EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0294

Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew ta’ l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

OJ L 97, 9.4.2008, p. 1–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 16 Volume 002 P. 85 - 96

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/05/2021; Imħassar b' 32021R0819

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/294/oj

9.4.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 97/1


REGOLAMENT (KE) Nru 294/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

li jistabbilixxi l-Istitut Ewropew ta’ l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 157(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

Billi:

(1)

L-Aġenda ta’ Liżbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi tenfasizza l-bżonn li jiġu żviluppati l-kondizzjonijiet li jkunu attraenti għall-investiment fil-konoxxenza u fl-innovazzjoni fl-Ewropa biex jiġu stimulati l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea.

(2)

L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għas-sostenn ta’ bażi Ewropea industrijali, kompetittiva u innovattiva qawwija. Madankollu, in-natura u d-daqs ta’ l-isfida ta’ l-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea jeħtieġu wkoll li tittieħed azzjoni fil-livell Komunitarju.

(3)

Il-Komunità għandha tipprovdi appoġġ għat-trawwim ta’ l-innovazzjoni, b’mod partikolari permezz tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka, l-Iżvilupp teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni, il-Programm Kwadru ta’ Innovazzjoni u Kompetittività, il-Programm ta’ Tagħlim tul il-Ħajja u l-Fondi Strutturali.

(4)

Għandha tiġi stabbilita inizjattiva ġdida fil-livell Komunitarju, l-Istitut Ewropew ta’ l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-EIT”), biex tikkomplementa l-linji politiċi u l-inizjattivi Komunitarji u nazzjonali eżistenti permezz tat-trawwim ta’ l-integrazzjoni tat-trijanglu tal-konoxxenza — innovazzjoni, riċerka u edukazzjoni superjuri — ma’ l-Unjoni Ewropea kollha.

(5)

Il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta’Ġunju 2006 stieden lill-Kummmissjoni tħejji proposta formali għall-istabbiliment ta’ l-EIT biex jiġi ppreżentat fil-ħarifa ta’ l-2006.

(6)

Primarjament, l-EIT għandu jkollu l-objettiv li jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċità ta’ innovazzjoni tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri, billi jinvolvi l-attivitajiet ta’ edukazzjoni ogħla, riċerka u innovazzjoni fl-ogħla standards. B’hekk, l-EIT għandu jkun jista’ jiffaċilita u jsaħħaħ in-networking u l-kooperazzjoni u joħloq sinerġiji bejn komunitajiet ta’ l-innovazzjoni fl-Ewropa.

(7)

L-attivitajiet ta’ l-EIT għandhom jindirizzaw sfidi strateġiċi għall-perijodu fit-tul għall-innovazzjoni fl-Ewropa, b’mod partikolari f’oqsma transdixxiplinari u/jew inter-dixxiplinari inklużi dawk diġà identifikati fil-livell Ewropew. B’dan, l-EIT għandu jippromwovi djalogu perijodiku fis-soċjetà ċivili.

(8)

L-EIT għandu jagħti prijorità lit-trasferiment ta’ l-attivitajiet tiegħu ta’ edukazzjoni superjuri, riċerka u innovazzjoni lill-kuntest tan-negozju u lill-applikazzjoni kummerċjali tagħhom, kif ukoll għall-appoġġ tal-ħolqien ta’ negozji ġodda, ta’ spin-offs u ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).

(9)

L-EIT għandu primarjament jopera permezz ta’ sħubiji awtonomi u motivati lejn l-eċċellenza ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazjoni superjuri, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, kumpanniji u partijiet interessati oħrajn fil-forma ta’ networks strateġiċi sostenibbli u għall-perijodu fit-tul fil-proċess ta’ l-innovazzjoni. Dawn is-sħubiji għandhom ikunu magħżula mill-Bord tat-Tmexxija ta’ l-EIT abbażi ta’ proċess trasparenti u msejjes fuq l-eċċellenza u nominati bħala Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “KKI”). Il-Bord tat-Tmexxija għandu wkoll imexxi l-attivitajiet ta’ l-EIT u jevalwa l-attivitajiet tal-KKI. Is-Sħubija tal-Bord tat-Tmexxija għandha tibbilanċja l-esperjenza mid-dinja tan-negozju u mill-oqsma ta’ l-edukazzjoni superjuri u/jew tar-riċerka kif ukoll mis-settur ta’ l-innovazzjoni.

(10)

Sabiex jikkontribwixxu għall-kompetittività u biex jirrinforzaw l-attrazzjoni internazzjonali ta’ l-ekonomija Ewropea u tal-kapaċità tagħha ta’ innovazzjoni, l-EIT u l-KKI għandhom ikunu kapaċi jattiraw organizzazzjonijiet imsieħba, riċerkaturi u studenti minn madwar id-dinja kollha, anke bit-tħeġġiġ tal-mobbiltà tagħhom, kif ukoll billi jikkoperaw ma’ organizzazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

(11)

Ir-relazzjonijiet ta’ bejn l-EIT u l-KKI għandhom ikunu bbażati fuq ftehim kuntrattwali, b’kuntratti li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni, jiżguraw livell adegwat ta’ koordinament u jiddeskrivu l-mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet u l-eżiti tal-KKI.

(12)

Huwa meħtieġ li l-edukazzjoni superjuri tiġi sostnuta bħala komponent integrali, għalkemm spiss nieqes, ta’ strateġija ta’ innovazzjoni komprensiva. Il-ftehim bejn l-EIT u l-KKI għandu jipprevedi li l-lawrji u d-diplomi mogħtija permezz tal-KKI għandhom jingħataw mill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri parteċipanti, li għandhom ikunu mħeġġa jimmarkawhom ukoll bħala lawrji u diplomi ta’ l-EIT. Permezz ta’ l-attivitajiet u l-ħidma tiegħu, l-EIT għandu jippromwovi mobbiltà fiż-Żona Ewropea ta’ Riċerka u fiż-Żona ta’ l-Edukazzjoni Superjuri kif ukoll iħeġġeġ it-trasferibbiltà ta’ għotjiet mogħtija lil riċerkaturi u studenti fil-kuntest tal-KKI. Dawn l-attivitajiet kollha għandhom jitwettqu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (4).

(13)

L-EIT għandu jistabbilixxi linji gwida ċari u trasparenti għall-amministrazzjoni tal-proprjetà intellettwali, li għandhom irawmu l-użu ta’ proprjetà intellettwali taħt kondizzjonijiet xierqa. Dawn il-linji gwida għandhom jipprevedu li jittieħed kont debitu tal-kontributi li għandhom isiru mid-diversi organizzazzjonijiet imsieħba tal-KKI, irrispettivament mid-daqs tagħhom. Fil-każ ta’ attivitajiet finanzjati taħt il-Programmi Kwadri Komunitarji għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, għandhom japplikaw ir-regoli ta’ dawk il-programmi.

(14)

Huwa meħtieġ li jiġu adottati d-dispożizzjonijiet adatti biex jiggarantixxu r-responsabbiltà u t-trasparenza ta’ l-EIT. Huwa meħtieġ li r-regoli adatti li jirregolaw il-funzjonament tiegħu jiġu stabbiliti fl-Istatuti ta’ l-EIT.

(15)

Huwa meħtieġ li l-EIT ikollu personalità ġuridika u, sabiex tiġi garantita l-awtonomija u l-indipendenza funzjonali tiegħu, li jamministra l-baġit tiegħu stess li d-dħul tiegħu għandu jinkludi kontribut mill-Komunità.

(16)

L-EIT għandu jfittex li jiġbor kontribut finanzjarju, f’daqs li dejjem jikber, mis-settur privat u minn dħul ġenerat mill-attivitajiet tiegħu stess. Għalhekk, huwa mistenni li l-industrija, is-setturi finanzjarji u tas-servizzi sejrin jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-baġit ta’ l-EIT u, b’mod partikolari, għall-baġit tal-KKI. Il-KKI għandhom jimmiraw li jimmassimizzaw is-sehem tal-kontributi mis-settur privat. Il-KKI u l-organizzazzjonijiet imsieħba tagħhom għandhom jippubbliċizzaw il-fatt li l-attivitajiet tagħhom iseħħu fil-kuntest ta’ l-EIT u li huma jirċievu kontribut finanzjarju mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(17)

Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għall-EIT għandha tiffinanzja l-ispejjeż li jirriżultaw mill-istabbiliment, l-attivitajiet amministrattivi u ta’ koordinazjzoni ta’ l-EIT u tal-KKI. Sabiex jiġi evitat il-finanzjament doppju, dawn l-attivitajiet m’għandhomx jibbenefikaw simultanjament minn xi kontribut mill-programmi Komunitarji oħrajn, bħall-Programm Kwadru għar-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u Attivitajiet ta’ Dimostrazzjoni, il-Programm Kwadru ta’ Kompetittività u Innovazzjoni, il-Programm integrat ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja jew mill-Fondi Strutturali. Addizzjonalment, fil-każ li l-KKI jew l-organizzazzjonijiet imsieħba tagħhom japplikaw direttament għal assistenza Komunitarja minn dawn il-programmi jew fondi, l-applikazzjonijiet tagħhom għandhom ikunu trattati mingħajr ebda preferenza fuq applikazzjonijiet oħrajn.

(18)

Il-proċedura baġitarja Komunitarja għandha tkun applikabbli sa fejn ikunu konċernati s-sussidju Komunitarju u kwalunkwe għotja oħra li tkun a karigu tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-verifika tal-kontijiet għandha ssir mill-Qorti ta’ l-Awdituri skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5).

(19)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perijodu 2008 sa l-2013 li ser ikun ir-referenza prinċipali għall-awtorità baġitarja, fis-sens tal-punt 37 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u amministrazzjoni finanzjarja soda (6).

(20)

L-EIT huwa korp stabbilit mill-Komunitajiet skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 185(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u għandu jadotta r-regolamenti finanzjarji tiegħu skond dan. Konsegwentement, għandu japplika għall-EIT r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-19 ta’ Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju Kwadru għall-korpi msemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (7).

(21)

L-EIT għandu jipproduċi rapport annwali, li jiddeskrivi l-attivitajiet imwettqa fis-sena kalendarja preċedenti u programm progressiv triennali ta’ ħidma li jiddeskrivi l-inizjattivi ppjanati tiegħu u li jippermetti lill-EIT li jwieġeb għal żviluppi interni u esterni fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-edukazzjoni superjuri, l-inovazzjoni u oqsma rilevanti oħrajn. Dawn id-dokumenti għandhom jiġu trażmessi lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta’ l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni għall-finijiet ta’ informazzjoni. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu intitolati li jippreżentaw opinjoni dwar l-abbozz ta’ l-ewwel programm ta’ ħidma triennali ta’ l-EIT.

(22)

Il-ħtiġijiet finanzjarji u l-oqsma prijoritarji għall-perijodu fit-tul strateġiċi għall-EIT għall-perijodu ta’ seba’ snin għandhom jiġu stabbiliti f’Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “ASI”). Minħabba l-importanza ta’ l-ASI għall-politika ta’ l-innovazzjoni Komunitarja u s-sinifikat politiku li jirriżulta ta’ l-impatt soċjo-ekonomiku tagħha għall-Komunità l-ASI għandha tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill abbażi ta’ proposta tal-Kummissjoni mħejjija abbażi ta’ abbozz previst mill-EIT.

(23)

Huwa xieraq li l-Kummissjoni tibda evalwazzjoni indipendenti u esterna ta’ l-operat ta’ l-EIT, partikolarment bil-ħsieb tat-tħejjija ta’ l-ASI. Fejn ikun il-każ, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti biex temenda dan ir-Regolament.

(24)

Huwa xieraq li ssir implimentazzjoni gradwali, predisposta f’fażijiet, ta’ l-EIT bil-ħsieb ta’ l-iżvilupp tiegħu għall-perijodu fit-tul. Hija meħtieġa fażi inizjali b’numru limitat ta’ KKI sabiex ikun evalwat korrettament il-funzjonament ta’ l-EIT u tal-KKI u, fejn meħtieġ, sabiex jiġi introdott titjib. Fi żmien tmintax-il xahar minn meta jiġi stabbilit, il-Bord tat-Tmexxija għandu jagħżel tnejn jew tliet KKI f’oqsma li jgħinu lill-Unjoni Ewropea taffaċja sfidi attwali u futuri, li jistgħu jinkludu oqsma bħall-bidla fil-klima, l-enerġija rinnovabbli u t-teknoloġiji ta’ informazzjoni u komunikazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss. Is-selezzjoni u n-nomina ta’ aktar KKI għandhom ikunu jistgħu jsiru wara l-adozzjoni ta’ l-ewwel ASI, li, biex tkun indirizzata l-prespettiva għall-perijodu fit-tul, għandha tinkludi wkoll modalitajiet dettaljati dwar l-operat ta’ l-EIT.

(25)

Ladarba l-għan ta’ l-azzjoni li għandha tittieħed, jiġifieri l-istabbiliment ta’ l- EIT, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk, għal raġunijiet ta’ skala u ta’ tranżnazzjonalità, jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Huwa b’dan stabbilit Istitut Ewropew ta’ l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “l-EIT”).

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“innovazzjoni” tfisser il-proċess, inkluż l-eżitu tiegħu li permezz tiegħu l-ideat ġodda jirrispondu għad-domanda soċjetarja jew ekonomika u jiġġeneraw prodotti, servizzi, jew mudelli ta’ negozju u ta’ organizzazzjoni ġodda li jiġu introdotti b’suċċess f’suq eżistenti jew li jkunu kapaċi joħolqu swieq ġodda;

2.

“Komunità/Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni” (KKI) tfisser sħubija awtonoma ta’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, kumpanniji u partijiet interessati oħrajn fil-proċess ta’ innovazzjoni fil-forma ta’ network strateġiku bbażat fuq ippjanar konġunt għall-innovazzjoni għall-perijodu medju u fit-tul biex jiġu mirbuħa l-isfidi ta’ l-EIT, irrispettivament mill-forma ġuridika preċiża tiegħu;

3.

“Stat parteċipant” tfisser Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea jew pajjiż ieħor li jkollu ftehim mal-Komunità dwar l-EIT;

4.

“pajjiż terz” tfisser kwalunkwe stat li ma jkunx Stat parteċipant;

5.

“organizzazzjoni sieħba” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni li tkun membru ta’ KKI u tista’ tinkludi b’mod partikolari: istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri, organizzazzjonijiet ta’ riċerka, kumpanniji pubbliċi jew privati, istituzzjonijiet finanzjarji, awtoritajiet reġjonali u lokali, fondazzjonijiet;

6.

“organizzazzjoni ta’ riċerka” tfisser kwalunkwe entità ġuridika pubblika jew privata li twettaq żvilupp ta’ riċerka jew teknoloġiku bħala wieħed mill-objettivi ewlenin tagħha;

7.

“istituzzjoni ta’ edukazzjoni superjuri” tfisser università jew kwalunkwe tip ta’ istituzzjoni ta’ edukazzjoni superjuri li, skond il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali, toffri lawrji jew diplomi fil-livell ta’ Masters jew Dottorat, irrispettivament mid-denominazzjoni tagħha fil-kuntest nazzjonali;

8.

“lawrji u diplomi” tfisser kwalifiki li jirriżultaw f’Masters jew Dottorati mogħtija minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri parteċipanti fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ edukazzjoni superjuri mwettqin f’KKI;

9.

“Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni” (ASI) tfisser dokument ta’ politika li jiddeskrivi l-oqsma prijoritarji ta’ l-EIT għal inizjattivi futuri, inkluża ħarsa ġenerali ta’ l-attivitajiet ta’ edukazzjoni superjuri, riċerka u innovazzjoni ippjanati għall-perijodu ta’ seba’ snin.

Artikolu 3

Għan

L-għan ta’ l-EIT huwa li jikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività ekonomika fl-Ewropa, b’mod sostenibbli, bit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ innovazzjoni ta’ l-Istati Membri u tal-Komunità. Dan għandu jagħmlu billi jippromwovi u jintegra edukazzjoni superjuri, riċerka u innovazzjoni u ta’ l-ogħla standards.

Artikolu 4

Il-korpi ta’ l-EIT

1.   Il-korpi ta’ l-EIT għandhom ikunu:

(a)

Bord tat-Tmexxija magħmul minn membri ta’ livell għoli b’esperjenza fl-edukazzjoni superjuri, riċerka u innovazzjoni. Huwa għandu jkun responsabbli għat-tmexxija ta’ l-attivitajiet ta’ l-EIT, għas-selezzjoni, in-nomina u l-evalwazzjoni tal-KKI, u għad-deċiżjonijiet strateġiċi l-oħrajn kollha;

(b)

Kumitat Eżekuttiv li għandu jissorvelja t-tmexxija ta’ l-EIT u jieħu d-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa bejn il-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija;

(ċ)

Direttur li għandu jkun responsabbli għall-Bord tat-Tmexxija għall-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja ta’ l-EIT u li għandu jkun ir-rappreżentant legali ta’ l-EIT;

(d)

Funzjoni ta’ Verifika Interna li għandha tagħti pariri lill-Bord tat-Tmexxija u lid-Direttur dwar strutturi ta’ ġestjoni u kontroll finanzjarji u amministrattivi fi ħdan l-EIT, dwar l-organizzazzjoni ta’ relazzjonijiet finanzjarji mal-KKI u dwar kwalunkwe suġġett ieħor mitlub mill-Bord tat-Tmexxija.

2.   Il-Kummissjoni tista’ taħtar osservaturi biex jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija.

3.   Id-dispożizzjonijiet dettaljati rigward il-korpi ta’ l-EIT huma stabbiliti fl-Istatuti ta’ l-IET, annessi ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Kompiti

1.   Sabiex jikseb l-objettiv tiegħu, l-EIT għandu:

(a)

jidentifika l-oqsma prijoritarji tiegħu;

(b)

iqajjem kuxjenza fost organizzazzjonijiet imsieħba potenzjali u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tiegħu;

(ċ)

jagħżel u jinnomina KKI fl-oqsma prijoritarji skond l-Artikolu 7 u jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom bi ftehim; jipprovdihom bl-appoġġ meħtieġ; japplika l-miżuri meħtieġa ta’ kontroll tal-kwalità; kontinwament jissorvelja u perjodikament jevalwa l-attivitajiet tagħhom; u jiżgura livell adegwat ta’ koordinazzjoni bejniethom;

(d)

jimmobilita fondi minn sorsi pubbliċi u privati u juża r-riżorsi tiegħu skond dan ir-Regolament. B’mod partikolari huwa għandu jfittex li jgħaqqad proporzjon sinifikanti, u li jiżdied, tal-baġit tiegħu minn sorsi privati u minn dħul ġenerat mill-attivitajiet tiegħu stess;

(e)

iħeġġeġ ir-rikonoxximent fl-Istati Membri ta’ lawrji u diplomi li jkunu ġew mogħtija minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri li huma organizzazzjonijiet imsieħba, u li jistgħu jiġu indikati bħala lawrji u diplomi ta’ l-IET;

(f)

jippromwovi d-disseminazzjoni ta’ l-aħjar prattika għall-integrazzjoni tat-trijanglu tal-konoxxenza sabiex jiżviluppa kultura komuni ta’ innovazzjoni u ta’ trasferiment tal-konoxxenza;

(g)

ifittex li jsir korp ta’ klassi dinjija għall-eċċellenza fl-edukazzjoni superjuri, fir-riċerka u fl-innovazzjoni;

(h)

jiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija bejn l-attivitajiet ta’ l-EIT u programmi Komunitarji oħrajn.

2.   L-EIT għandu jkollu s-setgħa li jistabbilixxi Fondazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Fondazzjoni EIT”) bl-objettiv speċifiku tal-promozzjoni u l-appoġġ ta’ l-attivitajiet ta’ l-EIT.

Artikolu 6

KKI

1.   Il-KKI għandhom iwettqu b’mod partikolari:

(a)

attivitajiet ta’ innovazzjoni u investimenti b’valur miżjud Ewropew, li jintegraw bis-sħiħ id-dimensjonijiet ta’ l-edukazzjoni superjuri u tar-riċerka biex tinkiseb massa kritika, u li tistimula d-disseminazzjoni u l-isfruttament tar-riżultati;

(b)

riċerka li tkun l-aktar avvanzata u stimulata mill-innovazzjoni f’oqsma ta’ interess ekonomiku u soċjetarju ewlieni u abbażi tar-riżultati tar-riċerka Ewropea u nazzjonali, b’potenzjal li tissaħħaħ il-kompetittività ta’ l-Ewropa fil-livell internazzjonali;

(ċ)

attivitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-livell ta’ masters u ta’ dottorat, f’dixxiplini bil-potenzjal li jiġu sodisfatti ħtiġijiet soċjo-ekonomiċi Ewropej futuri u li jippromwovu l-iżvilupp ta’ ħiliet relatati ma’ l-innovazzjoni, it-titjib ta’ ħiliet maniġerjali u intraprenditorjali u l-mobbiltà ta’ riċerkaturi u studenti;

(d)

id-disseminazzjoni ta’ l-aħjar prattika fis-settur ta’ l-innovazzjoni b’fokus fuq l-iżvilupp ta’ koperazzjoni bejn l-edukazzjoni superjuri, ir-riċerka u n-negozju, inkluż is-settur finanzjarju u tas-servizzi.

2.   Il-KKI għandhom ikollhom awtonomija ġenerali sostanzjali biex jiddefinixxu l-organizzazzjoni interna u l-kompożizzjoni tagħhom, kif ukoll l-aġenda preċiża u l-metodi ta’ ħidma tagħhom. B’mod partikolari, il-KKI għandhom jimmiraw li jkunu miftuħa għal membri ġodda kull meta dawn il-membri jżidu valur għas-sħubija.

3.   Ir-relazzjoni bejn l-EIT u kull Komunità ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni għandha tkun ibbażata fuq ftehim kuntrattwali.

Artikolu 7

Għażla tal-KKI

1.   Sħubija għandha tiġi magħżula u nominata mill-EIT biex issir KKI abbażi ta’ proċedura kompetittiva, miftuħa u trasparenti. Għandhom jiġu adottati u pubblikati mill-EIT kriterji dettaljati għall-għażla tal-KKI abbażi tal-prinċipji ta’ eċċellenza u ta’ rilevanza fir-rigward ta’ l-innovazzjoni, u fil-proċess ta’ għażla għandhom ikunu involuti esperti esterni u indipendenti.

2.   Konformement mal-prinċipji affermati fil-paragrafu 1, l-għażla ta’ KKI għandha tieħu kont partikolari ta’:

(a)

il-kapaċità attwali u potenzjali ta’ innovazzjoni fi ħdan is-sħubija kif ukoll l-eċċellenza tagħha l-edukazzjoni superjuri, fir-riċerka u fl-innovazzjoni;

(b)

il-kapaċità tas-sħubija li tikseb il-miri tagħha ta’ l-ASI;

(ċ)

il-kapaċità tas-sħubija li tiżgura finanzjament sostenibbli, awtosuffiċjenti u għall-perijodu fit-tul inkluż kontribut sostanzjali, u li jiżdied, mis-settur privat, mill-industrija u mis-servizzi;

(d)

il-parteċipazzjoni fl-isħubija ta’ organizzazzjonijiet attivi fit-trijanglu ta’ konoxxenza ta’ l-edukazzjoni superjuri, riċerka u innovazzjoni;

(e)

id-dimostrazzjoni ta’ pjan għall-amministrazzjoni ta’ proprjetà intellettwali li tkun adatta għas-settur konċernat u konsistenti mal-prinċipji u l-linji gwida ta’ l-EIT għall-amministrazzjoni ta’ proprjetà intellettwali, inkluż il-mod kif jittieħed kont tad-diversi kontribuzzjonijiet mill-organizzazzjonijiet imsieħba;

(f)

miżuri għall-appoġġ ta’ l-involviment ta’ u l-koperazzjoni mas-settur privat, inkluż is-settur finanzjarju u b’mod partikolari SMEs, kif ukoll il-ħolqien ta’ negozji ġodda, ta’ spin-offs u partikolarment ta’ SMEs, fid-dawl ta’ l-isfruttament kummerċjali tar-riżultati ta’ l-attivitajiet tal-KKI;

(g)

disponibbiltà lejn attività reċiproka ma’ organizzazzjonijiet u networks oħrajn barra l-KKI bil-għan li jkunu kondiviżi prattika tajba u eċċellenza.

3.   Il-kondizzjoni minima għall-formazzjoni ta’ KKI hija l-parteċipazzjoni ta’ mill-anqas tliet organizzazzjonijiet imsieħba, stabbiliti mill-anqas f’żewġ Stati Membri differenti. Dawn l-organizzazzjonijiet imsieħba kollha għandhom ikunu indipendenti minn xulxin, fis-sens ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1906/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli tal-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet fl-azzjoni taħt is-Seba’ Programm Kwadu u għad-disseminazzjoni tar-riżultati ta’ riċerka (2007-2013) (8).

4.   KKI tista’ tinkludi organizzazzjonijiet imsieħba minn pajjiżi terzi, suġġett għall-approvazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija. Il-maġġoranza ta’ l-organizzazzjonijiet imsieħba li jiffurmaw KKI għandhom jiġu stabbiliti fl-Istati Membri. Mill-inqas istituzzjoni waħda ta’ edukazzjoni superjuri u kumpannija privata waħda għandhom ikunu parti minn kull KKI.

Artikolu 8

Lawrji u diplomi

1.   Il-lawrji u d-diplomi relatati ma’ attivitajiet ta’ edukazzjoni superjuri msemmijin fl-Artikolu 6(1)(c) għandhom jingħataw minn istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri parteċipanti skond ir-regoli u l-proċeduri ta’ akkreditazzjoni nazzjonali. Il-ftehim bejn l-EIT u l-KKI għandu jipprevedi li dawn il-lawrji u d-diplomi jistgħu wkoll jiġu indikati bħala lawrji u diplomi ta’ l-EIT.

2.   L-EIT għandha tħeġġeġ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri parteċipanti biex:

(a)

jikkonferixxu lawrji u diplomi konġunti jew multipli, li jirriflettu n-natura integrata tal-KKI. Madankollu, dawn jistgħu jiġu konferiti wkoll minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni superjuri waħda;

(b)

jieħdu kont ta’:

(i)

l-azzjoni Komunitarja meħuda skond l-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat;

(ii)

l-azzjoni meħuda fil-kuntest tal-Qasam Ewropew ta’ l-Edukazzjoni Superjuri.

Artikolu 9

Indipendenza ta’ l-EIT u konsistenza ma’ l-azzjoni Komunitarja u ma’ azzjonijiet ta’ l-Istati Membri jew intergovernattivi

1.   L-EIT għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu indipendentement mill-awtoritajiet nazzjonali u l-pressjonijiet esterni.

2.   L-attività ta’ l-EIT għandha tkun konsistenti ma’ azzjoni u strumenti oħrajn li għandhom jiġu implimentati fil-livell Komunitarju, b’mod partikolari fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni superjuri, tar-riċerka u ta’ l-innovazzjoni.

3.   L-EIT għandu wkoll jieħu kont debitu tal-linji politiċi u l-inizjattivi fil-livelli reġjonali, nazzjonali u intergovernattivi sabiex isir użu ta’ l-aħjar prattika, ta’ kunċetti solidament stabbiliti u ta’ riżorsi eżistenti.

Artikolu 10

Amministrazzjoni ta’ proprjetà intellettwali

1.   L-EIT għandu jadotta linji gwida għall-amministrazzjoni ta’ proprjetà intellettwali abbażi, inter alia, tar-Regolament (KE) Nru 1906/2006.

2.   Abbażi ta’ dawn il-linji gwida, l-organizzazzjonijiet imsieħba ta’ kull KKI għandhom jikkonkludu bejniethom ftehim dwar l-amministrazzjoni u l-użu tal-proprjetà intellettwali li għandu jiddefinixxi b’mod partikolari, kif jittieħed kont tal-kontribuzzjonijiet tad-diversi organizzazzjonijiet imsieħba, inklużi l-SMEs.

Artikolu 11

Status legali

1.   L-EIT għandu jkun korp Komunitarju u għandu jkollu personalità ġuridika. F’kull wieħed mill-Istati Membri, għandu jeżerċita l-kapaċitajiet ġuridiċi l-aktar estensivi possibbli mogħtija lill-persuni ġuridiċi skond il-liġi nazzjonali. B’mod partikolari, huwa għandu jkun jista’ jakkwista jew jiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u jkun parti fi proċeduri legali.

2.   Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-EIT.

Artikolu 12

Responsabbiltà

1.   L-EIT għandu jkun unikament responsabbli biex jitwettqu l-obbligi tiegħu.

2.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta’ l-EIT għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti u mil-liġi applikabbli għall-kuntratt in kwistjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha ġurisdizzjoni skond kwalunkwe klawsola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt konkluż mill-EIT.

3.   Fil-każ ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-EIT għandu, konformement mal-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta’ l-Istati Membri, jagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara kaġunata minnu jew mill-impjegati tiegħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha ġurisdizzjoni fi kwalunkwe disputa marbuta ma’ kumpens għal tali ħsara.

4.   Kwalunkwe ħlas mill-EIT biex ikopri r-responsabbiltà msemmija fil-paragrafi 2 u 3 u l-ispejjeż magħmula konnessi magħha għandhom jitqiesu bħala nfiq ta’ l-EIT u għandhom jiġu koperti mir-riżorsi ta’ l-EIT.

5.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha jkollha ġurisdizzjoni f’azzjonijiet miġjuba kontra l-EIT taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 230 u 232 tat-Trattat.

Artikolu 13

Trasparenza u aċċess għal dokumenti

1.   L-EIT għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu jitwettqu b’livell għoli ta’ trasparenza. B’mod partikolari, l-EIT għandu jistabbilixi websajt aċċessibbli, bla ħlas li jipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ l-EIT u tal-KKI individwali.

2.   L-EIT għandu jippubblika r-regoli ta’ proċedura tiegħu, ir-regoli finanzjarji speċifiċi tiegħu msemmijin fl-Artikolu 21(1) u l-kriterji dettaljati għall-għażla tal-KKI msemmijin fl-Artikolu 7 qabel l-ewwel sejħa għal proposti għall-għażla ta’ l-ewwel KKI.

3.   L-EIT għandu jippubblika mingħajr dewmien il-programm progressiv triennali ta’ ħidma u r-rapport annwali ta’ l-attivitajiet tiegħu msemmija fl-Artikolu 15.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 5 u 6, l-EIT m’għandux jiżvela lil partijiet terzi informazzjoni kunfidenzjali li jkun irċieva u li għaliha jkun intalab, u jkun ġustifikat, trattament kunfidenzjali.

5.   Il-membri tal-korpi ta’ l-EIT għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità msemmi fl-Artikolu 287 tat-Trattat.

L-informazzjoni miġbura mill-EIT skond dan ir-Regolament għandha tkun suġġetta għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ l-individwu fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ tali data  (9).

6.   Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (10) għandu japplika għad-dokumenti miżmumin mill-EIT. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta arranġamenti prattiċi għall-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jiġi stabbilit l-EIT.

7.   Id-dokumenti u l-pubblikazzjonijiet uffiċjali ta’ l-EIT għandhom jiġu tradotti skond ir-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (11). Is-servizzi meħtieġa ta’ traduzzjoni għandhom jiġu provduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjonijiet għall-korpi ta’ l-Unjoni Ewropea, stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/1994 (12).

Artikolu 14

Riżorsi finanzjarji

1.   L-EIT għandu jiġi finanzjat permezz ta’ kontribuzzjoni mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea fil-pakkett finanzjarju kif stabbilit fl-Artikolu 19, u sorsi privati u pubbliċi oħrajn.

2.   B’mod partikolari, il-KKI għandhom jiġu finanzjati mis-sorsi li ġejjin:

(a)

kontribuzzjonijiet minn kumpanniji jew organizzazzjonijiet privati, li għandhom jifformaw sors sostanzjali ta’ finanzjament;

(b)

kontributi mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea;

(ċ)

kontributi statutorji jew volontarji minn Stati parteċipanti, pajjiżi terzi jew awtoritajiet pubbliċi fi ħdanhom;

(d)

għotjiet, donazzjonijiet u kontributi minn individwi, istituzzjonijiet, fondazzjonijiet jew kwalunkwe korp nazzjonali ieħor;

(e)

dħul ġenerat mill-attivitajiet tal-KKI stess u drittijiet ta’ l-awtur fir-rigward tal-proprjetà intellettwali;

(f)

dħul ġenerat mill-eżiti ta’ l-attivitajiet jew mid-dotazzjonijiet kapitali ta’ l-EIT, inklużi dawk amministrati mill-Fondazzjoni EIT;

(g)

kontributi minn korpi jew istituzzjonijiet internazzjonali;

(h)

self u kontributi mill-Bank Ewropew għall-Investiment, inkluża l-possibbiltà li tintuża l-Faċilità Finanzjarja għall-Kondiviżjoni tar-Riskju, skond il-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċedura ta’ l-għażla.

Il-kontributi jistgħu jinkludu kontributi in natura.

3.   Il-modalitajiet għall-aċċess tal-finanzjament mill-EIT għandhom ikunu definiti fir-regoli finanzjarji ta’ l-EIT imsemmija fl-Artikolu 21(1).

4.   Il-kontribut mill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż ta’ stabbiliment, amministrazzjoni u koordinazzjoni tal-KKI għandha tiġi provduta mill-pakkett finanzjarju kif stabbilit fl-Artikolu 19.

5.   Il-KKI jew l-organizzazzjonijiet imsieħba tagħhom jistgħu japplikaw għal assistenza Komunitarja, b’mod partikolari fil-qafas ta’ programmi u fondi Komunitarji, skond ir-regoli rispettivi tagħhom u fuq livell ugwali ma’ dak ta’ applikazzjonijiet oħrajn. F’dak il-każ, tali assistenza m’għandhiex tiġi attribwita għall-attivitajiet li jkunu diġà finanzjati mill-baġit Komunitarju.

Artikolu 15

Programmazzjoni u rappurtar

1. L-EIT għandu jadotta:

(a)

programm progressiv triennali ta’ ħidma, ibbażat fuq l-ASI, li ladarba jiġi adottat, li jinkludi dikjarazzjoni tal-prijoritajiet ewlenin u l-inizjattivi proġettati tiegħu, inkluża stima ta’ ħtiġijiet u sorsi finanzjarji. Il-programm ta’ ħidma għandu jiġi trasmess mill-EIT lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, għall-finijiet ta’ informazzjoni;

(b)

rapport annwali sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Ir-rapport għandu jiddeskrivi l-attivitajiet kondotti mill-EIT matul is-sena kalendarja preċedenti u jeżamina r-riżultati fir-rigward ta’ l-objettivi u l-iskeda ta’ żmien stabbiliti, ir-riskji assoċjati ma’ l-attivitajiet imwettqa, l-użu tar-riżorsi u l-operat ġenerali ta’ l-EIT.

Artikolu 16

Monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ l-EIT

1.   L-EIT għandu jiżgura li l-attivitajiet tiegħu, inklużi dawk immexxija permezz tal-KKI, għandhom ikunu suġġetti għal monitoraġġ sistematiku u kontinwu u evalwazzjoni perjodika indipendenti, biex jiġi żgurat kemm l-ogħla kwalità ta’ eżitu, kemm l-eċċellenza xjentifika kif ukoll l-użu l-iżjed effiċjenti tar-riżorsi. L-eżiti ta’ l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati.

2.   Sa Ġunju 2011 u kull ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ qafas finanzjarju ġdid, il-Kummissjoni għandha tipprovdi għal evalwazzjoni ta’ l-EIT. Din għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni esterna indipendenti u għandha teżamina kif l-EIT jaqdi l-missjonijiet tiegħu. Hija għandha tkopri l-attivitajiet kollha ta’ l-EIT u tal-KKI u għandha tivvaluta l-valur miżjud ta’ l-EIT, l-impatt, l-effikaċja, is-sostenibbiltà, l-effiċjenza u r-rilevanza ta’ l-attivitajiet imwettqa u r-relazzjoni u/jew komplementarjetà tagħhom ma’ linji politiċi nazzjonali u Komunitarji eżistenti, għall-appoġġ ta’ l-edukazzjoni superjuri, tar-riċerka u ta’ l-innovazzjoni. Hija għandha tieħu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll fil-livell nazzjonali.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-riżultati ta’ l-evalwazzjoni, flimkien ma’ l-opinjoni tagħha stess u, fejn ikun il-każ, kwalunkwe proposta għall-emendament ta’ dan ir-Regolament, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu kont debitu tal-konklużjonijiet ta’ l-evalwazzjonijiet fil-programmi u l-operazzjonijiet ta’ l-EIT.

Artikolu 17

ASI

1.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011 u kull seba’ snin minn hemm ‘il quddiem, l-EIT għandu jħejji abbozz ta’ ASI għal seba’ snin u jippreżentah lill-Kummissjoni.

2.   L-ASI għandha tiddefinixxi l-oqsma prijoritarji għall-perijodu fit-tul għall-EIT u għandha tinkludi stima ta’ l-impatt soċjoekonomiku tagħha u l-kapaċità tagħha li tiġġenera l-aħjar valur-miżjud fir-rigward ta’ l-innovazzjoni. L-ASI għandha tieħu kont tar-riżultati tal-monitoraġġ u ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-EIT kif imsemmi fl-Artikolu 16.

3.   L-ASI għandha tinkludi stima tal-ħtiġijiet u s-sorsi finanzjarji bil-ħsieb ta’ l-operat futur, ta’ l-iżvilupp u l-finanzjament għall-perijodu fit-tul ta’ l-EIT. Għandha tinkludi wkoll pjan finanzjarju indikattiv li jkopri l-perijodu tal-qafas finanzjarju.

4.   Filwaqt li jaġixxu fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw l-ASI skond l-Artikolu 157(3) tat-Trattat.

Artikolu 18

Fażi inizjali

1.   Fi żmien tnax-il xahar wara li jiġi stabbilit, il-Bord tat-Tmexxija għandu jippreżenta l-abbozz ta’ l-ewwel programm progressiv triennali ta’ ħidma, imsemmi fl-Artikolu 15, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jistgħu rispettivament jindirizzaw opinjoni lill-Bord tat-Tmexxija dwar kwalunkwe suġġett kopert fl-abbozz fi żmien tliet xhur mill-jum li fih jirċevuh. Fejn opinjonijiet bħal dawn jiġu indirizzati lilu, il-Bord tat-Tmexxija għandu jwieġeb fi żmien tliet xhur, u jindika kwalunkwe aġġustamenti fil-prijoritajiet u attivitajiet proġettati.

2.   Fi żmien tmintax-il xahar minn meta jiġi stabbilit il-Bord tat-Tmexxija, l-EIT għandu jagħżel u jinnomina żewġ jew tliet KKI skond il-kriterji u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-proposta għall-ewwel ASI abbażi ta’ l-abbozz provdut mill-EIT, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill qabel l-aħħar ta’ l-2011.

Addizzjonalment għall-kontenut ta’ ASI skond l-Artikolu 17, l-ewwel ASI għandha tinkludi:

(a)

speċifikazzjonijiet dettaljati u termini ta’ referenza dwar l-operat ta’ l-EIT;

(b)

il-modalitajiet għall-koperazzjoni bejn il-Bord tat-Tmexxija u l-KKI;

(ċ)

il-modalitajiet tal-finanzjament tal-KKI.

4.   Wara l-adozzjoni ta’ l-ewwel ASI skond l-Artikolu 17(4), il-Bord tat-Tmexxija jista’ jagħżel u jinnomina KKI addizzjonali skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6 u 7.

Artikolu 19

Impenji baġitarji

Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2013 huwa stabbilit għal EUR 308,7 miljun. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità baġitarja fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 20

Tħejjija u adozzjoni tal-baġit annwali

1.   L-infiq ta’ l-EIT għandu jinkludi l-ispejjeż għall-persunal, amministrattivi, infrastrutturali u operattivi. In-nefqa amministrattiva għandha tinżamm minima.

2.   Is-sena finanzjarja għandha tikkorrispondi għas-sena kalendarja.

3.   Id-Direttur għandu jfassal stima tad-dħul u ta’ l-infiq ta’ l-EIT għas-sena finanzjarja sussegwenti u għandu jgħaddihom lill-Bord tat-Tmexxija.

4.   Għandu jkun hemm bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

5.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-abbozz ta’ l-istima, flimkien ma’ abbozz tal-pjan ta’ stabbiliment, u l-programm progressiv triennali preliminari ta’ ħidma u jgħaddihom lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu.

6.   Abbażi ta’ l-istima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal, fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, l-istimi li hija tqis meħtieġa għall-ammont tas-sussidju li jrid jiġi addebitat lill-baġit ġenerali.

7.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-EIT.

8.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta l-baġit ta’ l-EIT, li għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea. Fejn ikun il-każ, huwa għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ.

9.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, mill-iktar fis possibbli, jinnotifika lill-awtorità baġitarja bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit ta’ l-EIT, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jirrelata ma’ proprjetà bħall-kiri jew ix-xiri ta’ bini. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan.

10.   Kwalunkwe modifika sostanzjali tal-baġit għandha ssegwi l-istess proċedura.

Artikolu 21

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   L-EIT għandu jadotta r-regoli finanzjarji tiegħu skond l-Artikolu 185(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002. Dawn ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002 ħlief fejn il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi ta’ l-EIT hekk ikunu jesiġu u jingħata l-kunsens minn qabel mill-Kummissjoni. Għandu jittieħed kont debitu tal-ħtieġa ta’ flessibbiltà operattiva adegwata sabiex l-EIT jkun jista’ jikseb l-objettivi tiegħu u jattira u jżomm is-sħubiji fis-settur privat.

2.   Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit ta’ l-EIT.

3.   Il-kontijiet ta’ l-EIT għandhom jiġu konsolidati mal-kontijiet tal-Kummissjoni.

4.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, il-Parlament Ewropew għandu, qabel it-30 ta’ April tas-sena “n + 2”, jagħti kwittanza għas-sena “n” lid-Direttur fir-rigward ta’ l-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-EIT u lill-Bord tat-Tmexxija fir-rigward tal-Fondazzjoni EIT.

Artikolu 22

Protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità

1.   Bil-ħsieb li jkunu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u atti illegali oħra, ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (13) għandu japplika fir-rigward ta’ l-EIT fl-intier tiegħu.

2.   L-EIT għandu jaderixxi mal-Ftehim Interistituzzjonali tal-25 ta’ Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (14). Il-Bord tat-Tmexxija għandu jifformalizza din l-adeżjoni u jadotta l-miżuri neċessarji biex jgħin lill-OLAF iwettaq l-investigazzjonijiet interni.

3.   Id-deċiżjonijiet kollha adottati u l-kuntratti kollha konklużi mill-EIT għandhom jipprevedu espliċitament li l-OLAF u l-Qorti ta’ l-Awdituri jistgħu jwettqu spezzjonijiet, fuq il-post, tad-dokumenti tal-kuntratturi u subkuntratturi kollha li rċevew fondi Komunitarji, inklużi dawk fl-istabbilimenti tal-benefiċjarji finali.

4.   Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi (1), (2) u (3) għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-Fondazzjoni EIT.

Artikolu 23

Statuti

Huma b’dan adottati l-istatuti ta’ l-EIT, kif stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 24

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta' Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew,

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill,

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 28

(2)  ĠU C 146, 30.6.2007, p. 27.

(3)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Settembru 2007 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2008 (ĠU C 52 E, 26.2.2008, p. 7) u l-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2008 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KE) tal-Kummissjoni 1430/2007 (ĠU L 320, 6.12.2007, p. 3).

(5)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE), Nru 1525/2007 (ĠU L 343, 27.12.2007, p. 9).

(6)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. Il-Ftehim Interistutizzjonali kif emendat bid-Deċiżjoni 2008/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 6, 10.1.2008, p. 7).

(7)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(8)  ĠU L 391, 30.12.2006, p. 1.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(10)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(11)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(12)  ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1645/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 13).

(13)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(14)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.


ANNESS

Statuti ta’ l-Istitut Ewropew ta’ l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

Artikolu 1

Kompożizzjoni tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jkun magħmul kemm minn membri maħtura li jipprovdu bilanċ bejn dawk b’esperjenza fin-negozju, fl-edukazzjoni superjuri u fir-riċerka (minn hawn ‘il quddiem “il-membri maħtura”) u membri eletti minn u minn fost il-persunal tekniku u amministrattiv, l-istudenti u l-kandidati dottorali fl-edukazzjoni superjuri, riċerka u innovazzjoni ta’ l-Istitut Ewropew ta’ l-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u tal-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI) (minn hawn ‘il quddiem “il-membri rappreżentattivi”).

Bħala dispożizzjoni tranżizzjonali, il-Bord tat-Tmexxija inizjali għandu jikkonsisti esklussivament minn membri maħtura sa meta jistgħu jsiru l-elezzjonijiet tal-membri rappreżentattivi, wara li tiġi stabbilita l-ewwel KKI.

2.   Għandu jkun hemm tmintax-il membru maħtur. Dawn għandhom ikollhom mandat ta’ sitt snin li ma jiġġeddidx. Għandhom jiġu maħtura mill-Kummissjoni, skond proċedura trasparenti. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-proċess ta’ l-għażla u l-ħatra finali ta’ dawk il-membri tal-Bord tat-Tmexxija.

Il-membri maħtura tal-Bord tat-Tmexxija inizjali għandhom jiġu maħtura abbażi ta’ lista ta’ kandidati potenzjali proposti minn Kumitat ta’ Identifikazzjoni ad hoc, li għandu jkun magħmul minn erba’ esperti ta’ livell għoli indipendenti maħturin mill-Kummissjoni. Il-membri sussegwentement maħturin għandhom jiġu maħtura abbażi ta’ lista ta’ kandidati potenzjali proposta mill-Bord tat-Tmexxija.

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-bilanċ bejn l-esperjenza fl-edukazzjoni ogħla, fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fin-negozju kif ukoll tal-bilanċ bejn is-sessi u għandha tapprezza l-ambjenti ta’ l-edukazzjoni ogħla, riċerka u innovazzjoni madwar l-Unjoni.

4.   Terz tal-membri maħtura għandu jinbidel kull sentejn. Membru maħtur li serva għal perijodu ta’ inqas minn erba’ snin għandu jkun eliġibbli sabiex jerġa’ jiġi maħtur, suġġett għal limitu komplessiv ta’ sitt snin fil-ħatra.

Matul perijodu tranżizzjonali, għandhom jiġu magħżula bix-xorti, tnax-il membru maħturin tal-Bord tat-Tmexxija inizjali biex iservu għal mandat ta’ erba’ snin. Fit-tmiem tal-perijodu inizjali ta’ erba’ snin, sitta mit-tnax-il membru maħturin ġodda għandhom jintagħżlu bix-xorti biex iservu għal mandat ta’ erba’ snin. Il-President tal-Bord tat-Tmexxija mhuwiex parti minn dan il-proċess tranżizzjonali.

5.   Għandu jkun hemm erba’ membri rappreżentattivi. Dawn għandhom ikollhom mandat ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba. Il-mandat tagħhom jintemm jekk huma jitilqu l-EIT jew KKI. Huma għandhom jiġu sostitwiti permezz ta’ l-istess proċedura elettorali għall-bqija tal-mandat.

6.   Il-kondizzjonijiet u l-modalitajiet għall-elezzjoni u s-sostituzzjoni tal-membri rappreżentattivi għandhom jiġu approvati mill-Bord tat-Tmexxija abbażi ta’ proposta mid-Direttur qabel ma tibda l-operat tagħha l-ewwel KKI. Dan il-mekkaniżmu għandu jiżgura rappreżentanza korretta tad-diversità u għandu jieħu kont ta’ l-evoluzzjoni ta’ l-EIT u tal-KKI.

7.   Fil-każ li membru tal-Bord tat-Tmexxija ma jkunx jista’ jibqa’ sat-tmiem tal-mandat tiegħu, għandu jinħatar jew jiġi elett membru sostitut permezz ta’ l-istess proċedura tal-membru inkapaċi sabiex iwettaq il-mandat ta’ dan ta’ l-aħħar.

Artikolu 2

Responsabbiltajiet tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Il-membri tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jaġixxu fl-interess ta’ l-EIT, jissalvagwardjaw l-miri u l-missjoni, l-identità u l-koerenza tiegħu b’mod independenti.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu, b’mod partikolari:

(a)

jiddefinixxi l-istrateġija ta’ l-EIT kif affermati fl-Aġenda Strateġika ta’ Innovazzjoni (ASI), il-programm progressiv triennali ta’ ħidma, il-baġit tiegħu, il-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ tiegħu u r-rapport annwali tiegħu ta’ l-attivitajiet abbażi ta’ proposta mid-Direttur;

(b)

jispeċifika l-oqsma prijoritarji li fihom jiġu stabbiliti l-KKI;

(ċ)

jipprovdi kontribut bil-ħsieb tat-tħejjija ta’ l-ASI;

(d)

ifassal speċifikazzjonijiet dettaljati u termini ta’ referenza dwar l-operat ta’ l-EIT fil-qafas ta’ l-ASI, inklużi kriterji u proċeduri għall-finanzjament, monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ l-attivitajiet tal-KKI;

(e)

jagħżel u jinnomina sħubija bħala KKI jew jirtira n-nomina jekk ikun meħtieġ;

(f)

jiżgura evalwazzjoni kontiwa ta’ l-attivitajiet ta’ l-EIT;

(g)

jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu, inklużi dawk għall-għażla tal-KKI, dawk għall-Kumitat Eżekuttiv, kif ukoll ir-regoli finanzjarji speċifiċi ta’ l-EIT;

(h)

jiddefinixxi, bil-qbil tal-Kummissjoni, l-onorarji xierqa għall-membri tal-Bord tat-Tmexxija u tal-Kumitat Eżekuttiv u l-Kumitat tal-Verifika; dawn l-onorarji għandhom ikunu komparabbli ma’ provvedimenti simili fl-Istati Membri;

(i)

jadotta proċedura għall-għażla tal-Kumitat Eżekuttiv u tad-Direttur;

(j)

jaħtar u jekk meħtieġ ineħħi mill-kariga lid-Direttur, u jeżerċita awtorità dixxiplinari fuqu;

(k)

jaħtar lill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà, lill-membri tal-Kumitat Eżekuttiv u lill-membri tal-Funzjoni ta’ Verifika Interna;

(l)

jistabbilixxi, fejn ikun il-każ, gruppi konsultattivi li jistgħu jingħataw żmien definit tal-mandat tagħhom;

(m)

jippromwovi lill-EIT globalment, sabiex iżid l-attrazzjoni tiegħu u jagħmlu korp ta’ klassi dinjija għall-eċċellenza fl-edukazzjoni superjuri, riċerka u innovazzjoni;

(n)

jadotta kodiċi ta’ kondotta korretta fir-rigward il-konflitti ta’ interessi;

(o)

jiddefinixxi l-prinċipji u l-linji gwida għall-amministrazzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(p)

jistabbilixxi funzjoni ta’ verifika interna skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002;

(q)

ikollu s-setgħa li jistabbilixxi Fondazzjoni (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Fondazzjoni EIT”) bl-objettiv speċifiku tal-promozzjoni u l-appoġġ ta’ l-attivitajiet ta’ l-EIT;

(r)

jiżgura l-komplementarjetà u s-sinerġija bejn l-attivitajiet ta’ l-EIT u programmi Komunitarji oħrajn;

(s)

jiddeċiedi dwar ir-reġim lingwistiku ta’ l-EIT, b’kont meħud tal-prinċipiji eżistenti dwar il-multilingwiżmu u r-rekwiżiti prattiċi ta’ l-operati tiegħu.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddelega kompiti speċifiċi lill-Kumitat Eżekuttiv.

4.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jeleġġi l-President tiegħu minn fost il-membri maħtura. Il-mandat tal-President għandu jkun għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba.

Artikolu 3

Funzjonament tal-Bord tat-Tmexxija

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta deċiżjonijiet b’maġġoranza sempliċi tal-membri kollha tiegħu.

Madankollu, id-deċiżjonijiet li jaqgħu taħt il-paragrafi 2 (a), (b), (ċ), (d), (i) u (s) u taħt il-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 2 għandhom jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri kollha tiegħu.

2.   Il-membri rappreżentattivi ma jistgħux jivvotaw dwar id-deċiżjonijiet taħt il-paragrafi 2 (e), (g), (i), (j), (k), (q) u (s) ta’ l-Artikolu 2.

3.   Il-Bord tat-Tmexxija għandu jiltaqa’ f’sessjoni ordinarja mill-anqas tliet darbiet fis-sena u f’sessjoni straordinarja meta jitlaqqa’ mill-President tiegħu jew fuq talba ta’ mill-anqas terz tal-membri tiegħu.

Artikolu 4

Kumitat Eżekuttiv

1.   Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jkun magħmul minn ħames persuni fosthom il-President tal-Bord tat-Tmexxija li jippresjedi wkoll il-Kumitat Eżekuttiv.

L-erba’ membri diversi mill-President għandhom jintgħażlu mill-Bord tat-Tmexxija minn fost il-membri maħtura tal-Bord tat-Tmexxija.

2.   Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jiltaqa’ fuq bażi regolari meta jitlaqqa’ mill-President tiegħu jew fuq talba tad-Direttur.

3.   Il-Kumitat Eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri kollha tiegħu.

4.   Il-Kumitat Eżekuttiv għandu:

(a)

iħejji l-laqgħat tal-Bord tat-Tmexxija;

(b)

jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ l-ASI, u l-programm progressiv triennali ta’ ħidma;

(ċ)

jissorvelja l-proċedura ta’ l-għażla għall-KKI;

(d)

jieħu kwalunkwe deċiżjoni delegata lilu mill-Bord tat-Tmexxija.

Artikolu 5

Id-Direttur

1.   Id-Direttur għandu jkun persuna ta’ kompetenza u reputazzjoni għolja fl-oqsma li fihom jopera l-EIT. Id-Direttur għandu jinħatar mill-Bord tat-Tmexxija għal mandat ta’ erba’ snin. Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jestendi dak il-mandat darba b’erba’ snin meta jqis li l-interessi ta’ l-EIT jinqdew aħjar jekk isir hekk.

2.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għall-amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ l-EIT u jkun ir-rappreżentant legali tiegħu. Id-Direttur għandu jkun responsabbli lejn il-Bord tat-Tmexxija u jirrapporta lilu fuq bażi kontinwa dwar l-iżvilupp ta’ l-attivitajiet ta’ l-EIT.

3.   Id-Direttur għandu b’mod partikolari:

(a)

jappoġġa lill-Bord tat-Tmexxija u lill-Kumitat Eżekuttiv f’xogħolhom u jipprovdihom b’segretarjat għal-laqgħat tagħhom;

(b)

iħejji abbozz ta’ ASI, abbozz ta’ programm progressiv triennali ta’ ħidma, ir-rapport annwali u l-baġit annwali biex jiġu preżentati lill-Bord tat-Tmexxija permezz tal-Kumitat Eżekuttiv;

(ċ)

jamministra l-proċedura ta’ l-għażla għall-KKI u jiżgura li d-diversi stadji ta’ dak il-proċess jitwettqu b’mod trasparenti u oġġettiv;

(d)

jorganizza u jmexxi l-attivitajiet ta’ l-EIT;

(e)

jiżgura l-implimentazzjoni ta’ proċeduri effikaċi ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ l-EIT skond l-Artikolu 16 tar-Regolament;

(f)

ikun responsabbli għal kwistjonijiet amministrattivi u finanzjarji, fosthom l-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-EIT. Għal dan, id-Direttur għandu jqis il-parir mogħti mill-funzjoni ta’ verifika interna;

(g)

ikun responsabbli għall-materji kollha tal-persunal;

(h)

jippreżenta l-abbozz tal-kontijiet annwali u l-karta tal-bilanċ lill-funzjoni ta’ verifika interna, u sussegwentement lill-Bord tat-Tmexxija, permezz tal-Kumitat Eżekuttiv;

(i)

jiżgura li jitwettqu l-obbligi ta’ l-EIT fir-rigward tal-kuntratti u ta’ kull ftehim konklużi minnu;

(j)

jipprovdi lill-Kumitat Eżekuttiv u lill-Bord tat-Tmexxija bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom.

Artikolu 6

Tħejjija ta’ l-istabbiliment ta’ l-istruttura ta’ appoġġ

Għal perijodu tranżizzjonali, il-Kummissjoni għandha tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lejn l-istabbiliment ta’ l-istruttura ta’ l-EIT. Għal dak il-għan, sa meta jiġu maħtura l-ewwel membri maħturin tal-Bord tat-Tmexxija, uffiċjal maħtur mill-Kummissjoni għandu jkun ir-rappreżentant legali ta’ l-EIT u jkun responsabbli għall-kwistjonijiet amministrattivi, finanzjarji u dwar il-persunal, inkluża l-implimentazzjoni tal-baġit ta’ l-EIT. Sussegwentement, il-Bord tat-Tmexxija għandu jinnomina, skond proċedura trasparenti, persuna li għandha taqdi dawn il-funzjonijiet jew jestendi l-mandat ta’ l-uffiċjal maħtur mill-Kummissjoni, sa dak iż-żmien meta d-Direttur jibda l-ħidma tiegħu wara l-ħatra tiegħu mill-Bord tat-Tmexxija, skond l-Artikolu 5. Il-Bord tat-Tmexxija għandu jniedi l-proċedura għall-għażla tad-Direttur ta’ l-EIT mingħajr dewmien.

Artikolu 7

Il-persunal ta’ l-EIT

1.   Il-persunal ta’ l-EIT għandu jkun magħmul minn persuni impjegati direttament mill-EIT taħt kuntratti b’terminu fiss. Il-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej għandhom japplikaw għad-Direttur u għall-persunal ta’ l-EIT.

2.   Jistgħu jiġu sekondati esperti, għal żmien limitat, lill-EIT mill-Istati parteċipanti jew minn ħaddieħor li jħaddem.

Il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta dispożizzjonijiet li jippermettu lill-esperti sekondati mill-Istati parteċipanti jew minn ħaddieħor li jħaddem biex jaħdmu ma’ l-EIT u jiddefinixxi d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom.

3.   L-EIT għandu jeżerċita, fir-rigward tal-persunal tiegħu, il-poteri mogħtija lill-awtorità awtorizzata biex tikkonkludi l-kuntratti mal-membri tal-persunal.

4.   Jista’ jiġi meħtieġ minn membru tal-persunal li jagħmel tajjeb għal kwalunkwe ħsara, kompletament jew parzjalment, imġarrba mill-EIT bħala riżultat ta’ kondotta serjament skorretta min-naħa tiegħu matul il-qadi ta’ dmirijietu jew marbuta mal-qadi ta’ dmirijietu.

Artikolu 8

Prinċipji għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tal-KKI

L-EIT għandu jorganizza monitoraġġ kontinwu u evalwazzjonijiet perijodiċi indipendenti ta’ l-eżiti u r-riżultati ta’ kull KKI. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prattika amministrattiva korretta u fuq parametri orjentati lejn ir-riżultati u jevitaw aspetti formali u proċedurali superfluwi.

Artikolu 9

It-tul ta’ żmien, il-kontinwazzjoni u t-tmiem ta’ KKI

1.   Suġġett għall-eżiti ta’ evalwazzjonijiet perijodiċi u għall-ispeċifiċitajiet ta’ oqsma partikolari KKI normalment għandha ddum minn seba’ sa ħmistax-il sena.

2.   Il-Bord tat-Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jestendi l-operat ta’ KKI lil hinn mill-perijodu inizjali stabbilit jekk dan ikun l-aktar mod adatt biex jinkiseb l-objettiv ta’ l-EIT.

3.   Fil-każ li l-evalwazzjonijiet ta’ KKI juru riżultati inadegwati, il-Bord tat-Tmexxija għandu jieħu l-miżuri adatti inklużi t-tnaqqis, il-modifika jew l-irtirar ta’ l-appoġġ finanzjarju tiegħu jew it-tmiem tal-ftehim.

Artikolu 10

Xoljiment ta’ l-EIT

Fil-każ tax-xoljiment ta’ l-EIT, il-likwidazzjoni tiegħu għandha sseħħ taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni skond il-liġijiet applikabbli. Kull ftehim mal-KKI u l-att li jistabbilixxi l-Fondazzjoni EIT għandhom jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet adegwati għal tali sitwazzjoni.


Top