EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1100

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 tat- 18 ta’ Settembru 2007 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru ta’ l-istokk tas-sallura Ewropea

OJ L 248, 22.9.2007, p. 17–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 04 Volume 005 P. 183 - 189

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1100/oj

22.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 248/17


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1100/2007

tat-18 ta’ Settembru 2007

li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru ta’ l-istokk tas-sallura Ewropea

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fid-19 ta’ Lulju 2004, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li jikkonċernaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, ta’ l-1 ta’ Ottubru 2003, dwar l-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Azzjoni Komunitarju għall-Ġestjoni tas-Sallura Ewropea (2), li nkludew talba lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti għall-ġestjoni tas-sallur fl-Ewropa fuq terminu twil.

(2)

Fil-15 ta’ Novembru 2005 l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li ssejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta immedjatament proposta għal regolament għall-irkupru ta’ stokk tas-sallura Ewropea.

(3)

L-aħħar avviż xjentifiku mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (KIEB) li jikkonċerna s-sallura Ewropea huwa li l-istokk jinsab ’il barra mil-limiti bijoloġiċi siguri u li s-sajd attwali mhuwiex sostenibbli. Il-KIEB jirrakkomanda li jiġi żviluppat pjan ta’ rkupru għall-istokk kollu tas-sallura Ewropea bħala kwistjoni ta’ urġenza u li jiġu mnaqqsa kemm jista’ jkun l-isfruttament u l-attivitajiet oħra tal-bniedem li jolqtu s-sajd jew l-istokk.

(4)

Hemm kondizzjonijiet u ħtiġijiet diversi fil-Komunità li jeħtieġu soluzzjonijiet speċifiċi differenti. Dik id-diversità għandha tiġi meqjusa fl-ippjanar u fl-eżekuzzjoni ta’ miżuri sabiex jiġu żgurati protezzjoni u użu sostenibbli tal-popolazzjoni tas-sallura Ewropea. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu viċin kemm jista’ jkun il-postijiet fejn is-sallura qed jiġu sfruttati. Għandha tingħata prijorità lill-azzjoni li ssir mill-Istati Membri permezz tat-tfassil ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura aġġustati għall-kundizzjonijiet reġjonali u lokali.

(5)

Id-Direttiva 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġi (3) u d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika dwar l-ilma (4) huma maħsuba, inter alia, sabiex jipproteġu, jikkonservaw u jsaħħu l-ambjent akkwatiku fejn is-sallur iqatta’ parti miċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu u huwa meħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm koordinazzjoni u konsistenza bejn il-miżuri meħuda taħt dan ir-Regolament u dawk meħuda taħt id-Direttivi msemmija hawn fuq. B’mod partikolari, il-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandhom ikopru baċini ta’ xmajjar definiti skond id-Direttiva 2000/60/KE.

(6)

Is-suċċess ta’ miżuri għall-irkupru ta’ l-istokk ta’ sallura Ewropea jiddipendi minn kooperazzjoni mill-qrib u azzjoni koerenti fil-livelli ta’ Komunità, ta’ Stat Membru u lokali u reġjonali kif ukoll minn informazzjoni, konsultazzjoni u involviment tas-setturi pubbliċi involuti. Għal dan il-għan, l-appoġġ mill-Fond Ewropew tas-Sajd jista’ jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effettiva tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura.

(7)

Jekk il-baċini ta’ xmajjar fit-territorju nazzjonali ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġu identifikati u definiti bħala li jikkostitwixxu habitat naturali għas-sallura Ewropea, għandu jkun possibbli għal dak l-Istat Membru li jiġi eżentat mill-obbligu li jipprepara Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura.

(8)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri għall-irkupru tas-sallura huma effettivi u ekwi, huwa meħtieġ li l-Istati Membri jidentifikaw il-miżuri li bi ħsiebhom jieħdu u ż-żoni li għandhom jiġu koperti, li din l-informazzjoni tiġi komunikata b’mod wiesa’, u li tiġi evalwata l-effikaċja tal-miżuri.

(9)

Il-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni abbażi ta’ evalwazzjoni teknika u xjentifika mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STEFC).

(10)

F’baċin ta’ xmara fejn is-sajd u l-attivitajiet l-oħra tal-bniedem li jolqtu s-sallura jistgħu ikollhom effetti transkonfinali, il-programmi u l-miżuri kollha għandhom ikunu kkoordinati għall-baċin ta’ xmara rilevanti kollu. Madankollu, il-koordinazzjoni m’għandhiex isseħħ b’dannu għall-introduzzjoni rapida tal-partijiet nazzjonali tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura. Għall-baċini ta’ xmajjar li jestendu lil hinn mill-konfini tal-Komunità, il-Komunità għandha tagħmel ħilitha sabiex tiżgura koordinazzjoni xierqa mal-pajjiżi terzi kkonċernati.

(11)

Fil-kuntest ta’ koordinazzjoni transkonfinali, kemm fi ħdan il-Komunità kif ukoll barra minnha, għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-Baħar Baltiku u għall-ilmijiet kostali Ewropej li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE. Madankollu, il-ħtieġa għal tali koordinazzjoni m’għandhiex tipprevjeni li tittieħed azzjoni urġenti mill-Istati Membri.

(12)

Għandhom għalhekk jiġu implimentati miżuri speċjali sabiex jiżdied in-numru ta’ sallura ta’ tul inqas minn 12 cm rilaxxati f’ilmijiet Ewropej kif ukoll għat-trasferiment ta’ sallura ta’ tul inqas minn 20 cm għall-iskop ta’ riforniment bħala parti mill-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura.

(13)

Sal-31 ta’ Lulju 2013, 60 % tas-sallura ta’ tul inqas minn 12 cm maqbuda kull sena għandhom jiġu riservati għar-riforniment. L-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq tas-sallura ta’ tul inqas minn 12 cm għandha tiġi monitorjata kull sena. Fil-każ ta’ deklin sinifikanti fil-prezzijiet tas-suq medji għas-sallura ta’ tul inqas minn 12 cm użata għar-riforniment f’baċini tax-xmara tas-sallura kif definit mill-Istati Membri, meta mqabbel mal-prezz tas-sallura ta’ tul inqas minn 12 cm użata għal skopijiet oħra, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tieħu l-miżuri xierqa li jistgħu jinkludu tnaqqis temporanju fil-perċentwali tas-sallura ta’ tul inqas minn 12 cm li jridu jiġu riservati għar-riforniment.

(14)

Il-qabdiet ta’ sallura f’ilmijiet Komunitarji min-naħa li tagħti għall-baħar tal-konfini tal-baċini tax-xmara tas-sallura definiti mill-Istati Membri bħala li jikkostitwixxu habitat naturali tas-sallura għandhom jitnaqqsu gradwalment permezz tat-tnaqqis fl-isforz tas-sajd jew fil-qabdiet b’mill-inqas 50 % bbażat fuq l-isforz tas-sajd jew il-qabdiet medji fis-snin 2004 sa 2006.

(15)

Abbażi ta’ informazzjoni li għandha tiġi provduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport dwar l-eżitu ta’ l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura u jekk meħtieġ tipproponi kwalunkwe miżura adatta sabiex jinkiseb, bi probabbiltà kbira, l-irkupru tas-sallura Ewropea.

(16)

Għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri sistema ta’ kontroll u monitoraġġ adattata għaċ-ċirkostanzi u għall-qafas legali diġà applikabbli għas-sajd intern b’konsistenza mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta’ Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-politika tas-sajd komuni (5). F’dan il-kuntest l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu ċerti informazzjoni u estimi li jikkonċernaw is-sajd kummerċjali u dak rikreattiv sabiex jekk ikun meħtieġ jiġu appoġġati r-rapportar u l-evalwazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura kif ukoll il-miżuri ta’ kontroll u ta’ infurzar. L-Istati Membri għandhom barra minn hekk jieħdu miżuri sabiex jiżguraw il-kontroll u l-infurzar ta’ l-importazzjoni u l-esportazzjoni tas-sallura,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għall-protezzjoni u l-użu sostenibbli ta’ l-istokk tas-sallura Ewropea ta’ l-ispeċi Anguilla anguilla f’ilmijiet Komunitarji, f’laguni mal-kosta, fl-estwarji, u fi xmajjar u ilmijiet interni komunikanti ta’ l-Istati Membri li jiffluwixxu fl-ibħra fiż-żoni ICES III, IV, VI, VII, VIII, IX jew fil-Baħar Mediterran.

2.   Fir-rigward tal-Baħar l-Iswed u s-sistemi ta’ xmajjar konnessi miegħu, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd (6), wara li tikkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd sal-31 ta’ Diċembru 2007 dwar jekk dawn l-ilmijiet jikkostitwixxux habitats naturali għas-sallura Ewropea skond l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-miżuri taħt dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati u implimentati mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 92/43/KEE u 2000/60/KE.

Artikolu 2

Stabbiliment ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura

1.   L-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jiddefinixxu l-baċini ta’ xmajjar individwali li jinsabu fit-territorju nazzjonali tagħhom li jikkostitwixxu habitats naturali għas-sallura Ewropea (“baċini ta’ xmajjar tas-sallura”) li jistgħu jinkludu ilmijiet marittimi. Jekk tiġi provduta ġustifikazzjoni adegwata, Stat Membru jista’ jagħżel it-territorju nazzjonali tiegħu kollu jew unità amministrattiva reġjonali eżistenti bħala baċin wieħed ta’ xmara tas-sallura.

2.   Fid-definizzjoni ta’ baċini ta’ xmajjar tas-sallura, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-aktar konsiderazzjoni possibbli għall-arranġamenti amministrattivi msemmija fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/60/KE.

3.   Għal kull baċin ta’ xmara tas-sallura definit taħt il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iħejju Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura.

4.   L-objettiv ta’ kull Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandu jkun li jitnaqqsu l-mortalitajiet antropoġeniċi sabiex tiġi permessa l-ħarba għall-baħar bi probabbiltà għolja ta’ mill-inqas 40 % tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda relattiva għall-aqwa stima ta’ ħarba li kienet teżisti kieku ebda influwenza antropoġenika ma kellha impatt fuq l-istokk. Il-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandu jitħejja bl-iskop li jinkiseb dan l-objettiv għall-perijodu fit-tul.

5.   Il-livell ta’ ħarba mmirat għandu jiġi determinat, b’kont meħud tad-data disponibbli għal kull baċin ta’ xmara tas-sallura, b’wieħed jew aktar minn dawn it-tliet modi li ġejjin:

(a)

l-użu ta’ data miġbura fl-iktar perijodu adegwat qabel l-1980, sakemm din tkun disponibbli fi kwantità u kwalità suffiċjenti;

(b)

stima, ibbażata fuq il-habitat, ta’ produzzjoni potenzjali tas-sallura, fin-nuqqas ta’ fatturi antropoġeniċi ta’ mortalità;

(ċ)

b’referenza għall-ekoloġija u l-idrografija ta’ sistemi ta’ xmajjar simili.

6.   Kull Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandu jkun fih deskrizzjoni u analiżi tas-sitwazzjoni preżenti tal-popolazzjoni tas-sallura fil-baċin ta’ xmara tas-sallura u jorbotha mal-livell ta’ ħarba mmirat stabbilit fil-paragrafu 4.

7.   Kull Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandu jkun fih miżuri sabiex jiġi milħuq, sorveljat u verifikat l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 4. L-Istati Membri jistgħu jiddefinixxu l-mezzi skond il-kondizzjonijiet lokali u reġjonali.

8.   Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura jista’ jkun fih, iżda ma jkunx limitat għal, il-miżuri li ġejjin:

tnaqqis fl-attività tas-sajd kummerċjali,

restrizzjoni tas-sajd rikreattiv,

miżuri ta’ riforniment,

miżuri strutturali sabiex ix-xmajjar isiru passabbli u jitjiebu l-abitat tax-xmajjar, flimkien ma’ miżuri oħra ambjentali,

trasport ta’ sallura tal-fidda minn ilmijiet interni għal ilmijiet li minnhom jistgħu jaħarbu liberament għall-Baħar Sargassu,

miżuri kontra l-predaturi,

tifi temporanju ta’ turbini ta’ l-enerġija idro-elettrika,

miżuri relatati ma’ l-akkwakultura.

9.   Kull Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandu jkun fih skeda ta’ żmien għall-kisba tal-livell ta’ ħarba mmirat stabbilit fil-paragrafu 4, wara approċċ gradwali u skond livell ta’ reklutaġġ mistenni; għandu jinkludi miżuri li jiġu applikati sa mill-ewwel sena ta’ applikazzjoni tal-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura.

10.   Fil-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura, kull Stat Membru għandu jimplimenta miżuri adatti malajr kemm jista’ jkun għat-tnaqqis tal-mortalità tas-sallura kkawżata minn fatturi esterni għas-sajd, inklużi t-turbini idroelettriċi, il-pompi jew il-predaturi, sakemm dan ma jkunx meħtieġ għall-kisba ta’ l-objettiv tal-pjan.

11.   Kull Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandu jinkludi deskrizzjoni tal-miżuri ta’ kontroll u ta’ infurzar li ser japplikaw f’ilmijiet diversi mill-ilmijiet marittimi Komunitarji skond l-Artikolu 10.

12.   Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandu jikkostitwixxi pjan ta’ ġestjoni adottat fuq livell nazzjonali fil-qafas ta’ miżura ta’ konservazzjoni Komunitarja msemmija fl-Artikolu 24(1)(v) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (7).

Artikolu 3

Eżenzjoni mill-obbligu li jitħejja Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura

1.   Stat Membru jista’ jkun eżentat mill-obbligu li jħejji Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura jekk tingħata ġustifikazzjoni adegwata li baċini ta’ xmajjar jew ilmijiet marittimi li huma fit-territorju tiegħu ma jikkostitwixxux abitat naturali għas-sallura Ewropea.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008 talba għall-eżenzjoni mħejjija skond il-paragrafu 1.

3.   Abbażi ta’ evalwazzjoni teknika u xjentifika mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd jew minn korpi xjentifiċi adegwati oħrajn, it-talba għall-eżenzjoni għandha tiġi approvata mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

4.   Fejn il-Kummissjoni tapprova talba għal eżenzjoni, l-Artikolu 4 m’għandux japplika għall-Istati Membri kkonċernati.

Artikolu 4

Komunikazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura

1.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008 l-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura ppreparati skond l-Artikolu 2.

2.   Stat Membru li ma jkunx ippreżenta Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2008 għandu jnaqqas l-isforz tas-sajd b’mill-inqas 50 % relattivament għall-isforz medju magħmul mill-2004 sa l-2006 jew inaqqas l-isforz tas-sajd sabiex jiżgura tnaqqis fil-qabdiet ta’ sallura b’mill-inqas 50 % relattivament għall-qabda medja mill-2004 sa l-2006 billi jqassar l-istaġun tas-sajd għas-sallura jew b’mezzi oħrajn. Dan it-tnaqqis għandu jiġi implimentat mill-1 ta’ Jannar 2009.

3.   It-tnaqqis fil-qabdiet stabbilit fil-paragrafu 2 jista’ jiġi sostitwit b’mod sħiħ jew parzjali b’miżuri immedjati li jikkonċernaw fatturi antropoġeniċi ta’ mortalità oħrajn, li jippermettu numru ta’ sallura tal-fidda migranti ekwivalenti għal dak li t-tnaqqis tal-qabdiet għandu jippermetti sabiex taħrab għall-baħar sabiex tbid.

Artikolu 5

Approvazzjoni u implimentazzjoni ta’ Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura

1.   Abbażi ta’ evalwazzjoni teknika u xjentifika mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd jew minn korpi xjentifiċi adegwati oħrajn, il-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

2.   L-Istati Membri għandhom jimplimentaw il-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura approvati mill-Kummissjoni skond il-paragrafu 1 mill-1 ta’ Lulju 2009, jew l-aktar kmieni possibbli qabel dik id-data.

3.   Mill-1 ta’ Lulju 2009, jew mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura qabel dik id-data, is-sajd għas-sallura ta’ l-ispeċi Anguilla anguilla għandu jkun permess matul is-sena kollha sakemm l-industrija tas-sajd tikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet u r-restrizzjonijiet stabbiliti fi Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura approvat mill-Kummissjoni skond il-paragrafu 1.

4.   Stat Membru li jkun ippreżenta Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura lill-Kummissjoni għal approvazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008, li ma jistax jiġi approvat mill-Kummissjoni skond il-paragrafu 1, għandu jnaqqas l-isforz tas-sajd b’mill-inqas 50 % relattivament għall-isforz medju użat mill-2004 sa l-2006 jew inaqqas l-isforz tas-sajd sabiex jiżgura tnaqqis fil-qabdiet ta’ sallura b’mill-inqas 50 % relattivament għall-qabda medja mill-2004 sa l-2006, billi jqassar l-istaġun tas-sajd għas-sallura jew b’mezzi oħrajn. Dan it-tnaqqis għandu jiġi implimentat fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni li ma jiġix approvat il-pjan.

5.   It-tnaqqis fil-qabdiet stabbilit fil-paragrafu 4 jista’ jiġi sostitwit b’mod sħiħ jew parzjali b’miżuri immedjati li jikkonċernaw fatturi antropoġeniċi ta’ mortalità oħrajn, li jippermettu numru ta’ sallura tal-fidda migranti ekwivalenti għal dak li t-tnaqqis tal-qabdiet jippermetti sabiex taħrab għall-baħar sabiex tbid.

6.   F’każ li l-Kummisssjoni ma tistax tapprova Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura, l-Istat Membru jista’ jippreżenta pjan rivedut fi żmien 3 xhur mid-deċiżjoni li ma jiġix approvat il-pjan.

Il-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura rivedut għandu jiġi approvat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1. L-implimentazzjoni tat-tnaqqis fil-qabdiet stabbilit fil-paragrafu 4 m’għandhiex tapplika jekk ma jiġiix approvat pjan rivedut mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Pjanijiet Transkonfinali ta’ Ġestjoni tas-Sallura

1.   Għall-baċini ta’ xmajjar tas-sallura li jestendu għat-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, l-Istati Membri involuti għandhom iħejju b’mod konġunt Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura.

Jekk il-koordinazzjoni tkun fil-periklu li tirriżulta f’tali dewmien li jsir impossibbli li l-Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura jiġi ppreżentat fil-ħin, l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura għall-parti tal-baċin ta’ xmara nazzjonali tagħhom.

2.   Fejn baċin ta’ xmara tas-sallura jestendi lil hinn mit-territorju tal-Komunità, l-Istati Membri involuti għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jiżviluppaw Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura f’koordinazzjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, u għandha tiġi rispettata l-kompetenza ta’ kwalunkwe organizzazzjoni tas-sajd rilevanti. Jekk il-pajjiżi terzi rilevanti ma jipparteċipawx fit-tħejjija konġunta ta’ Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura, l-Istati Membri konċernati jistgħu jippreżentaw Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura għall-parti tal-baċin ta’ xmara tas-sallura li jinsab fit-territorju tagħhom, bl-objettiv li jinkiseb il-livell tal-mira ta’ ħarba stabbilit fl-Artikolu 2(4).

3.   L-Artikoli 2, 4 u 5 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-pjanijiet transkonfinali msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Miżuri li jikkonċernaw ir-riforniment

1.   Jekk Stat Membru jippermetti s-sajd għal sallur iqsar minn 12 cm, kemm bħala parti minn Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura stabbilit skond l-Artikolu 2, jew bħala parti mit-tnaqqis fl-isforz tas-sajd skond l-Artikolu 4(2) jew l-Artikolu 5(4), huwa għandu jirriżerva mill-inqas 60 % tas-sallur iqsar minn 12 cm maqbud mis-sajd f’dak l-Istat Membru matul kull sena sabiex jiġi kummerċjalizzat fir-riforniment f’baċini ta’ xmajjar tas-sallur kif definit mill-Istati Membri skond l-Artikolu 2(1) għall-fini ta’ żieda tal-livelli ta’ ħarba għas-sallur tal-fidda.

2.   Is-60 % għar-riforniment għandhom jiġu ffissati fi Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura stabbilit skond l-Artikolu 2. Dan għandu jibda mill-inqas b’35 % fl-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura u għandu jiżdied b’passi ta’ mill-inqas 5 % kull sena. Il-livell ta’ 60 % għandu jinkiseb sal-31 ta’ Lulju 2013.

3.   Sabiex jiġi żgurat li l-perċentwali rispettivi stabbiliti fil-paragrafu 2, ta’ sallur iqsar minn 12 cm maqbud jintuża fi programm ta’ riforniment, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema adegwata ta’ rappurtar.

4.   It-trasferiment ta’ sallur għar-riforniment għandu jkun parti minn Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallur kif definit fl-Artikolu 2. Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallur għandhom jispeċifikaw il-kwantità ta’ sallur iqsar minn 20 cm meħtieġ għar-riforniment għall-iskop taż-żieda tal-livelli ta’ ħarba tas-sallur tal-fidda.

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Kunsill dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq għas-sallur iqsar minn 12 cm. Għal dan l-iskop l-Istati Membri konċernati għandhom jistabbilixxu sistema adegwata għall-monitoraġġ tal-prezzijiet u għandhom jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni dwar dawn il-prezzijiet.

6.   Fil-każ ta’ tnaqqis sinifikattiv tal-prezzijiet medji tas-suq għas-sallur użat għar-riforniment, imqabblin ma’ dawk tas-sallur użat għal skopijiet oħrajn, l-Istat Membru konċernat għandu jgħarraf lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002, għandha tieħu miżuri adegwati sabiex tindirizza s-sitwazzjoni, li jistgħu jinkludu tnaqqis temporanju tal-perċentwali msemmijin fil-paragrafu 2.

7.   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2011, tirrapporta lill-Kunsill u tevalwa l-miżuri li jikkonċernaw ir-riforniment inkluża l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tas-suq. Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata, fuq proposta mill-Kummissjoni dwar miżuri adegwati sabiex jiġu bbilanċjati l-miżuri li jikkonċernaw ir-riforniment filwaqt li jinkisbu l-perċentwali msemmijin fil-paragrafu 2.

8.   Ir-riforniment għandu jitqies bħala miżura ta’ konservazzjoni għall-finijiet ta’ l-Artikolu 38(2) tar-Regolament (KE) Nru 1198/2006, sakemm:

ikun parti minn Pjan ta’ Ġestjoni tas-Sallura stabbilit skond l-Artikolu 2;

jikkonċerna sallur iqsar minn 20 cm; u

jikkontribwixxi għall-kisba ta’ 40 % tal-livell ta’ ħarba mmirat kif imsemmi fl-Artikolu 2(4).

Artikolu 8

Miżuri fir-rigward ta’ ilmijiet Komunitarji

1.   Fejn Stat Membru jwettaq operazzjoni tas-sajd f’ilmijiet Komunitarji li tinvolvi l-qbid tas-sallura, l-Istat Membru għandu jnaqqas l-isforz tas-sajd b’mill-inqas 50 % relattivament għall-isforz medju użat bejn l-2004-2006 jew inaqqas l-isforz tas-sajd sabiex jiżgura tnaqqis fil-qabdiet tas-sallura b’mill-inqas 50 % relattivament għall-qabda medja mill-2004 sa l-2006. Dan it-tnaqqis għandu jintlaħaq gradwalment, inizjalment b’inkrimenti ta’ 15 % kull sena fl-ewwel sentejn fuq perijodu ta’ 5 snin, mill-1 ta’ Lulju 2009.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-ilmijiet Komunitarji huma dawk l-ilmijiet esposti għall-baħar mal-fruntiera ta’ dawk il-baċini ta’ xmajjar tas-sallura li jikkostitwixxu habitats naturali tas-sallura kif definiti mill-Istati Membri skond l-Artikolu 2(1).

Artikolu 9

Rappurtar u Evalwazzjoni

1.   Kull Stat Membru għandu jirrapporta lill-Kummissjoni, inizjalment, kull tielet sena, bl-ewwel rapport jiġi ppreżentat sat-30 ta’ Ġunju 2012. Il-frekwenza tar-rappurtar għandha tonqos għal darba kull sitt sena, wara li jiġu preżentati l-ewwel tliet rapporti triennali. Ir-rapporti għandhom jiddeskrivu l-monitoraġġ, l-effikaċja u l-eżitu, u b’mod partikolari għandhom jipprovdu l-aqwa estimi disponibbli ta’:

(a)

għal kull Stat Membru, il-proporzjon tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda li taħrab għall-baħar sabiex tbid, jew il-proporzjon tal-bijomassa tas-sallura tal-fidda li tħalli t-territorju ta’ dak l-Istat Membru bħala parti mill-migrazzjoni lejn il-baħar sabiex tbid, relattiv għal-livell ta’ ħarba mmirat stabbilit fl-Artikolu 2(4);

(b)

il-livell ta’ l-isforz tas-sajd għas-sallura kull sena, u t-tnaqqis li jsir skond l-Artikoli 4(2) u 5(4);

(ċ)

il-livell ta’ fatturi ta’ mortalità barra mis-sajd, u t-tnaqqis li jsir skond l-Artikolu 2(10);

(d)

l-ammont ta’ sallur ta’ tul iqsar minn 12 cm maqbud u l-proporzjonijiet ta’ dan utilizzat għal skopijiet differenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha, mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’evalwazzjoni statistika u xjentifika ta’ l-eżitu ta’ l-implimentazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tas-Sallura akkumpanjata bl-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd.

3.   Il-Kummissjoni għandha, fid-dawl tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, tipproponi kwalunkwe miżura adegwata sabiex jinkiseb, bi probabbiltà għolja, l-irkupru ta’ l-istokk tas-sallura Ewropea u l-Kunsill għandu jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata dwar miżuri alternattivi sabiex jinkiseb il-livell ta’ ħarba mmirat stabbilit fl-Artikolu 2(4) jew it-tnaqqis fl-isforz tas-sajd skond l-Artikoli 4(2) u 5(4).

Artikolu 10

Kontroll u infurzar f’ilmijiet diversi mill-ilmijiet Komunitarji

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ ta’ kontroll u qbid adatta għaċ-ċirkostanzi u għall-qafas legali diġà applikabbli għas-sajd intern tagħhom, li għandha tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2847/93.

2.   Is-sistema ta’ monitoraġġ ta’ kontroll u qbid għandu jkun fiha deskrizzjoni dettaljata tas-sistemi kollha ta’ allokazzjoni tad-drittijiet tas-sajd fil-baċini tax-xmara tas-sallura li jikkostitwixxu habitats naturali tas-sallura kif definit mill-Istati Membri skond l-Artikolu 2(1), inklużi ilmijiet ta’ proprjetà tal-privat.

Artikolu 11

Informazzjoni li tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd

1.   Sa l-1 ta’ Jannar 2009, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-informazzjoni li ġejja li tikkonċerna l-attivitajiet tas-sajd kummerċjali:

lista tal-bastimenti tas-sajd kollha li jtajru l-bandiera tiegħu awtorizzati sabiex jistadu għas-sallura fl-ilmijiet Komunitarji skond l-Artikolu 8, minkejja t-tul globali tal-bastiment;

lista tal-bastimenti tas-sajd kollha, l-entitajiet kummerċjali jew is-sajjieda, awtorizzati sabiex jistadu għas-sallura fil-baċini ta’ xmajjar tas-sallura li jikkostitwixxu habitats naturali tas-sallura kif definit mill-Istati Membri skond l-Artikolu 2(1);

lista taċ-ċentri ta’ l-irkant kollha, korpi jew persuni oħrajn awtorizzati mill-Istati Membri li jimpenjaw ruħhom għall-ewwel kummerċjalizzazzjoni tas-sallura.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fuq bażi regolari stima tan-numru ta’ sajjieda dilettanti u l-qabdiet ta’ sallur tagħhom.

3.   Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 12

Kontroll u infurzar dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tas-sallura

Sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2009, l-Istati Membri għandhom:

jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jidentifikaw l-oriġini u jiżguraw it-traċċabbiltà tas-sallur ħaj kollu impurtat jew esportat mit-territorju tagħhom;

jiddeterminaw jekk is-sallura maqbuda fiż-żona Komunitarja u esportata mit-territorju tagħhom inqabditx b’mod konsistenti mal-miżuri ta’ konservazzjoni Komunitarji;

jieħdu l-miżuri sabiex jiddeterminaw jekk is-sallura maqbuda fl-ilmijiet ta’ kwalunkwe organizzazzjoni rilevanti tas-sajd reġjonali u importata fit-territorju tagħhom inqabditx b’mod konsistenti mar-regoli miftiehma fl-organizzazzjoni tas-sajd reġjonali in kwistjoni.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Settembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

R. PEREIRA


(1)  Opinjoni tas-16 ta’ Mejju 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  COM(2003) 573 finali

(3)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2006/105/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 368).

(4)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Deċiżjoni Nru 2455/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 331, 15.12.2001, p. 1).

(5)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11), (ikkorreġut bil-ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6).

(6)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(7)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.


Top