EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0195

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 195/2008 tat- 3 ta’ Marzu 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ l-Iraq

OJ L 59, 4.3.2008, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 10 Volume 002 P. 232 - 236

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/195/oj

4.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 59/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 195/2008

tat-3 ta’ Marzu 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1210/2003 dwar ċerti restrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji ma’ l-Iraq

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/186/PESK tat-3 ta’ Marzu 2008 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK dwar l-Iraq (1),

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, jiġifieri r-Riżoluzzjoni (UNSC) 1483 (2003), l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 (2) għamel arranġamenti speċifiċi dwar ħlasijiet għal żejt mhux raffinat, prodotti ta’ żejt mhux raffinat, u gass naturali esportati mill-Iraq, filwaqt li l-Artikolu 10 ta’ dak ir-Regolament għamel arranġamenti speċifiċi dwar l-immunità mill-proċeduri legali ta’ xi assi Iraqini. L-arranġament speċifiku dwar ħlasijiet jibqa' japplika, filwaqt li l-arranġament speċifiku dwar l-immunitajiet applika sal-31 ta’ Diċembru 2007.

(2)

Ir-Riżoluzzjoni UNSC 1790 (2007) u l-Pożizzjoni Komuni 2008/186/PESK jipprovdu li dawn iż-żewġ arranġamenti speċifiċi għandhom it-tnejn japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2008. Ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(3)

Huwa wkoll xieraq li r-Regolament (KE) Nru 1210/2003 jiġi allinejat ma’ l-iżviluppi reċenti fil-prattika tas-sanzjonijiet fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, ir-responsabbiltà għall-ksur u l-ġurisdizzjoni. Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, it-territorju tal-Komunità jitqies li jiġbor fih it-territorji ta’ l-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat.

(4)

Biex jiġi garantit li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1210/2003 huwa b'dan emendat kif ġej:

(1)

Artikolu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 2

Id-dħul kollu mill-kummerċ ta’ l-esportazzjonijiet ta’ żejt mhux raffinat, prodotti ta’ żejt mhux raffinat u gass naturali mill-Iraq, kif elenkati fl-Anness 1, għandu, sa mit-22 ta’ Mejju 2003, jiġi ddepożitat fil-Fond għall-Iżvilupp ta’ l-Iraq skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1483 (2003) u, b'mod partikolari, l-paragrafi 20 u 21 tagħha.”;

(2)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4a

Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(3) u 4(4) m'għandha twassal għall-ebda tip ta’ responsabbiltà min-naħa ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet ikkonċernati, jekk dawn ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom ikunu jiksru din il-projbizzjoni.”;

(3)

l-Artikolu 6 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   B'deroga mill-Artikolu 4, l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri indikati fil-websajts elenkati fl-Anness V jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfatti:

(a)

il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ rahan ġudizzjarju, amministrattiv jew ta’ arbitraġġ stabbilit qabel it-22 ta’ Mejju 2003 jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew ta’ arbitraġġ li tkun ingħatat qabel dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw pretensjonijiet derivanti minn tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li għandhom tali pretensjonijiet;

(ċ)

jekk il-pretensjoni tiġi sodisfatta, dan ma jkunx bi ksur tar-Regolament (KEE) Nru 3541/92; u

(d)

ir-rikonoxximent tar-rahan jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-politika pubblika fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   Fiċ-ċirkostanzi l-oħra kollha, il-fondi, ir-riżorsi ekonomiċi u d-dħul mir-riżorsi ekonomiċi ffriżati bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4 għandhom jiġu rilaxxati biss sabiex jiġu ttrasferiti lejn il-Fond għall-Iżvilupp ta’ l-Iraq miżmum mill-Bank Ċentrali ta’ l-Iraq, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Riżoluzzjoni tal-KSNU 1483 (2003).”;

(4)

l-Artikolu 7 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, xjentement jew intenzjonalment, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun, direttament jew indirettament, li jevitaw id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4 jew li jinkoraġġixxu l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 2 u 3.

2.   Kull informazzjoni li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament qed jiġu jew kienu evitati għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet kompetenti indikati fil-websajts elenkati fl-Anness V, u, b'mod dirett jew permezz ta’ dawn l-awtoritajiet, għandha tkun mgħarrfa l-Kummissjoni.”;

(5)

l-Artikolu 8 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Bla ħsara għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtaġġ, il-konfidenzjalità u s-sigriet professjonali u għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 284 tat-Trattat, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a)

jipprovdu immedjatament kull informazzjoni li tiffaċilita l-ħarsien ta’ dan ir-Regolament, bħall-kontijiet u l-ammonti ffriżati skond l-Artikolu 4, lill-awtoritajiet kompetenti indikati fil-websajts elenkati fl-Anness V, fl-Istat Membru li fih huma residenti jew fejn jinsabu, u, b'mod dirett jew permezz ta’ dawn l-awtoritajiet kompetenti, lill-Kummissjoni;

(b)

jikkooperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti indikati fil-websajts elenkati fl-Anness V f'kull verifika ta’ din l-informazzjoni.

2.   Kull informazzjoni mogħtija jew riċevuta skond dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-iskopijiet li għalihom tkun ingħatat jew ġiet riċevuta.”;

(6)

għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 15a

1.   L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 ta’ dan ir-Regolament u jidentifikawhom fi, jew permezz, tal-websajts elenkati fl-Anness V.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet kompetenti tagħhom qabel il-15 ta’ Marzu 2008 u għandhom jgħarrfuha b'kull emenda sussegwenti.”;

(7)

l-Artikolu 16 għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 16

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)

fit-territorju tal-Komunità, inkluż l-ispazju ta’ l-ajru tagħha;

(b)

abbord inġenji ta’ l-ajru jew bastimenti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru;

(ċ)

għal kwalunkwe persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Komunità li hija ċittadin ta’ Stat Membru;

(d)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huwa inkorporat jew kostitwit taħt il-liġi ta’ Stat Membru; u

(e)

għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fil-Komunità.”;

(8)

l-Artikolu 18(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:

“3.   L-Artikoli 2 u 10 għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2008.”;

(9)

l-Anness V għandu jinbidel bit-test li jinsab fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 3 ta’ Marzu 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

J. PODOBNIK


(1)  Ara paġna 31 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6. Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).


ANNESS

“ANNESS V

Websajts li jipprovdu informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 6, 7 u 8 u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

A.   Websajts li jipprovdu informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti

BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

BULGARIJA

http://www.mfa.government.bg

REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

DANIMARKA

http://www.um.dk/da/menu/Udenrigspolitik/FredSikkerhedOgInternationalRetsorden/Sanktioner/

ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/BMWi/Navigation/Aussenwirtschaft/Aussenwirtschaftsrecht/embargos.html

ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

GREĊJA

hhttp://www.ypex.gov.gr/www.mfa.gr/en-US/Policy/Multilateral+Diplomacy/International+Sanctions/

SPANJA

www.mae.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones+Internacionales

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

ITALJA

http://www.esteri.it/UE/deroghe.html

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt

LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

OLANDA

http://www.minbuza.nl/sancties

AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

POLONJA

http://www.msz.gov.pl

PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

RUMANIJA

http://www.mae.ro/index.php?unde=doc&id=32311&idlnk=1&cat=3

SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

SLOVAKKJA

http://www.foreign.gov.sk

FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

SVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

RENJU UNIT

http://www.fco.gov.uk/competentauthorities

B.   Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

Commission of the European Communities

Directorate-General for External Relations

Directorate A. Crisis Platform and Policy Coordination in Common Foreign and Security Policy

Unit A.2. Crisis Response and Peace Building

CHAR 12/106

B-1049 Brussels

Tel: (32-2) 295 5585

Fax: (32-2) 299 0873”


Top