EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0637

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 tat- 23 ta' Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, u li jistabbilixxi programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali għas-settur tal-qoton

OJ L 178, 5.7.2008, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 021 P. 203 - 208

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1307

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/637/oj

5.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 178/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 637/2008

tat-23 ta' Ġunju 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, u li jistabbilixxi programmi ta’ ristrutturazzjoni nazzjonali għas-settur tal-qoton

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 37(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1979, u b’mod partikolari l-paragrafu 6 tal-Protokoll 4 dwar il-qoton (1) anness miegħu, minn issa msejjaħ “il-Protokoll”,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (3),

Billi:

(1)

Il-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (4), kif imdaħħal bl-Artikolu 1(20) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 864/2004 (5) jistabbilixxi regoli għall-pagament speċifiku għall-prodott tar-raba għall-qoton.

(2)

B’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fis-7 ta’ Settembru 2006 fil-kawża C-310/04 (6) il-Kapitolu 10a tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 kien annullat minħabba l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, partikolarment b’referenza għaċ-ċirkostanza li “l-Kunsill, awtur tar-Regolament Nru 864/2004, ma stabbilixxix quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna għall-qoton stabbilita minn dan ir-Regolament kienet ġiet adottata permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li implika t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-elementi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti f’dan il-każ, li fosthom hemm l-ispejjeż kollha marbutin max-xogħol tal-kultivazzjoni tal-qoton u l-vijabbiltà ta’ l-impriżi tal-ħalġ, li t-teħid in kunsiderazzjoni tagħhom kien neċessarju għall-evalwazzjoni tal-profittabbiltà ta’ din il-kultivazzjoni” u li ma kienx permess lill-Qorti li “tivverifika jekk il-leġislatur Komunitarju setax, mingħajr ma jeċċedi l-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tiegħu li huwa għandu fil-qasam, jasal għall-konklużjoni li l-istabbiliment ta’ l-ammont ta’ l-għajnuna speċifika għall-qoton għal 35 % tat-total ta’ l-għajnuna eżistenti fl-iskema ta’ għajnuna preċedenti huwa biżżejjed sabiex jiġi garantit l-għan espost fil-ħames premessa [tal-preambolu] tar-Regolament Nru (KE) 864/2004, li huwa li tiġi assigurata l-profittabbiltà u, għaldaqstant, it-tkomplija ta’ din il-kultivazzjoni, għan li jirrifletti dak preskritt fil-paragrafu 2 tal-Protokoll 4”. Il-Qorti ordnat ukoll li l-effetti ta’ l-annullament jiġu sospiżi sa l-adozzjoni, fi żmien raġonevoli, ta’ regolament ġdid.

(3)

Jeħtieġ li tiġi adottata skema ġdida ta’ pagament speċifiku għall-qoton konformi mas-sentenza tal-Qorti fil-kawża C-310/04.

(4)

Għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi u ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti pertinenti għas-sitwazzjoni speċifika tas-settur tal-qoton, inklużi l-elementi meħtieġa għall-valutazzjoni tal-profittabbiltà ta’ din il-kultivazzjoni. Għal dan il-għan, inbeda proċess ta’ evalwazzjoni u konsultazzjoni: twettqu żewġ studji dwar l-impatt soċjo-ekonomiku u ambjentali ta’ l-iskema futura ta’ appoġġ għall-qoton fuq is-settur tal-qoton fil-Komunità u ġew organizzati seminars speċifiċi u konsultazzjoni fuq l-Internet mal-partijiet interessati.

(5)

L-iskema l-ġdida għandha tilħaq l-għanijiet, stabbiliti fil-paragrafu 2 tal-Protokoll 4: għall-appoġġ tal-produzzjoni tal-qoton fir-reġjuni tal-Komunità fejn huwa importanti għall-ekonomija agrikola, biex il-produtturi kkonċernati jkunu jistgħu jkollhom dħul ġust, u għall-istabbiltà tas-suq permezz ta’ titjib strutturali fuq livell ta’ forniment u kummerċjalizzazzjoni.

(6)

L-iskema għandha tkun ukoll konformi ma’ politika ta’ appoġġ ta’ dħul għar-raħħala, li huwa l-prinċipju gwida prinċipali tal-politika agrikola komuni riformata (PAK).

(7)

Is-separazzjoni ta’ appoġġ dirett lill-produttur u l-introduzzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku huma elementi essenzjali fil-proċess tar-riforma tal-PAK. Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 introduċa dawk l-elementi għal bosta prodotti agrikoli.

(8)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi sottostanti tar-riforma tal-PAK, kif ukoll l-objettivi mniżżlin fil-Protokoll 4, l-appoġġ għall-qoton għandu jkun diżakkoppjat sew u integrat fl-iskema ta’ pagament uniku. Minħabba li dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni komuni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(9)

L-integrazzjoni kompluta u immedjata fl-iskema ta’ pagament uniku ta’ l-iskema ta’ appoġġ fis-settur tal-qoton aktarx toħloq riskju sinifikattiv ta’ tfixkil fil-produzzjoni tar-reġjuni fil-Komunità li jipproduċu l-qoton. Parti mill-appoġġ għandu għalhekk ikompli jkun marbut mal-kultivazzjoni tal-qoton permezz ta’ pagament speċifiku għal prodotti taż-żoni tar-raba għal kull ettaru eliġibbli. L-ammont tiegħu għandu jkun ikkalkulat b’tali mod li jintlaħqu l-għanijiet stipulati fil-paragrafu 2 tal-Protokoll 4 filwaqt li l-iskema tal-qoton tinġieb ukoll fil-proċess ġenerali tas-simplifikazzjoni tar-riforma tal-PAK. Għal dan il-għan, fid-dawl ta’ l-evalwazzjoni mwettqa, huwa ġġustifikat li l-għajnuna totali disponibbli għal kull Stat Membru hija ffissata għal 35 % tas-sehem nazzjonali ta’ l-għajnuna li ngħatat indirettament lill-produtturi. Tali rata tippermetti lis-settur tal-qoton sabiex jersaq lejn vijabbiltà fit-tul, tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni li jipproduċu l-qoton u tiżgura dħul ġust għar-raħħala.

(10)

Il-65 % tas-sehem nazzjonali ta’ l-għajnuna li jifdal li ngħatat indirettament lill-produtturi għandha tkun disponibbli għall-iskema ta’ pagament uniku.

(11)

Għal raġunijiet ambjentali, għandha tiġi stabbilita erja bażika għal kull Stat Membru produttur. Barra minn hekk, l-erjas eliġibbli għandhom ikunu ristretti għal dawk li huma awtorizzati mill-Istati Membri.

(12)

Għandu jiġi stabbilit rendiment fiss għal kull ettaru għal kull Stat Membru produttur. Dan ser jiddetermina, flimkien mal-ħtieġa ta’ l-erja bażi, il-limitu massimu ġenerali tal-fondi u n-natura prinċiplament separata ta’ l-iskema, il-karattru tal-programm li jillimita l-produzzjoni filwaqt li jkun hemm issodisfar ta’ l-objettivi tal-Protokoll 4.

(13)

Sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet ta’ l-industrija tal-ħalġ, l-eliġibbiltà għall-għajnuna għandha tkun relatata mal-kwalità minima tal-qoton li effettivament jinħasad.

(14)

Barra minn hekk, sabiex il-produtturi u l-ħallieġa jitħallew itejjbu l-kwalità tal-qoton, għandu jiġi inkoraġġet l-istabbiliment ta’ organizzazzjonijiet interprofessjonali, li għandhom ikunu approvati mill-Istati Membri. Il-Komunità għandha tikkontribwixxi indirettament għall-attivitajiet ta’ dawk l-organizzazzjonijiet billi żżid l-għajnuna għal dawk ir-raħħala li huma membri ta’ l-organizzazzjonijiet.

(15)

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skond kif suppost.

(16)

Minbarra r-reġim il-ġdid dwar il-pagament speċifiku għall-qoton, jidher adatt li jiġi adottat sett ieħor ta’ regoli bil-għan li tingħata għajnuna lis-settur tal-qoton sabiex jistabbilizza fil-kuntest il-ġdid legali u tas-suq.

(17)

Safejn il-preżenza ta’ l-industrija tal-ħalġ tidher meħtieġa fir-reġjuni prodotturi, il-ħtiġijiet ta’ dik l-industrija ikunu sodisfatti b’mod sodisfaċenti, fost l-oħrajn, permezz ta’ l-istabbilment ta’ kwantità minima ta’ qoton fil-fatt maħsuda u billi jkunu permessi organizzazzjonijiet interprofessjonali biex titjieb il-kwalità tal-qoton. Barra minn hekk, meta tkun ikkunsidrata s-soprakapaċità sinifikanti ta’ l-industrija tal-ħalġ, huwa adatt li jkunu previsti miżuri addizzjonali biex jappoġġaw il-proċess tar-ristrutturar tagħhom bil-ħsieb ta’ orjentazzjoni tas-suq imtejba.

(18)

Barra minn hekk, jidher adatt li jiġu introdotti miżuri ta’ l-orjentament tas-suq li jappoġġaw skemi ta’ kwalità speċifiċi u attivitajiet ta’ promozzjoni relatati. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti programmi nazzjonali għar-ristrutturazzjoni fis-settur tal-qoton. Filwaqt li l-miżuri rilevanti għandhom ikunu ffinanzjati mill-Komunità, għandu jitħalla f’idejn l-Istati Membri li jagħżlu t-taħlita t-tajba għall-ħtiġijiet tat-territorji rispettivi tagħhom, b’kont meħud, fejn meħtieġ, tal-partikolaritajiet reġjonali.

(19)

Il-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni biex tiġi vverifikata l-konformità tal-miżuri mal-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament u r-regoli implimentattivi tiegħu. L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-programmi ta’ ristrutturazzjoni.

(20)

Il-miżuri għandhom ikunu komplimentari għall-miżuri diġà eżistenti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (7).

(21)

Il-miżuri fi programmi bħal dawn jistgħu jinkludu t-tneħħija sħiħa u permanenti ta’ parti mill-faċilitajiet ta’ pproċessar ta’ ħalġ biex tiġi żgurata industrija tal-ħalġ aktar vijabbli. Jista’ jkun ukoll mogħti appoġġ għal investimenti fl-industrija tal-ħalġ, immirat li jtejjeb il-prestazzjoni ekonomika ta’ l-intrapriżi bħala tali. Barra minn hekk, tista’ tkun disponibbli għajnuna għall-kuntratturi tal-makkinarji milqutin bħala konsegwenza tar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-qoton.

(22)

Biex titjieb il-kwalità tal-qoton Ewropew, ir-raħħala li jieħdu sehem fi skemi speċifiċi ta’ kwalità għandhom jirċievu, fil-qafas ta’ tali programmi, appoġġ speċifiku biex ikopru l-ispejjeż relatati. Bl-istess mod, għandhom jiġu appoġġati azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni tal-qoton minn dawn l-iskemi ta’ kwalità.

(23)

L-allokazzjoni tal-fondi għall-programmi nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni fost l-Istati Membri għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet speċifiċi għar-ristrutturazzjoni u l-adattament fir-reġjuni ewlenin tal-produzzjoni tal-qoton. Bil-ħsieb ta’ l-għan temporanju ta’ ristrutturazzjoni u adattament tas-settur tal-qoton, il-programmi jistgħu jiġu tterminati fuq talba ta’ l-Istati Membri, u wara dan il-baġit annwali għall-programmi ta’ ristrutturazzjoni jista’ jinżdied mal-limitu massimu nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat għal pagamenti separati kif stabbilit fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

(24)

Minħabba n-nuqqas ta’ industrija tal-ħalġ fil-Portugall u l-applikazzjoni ta’ l-Iskema ta’ Pagament Uniku skond l-Erja fil-Bulgarija, mhemmx ħtieġa li jiġi allokat baġit għall-programmi nazzjonali għar-ristrutturazzjoni f’dawn iż-żewġ pajjiżi.

(25)

Sabiex tiġi applikata l-iskema l-ġdida ta’ għajnuna għall-qoton u l-iskema għar-ristrutturazzjoni tas-settur tal-qoton mill-bidu ta’ l-istaġun tal-produzzjoni, dan ir-Regolament għandu japplika mis-sena kalendarja ta’ l-2009.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

PAGAMENT SPEĊIFIKU GĦALL-KULTIVAZZJONI GĦALL-QOTON

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1782/2003

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 huwa b’dan emendat kif ġej:

1.

Fit-Titolu IV, il-Kapitolu 10a ser jinbidel b’dan li ġej:

“KAPITOLU 10 a

PAGAMENT SPEĊIFIKU GĦALL-KULTIVAZZJONI GĦALL-QOTON

Artikolu 110(a)

Kamp ta’ applikazzjoni

Għandha tingħata għajnuna lill-bdiewa li jipproduċu l-qoton li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 5201 00 taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

Artikolu 110(b)

Eliġibbiltà

1.   L-għajnuna għandha tingħata għal kull ettaru ta’ żona eliġibbli tal-qoton. Sabiex iż-żona tkun eliġibbli, għandha tkun f’art agrikola awtorizzata għall-produzzjoni tal-qoton mill-Istat Membru, miżrugħa b’varjetajiet awtorizzati u li jinħasdu effettivament f’kondizzjonijiet ta’ tkabbir normali.

L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 110a għandha titħallas għal qoton ta’ kwalita’ kummerċjali tajba u ġusta.

2.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-art u l-varjetajiet kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu skond regoli u kondizzjonijiet dettaljati adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).

Artikolu 110(ċ)

Erjas bażi, rendimenti fissi u ammonti ta’ riferiment

1.   L-erjas bażi nazzjonali huma hawnhekk stabbiliti kif ġej:

Il-Bulgarija: 10 237 ha,

Il-Greċja: 250 000 ha,

Spanja: 48 000 ha,

Il-Portugall: 360 ha.

2.   Ir-rendimenti fissi fil-perijodu ta’ riferiment huma hawnhekk stabbiliti kif ġej:

Il-Bulgarija: 1,2 tunnellata/ha,

Il-Greċja: 3,2 tunnellata/ha,

Spanja: 3,5 tunnellata/ha,

Il-Portugall: 2,2 tunnellata/ha.

3.   L-ammont ta’ l-għajnuna għal kull ettaru eliġibbli huwa stabbilit billi r-rendimenti stabbiliti fil-paragrafu 2 jiġu mmultiplikati bl-ammonti ta’ riferiment li ġejjin:

Il-Bulgarija: EUR 219,17,

Il-Greċja: EUR 251,75,

Spanja: EUR 400,00,

Il-Portugall: EUR 252,73.

4.   Jekk iż-żona eliġibbli tal-qoton fi Stat Membru partikolari u f’sena partikolari taqbeż l-erja bażi stabbilita fil-paragrafu 1, l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 3 għal dak l-Istat Membru għandha titnaqqas b’mod proporzjonali ma’ l-eċċess ta’ l-erja bażi.

5.   Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).

Artikolu 110(d)

Organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati

1.   Għall-fini ta’ dan il-Kapitolu, “organizzazzjoni professjonali approvata” għandha tfisser entità legali komposta minn bdiewa li jipproduċu l-qoton u ta’ l-anqas ħallieġ wieħed, li twettaq attivitajiet bħal:

għajnuna għal koordinazzjoni aħjar tal-mod kif il-qoton jitqiegħed fis-suq, b’mod partikolari permezz ta’ studji ta’ riċerka u stħarriġ tas-suq,

it-tħejjija ta’ forom standard ta’ kuntratt kompatibbli mar-regoli Komunitarji,

l-orjentazzjoni tal-produzzjoni lejn prodotti li huma iktar adattati għall-bżonnijiet tas-suq u d-domanda tal-konsumatur, partikolarment f’aspetti ta’ kwalità u protezzjoni tal-konsumatur,

aġġornament ta’ metodi u mezzi għat-titjib tal-kwalità tal-prodotti,

l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ kumerċjalizzazzjoni biex jippromwovu l-qoton permezz ta’ skema ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità.

2.   L-Istat Membru fejn huma stabbiliti l-ħallieġa għandu japprova organizzazzjonijiet interprofessjonali li jirrispettaw il-kriterji li għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2).

Artikolu 110(e)

Pagament ta’ għajnuna

1.   Il-bdiewa għandhom jingħataw l-għanjnuna għal kull ettaru eliġibbli skond l-Artikolu 110ċ.

2.   Il-bdiewa li huma membri ta’ organizzazzjoni interprofessjonali approvata għandhom jingħataw għajnuna, għal kull ettaru eliġibbli fl-erja bażi stabbilita fl-Artikolu 110c(1), miżjuda b’ ammont ta’ EUR 2.”

2.

Fl-Artiklu 156(2), il-punt (g) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“(g)

It-Titolu IV, il-Kapitolu 10a, għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009 għall-qoton miżrugħ minn dik id-data.”

KAPITOLU 2

PROGRAMMI NAZZJONALI TA’ RISTRUTTURAZZJONI GĦAS-SETTUR TAL-QOTON

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan il-Kapitolu jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-attribuzzjoni ta’ fondi Komunitarji lill-Istati Membri u l-użu ta’ dawk il-fondi mill-Istati Membri permezz ta’ programmi nazzjonali ta’ ristrutturazzjoni (minn hawn ‘il quddiem “programmi ta’ ristrutturazzjoni”) biex jiffinanzjaw miżuri ta’ appoġġ speċifiċi li jassistu s-settur tal-qoton.

2.   L-ebda appoġġ ma għandu jingħata:

(a)

għal proġetti ta’ riċerka u miżuri biex jappoġġaw proġetti ta’ riċerka;

(b)

għal miżuri li huma eliġibbli għal appoġġ Komunitarju taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 ta’ l-20 ta’ Settembru 2005 dwar sostenn għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (8).

Artikolu 3

Rekwiżiti ġenerali

1.   Il-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandhom ikunu kompatibbli mal-liġi Komunitarja u jkunu konsistenti ma’ l-attivitajiet, il-linji politiċi u l-prijoritajiet tal-Komunità.

2.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-programmi ta’ ristrutturazzjoni u jiżguraw li jkunu internament konsistenti u mfasslin u implimentati b’manjiera oġġettiva, b’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika tal-produtturi u l-proċessuri kkonċernati u l-ħtieġa li jiġi evitat trattament mhux indaqs mhux ġustifikat bejn il-produtturi u/jew il-proċessuri.

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli milli jipprevedu u jwettqu l-kontrolli u l-penalitajiet neċessarji f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-programmi ta’ ristrutturazzjoni.

Artikolu 4

Preżentazzjoni u applikazzjoni tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni

1.   Kull Stat Membru produttur għandu, kull erba’ snin u għall-ewwel darba sa l-1 ta’ Jannar 2009, jippreżenta lill-Kummissjoni abbozz ta’ programm ta’ ristrutturazzjoni għal erba’ snin li jkun fih il-miżuri f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.

Qabel ma jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni, il-programm ta’ ristrutturazzjoni għandu jkun soġġett għall-konsultazzjoni ma’ l-awtoritajiet u organizzazzjonijiet kompetenti fis-settur tal-qoton.

Kull Stat Membru għandu jippreżenta abbozz uniku ta’ programm wieħed li jista’ jakkomoda l-partikolaritajiet reġjonali.

2.   Il-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandhom jibdew japplikaw tliet xhur wara li jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni.

Madankollu, jekk il-programm ippreżentat ma jkunx konformi mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Kapitolu u r-regoli implimentattivi tiegħu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru b’dan. F’dan il-każ, l-Istat Membru għandu jippreżenta programm rivedut lill-Kummissjoni. Il-programm rivedut għandu jsir applikabbli xahrejn wara li jiġi ppreżentat dment li ma jkunx għad hemm inkompatibbiltà li f’dak il-każ għandu japplika dan il-paragrafu.

3.   Il-paragrafu 2 għandu japplika mutatis mutandis għal bidliet fir-rigward ta’ programmi ta’ ristrutturazzjoni ppreżentati mill-Istati Membri.

Artikolu 5

Allokazzjoni baġitarja

1.   Il-baġit annwali għall-programm ta’ ristrutturazzjoni għal kull Stat membru mis-sena finanzjarja 2010 ‘il quddiem għandu jkun kif ġej:

Il-Greċja: EUR 4,0 miljun;

Spanja: EUR 6,134 miljun.

2.   Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jiddetermina l-użu tiegħu tal-programm ta’ ristrutturazzjoni biex jittrasferixxi permanentement il-baġit annwali tiegħu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għal-limitu massimu nazzjonali tiegħu kif stabbilit fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003. Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Awwissu ta’ sena partikolari u għandha tapplika għall-pagamenti diretti mogħtija skond is-sena kalendarja ta’ wara. Il-komunikazzjoni għandha tirrapporta wkoll dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni u l-kisba ta’ l-objettivi tiegħu.

3.   It-trasferiment fil-Paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll il-modifika korrispondenti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 144(2) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ristrutturazzjoni fid-dawl ta’ l-objettivi tiegħu.

Artikolu 6

Regoli ġenerali dwar il-finanzjament tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni

1.   L-appoġġ Komunitarju għandu jirrigwarda biss in-nefqa eliġibbli mġarrba wara l-preżentazzjoni tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 4(1).

2.   L-Istati Membri ma għandhomx jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-miżuri ffinanzjati mill-Komunità taħt il-programmi ta’ ristrutturazzjoni.

Artikolu 7

Miżuri eliġibbli u benefiċjarji

1.   Il-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandu jkun fihom biss waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)

it-tneħħija sħiħa jew permanenti tal-faċilitajiet tal-ħalġ;

(b)

investimenti fl-industrija tal-ħalġ;

(ċ)

parteċipazzjoni tal-bdiewa fi skemi ta’ kwalità tal-qoton;

(d)

attivitajiet ta’ informazzjoni u promozzjoni;

(e)

għajnuna lill-kuntratturi tal-makkinarji, li ma taqbiżx it-telf imġarrab.

2.   Il-benefiċjarji tal-programmi ta’ ristrutturazzjoni għandhom ikunu:

(a)

il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna skond il-Kapitolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1051/2001 tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-għajnuna għall-produzzjoni għall-qoton (9) fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006, għall-għajnuna skond il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (b) u (d) ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-benefiċjarji ta’ l-għajnuna skond il-Kapitolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għall-għajnuna skond il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (ċ) u (d) ta’ dan l-Artikolu;

(ċ)

l-organizzazzjonijiet interprofessjonali approvati, kif definit fil-Kapitolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 għall-għajnuna skond il-miżura msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (d) ta’ dan l-Artikolu;

(d)

il-kuntratturi tal-makkinarji, għall-għajuna skond il-miżura msemmija fil-paragrafu 1 punt (e) ta’ dan l-Artikolu, li:

huma persuni jew intrapriżi privati li jkunu ħadmu b’kuntratt ta’ produtturi jew ħallieġa fis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 bil-makkinarji agrikoli tagħhom għall-ħsad tal-qoton,

jkunu ħasdu l-qoton, li jkun twassal għall-faċilitajiet tal-ħalġ milquta mit-tneħħija kif imsemmi fil-Paragrafu (1)(a) ta’ dan l-Artikolu,

u,

li jkunu ġarrbu telf dimostrabbli bħala riżultat tan-nuqqas ta’ qoton li għandu jinħasad.

Artikolu 8

Riżorsi finanzjarji

Il-miżuri previsti f’dan il-Kapitolu għandhom jikkostitwixxu intervent biex jiġu rregolati s-swieq agrikoli kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (10).

Artikolu 9

Regoli implimentattivi

Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-[Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (11)].

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

I. JARC


(1)  ĠU L 291, 19.11.1979, p. 174. Il-Protokoll kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1050/2001 (ĠU L 148, 1.6.2001, p. 1).

(2)  L-Opinjoni ta’ l-14.2.2008 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU)

(3)  L-Opinjoni tat-8.5.2008 (għadha mhix ippubblikata fil-ĠU)

(4)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 479/2008 (ĠU L 148, 6.6.2008, p. 1).

(5)  Il-verżjoni korretta bil-ĠU L 206, 9.6.2004, p. 20.

(6)  2006 Ġabra I-7285.

(7)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 146/2008 (ĠU L 46, 21.2.2008, p. 1).

(8)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 146/2008, p. 1).

(9)  ĠU L 148, 1.6.2001, p. 3. Ir-Regolament imħassar bir-Regolament (KE) Nru 1782/2003.

(10)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1437/2007 (ĠU L 322, 7.12.2007, p. 1)

(11)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 479/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61)


Top