Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0864

Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali ( Ruma II )

OJ L 199, 31.7.2007, p. 40–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 006 P. 73 - 82

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/864/oj

31.7.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 199/40


REGOLAMENT (KE) Nru 864/2007 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Lulju 2007

dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 61(ċ) u 67 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni tal-25 ta’ Ġunju 2007 (2),

Billi:

(1)

Il-Komunità stabbilixxiet għaliha stess l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għall-istabbiliment progressiv ta’ tali żona, il-Komunità għandha tadotta miżuri relatati mal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li jkollhom impatt trans-konfinali sa fejn ikun neċessarju għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

(2)

Skond l-Artikolu 65(b) tat-Trattat, dawn il-miżuri għandhom jinkludu dawk li jippromwovu l-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli fl-Istati Membri li jikkonċernaw il-konflitti ta’ liġijiet u ta’ ġurisdizzjoni.

(3)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa’ f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 ikkonferma l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi u deċiżjonijiet oħra ta’ awtoritajiet ġudizzjarji bħala l-pedament tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u stieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jadottaw programm ta’ miżuri sabiex jimplementaw dak il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

(4)

Fit-30 ta’ Novembru 2000, il-Kunsill adotta programm konġunt tal-Kummissjoni u l-Kunsill ta’ miżuri għall-implementazzjoni tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji ċivili u kummerċjali (3). Il-programm jidentifika miżuri li jirrelataw ma’ l-armonizzazzjoni ta’ regoli tal-konflitt ta’ liġijiet bħala dawk li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi.

(5)

Il-Programm ta’ l-Aja (4), adottat mill-Kunsill Ewropew fil-5 ta’ Novembru 2004, sejjaħ sabiex titwettaq ħidma b’mod attiv dwar ir-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”).

(6)

Il-funzjonament tajjeb tas-suq intern jeżiġi li r-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fl-Istati Membri jindikaw l-istess liġi nazzjonali irrispettivament mill-pajjiż tal-qorti li fih tkun saret il-kawża, u dan sabiex jittejbu l-prevedibbiltà tar-riżultat tal-kawżi, iċ-ċertezza dwar il-liġi applikabbli u l-moviment liberu tas-sentenzi.

(7)

Il-kamp sostantiv u d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (5) (“Brussel I”) u l-istrumenti relattivi għal-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali.

(8)

Dan ir-Regolament għandu japplika irrispettivament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal li quddiemhom tressqet it-talba.

(9)

It-talbiet li jirriżultaw minn “acta iure imperii” għandhom jinkludu talbiet magħmula kontra uffiċjali li jaġixxu f’isem l-Istat u r-responsabbiltà għal atti ta’ awtoritajiet pubbliċi, inkluża r-responsabbiltà ta’ funzjonarji pubbliċi. Għalhekk, dawn il-kwistjonijiet għandhom ikunu esklużi mill-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

(10)

Ir-relazzjonijiet familjari għandhom ikopru relazzjonijiet bejn axxendenti u dixxendenti, żwieġ, affinità u qraba kollaterali. Ir-referenza fl-Artikolu 1(2) għal relazzjonijiet b’effetti komparabbli ma’ dawk ta’ żwieġ u relazzjonijiet familjari oħrajn għandha tiġi interpretata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih tkun il-qorti li quddiemha tressqet it-talba.

(11)

Il-kunċett ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali jvarja minn Stat Membru għal ieħor. Għalhekk għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali għandu jinftiehem bħala kunċett awtonomu. Huwa meħtieġ li r-regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament ikopru wkoll obbligi mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn responsabbiltà oġġettiva.

(12)

Il-liġi applikabbli għandha tirregola wkoll il-kwistjoni tal-kapaċità ta’ persuna li tiġi attribwita reponsabbilta’ fil-każ ta’ delitt jew kważi-delitt ċivili.

(13)

Regoli uniformi, applikati irrispettivament mil-liġi li huma jinvokaw, jistgħu jevitaw ir-riskju ta’ distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn litiganti Komunitarji.

(14)

Ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali u l-ħtieġa li ssir ġustizzja f’każijiet individwali huma elementi essenzjali f’qasam tal-ġustizzja. Dan ir-Regolament jipprevedi l-fatturi ta’ rabta li huma l-aktar adatti sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi. Għalhekk, dan ir-Regolament jipprevedi regola ġenerali iżda wkoll regoli speċifiċi u, f’ċerti dispożizzjonijiet, “klawsola liberatorja” li tippermetti deroga minn dawn ir-regoli fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament marbut aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor. Dan il-grupp ta’ regoli b’hekk joħloq qafas flessibbli ta’ regoli dwar il-konflitt ta’ liġijiet. Bl-istess mod, jagħti s-setgħa lill-qorti li quddiemha tressqet it-talba sabiex tittratta kull każ individwali b’mod adatt.

(15)

Il-prinċipju ta’ “lex loci delicti commissi” huwa s-soluzzjoni bażika għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali fi kważi l-Istati Membri kollha, iżda l-applikazzjoni prattika tal-prinċipju fejn l-elementi tal-każ ikunu mifruxa f’diversi pajjiżi tvarja. Din is-sitwazzjoni hija sors ta’ inċertezza dwar il-liġi applikabbli.

(16)

Regoli uniformi għandhom itejbu l-prevedibbiltà tad-deċiżjonijiet tal-qrati u jiżguraw bilanċ raġonevoli bejn l-interessi tal-persuna allegatament responsabbli u dawk tal-persuna li ġarrbet id-dannu. Konnessjoni mal-pajjiż fejn seħħ id-dannu dirett (lex loci damni) toħloq bilanċ ġust bejn l-interessi tal-persuna miżmuma responsabbli u tal-persuna li ġġarrab id-dannu, u tirrifletti wkoll l-approċċ modern tar-responsabbiltà ċivili u l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ responsabbiltà oġġettiva.

(17)

Il-liġi applikabbli għandha tiġi determinata abbażi ta’ fejn iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn jistgħu jseħħu l-konsegwenzi indiretti. Għaldaqstant, f’każijiet ta’ korriment personali jew ta’ dannu lill-proprjetà, il-pajjiż fejn seħħ id-dannu għandu jkun il-pajjiż fejn kien sostnut il-korriment jew fejn sar dannu lill-proprjetà rispettivament.

(18)

Ir-regola ġenerali f’dan ir-Regolament għandha tkun il-“lex loci damni” prevista fl-Artikolu 4(1). L-Artikolu 4(2) għandu jitqies bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju ġenerali, li joħloq konnessjoni speċjali fejn il-partijiet ikollhom ir-residenza abitwali fl-istess pajjiż. L-Artikolu 4(3) għandu jinftiehem bħala “klawżola ta’ salvagwardja” mill-Artikolu 4(1) u (2) fejn ikun ċar miċ-ċirkostanzi kollha tal-każ li d-delitt/kważi-delitt ċivili jkun b’mod ċar iżjed marbut mill-qrib ma’ pajjiż ieħor.

(19)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċifiċi għal delitti/kważi-delitti ċivili speċjali fejn ir-regola ġenerali ma tippermettix li jintlaħaq bilanċ raġonevoli bejn l-interessi litigati.

(20)

Ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet, għal dak li jirrigwarda r-responsabbiltà għal dannu minn prodotti, għandha tilħaq l-objettivi li r-riskji inerenti f’soċjetà moderna ta’ teknoloġija avvanzata jinfirxu b’mod ġust, li tiġi protetta s-saħħa tal-konsumaturi, li tiġi stimulata l-innovazzjoni, li tiġi ggarantita l-kompetizzjoni mhux distorta u li jiġi ffaċilitat il-kummerċ. Il-ħolqien ta’ sistema kaskata ta’ fatturi ta’ konnessjoni, flimkien ma’ klawżola ta’ prevedibbiltà, hija soluzzjoni bbilanċjata fir-rigward ta’ dawn l-objettivi. L-ewwel element li jrid jittieħed kont tiegħu huwa l-liġi tal-pajjiż li fih il-persuna li ssofri d-dannu jkollha r-residenza abitwali tagħha meta jsir id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż. L-elementi l-oħra tal-kaskata jiskattaw jekk il-prodott ma kienx kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2) u għall-possibbiltà ta’ konnessjoni manifestament aktar stretta ma’ pajjiż ieħor.

(21)

Ir-regola speċjali fl-Artikolu 6 mhijiex eċċezzjoni għar-regola ġenerali fl-Artikolu 4(1) iżda hija pjuttost kjarifika tagħha. Fi kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni żleali, ir-regola dwar il-konflitt ta’ liġijiet għandha tipproteġi l-kompetituri, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali u tiżgura li l-ekonomija tas-suq tiffunzjona sew. Il-konnessjoni mal-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet kompetittivi jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta ġeneralment tissodisfa dawn l-objettivi.

(22)

L-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jiġu mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Artikolu 6(3) għandhom ikopru ksur kemm tal-liġi nazzjonali tal-kompetizzjoni kif ukoll tal-liġi Komunitarja tal-kompetizzjoni. Il-liġi applikabbli għal tali obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn is-suq ikun, jew probabbilment ikun, milqut. F’każijiet fejn s-suq ikun, jew probabbilment ikun, milqut f’aktar minn pajjiż wieħed, l-attur għandu jkun jista’, f’ċerti ċirkostanzi, jagħżel li jibbaża t-talba tiegħu fuq il-liġi tal-qorti li quddiemha tressqet it-talba.

(23)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni jkopri projbizzjonijiet ta’ ftehim bejn impriżi, ta’ deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u ta’ prattika miftiehma li jkollhom bħala oġġett jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan Stat Membru jew fi ħdan is-suq intern, kif ukoll projbizzjonijiet ta’ l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fi ħdan Stat Membru jew fi ħdan is-suq intern, fejn dawn il-ftehim, deċiżjonijiet, prattika miftiehma jew abbużi jkunu projbiti mill-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat jew mil-liġi ta’ Stat Membru.

(24)

Huwa meħtieġ li “dannu ambjentali” tkun tfisser bidla avversa f’riżors naturali, bħall-ilma, l-art jew l-arja, jew indeboliment ta’ funzjoni mwettqa minn dak ir-riżors naturali għall-benefiċċju ta’ riżors naturali ieħor jew tal-pubbliku, jew indeboliment tal-varjabbiltà fost organiżmi ħajjin

(25)

Fir-rigward ta’ danni ambjentali, l-Artikolu 174 tat-Trattat, li jipprovdi li għandu jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva, il-prinċipju ta’ prijorità għal azzjoni korrettiva fis-sors u l-prinċipju li min iniġġes iħallas, jiġġustifika bis-sħiħ l-użu tal-prinċipju ta’ diskriminazzjoni favur il-persuna li ssofri d-dannu. Il-kwistjoni dwar meta l-persuna li tfittex il-kumpens tista’ tagħmel l-għażla tal-liġi applikabbli għandha tiġi determinata skond il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn tkun il-qorti li quddiemha tressqet it-talba.

(26)

Fir-rigward ta’ ksur ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, għandu jinżamm il-prinċipju ta’ lex loci protectionis rikonoxxut universalment. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu “drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” għandu jiġi interpretat bħala li jfisser, per eżempju, id-dritt ta’ l-awtur, id-drittijiet relatati, id-dritt sui generis għall-protezzjoni ta’ databases u d-drittijiet ta’ proprjetà industrijali.

(27)

Il-kunċett preċiż ta’ azzjoni industrijali, bħal azzjoni ta’ “strike” jew ta’ qfil tal-ħaddiema barra mill-post tax-xogħol, ivarja minn Stat Membru għal ieħor u huwa regolat mir-regoli interni ta’ kull Stat Membru. Għalhekk, dan ir-Regolament jassumi bħala prinċipju ġenerali li għandha tapplika l-liġi tal-pajjiż fejn tittieħed l-azzjoni industrijali, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet u l-obbligazzjonijiet tal-ħaddiema u ta’ min iħaddem.

(28)

Ir-regola speċjali dwar azzjoni industrijali fl-Artikolu 9 hija mingħajr preġudizzju għall-kondizzjonijiet relatati ma’ l-eżerċizzju ta’ tali azzjoni skond il-liġi nazzjonali u mingħajr preġudizzju għall-istatus legali ta’ l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-ħaddiema jew tat-trade unions kif previst fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri.

(29)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli speċjali għal meta d-dannu jirriżulta minn att divers minn delitt jew kważi-delitt ċivili, bħal fil-każijiet ta’ arrikkiment inġust, negotiorum gestio u culpa in contrahendo.

(30)

Il-kunċett ta’ culpa in contrahendo għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament huwa kunċett awtonomu u m’għandux neċessarjament jiġi interpretat fis-sens tal-liġi nazzjonali. Huwa għandu jinkludi l-vjolazzjoni ta’ l-obbligu ta’ l-iżvelar u l-falliment ta’ negozjati kuntrattwali. L-Artikolu 12 ikopri biss obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jippreżentaw konnessjoni diretta ma’ relazzjonijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt. Dan ifisser li jekk, waqt li qiegħed jiġi negozjat kuntratt, persuna ssofri dannu personali, għandu japplika l-Artikolu 4 jew dispożizzjonijiet relevanti oħra ta’ dan ir-Regolament.

(31)

Sabiex ikun rispettat il-prinċipju ta’ l-awtonomija ta’ kull parti u sabiex tittejjeb iċ-ċertezza ġuridika, għandu jkun permess lill-partijiet li jagħmlu għażla fir-rigward tal-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali. Din l-għażla għandha tiġi espressa jew manifestata b’ċertezza raġonevoli miċ-ċirkostanzi tal-każ. Fejn tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ftehim, il-qorti għandha tirrispetta l-intenzjonijiet tal-partijiet. Għandha tingħata protezzjoni lill-partijiet l-iżjed dgħajfa billi jiġu imposti ċerti kondizzjonijet fuq l-għażla.

(32)

Il-konsiderazzjonijiet ta’ l-interess pubbliku jiġġustifikaw il-possibbiltà mogħtija lill-qrati ta’ l-Istati Membri li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, japplikaw eċċezzjonijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta’ l-ordni pubbliku u fuq dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti. B’mod partikolari, l-applikazzjoni, ta’ dispożizzjoni tal-liġi indikata minn dan ir-Regolament, li jkollha l-effett li tikkawża l-impożizzjoni ta’ danni, eżemplari jew punittivi, mhux kompensatorji ta’ natura eċċessiva tista’, skond iċ-ċirkostanzi tal-każ u s-sistema ġuridika ta’ l-Istat Membru tal-qorti li quddiemha tressqet it-talba, tiġi meqjusa bħala kuntrarja għall-ordni pubbliku (“ordre public”) tal-forum.

(33)

Skond ir-regoli nazzjonali attwali dwar kumpens mogħti lill-vittmi ta’ inċidenti tat-traffiku tat-triq, fil-kwantifikazzjoni ta’ danni għal korriment personali f’każijiet fejn l-aċċident iseħħ fi Stat divers minn dak tar-residenza abitwali tal-vittma, il-qorti li quddiemha tressqet it-talba għandha tieħu kont taċ-ċirkostanzi reali rilevanti kollha tal-vittma speċifika, inklużi partikolarment id-danni reali u l-ispejjeż ta’ kura post-operatorja u ta’ l-attenzjoni medika.

(34)

Sabiex jintlaħaq bilanċ raġonevoli bejn il-partijiet, għandu jittieħed kont, safejn ikun xieraq, tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ kondotta fis-seħħ fil-pajjiż li fih twettaq l-att dannuż, anke fejn l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali tkun regolata minn liġi ta’ pajjiż ieħor. It-terminu “regoli ta’ sigurtà u ta’ kondotta” għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi għar-regolamenti kollha li jkollhom kwalunkwe relazzjoni mas-sigurtà u l-kondotta, inklużi, per eżempju, ir-regoli tas-sigurtà fit-triq f’każ ta’ aċċident.

(35)

Għandha tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn ir-regoli tal-konflitt ta’ liġijiet ikunu dispersi fost diversi strumenti u fejn ikunu jeżistu differenzi bejn dawk ir-regoli. Dan ir-Regolament, madankollu, ma jeskludix il-possibbiltà ta’ inklużjoni ta’ regoli tal-konflitt ta’ liġijiet relatati ma’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ materji partikolari.

Dan ir-Regolament m’għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ strumenti oħra li jistabbilixxu dispożizzjonijiet imfasslin sabiex jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern sa fejn ma jkunux jistgħu jiġu applikati flimkien mal-liġi indikata mir-regoli ta’ dan ir-Regolament. L-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi applikabbli indikata mir-regoli ta’ dan ir-Regolament ma għandhiex tirrestrinġi l-moviment liberu ta’ merkanzija u ta’ servizzi kif regolat mill-istrumenti Komunitarji, bħad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi tas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (6).

(36)

Ir-rispett għall-impenji internazzjonali li assumew l-Istati Membri jfisser li dan ir-Regolament m’għandux jinċidi fuq il-konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu partijiet xi Stat Membru wieħed jew iżjed fid-data meta dan ir-Regolament jiġi adottat. Sabiex tagħmel ir-regoli aktar aċċessibbli, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-konvenzjonijiet relevanti fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

(37)

Il-Kummissjoni sejra tagħmel proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fir-rigward tal-proċeduri u l-kondizzjonijiet skond liema l-Istati Membri jkunu intitolati jinnegozjaw u jikkonkludu f’isimhom ftehim ma’ pajjiżi terzi f’każi individwali u eċċezzjonali, li jikkonċernaw kwistjonijiet settorjali, li jinkludu dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali.

(38)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk, minħabba l-iskala ta’ azzjoni u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(39)

Konformement ma’ l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta’ l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ir-Renju Unit u l-Irlanda qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(40)

Konformement ma’ l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

AMBITU TA’ APPLIKAZZJONI

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, f’sitwazzjonijiet li jinvolvu konflitt ta’ liġijiet, għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali f’materji ċivili u kummerċjali. Huwa ma għandux japplika, b’mod partikolari, għal materji fiskali, doganali u amministrativi jew għar-responsabbiltà ta’ l-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità ta’ l-Istat (“acta iure imperii”).

2.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

(a)

obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn relazzjonijiet familjari u relazzjonijiet li skond il-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet ikollhom effetti komparabbli, inklużi obbligazzjonijiet ta’ manteniment;

(b)

obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn reġimi matrimonjali, minn reġimi patrimonjali ta’ relazzjonijiet li skond il-liġi applikabbli għal tali relazzjonijiet għandhom effetti komparabbli ma’ dawk taż-żwieġ, u mis-suċċessjoni;

(ċ)

obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn kambjali, ċekkijiet u noti promissorji u strumenti negozjabbli oħra sa fejn l-obbligazzjonijiet taħt tali strumenti negozjabbli oħra jirriżultaw mill-karattru negozjabbli tagħhom;

(d)

obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw mil-liġi dwar il-kumpanniji u dwar korpi oħra, ġuridiċi jew mhux inkorporati, li jirrigwardaw materji bħall-ħolqien, permezz tar-reġistrazzjoni jew b’mod ieħor, il-kapaċità ġuridika, l-organizzazzjoni interna jew l-istralċ ta’ kumpanniji u ta’ korpi oħra ġuridiċi jew mhux inkorporati, ir-responsabbiltà personali ta’ uffiċjali u ta’ membri simili għall-obbligazzjonijiet tal-kumpannija jew tal-korp u r-responsabbiltà personali ta’ awdituri lejn kumpannija jew lejn il-membri tagħha fil-verifiki statutorji ta’ dokumenti ta’ kontabbiltà;

(e)

obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn relazzjonijiet bejn is-settlors, it-trustees jew il-benefiċjarji ta’ trust maħluq volontarjament;

(f)

obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn dannu nukleari;

(g)

obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn vjolazzjonijiet tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità, inkluża d-diffamazzjoni.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-prova u għall-proċedura, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 21 u 22.

4.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru minbarra d-Danimarka.

Artikolu 2

Obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, dannu għandu jkopri kwalunkwe konsegwenza li tirriżulta minn delitt/kważi-delitt ċivili, arrikkiment inġust, negotiorum gestio jew culpa in contrahendo.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li probabbilment jirriżultaw.

3.   Kwalunkwe referenza f’dan ir-Regolament għal:

(a)

avveniment li jwassal għal dannu għandu jinkludi avvenimenti, li jwasslu għal dannu, li probabbilment iseħħu; u

(b)

dannu għandu jinkludi dannu li probabbilment iseħħ.

Artikolu 3

Applikazzjoni universali

Kwalunkwe liġi speċifikata minn dan ir-Regolament għandha tiġi applikata kemm jekk tkun l-liġi ta’ Stat Membru kif ukoll jekk ma tkunx.

KAPITOLU II

DELITTI JEW KWAŻI-DELITTI ĊIVILI

Artikolu 4

Regola ġenerali

1.   Sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn delitt jew kważi-delitt ċivili għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu irrispettivament mill-pajjiż fejn seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi fejn iseħħu l-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment.

2.   Madankollu, fejn kemm l-persuna allegatament responsabbli kif ukoll il-persuna li ssofri d-dannu ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż fil-mument meta jseħħ id-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.   Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1 jew 2, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.

Artikolu 5

Responsabbiltà għal dannu minn prodotti

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn dannu kawżat minn prodott għandha tkun:

(a)

il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna li ssofri d-dannu kellha r-residenza abitwali tagħha meta seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din,

(b)

il-liġi tal-pajjiż minn fejn kien akkwistat il-prodott, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż; jew, fin-nuqqas ta’ din,

(ċ)

il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ id-dannu, jekk il-prodott kien kummerċjalizzat f’dak il-pajjiż.

Madankollu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn il-persuna allegatament responsabbli tkun abitwalment residenti jekk ma setgħetx raġonevolment tipprevedi l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, jew ta’ prodott ta’ l-istess tip, fil-pajjiż li l-liġi tiegħu tkun applikabbli taħt (a), (b) jew (ċ).

2.   Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li d-delitt jew kważi-delitt ċivili huwa manifestament konness aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafu 1, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor. Konnessjoni manifestament aktar mill-qrib ma’ pajjiż ieħor tista’ tkun ibbażata b’mod partikolari fuq relazzjoni pre-eżistenti bejn il-partijiet, bħal kuntratt, li tkun konnessa mill-qrib mad-delitt jew kważi-delitt ċivili in kwistjoni.

Artikolu 6

Kompetizzjoni żleali u atti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni libera

1.   Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att ta’ kompetizzjoni żleali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn ir-relazzjonijiet ta’ kompetittività jew l-interessi kollettivi tal-konsumaturi ikunu, jew probabbilment jiġu, milquta.

2.   Fejn att ta’ kompetizzjoni żleali jolqot esklussivament l-interessi ta’ kompetitur speċifiku, għandu japplika l-Artikolu 4.

3.

a)

Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn restrizzjoni ta’ kompetizzjoni għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn is-suq ikun, jew probabbilment ikun, milqut.

b)

Fejn is-suq ikun, jew probabbilment ikun, milqut f’aktar minn pajjiż wieħed, il-persuna li tfittex kumpens għal dannu li tħarrek fil-qorti tad-domiċilju tal-konvenut, tista’ minflok tagħżel li tibbaża t-talba tagħha fuq il-liġi tal-qorti li quddiemha tressqet it-talba, sakemm is-suq f’dak l-Istat Membru ikun fost dawk direttament u sostanzjalment milquta mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni li minnha tirriżulta l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li fuqha tkun ibbażata t-talba; fejn l-attur iħarrek, skond ir-regoli applikabbli ta’ ġurisdizzjoni, aktar minn konvenut wieħed f’dik il-qorti, huwa jista’ jagħżel biss li jibbaża t-talba tiegħu fuq il-liġi ta’ dik il-qorti jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, li fuqha tistrieħ it-talba kontra kull wieħed minn dawn l-konvenuti, direttament u sostanzjalment tolqot ukoll lis-suq ta’ l-Istat Membru ta’ dik il-qorti.

4.   Il-liġi applikabbli taħt dan l-Artikolu ma tistax tiġi derogata b’xi ftehim skond l-Artikolu 14.

Artikolu 7

Dannu ambjentali

Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn dannu ambjentali jew dannu sostnut minn persuni jew proprjetà bħala riżultat ta’ tali dannu għandha tkun il-liġi stabbilita skond l-Artikolu 4(1), sakemm il-persuna li titlob kumpens għad-dannu ma tagħżilx li tibbaża t-talba tagħha fuq il-liġi tal-pajjiż li fih ikun seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu.

Artikolu 8

Ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

1.   Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li għalih tkun intalbet il-protezzjoni.

2.   Fil-każ ta’ obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn ksur ta’ dritt Komunitarju unitarju ta’ proprjetà intellettwali, il-liġi applikabbli għandha tkun, għal kwalunkwe kwistjoni mhux regolata mill-istrument Komunitarju relevanti, il-liġi tal-pajjiż fejn ikun seħħ il-ksur.

3.   Il-liġi applikabbli taħt dan l-Artikolu ma tistax tiġi derogata b’xi ftehim skond l-Artikolu 14.

Artikolu 9

Azzjoni industrijali

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(2), il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ persuna fil-kapaċità ta’ ħaddiem jew ta’ persuna li tħaddem jew ta’ l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi professjonali tagħhom għal danni kawżati b’azzjoni industrijali, pendenti jew eżegwita, għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn l-azzjoni tkun sejra titwettaq jew diġà twettqet.

KAPITOLU III

ARRIKKIMENT INĠUST, NEGOTIORUM GESTIO U CULPA IN CONTRAHENDO

Artikolu 10

Arrikkiment inġust

1.   Jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn arrikkiment inġust, inkluż il-pagament ta’ ammonti indebitament riċevuti, tikkonċerna relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet, bħal waħda li tirriżulta minn kuntratt jew delitt jew kważi-delitt ċivili, li tkun konnessa mill-qrib ma’ dak l-arrikkiment inġust, dik l-obbligazzjoni għandha tkun regolata mil-liġi li tirregola dik ir-relazzjoni.

2.   Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tkun determinata abbażi tal-paragrafu 1 u l-partijiet għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż meta jseħħ l-avveniment li jwassal għall-arrikkiment inġust, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.   Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tiġi determinata abbażi tal-paragrafi 1 jew 2, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi tal-pajjiż li fih ikun seħħ l-arrikkament inġust.

4.   Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn arrikkament inġust hija manifestament konnessa aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1, 2 u 3, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

Artikolu 11

Negotiorum gestio

1.   Jekk obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att imwettaq mingħajr l-awtorità debita b’konnessjoni ma’ l-affarijiet ta’ persuna oħra tikkonċerna relazzjoni eżistenti bejn il-partijiet, bħal waħda li tirriżulta minn kuntratt jew delitt jew kważi-delitt ċivili, li tkun konnessa mill-qrib ma’ dik l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali, din għandha tkun regolata mil-liġi li tirregola dik ir-relazzjoni.

2.   Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tiġi determinata abbażi tal-paragrafu 1, u l-partijiet ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu, il-liġi applikabbli għandha tkun il-liġi ta’ dak il-pajjiż.

3.   Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tiġi determinata abbażi tal-paragrafi 1 jew 2, hija għandha tkun il-liġi tal-pajjiż fejn twettaq l-att.

4.   Fejn ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn att imwettaq mingħajr l-awtorità debita b’konnessjoni ma’ l-affarijiet ta’ persuna oħra hija manifestament konnessa aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-paragrafi 1, 2 u 3, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

Artikolu 12

Culpa in contrahendo

1.   Il-liġi applikabbli għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn relazzjonijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt, irrispettivament minn jekk il-kuntratt kienx fil-fatt ġie konkluż jew le, għandha tkun il-liġi li tapplika għall-kuntratt jew li kienet tkun applikabbli għalih kieku ġie konkluż.

2.   Fejn il-liġi applikabbli ma tistax tiġi determinata abbażi tal-paragrafu 1, hija għandha tkun:

(a)

il-liġi tal-pajjiż li fih iseħħ id-dannu, irrispettivament mill-pajjiż li fih seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu u irrispettivament mill-pajjiż jew pajjiżi li fihom seħħew il-konsegwenzi indiretti ta’ dak l-avveniment, jew

(b)

fejn il-partijiet ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom fl-istess pajjiż meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu, il-liġi ta’ dak il-pajjiż, jew

(ċ)

ikun jidher ċar miċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali li tirriżulta minn relazzjonijiet qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt hija manifestament konnessa aktar mill-qrib ma’ pajjiż divers minn dak indikat fil-punti (a) u (b), il-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

Artikolu 13

L-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 8

Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Artikolu 8 għandu japplika għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.

KAPITOLU IV

IL-LIBERTÀ TA’ L-GĦAŻLA

Artikolu 14

Il-libertà ta’ l-għażla

1.   Il-partijiet jistgħu jiftiehmu li jissottoponu obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali għal liġi magħżula minnhom:

(a)

bi ftehim konkluż wara li jkun seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu li sar;

jew

(b)

fejn il-partijiet kollha jeżerċitaw attività kummerċjali, ukoll bi ftehim liberament negozjat qabel ma jkun seħħ l-avveniment li wassal għad-dannu li sar.

L-għażla għandha tkun espressa jew manifestata b’mod raġonevolment ċert miċ-ċirkostanzi tal-każ u m’għandhiex tippreġudika d-drittijiet ta’ partijiet terzi.

2.   Fejn l-elementi kollha pertinenti għas-sitwazzjoni fil-mument meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu jkunu jinsabu f’pajjiż divers mill-pajjiż li tiegħu ġiet magħżula l-liġi, l-għażla tal-partijiet ma għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ dak il-pajjiż ieħor li minnhom dik il-liġi ma tippermettix deroga permezz ta’ ftehim.

3.   Fejn l-elementi kollha pertinenti għas-sitwazzjoni fil-mument meta jseħħ l-avveniment li jwassal għad-dannu jkunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew f’aktar, l-għażla tal-partijiet ta’ liġi applikabbli li ma tkunx dik ta’ Stat Membru ma għandiex tippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja, fejn ikun il-każ, kif implementata fl-Istat Membru tal-forum, li minnhom ma tkunx permessa deroga permezz ta’ ftehim.

KAPITOLU V

REGOLI KOMUNI

Artikolu 15

L-ambitu tal-liġi applikabbli

Il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tirregola b’mod partikolari:

(a)

il-bażi u l-medda tar-responsabbiltà, inkluża d-determinazzjoni ta’ persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għal atti mwettqa minnhom;

(b)

ir-raġunijiet għal eżenzjoni mir-responsabbiltà, kwalunkwe limitazzjoni tar-responsabbiltà u kwalunkwe diviżjoni tar-responsabbiltà;

(ċ)

l-eżistenza, in-natura u l-istima tad-danni jew ir-rimedju mitlub;

(d)

fil-limiti tas-setgħat mogħtija lill-qorti mil-liġi proċedurali tagħha, il-miżuri li qorti tista’ tieħu għall-prevenzjoni jew għat-terminazzjoni ta’ leżjoni jew dannu jew sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ kumpens;

(e)

il-kwistjoni dwar jekk jistax jiġi trasferit jedd għal indenniz jew riparazzjoni, anke permezz ta’ wirt;

(f)

il-persuni intitolati għal kumpens għal dannu subit personalment;

(g)

ir-responsabbiltà għall-atti ta’ persuna oħra;

(h)

il-mod li bih tista’ tispiċċa obbligazzjoni u r-regoli ta’ preskrizzjoni u limitazzjoni, inklużi regoli relatati mal-bidu, ma’ l-interruzzjoni u mas-sospensjoni ta’ perjodu ta’ preskrizzjoni jew limitazzjoni.

Artikolu 16

Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti

F’dan ir-Regolament xejn m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn huma jkunu obbligatorji irrispettivament mil-liġi li diversament kienet tkun applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali.

Artikolu 17

Regoli ta’ sigurtà u ta’ kondotta

Fl-eżami tal-komportament tal-persuna allegatament responsabbli, għandu jittieħed kont, bħala fatt u sa fejn ikun xieraq, tar-regoli ta’ sigurtà u ta’ kondotta li kienu fis-seħħ fil-post u fil-mument ta’ l-avveniment li wassal għar-responsabbiltà.

Artikolu 18

Azzjoni diretta kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli

Il-persuna li tkun sofriet id-dannu tista’ tressaq it-talba tagħha direttament kontra l-assiguratur tal-persuna responsabbli sabiex jipprovdi l-kumpens jekk hekk ikun previst mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali jew mill-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ assigurazzjoni.

Artikolu 19

Surroga

Fejn persuna (“il-kreditur”) ikollha talba mhux kuntrattwali kontra oħra (“id-debitur”), u persuna terza jkollha dmir li tissodisfa lill-kreditur, jew tkun fil-fatt issodisfat lill-kreditur fit-twettiq ta’ dak id-dmir, il-liġi li tirregola d-dmir tal-persuna terza li tissodisfa lill-kreditur għandha tiddetermina jekk, u sa liema punt, il-persuna terza tkun intitolata teżerċita kontra d-debitur id-drittijiet li l-kreditur kellu kontra d-debitur taħt il-liġi li tirregola r-relazzjoni tagħhom.

Artikolu 20

Responsabbiltà multipla

Jekk kreditur ikollu talba kontra diversi debituri li jkunu responsabbli għall-istess talba, u wieħed mid-debituri diga’ ssodisfa t-talba totalment jew parzjalment, il-kwistjoni tal-jedd ta’ dak id-debitur li jitlob kumpens mid-debituri l-oħra għandha tkun regolata mill-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni mhux kuntrattwali ta’ dak id-debitur lejn il-kreditur.

Artikolu 21

Validità formali

Att unilaterali maħsub sabiex ikollu effett ġuridiku u relattiv għal obbligazzjoni mhux kuntrattwali għandu jkun formalment validu jekk jissodisfa r-rekwiżiti formali tal-liġi li tirregola l-obbligazzjoni mhux kuntrattwali in kwistjoni jew il-liġi tal-pajjiż fejn isir l-att.

Artikolu 22

L-oneru tal-prova

1.   Il-liġi li tirregola obbligazzjoni mhux kuntrattwali taħt dan ir-Regolament għandha tapplika sa fejn, f’materji ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, hija tipprovdi regoli li jistabbilixxu preżunzjonijiet tal-liġi jew li jiddeterminaw l-oneru tal-prova.

2.   Atti attribwiti effett ġuridiku jistgħu jiġu provati bi kwalunkwe mezz ta’ prova rikonoxxut mil-liġi tal-forum jew minn kwalunkwe waħda mil-liġijiet imsemmija fl-Artikolu 21 li taħtha dak l-att ikun formalment validu, sakemm tali prova tkun tista’ tinġieb fil-forum.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET OĦRA

Artikolu 23

Residenza abitwali

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-residenza abitwali ta’ kumpanniji u ta’ korpi oħra, ġuridiċi jew mhux inkorporati, għandha tkun il-post ta’ l-amministrazzjoni ċentrali.

Fejn l-avveniment li jirriżulta fid-dannu jseħħ, jew id-dannu jirriżulta, waqt l-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ fergħa, aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor, il-post fejn il-fergħa, l-aġenzija jew kwalunkwe stabbiliment ieħor ikunu jinsabu għandu jitqies bħala l-post tar-residenza abitwali.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-residenza abitwali ta’ persuna fiżika li taġixxi fl-eżerċizzju ta’ l-attività ta’ negozju tagħha għandha tkun il-post prinċipali ta’ negozju tagħha.

Artikolu 24

Esklużjoni ta’ renvoi

L-applikazzjoni ta’ liġi, ta’ kwalunkwe pajjiż, speċifikata minn dan ir-Regolament tfisser l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi fis-seħħ f’dak il-pajjiż diversi mir-regoli tad-dritt internazzjonali privat tiegħu.

Artikolu 25

Stati b’aktar minn sistema legali waħda

1.   Fejn Stat jinkludi diversi unitajiet territorjali, b’kull waħda minnhom bir-regoli legali tagħha fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali, kull unità territorjali għandha titqies bħala pajjiż għall-finijiet ta’ l-identifikazzjoni tal-liġi applikabbli taħt dan ir-Regolament.

2.   Stat Membru li fih unitajiet territorjali differenti ikollhom ir-regoli legali proprji tagħhom fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali ma għandux ikun meħtieġ li japplika dan ir-Regolament għal konflitti bejn il-liġijiet ta’ tali unitajiet biss.

Artikolu 26

L-ordni pubbliku tal-forum

L-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ liġi, ta’ kwalunkwe pajjiż, speċifikata minn dan ir-Regolament tista tiġi eskluża biss jekk tali applikazzjoni tkun manifestament inkompatibbli ma’ l-ordni pubbliku (“ordre public”) tal-forum.

Artikolu 27

Ir-relazzjoni ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-liġi Komunitarja

Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li, relattivament għal materji partikolari, jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali.

Artikolu 28

Ir-relazzjoni ma’ konvenzjonijiet internazzjonali eżistenti

1.   Dan ir-Regolament ma għandux jippreġudika l-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom Stat Membru wieħed jew aktar ikunu Partijiet fiż-żmien meta jiġi adottat dan ir-Regolament u li jistabbilixxu regoli tal-konflitt ta’ liġijiet fir-rigward ta’ obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali.

2.   Madankollu, bejn l-Istati Membri, dan ir-Regolament għandu jipprevalixxi fuq konvenzjonijiet konklużi esklussivament bejn tnejn jew aktar minnhom sa fejn tali konvenzjonijiet jikkonċernaw materji regolati minn dan ir-Regolament.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Lista ta’ konvenzjonijiet

1.   Sal-11 ta’ Lulju 2008, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ konvenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 28(1). Wara dik id-data, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bid-denunzji kollha ta’ tali konvenzjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni għandha, fi żmien sitt xhur mir-riċezzjoni, tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea:

(i)

lista tal-konvenzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1;

(ii)

id-denunzji msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 30

Klawsola ta’ reviżjoni

1.   Mhux aktar tard mill-20 ta’ Awwissu 2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jekk ikun meħtieġ, ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposti għall-adattament ta’ dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jinkludi:

(i)

studju dwar l-effetti tal-mod li bih liġi barranija tiġi trattata fil-ġurisdizzjonijiet differenti u dwar il-miżura sa fejn il-qrati fl-Istati Membri japplikaw liġi barranija fil-prattika skond dan ir-Regolament;

(ii)

studju dwar l-effetti ta’ l-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-Konvenzjoni ta’ l-Aja ta’ l-4 ta’ Mejju 1971 dwar il-liġi applikabbli għall-aċċidenti tat-traffiku.

2.   Mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew studju dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tal-liġi applikabbli għal obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali li jirriżultaw minn vjolazzjonijiet tal-privatezza u ta’ drittijiet marbuta mal-personalità, b’kont meħud ta’ regoli relatati mal-liberta’ ta’ l-istampa u l-libertà ta’ l-espressjoni fil-media, u kwistjonijiet dwar il-konflitt ta’ liġijiet relatati mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (7).

Artikolu 31

Regola temporali relattiva għall-applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal avvenimenti li jwasslu għal dannu li jseħħu wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 32

Id-data ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-11 ta’ Jannar 2009, ħlief għall-Artikolu 29, li għandu japplika mill-11 ta’ Lulju 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Strasburgu, 11 ta’ Lulju 2007.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

M. LOBO ANTUNES


(1)  ĠU C 241, 28.9.2004, p. 1.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2005 (ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 371), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-25 ta' Settembru 2006 (ĠU C 289 E, 28.11.2006, p. 68) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2007 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Riżoluzzjoni Leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew ta' l-10 ta' Lulju 2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2007.

(3)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 1.

(4)  ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(5)  ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(6)  ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.

(7)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klawsola ta' reviżjoni (artikolu 30)

Il-Kummissjoni, wara l-istedina tal-Parlament u tal-Kunsill fil-qafas ta' l-Artikolu 30 tar-Regolament “Ruma II”, ser tressaq, mhux aktar tard minn Diċembru ta' l-2008, studju dwar is-sitwazzjoni fil-qasam tal-liġi applikabbli għal obbligi mhux kuntrattwali li joħorġu minn ksur tal-privatezza u ta' drittijiet marbuta mal-personalità. Il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni u tieħu miżuri xierqa jekk dawn ikun meħtieġa.


Top