejn il-Gvernijiet li għandhom x’jaqsmu ma l-obbligu tal-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta’ żejt mhux maħdum u/jew tal-prodotti petroliferi (8). Għalhekk dik id-Deċiżjoni m’għad baqagħlha l-ebda skop.

(33)

Billi l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jinżamm livell għoli ta’ sigurtà tal-provvisti taż-żejt fil-Komunità permezz ta’ mekkaniżmi affidabbli u trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, filwaqt li jkun hemm konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq intern, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, minħabba d-daqs u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif imniżżel fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif imniżżel f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv.

(34)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (9).

(35)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet, l-Istati Membri huma mħeġġa ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli proprji, li, sa fejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(36)

Għalhekk id-Direttivi 73/238/KEE u 2006/67/KE u d-Deċiżjoni 68/416/KEE għandhom jitħassru,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Objettiv

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li għandhom l-għan li jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista taż-żejt fil-Komunità permezz ta’ mekkaniżmi affidabbli u trasparenti bbażati fuq is-solidarjetà fost l-Istati Membri, li jżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi kif ukoll li jistabbilixxu l-mezzi ta’ proċedura meħtieġa biex jiġi ttrattat nuqqas serju.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)

“sena ta’ referenza” tfisser is-sena kalendarja tal-konsum jew tad-data tal-importazzjoni netta użata għall-kalkolu tal-ħażniet li għandhom jinżammu jew il-ħażniet effettivament miżmuma fi żmien partikolari;

(b)

“addittivi” tfisser komposti li mhumiex idrokarburi, miżjuda jew imħallta ma’ prodott biex jimmodifikaw il-proprjetajiet tiegħu;

(c)

“bijokarburant” tfisser karburant likwidu jew f’forma ta’ gass użat għat-trasport u prodott mill-bijomassa, fejn il-“bijomassa” hija l-frazzjoni bijodegradabbli ta’ prodotti, skart u residwi mill-agrikoltura (inklużi s-sustanzi veġetali u dawk li ġejjin mill-annimali), il-foresterija u l-industriji relatati, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli tal-iskart industrijali u muniċipali;

(d)

“konsum intern” tfisser il-kwantitajiet totali, ikkalkolati skont l-Anness II, kkunsinnati f’pajjiż għall-użu kemm fl-enerġija kif ukoll mhux fl-enerġija; dan l-ammont globali jinkludi kunsinni lis-settur ta’ trasformazzjoni u kunsinni lill-industrija, it-trasport, id-djar u setturi oħra għall-konsum “finali”; huwa jinkludi wkoll il-konsum proprju tas-settur tal-enerġija (ħlief il-karburant tar-raffineriji);

(e)

“deċiżjoni internazzjonali effettiva għar-rilaxx tal-ħażniet” tfisser kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija sabiex żejt mhux maħdum jew prodotti petroliferi ikunu disponibbli fis-suq permezz ta’ rilaxx tal-ħażniet tal-membri tagħha u/jew miżuri addizzjonali;

(f)

“entità ċentrali ta’ ħżin” (CSE) tfisser il-korp jew is-servizz li lilu jistgħu jingħataw is-setgħat biex jaġixxi biex jakkwista, iżomm jew ibigħ ħażniet taż-żejt inklużi ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi;

(g)

“interruzzjoni maġġuri tal-provvista” tfisser tnaqqis sostanzjali u f’salt fil-provvista taż-żejt mhux maħdum jew tal-prodotti petroliferi lill-Komunità jew lil Stat Membru, irrispettivament minn jekk dan wassalx għal deċiżjoni internazzjonali effettiva għar-rilaxx tal-ħażniet;

(h)

“imħażen marittimi internazzjonali” għandha t-tifsira mogħtija fit-Taqsima 2.1 tal-Anness A għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008;

(i)

“ħażniet ta’ żejt” tfisser il-prodotti tal-enerġija elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008;

(j)

“ħażniet ta’ emerġenza” tfisser ħażniet ta’ żejt li kull Stat Membru huwa meħtieġ iżomm skont l-Artikolu 3;

(k)

“ħażniet kummerċjali” tfisser dawk il-ħażniet ta’ żejt li jinżammu mill-operaturi ekonomiċi li mhumiex ħtieġa skont din id-Direttiva;

(l)

“ħażniet speċifiċi” tfisser ħażniet ta’ żejt li jissodisfaw il-kriterji mniżżla fl-Artikolu 9;

(m)

“aċċessibbiltà fiżika” tfisser arranġamenti għal-lokalizzazzjoni u t-trasport ta’ ħażniet sabiex jiġi żgurat ir-rilaxx jew il-kunsinna effettiva tagħhom lill-utenti u s-swieq finali fl-iskedi ta’ żmien u l-kondizzjonijiet li jwasslu biex itaffu l-problemi tal-provvista li jkunu setgħu nqalgħu;

Id-definizzjonijiet imniżżla f’dan l-Artikolu jistgħu jiġu kkjarifikati jew emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 3

Ħażniet ta’ emerġenza – Kalkolu tal-obbligi tal-ħżin

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw kwalunkwe liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva li tista’ tkun meħtieġa sabiex jiġi żgurat, sal-31 ta’ Diċembru 2012, li l-ħażniet totali ta’ żejt li jinżammu f’kull ħin fil-Komunità għall-benefiċċju tagħhom, jikkorrispondu, ta’ mill-inqas, għal 90 jum tal-importazzjoni netta medja ta’ kuljum jew 61 jum tal-konsum intern medju ta’ kuljum, skont liema miż-żewġ kwantitajiet ikun l-ikbar.

2.   L-importazzjoni netta medja ta’ kuljum li għandha tiġi kkunsidrata għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-importazzjoni matul is-sena kalendarja preċedenti, determinata skont il-metodu u l-proċeduri mniżżla fl-Anness I.

Il-konsum intern medju ta’ kuljum li għandu jiġi kkunsidrat għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-konsum intern matul is-sena kalendarja preċedenti, stabbilita u kkalkolata skont il-metodu u l-proċeduri mniżżla fl-Anness II.

3.   Madankollu, minkejja l-paragrafu 2, il-medji ta’ kuljum tal-importazzjoni netta u tal-konsum intern, kif imsemmija f’dak il-paragrafu, għandhom jiġu ddeterminati, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena kalendarja, abbażi tal-kwantitajiet importati jew ikkonsmati matul is-sena ta’ qabel dik preċedenti għas-sena kalendarja involuta.

4.   Il-metodi u l-proċeduri għall-kalkolu tal-obbligi tal-ħżin, kif imsemmi f’dan l-Artikolu, jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 4

Kalkolu tal-livell tal-ħażniet

1.   Il-livelli tal-ħażniet miżuma għandhom jiġu kkalkolati bl-użu tal-metodi mniżżla fl-Anness III. Fil-każ tal-kalkolu tal-livell tal-ħażniet miżmuma għal kull kategorija skont l-Artikolu 9, dawk il-metodi għandhom japplikaw biss għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kategorija kkonċernata.

2.   Il-livelli tal-ħażniet miżmuma f’ħin partikolari għandhom jiġu kkalkolati bl-użu ta’ data mis-sena ta’ referenza ddeterminata skont ir-regoli mniżżla fl-Artikolu 3.

3.   Kwalunkwe ħażna taż-żejt tista’ tkun inkluża simultanjament kemm fil-kalkolu ta’ ħażniet ta’ emerġenza ta’ Stat Membru kif ukoll għall-kalkolu tal-ħażniet speċifiċi tiegħu fit-tifsira tal-Artikolu 9 dment li dawk il-ħażniet taż-żejt jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha stabbiliti f’din id-direttiva għaż-żewġ tipi ta’ ħażniet.

4.   Il-metodi u l-proċeduri għall-kalkolu tal-livelli tal-ħażniet, kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2). B’mod partikolari, jista’ jkun meħtieġ u ta’ benefiċċju li dawk il-metodi u proċeduri jiġu emendati inkluż l-applikazzjoni tat-tnaqqis provdut fl-Anness III, sabiex tiġi assigurata l-koerenza mal-prattika tal-AIE.

Artikolu 5

Disponibbiltà tal-ħażniet

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw f’kull ħin li l-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi, jkunu disponibbli u fiżikament aċċessibbli għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti għall-identifikazzjoni, il-kontabbiltà u l-kontroll ta’ dawk il-ħażniet sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu vverifikati fi kwalukwe ħin. Din il-ħtieġa tapplika wkoll għal kwalunkwe ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi li jkunu mħalltin ma’ ħażniet miżmuma minn operaturi ekonomiċi.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimpedixxu kull ostakolu u impediment li jista’ jfixkel id-disponibbiltà tal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi. Kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi limiti jew kondizzjonijiet addizzjonali dwar il-possibbiltà li l-ħażniet ta’ emerġenza tiegħu u l-ħażniet speċifiċi jinżammu ’l barra mit-territorju tiegħu.

2.   Fejn ikun hemm raġuni għall-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza previsti fl-Artikolu 20, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu, u jżommu lura milli jieħdu, kwalunkwe miżura li tfixkel it-trasferiment, l-użu jew ir-rilaxx tal-ħażniet ta’ emerġenza jew il-ħażniet speċifiċi miżmuma fit-territorju tagħhom f’isem Stat Membru ieħor.

Artikolu 6

Reġistru tal-ħażniet ta’ emerġenza – Rapport annwali

1.   Kull Stat Membru għandu jżomm reġistru kontinwament aġġornat u dettaljat tal-ħażniet ta’ emerġenza kollha miżmuma għal benefiċċju tiegħu li ma jkunux jikkostitwixxu ħażniet speċifiċi. Dak ir-reġistru għandu jkun fih, b’mod partikolari, l-informazzjoni meħtieġa biex ikunu indikati b’mod preċiż, id-depost, ir-raffinerija jew il-faċilità għal ħżin fejn il-ħażniet ikkonċernati jinsabu, kif ukoll il-kwantitajiet involuti, lil min jappartjenu l-ħażniet u n-natura tagħhom, b’referenza għall-kategoriji identifikati fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008.

2.   Sal-25 ta’ Frar ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibagħt lill-Kummissjoni kopja fil-qosor tar-reġistru tal-ħażniet imsemmi fil-paragrafu 1 li turi mill-inqas il-kwantitajiet u n-natura tal-ħażniet ta’ emerġenza inklużi fir-reġistru eżistenti fl-aħħar jum tas-sena kalendarja.

3.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu wkoll lill-Kummissjoni kopja sħiħa tar-reġistru fi żmien 15-il jum wara li ssir talba mill-Kummissjoni; f’din il-kopja, tista’ tkun miżmuma data sensittiva relatata mal-post tal-ħażniet. Tali talbiet jistgħu jsiru mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data li għaliha d-data mitluba tkun tapplika, u m’għandu jkollha l-ebda konnessjoni ma’ data relatata għal kwalunkwe perijodu li jippreċedi l-1 ta’ Jannar 2013.

Artikolu 7

Entitajiet ċentrali ta’ ħżin

1.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu CSEs.

L-ebda Stat Membru ma jista’ jistabbilixxi aktar minn CSE waħda jew kwalunkwe korp simili ieħor. Stat Membru jista’ jistabbilixxi s-CSE tiegħu fi kwalunkwe post ġewwa l-Komunità.

Fejn Stat Membru jistabbilixxi CSE, din għandha tieħu l-forma ta’ korp jew servizz mingħajr l-objettiv ta’ profitt u taġixxi fl-interess ġenerali u m’għandhiex tkun ikkunsidrata bħala operatur ekonomiku fit-tifsira ta’ din id-Direttiva.

2.   ħan prinċipali tas-CSE għandu jkun li takkwista, iżżomm u tbigħ ħażniet taż-żejt għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jew għall-fini li tikkonforma mal-ftehimiet internazzjonali li jikkonċernaw iż-żamma u l-manutenzjoni ta’ ħażniet taż-żejt. Hija l-uniku korp jew servizz li lilu jistgħu jingħataw is-setgħat biex jakkwista jew ibigħ ħażniet speċifiċi.

3.   CSEs jew l-Istati Membri jistgħu, għal perijodu speċifiku, jiddelegaw kompiti relatati mal-ġestjoni ta’ ħażniet ta’ emerġenza u, bl-eċċezzjoni tal-bejgħ u l-akkwist, ta’ ħażniet speċifiċi, imma unikament lil:

(a)

Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu jkunu jinsabu tali ħażniet jew is-CSE stabbilita minn dak l-Istat Membru. Kompiti li jkunu delegati b’dan il-mod ma jistgħux jiġu sottodelegati lil Stati Membri oħra jew lil CSEs stabbiliti minnhom. L-Istat Membru li jkun stabbilixxa s-CSE, kif ukoll kull Stati Membru li fit-territorju tiegħu ikunu ser jinżammu l-ħażniet, għandhom id-dritt li jagħmlu d-delega kondizzjonali għall-awtorizzazzjoni tiegħu;

(b)

operaturi ekonomiċi. Kompiti delegati b’dan il-mod ma jistgħux jiġu sottodelegati. Fejn tali delega, jew kwalunkwe bidla jew estensjoni għal dik id-delega, tinvolvi kompiti relatati mal-ġestjoni tal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi miżmuma fi Stat Membru ieħor, dan għandu jkun awtorizzat minn qabel kemm mill-Istati Membru li għal kont tiegħu jinżammu il-ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom ikunu ser jinżammu l-ħażniet.

4.   Kull Stat Membru li jkollu CSE għandu jeħtiġilha, għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) u (2), li tippubblika:

(a)

fuq bażi tal-ħin kollu, informazzjoni sħiħa, imqassma skont il-kategoriji tal-prodotti, dwar il-volumi tal-ħażniet li hija tista’ timpenja ruħha għalihom li żżomm għall-operaturi ekonomiċi, jew, fejn adatt, CSEs interessati;

(b)

mill-inqas seba’ xhur minn qabel, il-kondizzjonijiet li skonthom hija lesta li tipprovdi servizzi relatati maż-żamma u l-manutenzjoni tal-ħażniet lill-operaturi ekonomiċi. Il-kondizzjonijiet li taħthom is-servizzi jistgħu jiġu provduti, inklużi kondizzjonijiet relatati mal-iskedar, jistgħu wkoll jiġu ddeterminati minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti jew wara proċedura kompetittiva maħsuba biex tiġi ddeterminata l-aħjar offerta fost l-operaturi jew, fejn adatt, CSEs interessati.

CSEs għandhom jaċċettaw tali delegi taħt kondizzjonijiet objettivi, trasparenti u nondiskriminatorji. Il-ħlasijiet mill-operaturi għas-servizzi tas-CSE m’għandhomx jaqbżu l-ispejjeż kollha tas-servizzi mogħtija u ma jistgħux jintalbu qabel ma l-ħażniet jiġu kostitwiti. Is-CSE tista’ tagħmel l-aċċettazzjoni tagħha ta’ delega kondizzjonali għall-forniment ta’ garanzija jew xi forma oħra ta’ sigurtà mill-operatur.

Artikolu 8

Operaturi ekonomiċi

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li kwalunkwe operatur ekonomiku li fuqu jimponi obbligi tal-ħżin sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 3 jingħata d-dritt li jiddelega dawk l-obbligi mill-inqas parzjament u fuq l-għażla tal-operatur ekonomiku, imma unikament:

(a)

lis-CSE tal-Istat Membru, li għal kont tiegħu jinżammu dawn il-ħażniet; u/jew

(b)

lil CSE waħda oħra jew aktar li jkunu ddikjaraw ruħhom minn qabel li jkunu lesti li jżommu tali ħażniet, dment li tali delegi jkunu ġew awtorizzati minn qabel kemm mill-Istat Membru li għal kont tiegħu jinżammu tali ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom dawn il-ħażniet ikunu ser jinżammu;

(c)

lil operaturi ekonomiċi oħra li jkollhom ħażniet żejda jew kapaċità ta’ ħżin disponibbli ‘l barra mit-territorju tal-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu l-ħażniet fil-Komunità, dment li tali delega tkun ġiet awtorizzata minn qabel kemm mill-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu tali ħażniet kif ukoll mill-Istati Membri kollha li fit-territorji tagħhom dawn il-ħażniet ikunu ser jinżammu; u/jew

(d)

lil operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom ħażniet żejda jew kapaċità ta’ ħżin disponibbli fit-territorju tal-Istat Membru li għall-kont tiegħu jinżammu l-ħażniet, dment li tali delega tkun ġiet ikkomunikata minn qabel lill-Istat Membru. L-Istati Membri jistgħu jimponu limiti jew kondizzjonijiet fuq tali delega.

Obbligi ddelegati skont il-punti (c) u (d) ma jistgħux jiġu sottodelegati. Kwalunkwe bidla lil jew estensjoni ta’ delega msemmija fil-punti (b) u (c) għandha tieħu effett biss jekk din tkun ġiet awtorizzata minn qabel mill-Istati Membri kollha li awtorizzaw id-delega. Kwalunkwe bidla lil jew estensjoni ta’ delega msemmija fil-punt (d) għandha titqies bħala delega ġdida.

2.   Kull Stat Membru jista’ jirrestrinġi d-drittijiet ta’ delega tal-operaturi ekonomiċi li fuqhom jimponi jew ikun impona obbligi ta’ ħżin.

Madankollu, fejn tali restrizzjonijiet jillimitaw id-drittijiet ta’ delega tal-operatur ekonomiku għal ammonti li jikkorrispondu għal inqas minn 10 % tal-obbligu ta’ ħżin impost fuqu, l-Istat Membru għandu jiżgura li jkun stabbilixxa CSE li tkun meħtieġa li taċċetta d-delegi fir-rigward tal-ammont meħtieġ biex jiġi salvagwardjat id-dritt ta’ operatur ekonomiku li jiddelega mill-inqas 10 % tal-obbligu ta’ ħżin impost fuqu.

Il-persentaġġ minimu msemmi f’dan il-paragrafu għandu jiżdied minn 10 % għal 30 % sal-31 ta’ Diċembru 2017.

3.   Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2, Stat Membru jista’ jimponi obbligu fuq operatur ekonomiku biex jiddelega mill-inqas parti mill-obbligu ta’ ħżin tiegħu lis-CSE tal-Istat Membru.

4.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinformaw lill-operaturi ekonomiċi bil-modalitajiet li għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-obbligi tal-ħżin imposti fuqhom sa mhux aktar tard minn 200 jum qabel il-bidu tal-perijodu li għalih japplika l-obbligu kkonċernat. L-operaturi ekonomiċi għandhom jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiddelegaw obbligi tal-ħżin lis-CSEs sa mhux aktar tard minn 170 jum qabel il-bidu tal-perijodu li għalih japplika l-obbligu kkonċernat.

Fejn l-operaturi ekonomiċi jkunu infurmati inqas minn 200 jum qabel il-bidu tal-perijodu li għalih japplika l-obbligu tal-ħżin, huma jistgħu fi kwalunkwe ħin jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiddelegaw dak l-obbligu.

Artikolu 9

Ħażniet speċifiċi

1.   Kull Stat Membru jista’ jimpenja ruħu li jżomm livell minimu ta’ ħażniet taż-żejt, ikkalkolat f’numru ta’ jiem ta’ konsum, skont il-kondizzjonijiet imniżżlin f’dan l-Artikolu.

Ħażniet speċifiċi għandhom jappartjenu għall-Istat Membru jew is-CSE stabbilita minnu u għandhom jiżammu fit-territorju tal-Komunità.

2.   Il-ħażniet speċifiċi jistgħu jkunu magħmulin biss minn wieħed jew aktar mill-kategoriji ta’ prodotti li ġejjin, kif definit fit-Taqsima 4 tal-Anness B għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008:

Etan

LPG

Gażolina għall-muturi

Gażolina għall-avjazzjoni

Karburant għall-ġettijiet tat-tip gażolina (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4)

Karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin

Kerosin ieħor

Gażolju/żejt tad-diżil (fuel oil distillat)

Fuel oil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit)

Spirtu abjad u SPB

Lubrikanti

Bitum

Xama’ tal-paraffini

Kokk tal-petroleum

3.   Il-prodotti petroliferi li jikkostitwixxu ħażniet speċifiċi għandhom jiġu identifikati minn kull Stat Membru abbażi tal-kategoriji elenkati fil-paragrafu 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għas-sena ta’ referenza determinata skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3 u fir-rigward ta’ prodotti inklużi fil-kategoriji użati, l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-kwantitajiet ikkonsmati fl-Istat Membru ikun mill-anqas 75 % tal-konsum intern ikkalkolat bl-użu tal-metodu mniżżel fl-Anness II.

Għal kull waħda mill-kategoriji magħżula mill-Istat Membru, il-ħażniet speċifiċi li dan jimpenja ruħu li jżomm għandhom jikkorrispondu għal numru stabbilit ta’ jiem tal-konsum intern medju ta’ kuljum imkejla abbażi tal-ekwivalenti tagħhom f’żejt mhux maħdum, matul is-sena ta’ referenza determinata skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3.

L-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum imsemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi huma kkalkulati b’multiplikazzjoni b’fattur ta’ 1,2 tas-somma tal-“konsenji grossi osservati interni”, aggregati kif definit fit-Taqsima 3.2.1 tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008, għall-prodotti inklużi fil-kategoriji użati jew ikkonċernati. L-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi fil-kalkolu.

4.   Kull Stat Membru li jkun iddeċieda li jżomm ħażniet speċifiċi għandu jibgħat avviż lill-Kummissjoni li għandu jkun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jispeċifika l-livell ta’ tali ħażniet li huwa jkun impenja ruħu li jżomm u d-durata ta’ tali impenn li għandha tkun ta’ mill-inqas sena. Il-livell minimu notifikat għandu japplika għall-kategoriji kollha ta’ ħażniet speċifiċi użati mill-Istati Membri.

L-Istat Membru għandu jiżgura li tali ħażniet jinżammu għat-tul kollu tal-perijodu notifikat mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jsofru tnaqqis temporanju dovut biss għal operazzjonijiet individwali ta’ sostituzzjoni ta’ ħażniet.

Il-lista ta’ kategoriji użati minn Stat Membru għandha tibqa’ f’effett għal mill-inqas sena u tista’ tiġi emendata biss b’effett fl-ewwel jum ta’ xahar kalendarju.

5.   Kull Stat Membru li ma jkunx għamel impenn għat-tul kollu ta’ sena kalendarja partikolari li jżomm ħażniet speċifiċi ta’ mill-inqas 30 jum għandu jiżgura li mill-inqas terz tal-obbligu tal-ħżin tiegħu jinżamm fil-forma ta’ prodotti magħmula skont il-paragrafi 2 u 3.

Stat Membru li għalih jinżammu ħażniet speċifiċi ta’ anqas minn 30 jum għandu jfassal rapport annwali li janalizza l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali tiegħu biex jiżgura u jivverifika d-disponibbiltà u l-aċċess fiżiku tal-ħażniet ta’ emerġenza tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 5 u għandu jiddokumenta fl-istess rapport l-arranġamenti magħmula sabiex l-Istat Membru jkun jista’ jikkontrolla l-użu ta’ dawn il-ħażniet f’każ ta’ interruzzjoni fil-provvista taż-żejt. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-Kummissjoni sat-tmiem tal-ewwel xahar tas-sena kalendarja li għaliha huwa japplika.

Artikolu 10

Ġestjoni tal-ħażniet speċifiċi

1.   Kull Stat Membru għandu jżomm reġistru kontinwament aġġornat u dettaljat tal-ħażniet speċifiċi kollha miżmuma fit-territorju tiegħu. Dak ir-reġistru għandu jkun fih, b’mod partikolari, l-informazzjoni kollha meħtieġa ikun indikat b’mod preċiż il-post tal-ħażniet ikkonċernati.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu wkoll lill-Kummissjoni kopja tar-reġistru fi żmien 15-il jum wara li ssir talba mill-Kummissjoni. F’din il-kopja, data sensittiva relatata mal-post tal-ħażniet tista’ tkun miċħuda. Tali talbiet jistgħu jsiru mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data li għaliha d-data mitluba tkun tapplika.

2.   Fejn ħażniet speċifiċi jkunu mħalltin ma’ ħażniet taż-żejt oħra, l-Istati Membri jew is-CSE tagħhom għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jimpedixxu li dawk il-prodotti mħallta jiġu mċaqalqa, sal-ammont tal-proporzjon li jikkostitwixxi ħażniet speċifiċi, mingħajr awtorizzazzjoni bil-miktub minn qabel mis-sid tal-ħażniet speċifiċi u mill-awtoritajiet tal-Istat Membru, jew mis-CSE stabbilita mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu jinsabu l-ħażniet.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonferixxu immunità inkondizzjonata minn azzjoni tal-infurzar fuq il-ħażniet speċifiċi kollha miżmuma jew trasportati fit-territorju tagħhom, irrispettivament minn jekk dawk il-ħażniet ikunux jappartjenu lilhom jew lil Stati Membri oħra.

Artikolu 11

L-effett tad-delegi

Id-delegi msemmija fl-Artikoli 7 u 8 m’għandhom bl-ebda mod ibiddlu l-obbligi li huma r-responsabbiltà ta’ kull Stat Membru skont din id-Direttiva.

Artikolu 12

Sommarji tal-istatistika dwar il-ħażniet koperti mill-Artikolu 3

1.   Fir-rigward tal-livelli tal-ħażniet li għandhom jinżammu skont l-Artikolu 3, kull Stat Membru għandu jfassal sommarji tal-istatistika u jippreżentahom lill-Kummissjoni skont ir-regoli mniżżlin fl-Anness IV.

2.   Ir-regoli għat-tfassil tas-sommarji msemmija fil-paragrafu 1, l-ambitu, il-kontenut u l-frekwenza u l-iskadenzi għall-preżentazzjoni tagħhom jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2). Ir-regoli għall-preżentazzjoni ta’ dawk is-sommarji lill-Kummissjoni jistgħu wkoll jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).

3.   L-Istati Membri ma jistgħux jinkludu l-kwantitajiet ta’ żejt mhux maħdum jew ta’ prodotti petroliferi li huma soġġetti għal ordni ta’ qbid jew azzjoni ta’ infurzar fis-sommarji tal-istatistika tagħhom dwar il-ħażniet ta’ emerġenza. Dan japplika wkoll għal ħażniet li jappartjenu għall-impriżi li jkunu f’sitwazzjoni ta’ falliment jew li jkunu daħlu f’arranġament mal-kredituri.

Artikolu 13

Sommarji tal-istatistika dwar ħażniet speċifiċi

1.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jfassal u jippreżenta lill-Kummissjoni sommarju tal-istatistika għal kull kategorija ta’ prodotti, li juri l-ħażniet speċifiċi eżistenti fl-aħħar jum ta’ kull xahar kalendarju u jispeċifika l-kwantitajiet u n-numru ta’ jiem ta’ konsum medju fis-sena kalendarja ta’ referenza li jirrappreżentaw dawk il-ħażniet. Jekk xi wħud minn dawk il-ħażniet speċifiċi jinżammu barra mit-territorju ta’ Stat Membru, dan għandu jipprovdi dettalji tal-ħażniet miżmuma fi, jew mid-diversi Stati Membri u s-CSEs kkonċernati. Huwa għandu jipprovdi wkoll indikazzjoni dettaljata dwar jekk dawk il-ħażniet jappartjenux kollha għalih jew jekk jappartjenux, kollha jew parzjalment, għas-CSE tiegħu.

2.   Kull Stat Membru kkonċernat għandu jfassal u jippreżenta wkoll lill-Kummissjoni sommarju dwar il-ħażniet speċifiċi li jinsabu fit-territorju tiegħu u li jappartjenu għal Stati Membri jew CSEs oħra, li juri l-ħażniet eżistenti fl-aħħar jum ta’ kull xahar kalendarju u mqassmin fil-kategoriji ta’ prodotti identifikati skont l-Artikolu 9(4). F’dak is-sommarju, l-Istat Membru għandu jindika wkoll, f’kull każ, l-Istat Membru jew is-CSE kkonċernata u l-kwantitajiet involuti.

3.   Is-sommarji tal-istatistika msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu ppreżentati matul ix-xahar kalendarju ta’ wara dak li għalih huma jkunu japplikaw.

4.   Kopji tas-sommarji tal-istatistika għandhom jintbagħtu wkoll immedjatament fuq talba mill-Kummissjoni. Tali talbiet jistgħu jsiru mhux aktar tard minn 5 snin wara d-data li għaliha d-data mitluba tkun tapplika.

5.   L-ambitu, il-kontenut u l-frekwenza tas-sommarji tal-istatistika kif ukoll l-iskadenzi għall-preżentazzjoni tagħhom jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2). Ir-regoli għall-preżentazzjoni ta’ dawk is-sommarji lill-Kummissjoni jistgħu wkoll jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 14

Sommarji tal-ħażniet kummerċjali

1.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sommarju tal-istatistika ta’ kull xahar dwar il-livelli tal-ħażniet kummerċjali miżmuma fit-territorju nazzjonali tagħhom. Meta jagħmlu dan, huma għandhom jiżguraw li data sensittiva tkun protetta u m’għandhomx isemmu l-ismijiet tal-proprjetarji tal-ħażniet ikkonċernati.

2.   Bl-użu tal-livelli aggregati, il-Kummissjoni għandha kull ġimgħa tippubblika sommarju tal-istatistika ta’ kull xahar dwar il-ħażniet kummerċjali fil-Komunità abbażi tas-sommarji ppreżentati mill-Istati Membri.

3.   Ir-regoli għall-preżentazzjoni u l-pubblikazzjoni tas-sommarji tal-istatistika, kif ukoll għall-frekwenza tagħhom jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 15

Ipproċessar tad-data

Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-iżvilupp, l-akkomodazzjoni, il-ġestjoni u ż-żamma u l-manutenzjoni tar-riżorsi informatiċi meħtieġa biex wieħed jirċievi, jaħżen u jwettaq kwalunkwe pproċessar tad-data pprovduta fis-sommarji tal-istatistika, kull informazzjoni oħra ppreżentata mill-Istati Membri jew miġbura mill-Kummissjoni skont din id-Direttiva u kwalunkwe data dwar il-ħażniet taż-żejt miġbura skont ir-Regolament (KE) Nru 1099/2008 u meħtieġa għall-fini tat-tfassil tas-sommarji rikjesti minn din id-Direttiva.

Artikolu 16

Bijokarburanti u addittivi

1.   Meta jkunu qed jiġu kkalkolati l-obbligi skont l-Artikoli 3 u 9 l-bijokarburanti u l-addittivi għandhom jiġu kkunsidrati biss meta dawn ikunu ġew imħalltin mal-prodotti petroliferi ikkonċernati.

2.   Meta jiġu kkalkulati l-livelli tal-ħżin li realment miżmuma, għandu jittieħed kont tal-bijokarburanti u l-addittivi meta:

(a)

huma jkunu tħalltu mal-prodotti petroliferi ikkonċernati; jew

(b)

huma jkunu maħżuna fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, dment li l-Istat Membru jkun adotta regoli li jiżguraw li dawn għandhom jitħalltu mal-prodotti petroliferi miżmumin skont ir-rekwiżiti tal-ħżin imniżżlin f’din id-Direttiva u li huma jkunu ser jintużaw fit-trasportazzjoni.

3.   Ir-regoli biex il-bijokarburanti u l-addittivi jiġu kkunsidrati meta jkunu qed jiġu kkalkolati l-obbligi tal-ħżin u l-livelli tal-ħażniet, kif stabbilit fil-paragrafu 1 u 2, jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 23(2).

Artikolu 17

Grupp ta’ Koordinazzjoni għaż-żejt u għall-prodotti petroliferi

1.   Grupp ta’ Koordinazzjoni għaż-żejt u għall-prodotti petroliferi huwa b’dan stabbilit (minn hawn ‘il quddiem il-“Grupp ta’ Koordinazzjoni”). Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni huwa Grupp konsultattiv li għandu jikkontribwixxi biex issir analiżi tas-sitwazzjoni fil-Komunità fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista għaż-żejt u għall-prodotti petroliferi u għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri f’dak il-qasam.

2.   Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Huwa għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni. Korpi rappreżentattivi mis-settur ikkonċernat jistgħu jieħdu sehem fil-ħidma tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni fuq l-istedina tal-Kummissjoni.

Artikolu 18

Reviżjonijiet tal-istat ta’ tħejjija għal emerġenza u l-ħżin

1.   Kummissjoni tista’, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri, twettaq reviżjonijet sabiex tivverifika l-istat tagħhom ta’ tħejjija għal emerġenza u, jekk ikun ikkunsidrat xieraq mill-Kummissjoni, tal-ħżin relatat. Meta tkun qed tħejji għal tali reviżjonijiet, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-isforzi ta’ istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn u tikkonsulta lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni.

2.   Grupp ta’ Koordinazzjoni jista’ jaqbel dwar il-parteċipazzjoni ta’ aġenti u rappreżentanti awtorizzati ta’ Stati Membri oħrajn fir-reviżjonijiet. Uffiċjali nazzjonali nnominati tal-Istat Membru li ssirlu r-reviżjoni jistgħu jakkumpanjaw lill-persuni li jkunu qed iwettqu r-reviżjoni. Fi żmien ġimgħa wara li titħabbar reviżjoni msemmija fil-paragrafu 1, kwalunkwe Stat Membru kkonċernat li jkun għadu ma provdiex lill-Kummissjoni b’data sensittiva relatata mal-post tal-ħażniet skont l-Artikoli 6 u 9 għandu jqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-impjegati jew l-aġenti awtorizzati tal-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom u dawk responsabbli għaż-żamma u l-manutenzjoni u l-ġestjoni tal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi jaqblu dwar spezzjonijiet u jipprovdu assistenza lill-persuni awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu dawk ir-reviżjonijiet. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-persuni jingħataw id-dritt li jikkonsultaw id-dokumenti u r-reġistri kollha relatati mal-ħażniet u li jkollhom id-dritt ta’ aċċess għas-siti kollha fejn jinżammu l-ħażniet u għad-dokumenti kollha relatati.

4.   L-eżitu tar-reviżjonijiet imwettqa skont dan l-Artikolu għandu jiġi notifikat lill-Istat Membru rivedut u jista’ jintbagħat lill-Grupp ta’ Koordinazzjoni.

5.   L-Istati Membru u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-uffiċjali, l-aġenti u persuni oħra li jaħdmu taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni, kif ukoll il-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni ma jistgħux jiżvelaw kwalunkwe informazzjoni li tkun inġabret jew ġiet skambjata skont dan l-Artikolu u li, minħabba n-natura tagħha, hija koperta bis-sigriet professjonali, bħal pereżempju l-identità tal-proprjetarji tal-ħażniet.

6.   L-objettivi tar-reviżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma jinkludux l-ipproċessar ta’ data personali. Kwalunkwe data personali li tinstab jew li titfaċċa matul dawk ir-reviżjonijiet ma tistax tinġabar jew tiġi kkunsidrata u, jekk tinġabar aċċidentalment, għandha tiġi mħassra minnufih.

7.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-data, ir-rekords, is-sommarji u d-dokumenti kollha relatati mal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi jinżammu għal perijodu ta’ mill-inqas 5 snin.

Artikolu 19

Protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data

Din id-Direttiva hija bla preġudizzju għal u ma taffettwa bl-ebda mod il-livell ta’ protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u d-dritt nazzjonali u, b’mod partikolari, ma tbiddel xejn mill-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif stabbilit mid-Direttiva 95/46/KE, jew l-obbligi tal-istituzzjonijiet u l-korpi Komunitarji skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali minnhom waqt li jkunu qegħdin iwettqu d-dmirijiet tagħhom.

Artikolu 20

Proċeduri f’emerġenza

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li huma jkollhom proċeduri attwati u jieħdu tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa, sabiex l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jirrilaxxaw malajr, b’mod effettiv u trasparenti l-ħażniet ta’ emerġenza jew il-ħażniet speċifiċi tagħhom kollha jew parti minnhom fil-każ ta’ interruzzjoni maġġuri tal-provvista, u li jimponu restrizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi fuq il-konsum f’konformità man-nuqqasijiet li jkunu stmati, fost l-oħrajn bl-allokazzjoni tal-prodotti petroliferi lil xi gruppi ta’ utenti fuq bażi prijoritarja.

2.   F’kull ħin, l-Istati Membri għandu jkollhom pjani ta’ kontinġenza li għandhom jiġu implimentati fil-każ ta’ interruzzjoni kbira tal-provvista u għandhom jipprevedu miżuri ta’ organizzazzjoni li għandhom jittieħdu biex jippermettu li dawk il-pjani jiġu implimentati. Fuq talba, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar bil-pjan ta’ kontinġenza tagħhom u l-arranġamenti organizzattivi korrispondenti.

3.   F’każ ta’ deċiżjoni internazzjonali effettiva għar-rilaxx tal-ħażniet li taffettwa Stat Membru wieħed jew aktar:

(a)

l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jużaw il-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi tagħhom sabiex jissodisfaw l-obbligi internazzjonali tagħhom taħt dik id-deċiżjoni. Kwalunkwe Stat Membru li jagħmel dan għandu jinnotifika lill-Kummissjoni minnufih, sabiex din tkun tista’ ssejjaħ laqgħa tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni jew tikkonsulta l-membri tagħha permezz ta’ mezzi elettroniċi sabiex tivvaluta, b’mod partikolari, l-impatt ta’ dak ir-rilaxx;

(b)

il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jirrilaxxaw il-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi kollha tagħhom jew parti minnhom jew biex jieħdu miżuri oħrajn b’effett ekwivalenti kif meqjus adatt. Il-Kummissjoni tista’ taġixxi biss wara li tikkonsulta l-Grupp ta’ Koordinazzjoni.

4.   Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni internazzjonali effettiva għar-rilaxx tal-ħażniet iżda meta jirriżultaw diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum jew tal-prodotti petroliferi lill-Komunità jew lil xi Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-AIE fejn applikabbli, u tikkoordina magħha skont il-każ, u torganizza konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni, fl-iqsar żmien possibbli, fuq talba ta’ xi Stat Membru jew fuq l-inizjattiva tagħha stess. Meta Stat Membru jitlob konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni, din għandha ssir fi żmien mhux aktar minn erbat ijiem mit-talba, dment li l-Istat Membru ma jaqbilx li jkun hemm perijodu itwal. Abbażi tar-riżultati tal-eżami tas-sitwazzjoni mill-Grupp ta’ Koordinazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddetermina jekk tkunx saret interruzzjoni maġġuri tal-provvista.

Jekk jitqies li tkun saret interruzzjoni maġġuri tal-provvista, il-Kummissjoni għandha tawtorizza r-rilaxx tal-kwantitajiet kollha tal-ħażniet ta’ emerġenza u l-ħażniet speċifiċi jew ta’ parti minnhom li jkunu tqiegħdu tressqu għal dak l-iskop mill-Istat Membri kkonċernati.

5.   L-Istati Membri jistgħu jirrilaxxaw ħażniet ta’ emerġenza u ħażniet speċifiċi taħt il-livell minimu obbligatorju stabbilit minn din id-Direttiva f’ammonti li jkunu immedjatament meħtieġa għal rispons inizjali f’każijiet ta’ urġenza partikolari jew bħala soluzzjoni għall-kriżijiet lokali. F’każ ta’ tali rilaxx, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni dwar l-ammont rilaxxat. Il-Kummissjoni għandha tibgħat din l-informazzjoni lill-membri tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni.

6.   Fil-każ li jiġu applikati l-paragrafi 3, 4 u 5, l-Istati Membri huma awtorizzati li jżommu b’mod temporanju livelli ta’ ħażniet aktar baxxi minn dawk stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tiddetermina, abbażi tar-riżultati tal-konsultazzjoni tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni u, fejn applikabbli, f’koordinazzjoni mal-AIE, u partikolarment billi tieħu kont tas-sitwazzjoni fis-swieq internazzjonali taż-żejt u tal-prodotti petroliferi, skeda ta’ żmien raġonevoli li fiha l-Istati Membri għandhom jerġgħu jibnu l-ħażniet tagħhom sal-livelli minimi meħtieġa.

7.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu internazzjonali ieħor tal-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 21

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu applikati. Tali penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u diswassivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2012 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 22

Reviżjoni

Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha tirrevedi t-tħaddim u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 23

Proċedura tal-Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Artikolu 24

Tħassir

Id-Direttiva 73/238/KEE, id-Direttiva 2006/67/KE u d-Deċiżjoni 68/416/KEE huma b’dan imħassra b’effett fil-31 ta’ Diċembru 2012.

Ir-referenzi għad-Direttivi mħassra u għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 25

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2012.

Permezz ta’ deroga mill-ewwel sottoparagrafu, l-Istati Membri li mhumiex membri tal-AIE sal-31 ta’ Diċembru 2012 u li jkopru l-konsum intern tagħhom tal-prodotti petroliferi bis-sħiħ permezz tal-importazzjonijiet għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2014. Sakemm dawk l-Istati Membri ma jkunux daħħlu fis-seħħ tali miżuri, huma għandhom iżommu ħażniet taż-żejt li jikkorrispondu għal medja ta’ importazzjonijiet netti ta’ kuljum ta’ 81 jum.

Meta l-Istati Membri jadottaw miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 27

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. MALMSTRÖM


(1)  L-Opinjoni tat-22.4.2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni tat-13.5.2009 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU C 128, 5.6.2009, p. 42.

(4)  ĠU L 217, 8.8.2006, p. 8.

(5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(6)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(7)  ĠU L 228, 16.8.1973, p. 1.

(8)  ĠU L 308, 23.12.1968, p. 19.

(9)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


ANNESS I

METODU GĦALL-KALKOLU TAL-EKWIVALENTI F’ŻEJT MHUX MAĦDUM TAL-IMPORTAZZJONI TA’ PRODOTTI PETROLIFERI

L-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-importazzjoni ta’ prodotti petroliferi, kif imsemmi fl-Artikolu 3, għandha tiġi kkalkolata bl-użu tal-metodu li ġej:

L-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-importazzjoni ta’ prodotti petroliferi tinkiseb billi jiġi kkalkolat it-total tal-importazzjoni netta ta’ żejt mhux maħdum, NGL, prodotti għall-alimentazzjoni tar-raffineriji u idrokarburi oħra kif definit fit-Taqsima 4 tal-Anness B għar-Regolament (KE), bl-aġġustament tar-riżultat biex jittieħed kont ta’ kwalunkwe tibdil fil-ħażniet, bi tnaqqis ta’ 4 % għar-rendiment ta’ nafta (jew, jekk ir-rendiment medju ta’ nafta ġewwa t-territorju nazzjonali jkun akbar minn 7 %, bi tnaqqis tal-konsum effettiv nett ta’ nafta jew ir-rendiment medju ta’ nafta) u biż-żieda ta’ dan mal-importazzjoni netta tal-prodotti petroliferi l-oħra kollha barra n-nafta, aġġustati wkoll biex jittieħed kont tat-tibdil tal-ħażniet u mmultiplikat b’fattur ta’ 1,065.

L-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi fil-kalkolu.


ANNESS II

METODU GĦALL-KALKOLU TAL-EKWIVALENTI F’ŻEJT MHUX MAĦDUM TAL-KONSUM INTERN

Għall-fini tal-Artikolu 3, l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-konsum intern għandu jiġi kkalkolat bl-użu tal-metodu li ġej:

Il-konsum intern huwa t-total tal-“konsenji grossi osservati interni”, aggregati kif definit fit-Taqsima 3.2.1 tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-prodotti li ġejjin biss: gażolina għall-muturi, gażolina għall-avjazzjoni, karburant għall-ġettijiet tat-tip gażolina (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4), karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin, kerosin ieħor, gażolju/żejt tad-diżil (fuel oil distillat) u fuel oil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit) kif definiti fit-Taqsima 4 tal-Anness B għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008.

L-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi fil-kalkolu.

L-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum tal-konsum intern huwa kkalkolat b’multiplikazzjoni b’fattur ta’ 1,2.


ANNESS III

METODI GĦALL-KALKOLU TAL-LIVELL TA’ ĦAŻNIET MIŻMUMA

Il-metodi li ġejjin għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-livell ta’ ħażniet:

 

Mingħajr preġudizzju għall-każ ittrattat fl-Artikolu 4(3), l-ebda kwantità ma tista’ tingħadd bħala ħażna aktar minn darba;

 

Il-ħażniet ta’ żejt mhux maħdum huma mnaqqsa b’4 %, li jikkorrispondi għar-rendiment medju ta’ nafta;

 

Il-ħażniet ta’ nafta u ta’ prodotti petroliferi għall-imħażen marittimi internazzjonali mhumiex inklużi;

 

Prodotti petroliferi oħra huma inklużi fl-ammont tal-ħażniet bl-użu ta’ wieħed miż-żewġ metodi mniżżlin hawn taħt. L-Istati Membri għandhom ikomplu jużaw il-metodu li jkunu għażlu matul is-sena kalendarja kkonċernata kollha.

L-Istati Membri jistgħu:

(a)

jinkludu l-ħażniet l-oħra kollha tal-prodotti petroliferi identifikati fl-ewwel paragrafu tat-Taqsima 3.1 tal-Anness C għar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 u jikkalkolaw l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,065; jew

(b)

jinkludu l-ħażniet tal-prodotti li ġejjin biss: gażolina għall-muturi, gażolina għall-avjazzjoni, karburant għall-ġettijiet tat-tip gażolina (karburant għall-ġettijiet tat-tip nafta jew JP4), karburant għall-ġettijiet tat-tip kerosin, kerosin ieħor, gażolju/żejt tad-diżil (fuel oil distillat) u fuel oil (b’kontenut għoli ta’ kubrit u b’kontenut baxx ta’ kubrit) u jikkalkolaw l-ekwivalenti f’żejt mhux maħdum b’multiplikazzjoni tal-kwantitajiet b’fattur ta’ 1,2.

Il-kalkolu jista’ jinkludi l-kwantitajiet miżmuma:

fit-tankijiet tar-raffineriji taż-żejt,

fit-terminals għall-merkanzija ta’ volum kbir,

fir-riżervi ta’ alimentazzjoni tal-pajpijiet taż-żejt,

fil-barkuni,

fit-tankers taż-żejt li jbaħħru tul il-kosta,

fit-tankijiet taż-żejt li jinsabu fil-portijiet,

fl-imħażen tal-bastimenti ta’ navigazzjoni interna,

fil-qiegħ tat-tankijiet,

fil-forma ta’ ħażniet għall-użu,

minn konsumaturi importanti għall-obbligu legali jew direttivi oħra tal-awtoritajiet.

Madankollu, dawk il-kwantitajiet ħlief għal dawk miżmuma fit-tankijiet tar-raffineriji, fit-tankijiet tal-ħżin għall-alimentazzjoni tal-pajpijiet taż-żejt jew f’terminals tal-merkanzija, ma jistgħux jiġu inklużi fil-kalkolu tal-livelli tal-ħażniet speċifiċi fejn tali ħażniet jiġu kkalkolati separatament mill-ħażniet ta’ emerġenza.

Il-kalkolu ma jista’ qatt jinkludi:

(a)

żejt mhux maħdum li jkun għadu ma ġiex prodott;

(b)

kwantitajiet miżmuma:

fil-pajpijiet taż-żejt,

fil-vaguni tat-tankijiet tal-ferrovija,

fl-imħażen tal-bastimenti tal-ibħra internazzjonali,

fil-pompi tal-petrol u l-ħwienet li jbiegħu bl-imnut,

minn konsumaturi oħra,

fit-tankers li jkunu fuq il-baħar,

fil-forma ta’ ħażniet militari.

Fil-kalkolu tal-ħażniet tagħhom, l-Istati Membri għandhom inaqqsu l-kwantitajiet ta’ ħażniet kkalkolati kif imniżżla hawn fuq b’10 %. Dak it-tnaqqis japplika għall-kwantitajiet kollha inklużi f’kalkolu speċifiku.

Madanakollu, l-ebda tnaqqis ta’ 10 % ma għandu japplika għall-kalkolu tal-livell ta’ ħażniet speċifiċi jew il-livelli tal-kategoriji differenti ta’ ħażniet speċifiċi fejn dawk il-ħażniet jew kategoriji jkunu kkunsidrati separatament mill-ħażniet ta’ emerġenza, partikolarment bil-ħsieb li tiġi vverifikata l-konformità mal-livelli minimi stabbiliti mill-Artikolu 9.


ANNESS IV

Regoli għat-tħejjija u l-preżentazzjoni lill-Kummissjoni tas-sommarji tal-istatistika tal-ħażniet li għandhom jinżammu skont l-Artikolu 3

Kull Stat Membru għandu jfassal u jippreżenta lill-Kummissjoni, fuq bażi ta’ kull xahar, sommarju tal-istatistika definittiv tal-livell tal-ħażniet effettivament miżmum fl-aħħar jum tax-xahar kalendarju abbażi tan-numru ta’ jiem ta’ importazzjoni netta ta’ żejt jew abbażi tan-numru ta’ jiem ta’ konsum intern ta’ żejt, skont l-Artikolu 3. Is-sommarju tal-istatistika għandu jipprovdi dettalji preċiżi dwar ir-raġuni għaliex il-kalkolu huwa bbażat fuq in-numru ta’ jiem ta’ importazzjoni jew, għall-kuntrarju, fuq in-numru ta’ jiem ta’ konsum u għandu jispeċifika liema wieħed mill-metodi ta’ kalkolu mniżżlin fl-Anness III ntuża.

Jekk xi wħud mill-ħażniet inklużi fil-kalkolu tal-livell ta’ ħażniet miżmuma skont l-Artikolu 3 jinżammu barra mit-territorju nazzjonali, kull sommarju għandu jagħti d-dettalji tal-ħażniet miżmuma mid-diversi Stati Membri u s-CSEs kkonċernati fl-aħħar jum tal-perijodu li għalih huwa japplika. Fis-sommarju tiegħu, kull Stat Membru għandu jindika wkoll, f’kull każ, jekk il-ħażniet ikunux qed jinżammu wara talba ta’ delega magħmula minn operatur ekonomiku wieħed jew aktar jew jekk ikunux qed jinżammu fuq it-talba tiegħu jew fuq it-talba tas-CSE tiegħu.

Għal kwalunkwe ħażna miżmuma minn Stat Membru fit-territorju tiegħu f’isem Stati Membri oħrajn jew CSEs oħrajn, dak l-Istat Membru għandu jfassal u jippreżenta lill-Kummissjoni sommarju li juri l-ħażniet eżistenti fl-aħħar jum ta’ kull xahar kalendarju, imqassmin skont il-kategoriji tal-prodotti. F’dak is-sommarju, l-Istat Membru għandu jindika wkoll, b’mod partikolari, l-Istat Membru jew is-CSE kkonċernata u l-kwantitajiet involuti f’kull każ.

Is-sommarji tal-istatistika msemmija f’dan l-Anness għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fi żmien 55 jum wara t-tmiem tax-xahar li għalihom huma japplikaw. Dawk l-istess sommarji għandhom jiġu ppreżentati wkoll fi żmien xahrejn wara li ssir talba mill-Kummissjoni. Tali talbiet jistgħu jsiru mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data li għaliha d-data tkun tapplika.


Top