Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0009

Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat- 12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor

OJ L 44, 20.2.2008, p. 23–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 09 Volume 001 P. 275 - 280

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/9/oj

20.2.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 44/23


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/9/KE

tat-12 ta’ Frar 2008

li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/EC, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (2),

Billi:

(1)

Jinħolqu problemi konsiderevoli, kemm għall-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri kif ukoll għan-negozji, meta jiġu implimentati regoli stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE tas-6 ta’ Diċembru 1979 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigward taxxi fuq id-dħul – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (3).

(2)

L-arranġamenti stabbiliti f'dik id-Direttiva għandhom jiġu emendati għall-perijodu li matulu d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw applikazzjonijiet għal rifużjoni jiġu notifikati lin-negozji. Fl-istess ħin, għandu jkun stabbilit li n-negozji wkoll għandhom jagħtu tweġibiet f'perijodi speċifikati. Barra minn hekk, il-proċedura għandha tiġi ssimplifikata u mmodernizzata billi tippermetti l-użu ta’ teknoloġiji moderni.

(3)

Il-proċedura ġdida għandha trawwem il-pożizzjoni tan-negozji billi l-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli li jħallsu l-interessi jekk ir-rifużjoni ssir tard u d-dritt għal appell min-negozji għandu jissaħħaħ.

(4)

Għall-finijiet ta’ ċarezza u qari aħjar, id-dispożizzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 79/1072/KEE, li preċedentement kienet tinsab fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (4), issa għandha tiġi integrata f'din id-Direttiva.

(5)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu, għalhekk, minħabba d-daqs ta’ l-azzjoni, jintlaħqu aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(6)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (5), l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex jistabbilixxu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li juru, kemm jista’ jkun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(7)

Fl-interess taċ-ċarezza, id-Direttiva 79/1072/KEE għandha għalhekk titħassar, suġġett għall-miżuri tranżizzjonali meħtieġa fir-rigward ta’ l-applikazzjonijiet għal rifużjoni introdotti qabel l-1 ta’ Jannar 2010,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), previsti fl-Artikolu 170 tad-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli, li mhumiex stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni” tfisser persuna taxxabbli fis-sens ta’ l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE li ma tkunx stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

(2)

“Stat Membru ta’ rifużjoni” tfisser l-Istat Membru li fih il-VAT kienet imposta lil persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi fornuti lilha minn persuni oħra taxxabbli f'dak l-Istat Membru jew fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ oġġetti f'dak l-Istat Membru;

(3)

“perijodu ta’ rifużjoni” tfisser il-perijodu msemmi fl-Artikolu 16 kopert mill-applikazzjoni għal rifużjoni;

(4)

“applikazzjoni għal rifużjoni” tfisser l-applikazzjoni għal rifużjoni ta’ VAT imposta fl-Istat Membru ta’ rifużjoni mingħand persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi fornuti lilha minn persuni oħra taxxabbli f'dak l-Istat Membru jew fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ oġġetti f'dak l-Istat Membru;

(5)

“applikant” tfisser il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni li jagħmel l-applikazzjoni għal rifużjoni.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tapplika għal kwalunkwe persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, li tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

tul il-perijodu ta’ rifużjoni, ma kellhiex fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, is-sede ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tagħha, jew stabbiliment fiss li minnu ġew effettwati transazzjonijiet ta’ negozju, jew, jekk l-ebda tali sede jew stabbiliment fiss ma eżistew, id-domiċilju jew il-post normali ta’ residenza tagħha;

(b)

tul il-perijodu ta’ rifużjoni, ma tkun forniet l-ebda oġġett jew servizz meqjus li kien fornut fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, bl-eċċezzjoni tat-transazzjonijiet li ġejjin:

(i)

il-forniment ta’ servizzi ta’ trasport u servizzi anċillari għalihom, eżentati skond l-Artikoli 144, 146, 148, 149, 151, 153, 159 jew 160 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(ii)

il-forniment ta’ oġġetti u servizzi lil persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199 tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 4

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika fir-rigward ta':

(a)

ammonti ta’ VAT li, skond il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni, ġew fatturati b'mod żbaljat;

(b)

ammonti ta’ VAT fatturati fir-rigward tal-fornimenti ta’ oġġetti li l-forniment tagħhom huwa, jew jista’ jkun, eżentat skond l-Artikolu 138 jew l-Arikolu 146(1)(b) tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 5

Kull Stat Membru għandu jirrimborża lil kwalunkwe persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni kwalunkwe VAT imposta fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi fornuti lilha minn persuni oħra taxxabbli f'dak l-Istat Membru jew fir-rigward ta’ l-importazzjoni ta’ oġġetti f'dak l-Istat Membru, sakemm tali oġġetti u servizzi jintużaw għall-finijiet tat-transazzjonijiet li ġejjin:

(a)

it-transazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 169(a) u (b) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(b)

it-transazzjonijiet lil persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199 tad-Direttiva 2006/112/KE kif applikat fl-Istat Membru ta’ rifużjoni.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-jedd għal rifużjoni ta’ taxxa fuq id-dħul għandu jiġi ddeterminat skond id-Direttiva 2006/112/KE kif applikat fl-Istat Membru ta’ rifużjoni.

Artikolu 6

Biex tkun eliġibbli għal rifużjoni fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni għandha twettaq transazzjonijiet li jagħtu lok għal dritt ta’ tnaqqis fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.

Meta persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni twettaq fl-Istat Membru li fih hi stabbilita kemm transazzjonijiet li jagħtu lok għal dritt ta’ tnaqqis kif ukoll transazzjonijiet li ma jagħtux lok għal dritt ta’ tnaqqis f'dak l-Istat Membru, dak il-proporzjon biss ta’ VAT li jkun rimborżabbli skond l-Artikolu 5, jista’ jiġi rimborżat mill-Istat Membru ta’ rifużjoni kif inhu attribwit għat-transazzjonijiet li diġà saru skond l-Artikolu 173 tad-Direttiva 2006/112/KE kif applikati mill-Istat Membru ta’ stabbiliment.

Artikolu 7

Sabiex tirċievi rifużjoni tal-VAT fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, il-persuna taxxabbli mhux stabbilita fl-Istat Membru ta’ rifużjoni għandha tindirizza applikazzjoni elettronika għal rifużjoni lil dak l-Istat Membru u tippreżentaha lill-Istat Membru li fih hija stabbilita permezz tal-portal elettroniku stabbilit minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 8

1.   L-applikazzjoni għal rifużjoni għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-isem u l-indirizz sħiħ ta’ l-applikant;

(b)

indirizz għal kuntatt b'mezzi elettroniċi;

(ċ)

deskrizzjoni ta’ l-attività tan-negozju ta’ l-applikant li għaliha jiġu akkwistati l-merkanzija u s-servizzi;

(d)

il-perijodu ta’ rifużjoni kopert mill-applikazzjoni;

(e)

dikjarazzjoni mill-applikant li huwa ma jkun forna l-ebda merkanzija u servizz meqjus li jkun fornut fl-Istat Membru ta’ rifużjoni matul dak il-perijodu ta’ rifużjoni bl-eċċezzjoni tat-transazzjonijiet imsemmijin fil-punti (i) u (ii) ta’ l-Artikolu 3(b);

(f)

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa ta’ l-applikant;

(ġ)

dettalji tal-kont tal-bank inklużi l-kodiċijiet IBAN u BIC.

2.   Flimkien ma’ l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tindika, għal kull Stat Membru ta’ rifużjoni u għal kull fattura jew dokument ta’ importazzjoni, id-dettalji li ġejjin:

(a)

l-isem u l-indirizz sħiħ tal-fornitur;

(b)

ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT jew jew in-numru ta’ referenza tat-taxxa tal-fornitur, kif allokat mill-Istat Membru ta’ rifużjoni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 239 u 240 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(ċ)

ħlief fil-każ ta’ importazzjoni, il-prefiss ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni skond l-Artikolu 215 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(d)

id-data u n-numru tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni;

(e)

l-ammont taxxabbli u l-ammont tal-VAT imniżżlin fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni;

(f)

l-ammont tal-VAT deduċibbli kkalkolat skond l-Arikolu 5 u t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 6 espress fil-munita ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni;

(ġ)

fejn applikabbli, il-proporzjon deduċibbli kkalkolat skond l-Artikolu 6, espress bħala perċentwali;

(h)

in-natura tal-merkanzija u s-servizzi akkwistati, deskritti skond il-kodiċijiet fl-Artikolu 9.

Artikolu 9

1.   Fl-applikazzjoni għal rifużjoni, in-natura tal-merkanzija u s-servizzi akkwistati għandhom jiġu deskritti bil-kodiċijiet li ġejjin:

1.

=

karburant;

2.

=

Kiri ta’ mezzi ta’ trasport;

3.

=

infiq relatat ma’ mezzi tat-trasport (minbarra l-merkanzija u s-servizzi msemmija taħt il-kodiċijiet 1 u 2);

4.

=

imposti għall-użu tat-triq u għall-utent tat-triq;

5.

=

spejjeż ta’ vjaġġar, bħal nollijiet tat-taxi, nollijiet tat-trasport pubbliku;

6.

=

akkomodazzjoni;

7.

=

ikel, xorb u servizzi ta’ ristoranti;

8.

=

dħul għal fieri u esebizzjonijiet;

9.

=

infiq għal lussi u divertiment;

10.

=

oħrajn.

Jekk jintuża l-kodiċi 10, għandha tiġi indikata n-natura ta’ l-oġġetti u s-servizzi fornuti.

2.   L-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jitlob lill-applikant jagħti informazzjoni elettronika kodifikata addizzjonali dwar kull kodiċi mniżżel fil-paragrafu 1 sal-punt li tali informazzjoni tkun meħtieġa minħabba kwalunkwe restrizzjoni fuq id-dritt ta’ tnaqqis taħt id-Direttiva 2006/112/KE, kif applikabbli fl-Istat Membru ta’ rifużjoni jew għall-implimentazzjoni ta’ deroga rilevanti mogħtija lill-Istat Membru ta’ rifużjoni taħt l-Artikoli 395 jew 396 ta’ dik id-Direttiva.

Artikolu 10

Mingħajr preġudizzju għat-talbiet għal informazzjoni skond l-Artikolu 20, l-Istati Membru ta’ rifużjoni jista’ jesiġi li l-applikant jippreżenta b'mezzi elettroniċi kopja tal-fattura jew tad-dokument ta’ importazzjoni ma’ l-applikazzjoni għal rifużjoni fejn l-ammont taxxabbli fuq fattura jew dokument ta’ importazzjoni huwa ta’ EUR 1 000 jew aktar jew l-ekwivalenti f'munita nazzjonali. Fejn il-fattura tikkonċerna karburant, il-limitu huwa EUR 250 jew l-ekwivalenti f'munita nazzjonali.

Artikolu 11

L-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jitlob lill-applikant jipprovdi deskrizzjoni ta’ l-attività tan-negozju tiegħu billi juża l-kodiċijiet armonizzati determinati skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 34a(3) tar-Regolament (KE) Nru 1798/2003 (6).

Artikolu 12

L-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jispeċifika liema lingwa jew lingwi għandhom jintużaw mill-applikant sabiex tingħata l-informazzjoni fl-applikazzjoni għal rifużjoni jew l-informazzjoni addizzjonali possibbli.

Artikolu 13

Jekk sussegwenti għall-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni jiġi aġġustat il-proporzjon deduċibbli skond l-Artikolu 175 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-applikant għandu jikkoreġi l-ammont li applika għalih jew li jkun diġà ġie rifuż.

Il-korrezzjoni għandha ssir f'applikazzjoni għal rifużjoni matul is-sena kalendarja ta’ wara l-perijodu ta’ rifużjoni konċernat jew, jekk l-applikant ma jagħmel l-ebda applikazzjoni għal rifużjoni matul dik is-sena kalendarja, billi tingħata dikjarazzjoni separata permezz tal-portal elettroniku stabbilit mill-Istat Membru ta’ stabbiliment.

Artikolu 14

1.   L-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tirrelata ma':

(a)

ix-xiri ta’ merkanzija jew servizzi li jkun ġie fatturat waqt il-perijodu ta’ rifużjoni, sakemm il-VAT tkun saret imponibbli qabel jew meta x-xiri jkun ġie fatturat, jew li fir-rigward tiegħu l-VAT tkun saret imponibbli waqt il-perijodu ta’ rifużjoni, sakemm ix-xiri jkun ġie fatturat qabel li t-taxxa tkun saret imponibbli;

(b)

l-importazzjoni ta’ oġġetti waqt il-perijodu ta’ rifużjoni.

2.   Addizzjonalment għat-transazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-applikazzjoni għal rifużjoni tista’ tirrelata wkoll ma’ fatturi jew dokumenti ta’ importazzjoni mhux koperti minn applikazzjonijiet għal rifużjoni preċedenti u tikkonċerna transazzjonijiet kompluti matul is-sena kalendarja konċernata.

Artikolu 15

1.   L-applikazzjoni għal rifużjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Istat Membru ta’ stabbiliment sat-30 ta’ Settembru tas-sena kalendarja ta’ wara l-perijodu ta’ rifużjoni. L-applikazzjoni għandha tiġi kkunsidrata li ġiet ippreżentata biss jekk l-applikant ikun mela l-informazzjoni kollha meħtieġa taħt l-Artikoli 8, 9 u 11.

2.   L-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jibgħat lill-applikant konferma elettronika li jkun irċeviha mingħajr dewmien.

Artikolu 16

Il-perijodu ta’ rifużjoni ma għandux ikun aktar minn sena kalendarja jew inqas minn tliet xhur kalendarji. L-applikazzjonijiet għal rifużjoni jistgħu, madankollu, ikunu relatati ma’ perijodu ta’ inqas minn tliet xhur fejn il-perijodu jirrappreżenta l-bqija ta’ sena kalendarja.

Artikolu 17

Jekk l-applikazzjoni għal rifużjoni tirrigwarda perijodu ta’ rifużjoni ta’ inqas minn sena kalendarja iżda mhux ta’ inqas minn tliet xhur, l-ammont ta’ VAT li għalih tintalab rifużjoni ma jistax ikun ta’ inqas minn EUR 400 jew l-ekwivalenti f'munita nazzjonali.

Jekk l-applikazzjoni għal rifużjoni tirrigwarda perijodu ta’ rifużjoni ta’ sena kalendarja jew il-bqija ta’ sena kalendarja, l-ammont ta’ VAT ma jistax ikun ta’ inqas minn EUR 50 jew l-ekwivalenti f'munita nazzjonali.

Artikolu 18

1.   L-Istat Membru ta’ stabbiliment m'għandux jibgħat l-applikazzjoni lill-Istat Membru ta’ rifużjoni fejn, waqt il-perijodu ta’ rifużjoni, kwalunkwe ċirkostanza minn dawn li ġejjin tkun tapplika għall-applikant fl-Istat Membru ta’ stabbiliment:

(a)

huwa ma jkunx persuna taxxabbli għall-finijiet tal-VAT;

(b)

iwettaq provvisti ta’ merkanzija jew ta’ servizzi li huma eżenti mingħajr xi jedd ta’ deduzzjoni tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti skond l-Artikoli 132, 135, 136, 371, l-Artikoli 374 sa 377, l-Artikolu 378(2)(a), l-Artikolu 379(2) jew l-Artikoli 380 sa 390 tad-Direttiva 2006/112/KE jew dispożizzjonijiet li jipprovdu eżenzjonijiet identiċi li jinsabu fl-Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2005;

(ċ)

huwa kopert mill-eżenzjoni għall-intrapriżi żgħar prevista fl-Artikoli 284, 285, 286 u 287 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(d)

huwa kopert mill-iskema ta’ rata fissa komuni għall-bdiewa prevista fl-Artikoli 296 sa 305 tad-Direttiva 2006/112/KE.

2.   L-Istat Membru ta’ stabbiliment għandu jinnotifika b'mezz elettroniku lill-applikant dwar id-deċiżjoni tiegħu magħmula skond il-paragrafu 1.

Artikolu 19

1.   L-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu jinnotifika lill-applikant mingħajr dewmien, b'mezz elettroniku, bid-data li fiha tiġi rċevuta l-applikazzjoni.

2.   L-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li japprova jew jirrifjuta l-applikazzjoni għal rifużjoni fi żmien erba’ xhur minn meta din tiġi riċevuta minn dak l-Istat Membru.

Artikolu 20

1.   Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jikkunsidra li huwa m'għandux l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jieħu deċiżjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni sħiħa jew ta’ parti minnha, huwa jista’ jitlob, b'mezz elettroniku, għal informazzjoni addizzjonali, b'mod partikolari mill-applikant jew mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ stabbiliment, fi żmien il-perijodu ta’ erba’ xhur imsemmi fl-Artikolu 19 (2). Fejn l-informazzjoni addizzjonali tintalab minn xi ħadd ieħor minbarra l-applikant jew awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, it-talba għandha ssir biss b'mezz elettroniku jekk dan il-mezz ikun disponibbli għar-riċevitur tat-talba.

Jekk meħtieġ, l-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jitlob aktar informazzjoni addizzjonali.

L-informazzjoni mitluba skond dan il-paragrafu tista’ tinkludi l-preżentazzjoni ta’ l-oriġinal jew ta’ kopja tal-fattura rilevanti jew dokument rilevanti ta’ importazzjoni fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jkollu dubbji raġonevoli rigward il-validità jew il-preċiżjoni ta’ talba partikolari. F'dak il-każ, il-limiti msemmijin fl-Artikolu 10 m'għandhomx japplikaw.

2.   L-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu jiġi pprovdut bl-informazzjoni addizzjonali mitluba taħt il-paragrafi 1 fi żmien xahar mid-data li fiha t-talba tasal għand il-persuna li lilha tkun indirizzata.

Artikolu 21

Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jitlob informazzjoni addizzjonali, huwa għandu jinnotifika lill-applikant bid-deċiżjoni tiegħu li japprova jew jirrifjuta l-applikazzjoni għal rifużjoni fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-informazzjoni mitluba jew, jekk ma jkunx irċieva tweġiba għat-talba tiegħu, fi żmien xahrejn mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 20(2). Madankollu, il-perijodu disponibbli għad-deċiżjoni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni sħiħa jew ta’ parti minnha, għandu dejjem ikun mill-inqas sitt xhur mid-data ta’ riċeviment ta’ l-applikazzjoni minn dak l-Istat Membru.

Fejn l-Istat Membru ta’ rifużjoni jitlob aktar informazzjoni addizzjonali, huwa għandu jinnotifika lill-applikant dwar id-deċiżjoni tiegħu fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għal rifużjoni sħiħa jew ta’ parti minnha fi żmien tmien xhur mir-riċeviment ta’ l-applikazzjoni mill-Istat Membru ta’ rifużjoni.

Artikolu 22

1.   Fejn l-applikazzjoni għal rifużjoni tiġi approvata, ir-rifużjoni ta’ l-ammont approvat għandha titħallas mill-Istat Membru ta’ rifużjoni mhux aktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol mill-iskadenza tat-terminu perentorju msemmi fl-Artikolu 19(2) jew, fejn tkun intalbet informazzjoni addizzjonali, it-termini perentorji msemmijin fl-Artikolu 21.

2.   Ir-rifużjoni għandha titħallas fl-Istat Membru ta’ rifużjoni jew, fuq talba ta’ l-applikant, fi kwalunkwe Stat Membru ieħor. Fil-każ ta’ l-aħħar, kwalunkwe imposta tal-bank għat-trasferiment għandha titnaqqas mill-Istat Membru ta’ rifużjoni mill-ammont li għandu jitħallas lill-applikant.

Artikolu 23

1.   Fejn l-applikazzjoni għal rifużjoni tiġi rrifjutata interament jew parzjalment, ir-raġunijiet għar-rifjut għandhom jiġu notifikati mill-Istat Membru ta’ rifużjoni lill-applikant flimkien mad-deċiżjoni.

2.   L-appelli dwar deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal rifużjoni jistgħu jsiru mill-applikant lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni fil-forom u fil-limiti ta’ żmien stabbiliti għall- appelli fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal rifużjoni minn persuni li huma stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

Jekk, taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ rifużjoni, in-nuqqas li tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal rifużjoni fil-limiti ta’ żmien speċifikati f'din id-Direttiva mhux meqjus bħala approvazzjoni jew bħala rifjut, għandha tkun disponibbli għall-applikant, b'mod ugwali, kwalunkwe proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja li hija disponibbli f'dik is-sitwazzjoni lil persuni taxxabbli stabbiliti f'dak l-Istat Membru. Jekk l-ebda tali proċedura mhija disponibbli, in-nuqqas li tittieħed deċiżjoni dwar applikazzjoni għal rifużjoni f'dawn il-limiti ta’ żmien għandu jfisser li l-applikazzjoni hija meqjusa bħala rrifjutata.

Artikolu 24

1.   Fejn rifużjoni tkun inkisbet b'mod frodulenti jew b'xi mod inkorrett ieħor, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni għandha tipproċedi direttament sabiex tirkupra l-ammonti li jkunu tħallsu b'mod żbaljat u kwalunkwe piena u interessi imposti skond il-proċedura applikabbli fl-Istat Membru ta’ rifużjoni, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar assistenza reċiproka għall-irkupru tal-VAT.

2.   Fejn tkun ġiet imposta piena amministrattiva jew interessi iżda ma tħallsux, l-Istat Membru ta’ rifużjoni jista’ jissospendi kwalunkwe rifużjoni ulterjuri lill-persuna taxxabbli konċernata sa daqs l-ammont mhux imħallas.

Artikolu 25

L-Istat Membru ta’ rifużjoni għandu jieħu kont ta’ tnaqqis jew żjieda ta’ l-ammont ta’ rifużjoni, kwalunkwe aġġustament li jsir rigward applikazzjoni għal rifużjoni preċedenti skond l-Artikolu 13 jew, fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni separata, fil-forma ta’ pagament jew irkupru separat.

Artikolu 26

Għandhom ikunu dovuti interessi lill-applikant mill-Istat Membru ta’ rifużjoni fuq l-ammont ta’ rifużjoni li jrid jitħallas jekk ir-rifużjoni titħallas wara l-aħħar data ta’ pagament skond l-Artikolu 22(1).

Jekk l-applikant ma jippreżentax l-informazzjoni addizzjonali jew informazzjoni addizzjonali ulterjuri mitluba lill-Istat Membru ta’ rifużjoni fil-limiti ta’ żmien speċifikati, l-ewwel paragrafu m'għandux japplika. Dan m'għandux japplika wkoll sakemm id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati elettronikament skond l-Artikolu 10 jiġu rċevuti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni.

Artikolu 27

1.   L-interessi għandhom jiġu kkalkolati mill-jum wara l-aħħar jum għall-pagament tar-rifużjoni skond l-Artikolu 22(1) sal-jum li fih ir-rifużjoni fil-fatt titħallas.

2.   Ir-rati ta’ l-interessi għandhom ikunu ugwali għar-rata ta’ interessi nazzjonali applikabbli fir-rigward ta’ rifużjonijiet tal-VAT lil persuni taxxabbli stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni taħt il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

Jekk l-ebda interessi ma jkunu pagabbli taħt il-liġi nazzjonali fir-rigward ta’ rifużjonijiet lil persuni taxxabbli stabbiliti, l-interessi pagabbli għandhom ikunu ugwali għall-interessi jew l-imposta ekwivalenti li tiġi applikata mill-Istat Membru ta’ rifużjoni fir-rigward ta’ ħlasijiet tard tal-VAT minn persuni taxxabbli.

Artikolu 28

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet għal rifużjoni preżentati wara l-31 ta’ Diċembru 2009.

2.   Id-Direttiva 79/1072/KEE hija b'dan imħassra b'effett mill-1 ta’ Jannar 2010. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jibqgħu japplikaw għall-applikazzjonijiet għal rifużjoni preżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2010.

Ir-referenzi magħmula għad-Direttiva mħassra għandhom jitqiesu bħala referenzi magħmula għal din id-Direttiva ħlief għall-applikazzjonijiet għal rifużjoni preżentati qabel l-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 29

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva b'effett mill-1 ta’ Jannar 2010. L-Istati Membri għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 30

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 31

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 12 ta’ Frar 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

A. BAJUK


(1)  ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 122.

(2)  ĠU C 28, 3.2.2006, p. 86.

(3)  ĠU L 331, 27.12.1979, p. 11. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/98/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 129).

(4)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2007/75/KE (ĠU L 346, 29.12.2007, p. 13).

(5)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

(6)  ĠU L 264, 15.10.2003, p. 1.


Top