Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0168

168/2007/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal- 15 ta' Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali

OJ L 53, 22.2.2007, p. 1–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
OJ L 4M , 8.1.2008, p. 117–130 (MT)
Special edition in Croatian: Chapter 01 Volume 004 P. 83 - 96

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/168/oj

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

117


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 168/2007

tal-15 ta' Frar 2007

li jistabbilixxi Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea hija msejsa fuq il-prinċipji tal-libertà, id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-istat tad-dritt, li huma valuri komuni għall-Istati Membri.

(2)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea (2), meta jinżammu preżenti l-istatus u l-kamp ta' applikazzjoni tagħha, u l-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjawha, tirrifletti d-drittijiet kif jirriżultaw, b'mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u l-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati Komunitarji, il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-karti soċjali adottati mill-Komunità u mill-Kunsill ta' l-Ewropa u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(3)

Il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi Komunitarja.

(4)

Tagħrif akbar u għarfien aktar mifrux tal-kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni jwasslu biex jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. L-istabbiliment ta' aġenzija Komunitarja bil-kompiti li tipprovdi l-informazzjoni u d-data fuq kwistjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali jkun kontribut għall-kisba ta' dan l-objettiv. Barra minn hekk, l-iżvilupp ta' istituzzjonijiet effettivi għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem huwa valur komuni tas-soċjetajiet internazzjonali u Ewropej, kif espress bir-Rakkomandazzjoni Nru R (97) 14 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-30 ta' Settembru 1997.

(5)

Ir-Rappreżentanti ta' l-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill Ewropew fit-13 ta' Diċembru 2003, qablu li jibnu fuq iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija eżistenti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1035/97 (3), u biex jiġi estiż il-mandat tiegħu biex isir Aġenzija tad-Drittijiet tal-Bniedem. F'dik l-okkażjoni huma ddeċiedu wkoll li s-sede ta' l-Aġenzija għandha tibqa' fi Vjenna.

(6)

Il-Kummissjoni qablet u indikat l-intenzjoni tagħha li tippreżenta proposta biex temenda r-Regolament (KE) Nru 1035/97 f'dak ir-rigward. Il-Kummissjoni sussegwentement ħarġet il-Komunikazzjoni tagħha tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, li abbażi tagħha twettqet konsultazzjoni pubblika kbira.

(7)

Għaldaqstant għandha tiġi stabbilita Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, li tibni fuq iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija eżistenti, biex tipprovdi lill-istituzzjonijiet u lill-awtoritajiet rilevanti tal-Komunità u ta' l-Istati Membri tagħha meta jkunu qegħdin jimplimentaw il-liġi Komunitarja b'informazzjoni, assistenza u kompetenza dwar id-drittijiet fundamentali sabiex tagħtihom appoġġ meta jieħdu miżuri jew jifformulaw il-pjanijiet ta' azzjoni fi ħdan l-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom għar-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali.

(8)

Huwa rikonoxxut li l-Aġenzija għandha taġixxi biss fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

(9)

L-Aġenzija fil-ħidma tagħha għandha tirreferi għad-drittijiet fundamentali fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, inkluż il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif rifless b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, waqt li jinżamm preżenti l-istatus tagħha u l-ispjegazzjonjiet li jakkumpanjawha. Ir-rabta mill-qrib mal-Karta għandha tkun riflessa fl-isem ta' l-Aġenzija.

(10)

Peress li l-Aġenzija għandha tinbena fuq iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija eżistenti, il-ħidma ta' l-Aġenzija għandha tkompli tkopri l-fenomenu tar-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-Semitiżmu, il-protezzjoni tad-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoritajiet, kif ukoll l-ugwaljanza tas-sessi, bħala elementi essenzjali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

(11)

L-oqsma tematiċi ta' attività ta' l-Aġenzija għandhom jiġu stabbiliti fil-Qafas Pluriennali, u b'hekk jiddefinixxu l-limiti tal-ħidma ta' l-Aġenzija. Minħabba s-sinifikat politiku tal-Qafas Pluriennali, huwa importanti li l-Kunsill stess għandu jadottah, wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni.

(12)

L-Aġenzija għandha tiġbor informazzjoni oġġettiva, affidabbli u komparabbli dwar l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali, tanalizza din l-informazzjoni f'termini ta' diżrispett, il-konsegwenzi u l-effetti u teżamina eżempji ta' prattika tajba meta titratta dawn il-kwistjonijiet.

(13)

L-Aġenzija għandu jkollha d-dritt li tifformula opinjonijiet lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt Komunitarju, jew fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni, mingħajr interferenza fil-proċeduri leġislattivi u ġudizzjarji stabbiliti fit-Trattat. Minkejja dan, l-istituzzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jitolbu opinjonijiet dwar il-proposti leġislattivi tagħhom jew il-pożizzjonijiet meħuda matul proċeduri leġislattivi safejn hija kkonċernata l-kompatibbiltà tagħhom mad-drittijiet fundamentali.

(14)

L-Aġenzija għandha tippreżenta rapport annwali dwar kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali koperti minn oqsma ta' l-attività ta' l-Aġenzija, waqt li tenfasizza wkoll eżempji ta' prattika tajba. Barra minn hekk, l-Aġenzija għandha tipproduċi rapporti tematiċi dwar suġġetti ta' importanza partikolari għal-linji politiċi ta' l-Unjoni.

(15)

L-Aġenzija għandha tieħu l-miżuri biex iżżid l-għarfien mill-pubbliku ġenerali dwar id-drittijiet fundamentali tagħhom, u dwar il-possibbilitajiet u l-mekkaniżmi differenti għall-infurzar tagħhom b'mod ġenerali, iżda mingħajr ma titratta hija nnifisha l-ilmenti individwali.

(16)

L-Aġenzija għandha taħdem kemm jista' jkun mill-qrib ma' l-istituzzjonijiet rilevanti kollha ta' l-Unjoni kif ukoll il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Komunità u l-Unjoni biex tevita x-xogħol doppju, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-Istitut Ewropew futur għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi.

(17)

Peress li l-kooperazzjoni ma' l-Istati Membri hija element essenzjali għall-prestazzjoni b'suċċess tal-kompiti ta' l-Aġenzija, hija għandha tikkoopera mill-qrib ma' l-Istati Membri permezz tal-korpi differenti tagħha, li għall-fini tagħha l-Istati Membri għandhom jinnominaw Uffiċjali Nazzjonali ta' Kollegament, bħala punti ta' kuntatt primarju għall-Aġenzija fl-Istati Membri. B'mod partikolari, l-Aġenzija għandha tikkomunika ma' l-Uffiċjali Nazzjonali ta' Kollegament rigward rapporti u dokumenti oħrajn imfassla mill-Aġenzija.

(18)

L-Aġenzija għandha tikkollabora mill-qrib mal-Kunsill ta' l-Ewropa. Tali kooperazzjoni għandha tiggarantixxi li tiġi evitata kwalunkwe sovrapożizzjoni bejn l-attivitajiet ta' l-Aġenzija u dawk tal-Kunsill ta' l-Ewropa, b'mod partikolari billi jiġu elaborati mekkaniżmi li jiżguraw komplementarjetà u valur miżjud, bħall-konklużjoni ta' ftehim ta' kooperazzjoni bilaterali u l-parteċipazzjoni ta' persuna indipendenti maħtura mill-Kunsill ta' l-Ewropa fl-istrutturi ta' tmexxija ta' l-Aġenzija bi drittijiet ta' votazzjoni definiti kif xieraq.

(19)

Filwaqt li tirrikonoxxi r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali, l-Aġenzija għandha tippromwovi djalogu mas-soċjetà ċivili u taħdem mill-qrib ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi u ma' istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Hija għandha tistabbilixxi network ta' kooperazzjoni msejjaħ il-“Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali” bil-ħsieb li toħloq djalogu strutturat u siewi u kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha.

(20)

Minħabba l-funzjonijiet partikolari ta' l-Aġenzija, kull Stat Membru għandu jaħtar espert indipendenti wieħed fuq il-Bord ta' Tmexxija. B'konsiderazzjoni tal-prinċipji marbuta ma' l-istatus u l-funzjonament ta' l-istituzzjonijiet nazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (“il-Prinċipji ta' Pariġi”) il-kompożizzjoni ta' dak il-Bord għandha tiżgura l-indipendenza ta' l-Aġenzija kemm mill-istituzzjonijiet tal-Komunità kif ukoll mill-gvernijiet ta' l-Istati Membri, u tiġbor l-usa' kompetenza possibbli fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

(21)

Sabiex tiġi żgurata l-kwalità xjentifika għolja tal-ħidma ta' l-Aġenzija, l-Aġenzija għandha tagħmel użu minn Kumitat Xjentifiku biex jiggwida l-ħidma tagħha permezz ta' oġġettività xjentifika.

(22)

L-awtoritajiet li jaħtru l-membri tal-Bord ta' Tmexxija, tal-Bord Eżekuttiv u tal-Kumitat Xjentifku għandhom jimmiraw li jiksbu parteċipazzjoni bilanċjata bejn in-nisa u l-irġiel fuq dawn il-korpi. Għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll lir-rappreżentanza bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-persunal ta' l-Aġenzija.

(23)

Meta jitqies ir-rwol sinifikattiv li l-Parlament Ewropew għandu fid-difiża, l-integrazzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali, huwa għandu jiġi involut fl-attivitajiet ta' l-Aġenzija, inkluż l-adozzjoni tal-Qafas Pluriennali għall-Aġenzija, u, meta titqies in-natura u l-kompitu eċċezzjonali ta' l-Aġenzija, l-għażla tal-kandidati proposti għall-kariga tad-Direttur ta' l-Aġenzija mingħajr ma jinħoloq preċedent għal Aġenziji oħrajn.

(24)

L-Aġenzija għandha tapplika l-leġislazzjoni Komunitarja rilevanti rigward aċċess pubbliku għal dokumenti kif imniżżel fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilltat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (4), il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali kif imniżżel fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar tad-data personali mill-istuzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movment liberu ta' tali data  (5), u rigward il-lingwi kif imniżżel fir-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (6), u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2965/94 tat-28 ta' Novembru 1994 li jistabbilixxi Ċentru ta' Traduzzjoni għall-korpi ta' l-Unjoni Ewropea (7).

(25)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju kwadru għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8) japplika għall-Aġenzija, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (9).

(26)

Ir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea għall-fini li jiġu applikati dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal u d-Direttur ta' l-Aġenzija, inkluż ir-regoli relatati mat-tkeċċija tad-Direttur.

(27)

L-Aġenzija għandu jkollha personalità ġuridika u tieħu post iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija fir-rigward ta' l-obbligi ġuridiċi, l-impenji jew ir-responsabbiltajiet finanzjarji kollha mwettqa miċ-Ċentru jew il-ftehim magħmula miċ-Ċentru kif ukoll il-kuntratti ta' l-impjieg mal-persunal taċ-Ċentru.

(28)

L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi kandidati. Barra minn hekk, il-pajjiżi li magħhom ġie konkluż ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jitħallew jipparteċipaw fl-Aġenzija, peress li dan jippermetti lill-Unjoni tappoġġa l-isforzi tagħhom lejn l-integrazzjoni Ewropea billi dan jiffaċilita l-allinjament gradwali tal-leġislazzjoni tagħhom mal-liġi Komunitarja kif ukoll it-trasferiment ta' kompetenzi u prattika tajba, b'mod partikolari f'dawk l-oqsma ta' l-acquis li ser iservu bħala punt ta' referenza ċentrali għall-proċess ta' riforma fil-Balkani tal-Punent.

(29)

L-Aġenzija għandha tniedi l-evalwazzjonijiet meħtieġa ta' l-attivitajiet tagħha fi żmien debitu, li abbażi tagħhom jistgħu jiġu riveduti l-kamp ta' applikazzjoni, il-kompiti u l-metodi ta' ħidma ta' l-Aġenzija.

(30)

Peress li l-objettivi ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-provvista ta' informazzjoni u data kumparabbli u affidabbli fuq livell Ewropew sabiex tassisti lill-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u lill-Istati Membri fir-rispett tad-drittijiet fundamentali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-impatt ta' l-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar mil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità kif imniżżel f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.

(31)

Il-kontribut magħmul mill-Aġenzija biex ikun żgurat ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali fil-qafas tal-liġi Komunitarja x'aktarx li jgħin fil-kisba ta' l-objettivi tal-Komunità. Fir-rigward ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, it-Trattat ma jipprevedix għal poteri għajr dawk imniżżla fl-Artikolu 308.

(32)

Xejn f'dan ir-Regolament m'għandu jiġi interpretat b'mod li jippreġudika l-kwistjoni dwar jekk il-mandat ta' l-Aġenzija għandux jiġi estiż biex ikopri oqsma ta' kooperazzjoni tal-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijet kriminali.

(33)

Peress li r-Regolament (KE) Nru 1035/97 ikollu jkun emendat b'mod sostanzjali għall-istabbiliment ta' l-Aġenzija, dan għandu jiġi revokat sabiex ikun aktar ċar.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT,

KAPITOLU 1

SUĠĠETT, OBJETTIV, KAMP TA' APPLIKAZZJONI, KOMPITI U OQSMA TA' ATTIVITÀ

Artikolu 1

Suġġett

L-Aġenzija ta' l-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (“l-Aġenzija”) hija b'dan stabbilita.

Artikolu 2

Objettiv

L-objettiv ta' l-Aġenzija għandu jkun li tipprovdi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji rilevanti tal-Komunità u ta' l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi Komunitarja b'assistenza u b'kompetenza relatati mad-drittijiet fundamentali biex tagħtihom appoġġ meta jieħdu miżuri jew jifformulaw pjanijiet ta' azzjoni fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom sabiex ikunu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha għall-iskop li tilħaq l-objettiv imniżżel fl-Artikolu 2 fi ħdan il-kompetenzi tal-Komunità kif stabbilit fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

2.   L-Aġenzija għandha tirreferi fit-twettiq tal-kompiti tagħha għad-drittijiet fundamentali kif definiti fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

3   L-Aġenzija għandha tittratta kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Membri tagħha fl-implimentazzjoni tad-dritt Komunitarju.

Artikolu 4

Kompiti

1.   Biex tilħaq l-objettiv imniżżel fl-Artikolu 2 u fi ħdan il-kompetenzi tagħha mniżżla fl-Artikolu 3, l-Aġenzija għandha:

a)

tiġbor, tirreġistra, tanalizza u xxerred informazzjoni u data oġġettivi, affidabbli u komparabbli rilevanti, inkluż ir-riżultati minn riċerka u monitoraġġ ikkomunikati lilha minn Stati Membri, istituzzjonijiet ta' l-Unjoni kif ukoll korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Komunità u ta' l-Unjoni, ċentri tar-riċerka, korpi nazzjonali, organizzazzjonijiet mhux governattivi pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u b'mod partikolari mill-korpi kompetenti tal-Kunsill ta' l-Ewropa;

b)

tiżviluppa metodi u standards għat-titjib tal-komparabbilità, l-oġġettività u l-affidabbiltà tad-data fuq livell Ewropew, b'kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Istati Membri;

ċ)

twettaq, tikkoopera ma' jew tinkoraġġixxi riċerka xjentifika u stħarriġ, studji preparatorji u studji ta' fattibbiltà, inkluż, fejn hu xieraq u kompatibbli mal-prijoritajiet tagħha u mal-programm ta' ħidma annwali tagħha, fuq talba tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni.

d)

tifformula u tippubblika konklużjonijiet u opinjonijiet dwar suġġetti tematiċi, għall-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dritt Komunitarju, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni;

e)

tippubblika rapport annwali dwar kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali koperti mill-oqsma ta' l-attività ta' l-Aġenzija, waqt li tenfasizza wkoll eżempji ta' prattika tajba;

f)

tippubblika rapporti tematiċi bbażati fuq l-analiżi, ir-riċerka u l-istħarriġ tagħha;

g)

tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha; u

h)

tiżviluppa strateġija ta' komunikazzjoni u tippromwovi djalogu mas-soċjetà ċivili, sabiex tqajjem għarfien pubbliku dwar drittijiet fundamentali u tferrex informazzjoni b'mod attiv dwar ħidmitha.

2.   Il-konklużjonijiet, l-opinjonijiet u r-rapporti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jikkonċernaw proposti mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 250 tat-Trattat jew ta' pożizzjonijiet meħuda mill-istituzzjonijiet matul proċeduri leġislattivi biss fejn talba mill-istituzzjoni rispettiva tkun saret skond l-Artikolu 4 (1)(d). Huma m'għandhomx jittrattaw il-legalità ta' atti fi ħdan is-sens ta' l-Artikolu 230 jew il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq obbligu taħt it-Trattat fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 226 tat-Trattat.

Artikolu 5

Oqsma ta' attività

1.   Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew, jadotta Qafas Pluriennali għall-Aġenzija. Fit-tħejjija tal-proposta tagħha, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Bord ta' Tmexxija.

2.   Il-Qafas għandu:

a)

ikopri ħames snin;

b)

jiddetermina l-oqsma tematiċi ta' l-attività ta' l-Aġenzija, li għandhom jinkludu l-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u intolleranza relatata;

ċ)

ikun konformi mal-prijoritajiet ta' l-Unjoni, filwaqt li jittieħed kont debitu ta' l-orjentazzjonijiet li jirriżultaw minn riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew u konklużjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tad-drittijiet fundamentali;

d)

jagħti konsiderazzjoni xierqa għar-riżorsi finanzjarji u umani ta' l-Aġenzija; u

e)

jinkludi dispożizzjonijet bil-ħsieb li jiżgura komplementarjetà mal-mandat ta' korpi, uffiċċji u aġenziji oħrajn tal-Komunità u ta' l-Unjoni, kif ukoll mal-Kunsill ta' l-Ewropa u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali.

3.   L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha fi ħdan l-oqsma tematiċi ddeterminati mill-Qafas Pluriennali. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għat-tweġibiet ta' l-Aġenzija għat-talbiet mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni taħt l-Artikolu 4 (1)(ċ) u (d) 'il barra minn dawn l-oqsma tematiċi, sakemm ir-riżorsi finanzjarji u umani tagħha jippermettu hekk.

4.   L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha fid-dawl tal-Programm ta' Ħidma Annwali tagħha u bil-konsiderazzjoni dovuta għar-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli.

KAPITOLU 2

METODI TA' ĦIDMA U KOOPERAZZJONI

Artikolu 6

Metodi ta' Ħidma

1.   Sabiex tiżgura l-provvista ta' informazzjoni oġġettiva, affidabbli u komparabbli, filwaqt li tagħmel użu mill-kompetenza ta' diversi organizzazzjonijiet u korpi f'kull Stat Membru u billi tieħu kont tal-ħtieġa li tinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali fil-ġbir tad-data, l-Aġenzija għandha:

a)

tistabbilixxi u tikkoordina networks ta' informazzjoni u tagħmel użu minn networks eżistenti;

b)

torganizza laqgħat ta' esperti esterni; u

ċ)

kulmeta jkun meħtieġ, tistabbilixxi Gruppi ta' ħidma ad hoc.

2.   Fit-twettiq ta' l-attivitajiet tagħha l-Aġenzija, sabiex tiżgura komplementarjetà u tiggarantixxi l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi, għandha tieħu kont, fejn xieraq, ta' l-informazzjoni miġbura u ta' l-attivitajiet imwettqa, b'mod partikolari minn:

a)

Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni u korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Komunità u ta' l-Unjoni, u korpi, uffiċċji u aġenziji ta' l-Istati Membri;

b)

il-Kunsill ta' l-Ewropa, billi jkun hemm referenza għas-sejbiet u l-attivitajiet tal-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u kontroll tal-Kunsill ta' l-Ewropa, u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill ta' l-Ewropa; u

ċ)

l-Organizzazzjonijiet ta' Sigurtà u Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.

3.   L-Aġenzija tista' tidħol f'relazzjonjiet kuntrattwali, b'mod partikolari arranġamenti għal sottokuntratti, ma' organizzazzjonijiet oħra, sabiex twettaq kwalunkwe kompitu li hija tista' tafdalhom. L-Aġenzija tista' tagħti wkoll għotjiet għall-promozzjoni ta' kooperazzjoni u intrapriżi konġunti xierqa, b'mod partikolari lill-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali kif msemmija fl-Artikoli 8 u 9.

Artikolu 7

Relazzjonijiet mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Komunità

L-Aġenzija għandha tiżgura li jkun hemm kooperazzjoni xierqa mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji rilevanti tal-Komunità. It-termini tal-kooperazzjoni għandhom jiġu stabbiliti f'memoranda ta' fehim fejn xieraq.

Artikolu 8

Kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet fuq livell ta' Stat Membru u fuq livell internazzjonali

1.   Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati Membri, kull Stat Membru għandu jinnomina uffiċjal tal-gvern bħala Uffiċjal Nazzjonali ta' Kollegament, li għandu jkun il-punt ta' kuntatt ewlieni għall-Aġenzija fl-Istat Membru. L-Uffiċjali Nazzjonali ta' Kollegament jistgħu, inter alia, jippreżentaw opinjonijiet dwar l-abbozz tal-Programm ta' Ħidma Annwali lid-Direttur qabel ma jiġi ppreżentat lill-Bord ta' Tmexxija. L-Aġenzija għandha tikkomunika lill-Uffiċjali Nazzjonali ta' Kollegament id-dokumenti kollha mfassla skond l-Artikolu 4 (1) (a), (b), (ċ), (d), (e), (f), (g) u (h).

2.   Biex jgħinuha twettaq il-kompiti tagħha, l-Aġenzija għandha tikkoopera ma':

a)

organizzazzjonijiet tal-gvern u korpi pubbliċi kompetenti fil-qasam tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri, inkluż istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; u

b)

l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE), b'mod partikolari l-Uffiċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn.

3.   L-arranġamenti amministrattivi għall-kooperazzjoni skond il-paragrafu 2 għandhom ikunu konformi mal-liġi Komunitarja u għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Tmexxija abbażi ta' l-abbozz ippreżentat mid-Direttur u wara li l-Kummissjoni tkun tat opinjoni. Fejn il-Kummissjoni tesprimi n-nuqqas ta' qbil tagħha ma' dawn l-arranġamenti, il-Bord ta' Tmexxija għandu jerġa' jeżaminahom u jadottahom, bl-emendi fejn ikun meħtieġ, b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti tal-membri kollha.

Artikolu 9

Kooperazzjoni mal-Kunsill ta' l-Ewropa

Sabiex tevita d-duplikazzjoni u sabiex tiżgura komplementarjetà u valur miżjud, l-Aġenzija għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha ma' dawk tal-Kunsill ta' l-Ewropa, b'mod partikolari rigward il-Programm ta' Ħidma Annwali tagħha skond l-Artikolu 12(6) a) u l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili skond l-Artikolu 10. Għal dak il-għan, il-Komunità għandha, skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 300 tat-Trattat, tidħol fi ftehim mal-Kunsill ta' l-Ewropa biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn dan ta' l-aħħar u l-Aġenzija. Dan il-ftehim għandu jinkludi l-ħatra mill-Kunsill ta' l-Ewropa ta' persuna indipendenti biex tkun fuq il-Bord ta' Tmexxija ta' l-Aġenzija u fuq il-Bord Eżekuttiv tagħha, skond l-Artikoli 12 u 13.

Artikolu 10

Kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili; Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali

1.   L-Aġenzija għandha tikkoopera mill-qrib ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi u ma' istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili, attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali inkluż il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija fuq livell nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali. Għal dak il-għan, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi network ta' kooperazzjoni (“Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali”), magħmula minn organizzazzjonijiet mhux governattivi li jittrattaw drittijiet tal-bniedem, trade unions u organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, organizzazzjonijiet soċjali u professjonali rilevanti, knejjes, organizzazzjonijiet reliġjużi, filożofiċi u mhux konfessjonarji, universitajiet u esperti kwalifikati oħrajn ta' korpi u organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali.

2.   Il-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali għandha tikkostitwixxi mekkaniżmu għall-iskambju ta' informazzjoni u l-qsim ta' tagħrif. Għandha tiżgura kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Aġenzija u l-partijiet interessati rilevanti.

3.   Il-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali għandha tkun miftuħa għall-partijiet interessati li jkunu kwalifikati skond il-paragrafu 1. L-Aġenzija tista' tindirizza l-membri tal-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali skond ħtiġijiet speċifiċi marbuta ma' oqsma identifikati bħala prijoritajiet għall-ħidma ta' l-Aġenzija.

4.   L-Aġenzija għandha tagħmel sejħa lill-Pjattaforma b'mod partikolari, biex:

a)

tagħmel suġġerimenti lill-Bord ta' Tmexxija dwar il-Programm ta' Ħidma Annwali li għandu jiġi adottat skond l-Artikolu 12(6) (a);

b)

tagħti reazzjoni u tissuġġerixxi segwitu lill-Bord ta' Tmexxija dwar ir-rapport annwali previst fl-Artikolu 4 (1)(e); u

ċ)

tikkomunika r-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet ta' konferenzi, seminars u laqgħat rilevanti għall-ħidma ta' l-Aġenzija lid-Direttur u lill-Kumitat Xjentifiku.

5.   Il-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali għandha tkun ikkoordinata taħt l-awtorità tad-Direttur.

KAPITOLU 3

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 11

Korpi ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija għandha tinkludi:

a)

Bord ta' Tmexxija;

b)

Bord Eżekuttiv;

ċ)

Kumitat Xjentifiku; u

d)

Direttur.

Artikolu 12

Bord ta' Tmexxija

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun magħmul minn persuni b'esperjenza xierqa fit-tmexxija ta' l-organizzazzjonijiet tas-settur pubbliku jew privat u, barra minn hekk, b'tagħrif fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, kif ġej:

a)

persuna waħda indipendenti maħtura minn kull Stat Membru, li jkollha livell għoli ta' responsabbiltà f'istituzzjoni nazzjonali indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem jew organizzazzjoni oħra tas-settur pubbliku jew privat;

b)

persuna waħda indipendenti maħtura mill-Kunsill ta' l-Ewropa; u

ċ)

żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni.

2.   Kull membru tal-Bord ta' Tmexxija jista' jiġi rappreżentat minn membru supplenti li jissodisfa l-ħtiġiet imsemmija hawn fuq u maħtur bl-istess proċedura. Il-lista tal-membru u tal-membri tal-membri supplenti għandha ssir pubblika u għandha tiġi aġġornata mill-Aġenzija fil-web site tagħha.

3.   Il-mandat tal-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta' Tmexxija għandu jkun ta' 5 snin. Hu m'għandux ikun rinnovabbli.

4.   Minbarra sostituzzjoni normali jew mewt, il-mandat tal-membru jew tal-membru supplenti għandu jintemm biss meta hu jew hi jirrenżenja/tirreżenja. Madankollu, meta membru jew membru supplenti ma jissodisfax aktar il-kriterji ta' indipendenza, huwa jew hija għandhom jinformaw b'dan minnufih lill-Kummissjoni u lid-Direttur ta' l-Aġenzija. Il-parti kkonċernata għandha taħtar membru ġdid jew membru supplenti għall-bqija tal-mandat. Il-parti kkonċernata għandha taħtar ukoll membru ġdid jew membru supplenti ġdid għall-bqija tal-mandat, jekk il-Bord ta' Tmexxija jkun stabbilixxa, abbażi ta' proposta ta' terz mill-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni, li l-membru jew il-membru supplenti rispettiv ma jibqax jissodisfa l-kriterji ta' indipendenza. Fejn il-bqija tal-mandat ikun anqas minn sentejn, il-mandat tal-membru jew il-membru supplenti l-ġdid jista' jiġi estiż għall-terminu sħiħ ta' ħames snin.

5.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeleġġi lill-President u lill-Viċi-President tiegħu u ż-żewġ membri l-oħra tal-Bord Eżekuttiv imsemmija fl-Artikolu 13 mill-membri tiegħu maħtura skond il-paragrafu 1 (a) biex iservi għal terminu ta' sentejn u nofs, li jista' jiġġedded darba.

6.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiżgura li l-Aġenzija twettaq il-kompiti fdati lilha. Huwa għandu jkun il-korp ta' l-ippjanar u l-monitoraġġ ta' l-Aġenzija. B'mod partikolari, hu għandu:

a)

jadotta l-Programm ta' Ħidma Annwali ta' l-Aġenzija skond il-Qafas Pluriennali, abbażi ta' l-bbozz ippreżentat mid-Direttur ta' l-Aġenzija wara li l-Kummissjoni u l-Kumitat Xjentifiku jkunu taw opinjoni. Programm ta' Ħidma Annwali għandu jkun skond ir-riżorsi finanzjarji u umani disponibbli u għandu jieħu kont tal-ħidma ta' riċerka u statistika tal-Komunità. Il-Programm ta' Ħidma Annwali għandu jiġi trasmess lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni;

b)

jadotta r-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 4 (1) (e) u (g) fejn f'dan ta' l-aħħar iqabbel, b'mod partikolari, ir-riżultati miksuba bl-objettivi tal-programm ta' ħidma annwali; mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14a (5), il-Kumitat Xjentifiku għandu jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 4(1)(e); ir-rapporti għandhom jiġu trasmessi sa mhux aktar tard mill-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni;

ċ)

jaħtar u, jekk meħtieġ, ineħħi mill-kariga d-Direttur ta' l-Aġenzija;

d)

jadotta l-abbozz tal-baġit annwali u l-baġits finali ta' l-Aġenzija;

e)

jeżerċita s-setgħat imniżżla fl-Artikolu 24(2) rigward id-Direttur u l-awtorità dixxiplinarja fuq id-Direttur;

f)

ifassal stima annwali ta' nefqa u ta' dħul għall-aġenzija u jibgħatha lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 20(5);

g)

jadotta r-regoli ta' proċedura ta' l-Aġenzija abbażi ta' l-abbozz ippreżentat mid-Direttur wara li l-Kummissjoni, il-Kumitat Xjentifiku u l-persuna msemmija fil-paragrafu (1)(b) jkunu taw opinjoni;

h)

jadotta r-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija abbażi ta' l-abbozz ippreżentat mid-Direttur u wara li l-Kummissjoni tkun tat opinjoni, skond l-Artikolu 21(11);

i)

jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej, skond l-Artikolu 24(3);

j)

jadotta l-arranġamenti dwar it-trasparenza u l-aċċesss għad-dokumenti skond l-Artikolu 17(2);

k)

jaħtar u jirrevoka l-membri tal-Kumitat Xjentifiku skond l-Artikolu 14 (1) u (3); u

l)

jistabbilixxi li membru jew membru supplenti tal-Bord ta' Tmexxija ma jissodisfax aktar il-kriterji ta' indipendenza, skond il-paragrafu 4.

7.   Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddelega r-responsabbiltajiet tiegħu lill-Bord Eżekuttiv ħlief għal kwistjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b), (ċ), (d), (e), (g), (h), (k) u (l) tal-paragrafu 6.

8.   Id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza sempliċi tal-voti mitfugħa, ħlief fir-rigward tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 u l-punti (a), (b), (ċ), (d), (e), (g), (k) u (l) tal-paragrafu 6, fejn għandha tkun meħtieġa maġġoranza ta' żewġ terzi mill-membri kollha, u fir-rigward ta' deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(2) fejn il-Bord ta' Tmexxija jaġixxi b'unanimità. Kull membru tal-Bord ta' Tmexxija, jew, fl-assenza tiegħu jew tagħha, il-membru supplenti, għandu jkollu vot wieħed. Il-President għandu jkollu l-vot deċisiv. Il-persuna maħtura mill-Kunsill ta' l-Ewropa tista' tivvota fuq id-deċiżjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (k) tal-paragrafu 6.

9.   Il-President għandu jlaqqa' l-Bord darbtejn fis-sena, mingħajr preġudizzju għal-laqgħat straordinarji. Il-President għandu jsejjaħ laqgħa straordinarja fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha jew fuq talba ta' mill-inqas terz tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija.

10.   Il-President jew il-Viċi-President tal-Kumitat Xjentifiku u d-Direttur ta' l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi jistgħu jattendu laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija bħala osservaturi. Id-Diretturi ta' aġenziji Komunitarji u korpi ta' l-Unjoni rilevanti oħra kif ukoll ta' korpi internazzjonali oħra msemmija fl-Artikoli 8 u 9 jistgħu jattendu wkoll meta mistiedna mill-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 13

Bord Eżekuttiv

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jkun assistit minn Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul mill-President u mill-Viċi-President tal-Bord ta' Tmexxija, żewġ membri oħra tal-Bord ta' Tmexxija eletti mill-Bord ta' Tmexxija skond l-Artikolu 12(5) u wieħed mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni fil-Bord ta' Tmexxija. Il-persuna maħtura mill-Kunsill ta' l-Ewropa fil-Bord ta' Tmexxija tista' tipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jitlaqqa' mill-President kull meta jkun meħtieġ li jitħejjew id-deċiżjonijiet tal-Bord ta' Tmexxija u biex jassisti u jagħti pariri lid-Direttur. Huwa għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza sempliċi.

3.   Id-Direttur għandu jieħu sehem fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv, mingħajr ma jkollu dritt li jivvota.

Artikolu 14

Kumitat Xjentifiku

1.   Il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun magħmul minn ħdax-il persuna indipendenti, bi kwalifiki għolja fil-qasam tad-drittijiet fundamentali. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar lill-membri wara sejħa għal applikazzjonijet u proċedura ta' selezzjoni trasparenti wara li jkun ikkonsulta lill-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiżgura rappreżentanza ġeografika ugwalja. Il-membri tal-Bord ta' Tmexxija m'għandhomx ikunu membri tal-Bord Xjentifiku. Ir-regoli ta' proċedura msemmija fl-Artikolu 12 (6) (g) għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet dettaljati li jirregolaw il-ħatra tal-Kumitat Xjentifiku.

2.   Il-mandat tal-membri tal-Bord Xjentifiku għandu jkun ta' ħames snin. Hu m'għandux ikun rinnovabbli.

3.   Il-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandhom ikunu indipendenti. Huma jistgħu jiġu sostitwiti biss fuq it-talba tagħhom stess, jew fil-każ li huma jkunu prevenuti permanentament milli jwettqu dmirijiethom. Madankollu, fejn membru ma jissodisfax aktar il-krierji ta' indipendenza, huwa jew hija għandhom jinformaw minnufih lill-Kummissjoni u lid-Direttur ta' l-Aġenzija. Bħala alternattiva, il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddikjara, fuq proposta ta' terz tal-membri tiegħu jew tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta' indipendenza u jirrevoka lill-persuna kkonċernata. Il-Bord ta' Tmexxija għandu jaħtar membru ġdid għall-bqija tal-mandat skond il-proċedura għall-membri ordinarji. Fejn il-bqija tal-mandat huwa anqas minn sentejn, il-mandat tal-membru l-ġdid jista' jiġi estiż għal terminu sħiħ ta' ħames snin. Il-lista tal-membri tal-Kumitat Xjentifiku għandha ssir pubblika u għandha tiġi aġġornata mill-Aġenzija fil-web site tagħha.

4.   Il-Kumitat Xjentifiku għandu jeleġġi lill-President u lill-Viċi-President tiegħu għal mandat ta' sena.

5.   Il-Kumitat Xjentifiku għandu jkun il-garanti tal-kwalità xjentifika tal-ħidma ta' l-Aġenzija u jmexxi l-ħidma tagħha għal dak il-effett. Għal dak il-għan, id-Direttur għandu jinvolvi lill-Kumitat Xjentifiku malajr kemm jista' jkun fit-tħejjija tad-dokumenti kollha mfassla skond skond l-Artikolu 4 (1) (a), (b), (ċ), (d), (e), (f), u (h).

6.   Il-Kumitat Xjentifiku għandu jiddikjara ruħu b'maġġoranza ta' żewġ terzi. Hu għandu jiġi msejjaħ mill-President tiegħu erba' darbiet fis-sena. Jekk meħtieġ, il-President għandu jniedi proċedura bil-miktub jew isejjaħ laqgħat straordinarji fuq l-inizjattiva tiegħu jew tagħha stess jew fuq it-talba ta' mill-inqas erba' membri tal-Kumitat Xjentifiku.

Artikolu 15

Direttur

1.   L-Aġenzija għandha tkun immexxija minn Direttur, maħtur/a mill-Bord tat-Tmexxija f'konformità ma' proċedura ta' kooperazzjoni (“konċertazzjoni”) prevista fil-paragrafu 2.

Id-Direttur għandu jinħatar abbażi tal-mertu personali tiegħu jew tagħha, l-esperjenza fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u ħiliet amministrattivi u ta' tmexxija.

2.   Din il-proċedura ta' kooperazzjoni għandha tkun kif ġej:

a)

Abbażi tal-lista mfassla mill-Kummissjoni wara sejħa għal kandidati u proċedura trasparenti ta' selezzjoni, l-applikanti se jkunu mitlubin qabel ma ssir il-ħatra biex jindirizzaw lill-Kunsill u lill-Kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u biex jwieġbu għal mistoqsijiet.

b)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea mbagħad jagħtu l-opinjonijiet tagħhom u jiddikjaraw l-ordnijiet tagħhom ta' preferenza.

ċ)

Il-Bord ta' Tmexxija se jaħtar lid-Direttur waqt li jikkunsidra dawn l-opinjonijiet.

3.   Il-mandat tad-Direttur għandu jkun ta' ħames snin.

Matul id-disa' xhur li jippreċedu t-tmiem ta' dan il-perijodu, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni. Fl-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa b'mod partikolari:

a)

il-prestazzjoni tad-Direttur; u

b)

id-dmirijiet u l-ħtiġiet ta' l-Aġenzija għas-snin li ġejjin.

Il-Bord ta' Tmexxija, fuq proposta tal-Kummissjoni, waqt li jqis ir-rapport ta' evalwazzjoni, u biss f'dawk il-każijiet fejn jista' jkun iġġustifikat mid-doveri u l-ħtiġiet ta' l-Aġenzija, jista' jestendi l-mandat tad-Direttur għal darba għal mhux aktar minn tliet snin.

Il-Bord ta' Tmexxija għandu jinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-mandat tad-Direttur. F'dewmien ta' xahar qabel il-Bord ta' Tmexxija formalment jieħu d-deċiżjoni tiegħu li jestendi dan il-mandat, id-Direttur jista' jiġi mitlub jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew u jwieġeb mistqosijiet mill-membri tiegħu.

Jekk il-mandat ma jiġġeddidx, id-Direttur għandu jibqa' fil-kariga sal-ħatra tas-suċċessur tiegħu/tagħha.

4.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli għal:

a)

it-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4 u b'mod partikolari t-tħejjija u l-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha mfassla skond l-Artikolu 4 (1) (a), (b), (ċ), (e), (f), (g) u (h) b'kooperazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku;

b)

it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma Annwali ta' l-Aġenzija;

ċ)

il-kwistjonijiet kollha tal-persunal, u b'mod partikolari jeżerċita fir-rigward tal-persunal is-setgħat imniżżla fl-Artikolu 24 (2);

d)

kwistjonijiet ta' amministrazzjoni ta' kuljum;

e)

l-implimentazzjoni tal-baġit ta' l-Aġenzija, skond l-Artikolu 21;

f)

l-implimentazzjoni ta' proċeduri effettivi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni relatati mal-prestazzjoni ta' l-Aġenzija rigward l-objettivi tagħha skond standards professjonali rikonoxxuti. Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Bord ta' Tmexxija kull sena dwar ir-riżultati tas-sistema ta' monitoraġġ;

g)

il-kooperazzjoni ma' l-Uffiċjali Nazzjonali ta' Kollegament; u

h)

il-kooperazzjoni mas-Soċjetà Ċivili, inkluż il-koordinazzjoni mal-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali skond l-Artikolu 10.

5.   Id-Direttur għandu jwettaq il-kompiti tiegħu b'mod indipendenti. Huwa għandu jagħti rendikont tat-tmexxija ta' l-attivitajiet tiegħu lill-Bord ta' Tmexxija u għandu jipparteċipa fil-laqgħat tiegħu mingħajr ma jkollu d-dritt li tivvota.

6.   Id-Direttur jista' jissejjaħ fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill biex jattendi smigħ dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta ma' l-attivitajiet ta' l-Aġenzija.

7.   Id-Direttur jista' jitneħħa mill-kariga mill-Bord ta' Tmexxija qabel ma jispiċċa l-mandat tiegħu jew tagħha, abbażi ta' proposta minn terz tal-membri tiegħu jew mill-Kummissjoni.

KAPITOLU 4

ĦIDMA

Artikolu 16

Indipendenza u interessi pubbliċi

1.   L-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha f'indipendenza sħiħa.

2.   Il-membri u l-membri supplenti tal-Bord ta' Tmexxija, il-membri tal-Kumitat Xjentifiku u d-Direttur għandhom jimpenjaw ruħhom li jaġixxu fl-interess pubbliku. Għal dan l-iskop, huma għandhom jagħmlu dikjarazzjoni ta' interessi billi jindikaw jew in-nuqqas ta' kwalunkwe interess li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom jew kwalunkwe interess dirett jew indirett li jista' jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom. Id-dikjarazzjoni għandha ssir bil-miktub meta jittieħed il-mandat u għandha tkun irriveduta jekk iseħħu bidliet rigward l-interessi. Hija għandha tiġi ppubblikata mill-Aġenzija fuq il-website tagħha.

Artikolu 17

Trasparenza u aċċess għal dokumenti

1.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa prattika amministrattiva tajba sabiex tiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza possibbli rigward l-attivitajiet tagħha.

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għandu japplika għad-dokumenti miżmuma mill-Aġenzija.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu, fi żmien sitt xhur mill-bidu tal-ħidma ta' l-operat ta' l-Aġenzija jadotta regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni prattika ta' paragrafu 1. Dawn għandhom jinkludu fost l-oħrajn regoli dwar:

a)

aċċessibbiltà għal laqgħat

b)

il-pubblikazzjoni tal-ħidmiet ta' l-aġenzija, inklużi dawk tal-Kumitat Xjentifiku; u

ċ)

arranġamenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.

3.   Fejn l-Aġenzija tieħu deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 ilment jista' jiġi ddepożitat ma' l-Ombudsman jew azzjoni tista' titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, kif previst mill-Artikoli 195 u 230 tat-Trattat rispettivament.

Artikolu 18

Protezzjoni tad-data

Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 għandu japplika għall-Aġenzija.

Artikolu 19

Reviżjoni mill-Ombudsman

Il-ħidmiet ta' l-Aġenzija għandhom ikunu soġġetti għas-sorveljanza ta' l-Ombudsman b'mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 195 tat-Trattat.

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI

Artikolu 20

Tfassil tal-baġit

1.   L-istimi tad-dħul u ta' n-nefqa kollha ta' l-Aġenzija għandhom jiġu mħejjija għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jidhru fil-baġit ta' l-Aġenzija.

2.   Id-dħul u n-nefqa li jidhru fil-baġit ta' l-Aġenzija għandhom ikunu f'bilanċ.

3.   Id-dħul ta' l-Aġenzija, mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħrajn, għandu jinkludi sussidju mill-Komunità, imdaħħal fil-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea (taqsima tal-Kummissjoni).

Dan id-dħul jista' jiġi kkomplementat bi:

a)

ħlasijiet irċevuti għal servizzi mogħtija fil-qafas ta' l-implimentazzjoni ta' kompiti elenkati fl-Artikolu 4; u

b)

kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-organizzazzjonijiet jew pajjiżi msemmija fl-Artikoli 8, 9 u 28.

4.   In-nefqa ta' l-Aġenzija għandha tinkludi r-remunerazzjoni tal-persunal, l-ispejjeż amministrattivi u ta' l-infrastruttura u l-ispejjeż operattivi.

5.   Kull sena l-Bord ta' Tmexxija, abbażi ta' abbozz imfassal mid-Direttur, għandu jipproduċi stima tad-dħul u tan-nefqa għall-Aġenzija għas-sena finanzjarja ta' wara. Din l-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandha tiġi trasmessa mill-Bord ta' Tmexxija lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu.

6.   L-istima għandha tiġi trasmessa mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (minn issa 'l quddiem “l-awtorità tal-baġit”) flimkien ma' l-abbozz preliminari tal-baġit ta' l-Unjoni Ewropea.

7.   Abbażi ta' l-istima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-istimi li tqis li huma meħtieġa għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju li ser jiġi ddebitat lill-baġit ġenerali, li hi ser tqiegħed quddiem l-awtorità tal-baġit skond l-Artikolu 272 tat-Trattat.

8.   L-awtorità baġitarja għandha tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju lill-Aġenzija. L-awtorità baġitarja għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment ta' l-Aġenzija.

9.   Il-baġit ta' l-Aġenzija għandu jiġi adottat mill-Bord ta' Tmexxija. Dan għandu jsir finali wara l-adozzjoni tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Fejn hu xieraq, dan għandu jkun aġġustat kif meħtieġ.

10.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu, malajr kemm jista' jkun, jinnotifika lill-awtorità tal-baġit dwar l-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-finanzjament tal-baġit ta' l-Aġenzija, b'mod partikolari kwalunkwe proġett li jirrigwarda l-proprjetà bħall-kiri jew ix-xiri ta' bini. Hu għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan.

Fejn fergħa ta' l-awtorità tal-baġit innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, din għandha tgħaddi l-opinjoni tagħha lill-Bord ta' Tmexxija fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett.

Artikolu 21

Implimentazzjoni tal-baġit

1.   Id-Direttur għandu jimplimenta l-baġit ta' l-Aġenzija.

2.   Mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà ta' l-Aġenzija għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet finanzjarji proviżorji ta' l-istituzzjonijiet u tal-korpi deċentralizzati skond l-Artikolu 128 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (10) (“ir-Regolament Finanzjarju”).

3.   Mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni għandu jittrasmetti l-kontijiet finanzjarji proviżorji ta' l-Aġenzija lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni tal-baġit u tal-finanzi għal dik is-sena finanzjarja għandu jiġi trasmess ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

4.   Meta jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji ta' l-Aġenzija, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju, id-Direttur għandu jfassal il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija taħt ir-responsabbilità tiegħu stess u jgħaddihom lill-Bord ta' Tmexxija għal opinjoni.

5.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali ta' l-Aġenzija.

6.   Id-Direttur għandu, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju wara kull sena finanzjarja, jittrasmetti l-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord ta' Tmexxija.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati.

8.   Id-Direttur għandu jibgħat risposta lill-Qorti ta' l-Awdituri għall-osservazzjonijiet tagħha sa mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Huwa għandu wkoll jibgħat din ir-risposta lill-Bord ta' Tmexxija.

9.   Id-Direttur għandu jippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan ta' l-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni armonjuża tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja in kwistjoni, kif imniżżel fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju.

10.   Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lid-Direttur rigward l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena N.

11.   Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Aġenzija għandhom jiġu adottati mill-Bord ta' Tmexxija wara li tkun ġiet ikkonsultata l-Kummissjoni. Huma ma jistgħux ivarjaw mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2343/2002, sakemm ma jkunx speċifikament meħtieġ għall-ħidma ta' l-Aġenzija u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

Artikolu 22

Ġlieda kontra l-Frodi

1.   Sabiex jiġu miġġielda l-frodi, il-korruzzjoni u attivitajiet illeċiti oħra, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 għandhom japplikaw għall-Aġenzija mingħajr restrizzjonijet.

2.   L-Aġenzija għandha taċċedi għall-Ftehim Inter-istituzzjonali tal-25 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej dwar investigazzjonijiet interni mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) (11) u għandha toħroġ, mingħajr dewmien, id-dispożizzjonijet xierqa applikabbli għall-persunal kollu tagħha.

3.   Id-deċiżjonijiet rigward finanzjament u l-ftehim ta' implimentazzjoni u strumenti li jirriżultaw minnhom għandhom jistipulaw espliċitament li l-Qorti ta' l-Awdituri u l-OLAF jistgħu jwettqu, jekk meħtieġ, kontrolli fuq il-post fuq ir-riċevituri tal-finanzjament ta' l-Aġenzija u l-persunal responsabbli mill-allokazzjoni tiegħu.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 23

Status legali u sede

1.   L-Aġenzija għandu jkollha personalità ġuridika.

2.   F'kull wieħed mill-Istati Membri, l-Aġenzija għandha tgawdi minn kompetenza legali l-aktar estensiva mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom. B'mod partikolari hija għandha tikseb u tittratta proprjetà mobbli u immobbli u tista' tkun parti minn proċedimenti legali.

3.   L-Aġenzija għandha tkun irrappreżentata mid-Direttur tagħha.

4.   L-Aġenzija għandha legalment tieħu post iċ-Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija. Hija għandha tassumi d-drittijiet u l-obbligi legali kollha, l-impenji jew l-obbligi finanzjarji kollha taċ-Ċentru. Il-kuntratti ta' l-impjieg konklużi miċ-Ċentru qabel l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom ikunu onorati.

5.   L-Aġenzija għandu jkollha s-sede tagħha fi Vjenna.

Artikolu 24

Persunal

1.   Ir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli adottati b'mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea sabiex ikunu applikati dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg għandhom japplikaw għall-persunal ta' l-Aġenzija u għad-Direttur tagħha.

2.   Rigward il-persunal tagħha, l-Aġenzija għandha teżerċita s-setgħat mogħtija lill-awtorità li taħtar mir-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u lill-awtorità intitolata li tikkonkludi kuntratti mill-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegai Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej.

3.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu, fi ftehim mal-Kummissjoni, jadotta l-miżuri ta' implimentazzjoni meħtieġa, skond l-arranġamenti previsti fl-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija jista' jadotta dispożizzjonijiet biex esperti nazzjonali mill-Istati Membri jkunu jistgħu jiġu impjegati fl-Aġenzija fuq sekondament.

Artikolu 25

Arranġamenti dwar lingwa

1.   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta' April 1958 għandhom japplikaw għall-Aġenzija.

2.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jiddeċiedi dwar l-arranġamenti interni ta' lingwa għall-Aġenzija.

3.   Is-servizzi ta' traduzzjoni meħtieġa għall-funzjonament ta' l-Aġenzija għandhom jiġu pprovduti miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 26

Privileġġi u immunitajiet

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu japplika għall-Aġenzija.

Artikolu 27

Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

1.   Ir-responsabbiltà kuntrattwali ta' l-Aġenzija għandha tiġi rregolata bil-liġi li tapplika għall-kuntratt in kwistjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha kompetenza skond klawsola ta' arbitraġġ li tinsab f'kuntratt konkluż mill-Aġenzija.

2.   Fil-każ ta' obbligu mhux kuntrattwali, l-Aġenzija għandha, skond il-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet ta' l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kwalunkwe dannu kkawżat mill-Aġenzija jew mill-impjegati tagħha fil-qadi ta' dmirijiethom.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'tilwim dwar kumpens għal tali danni.

3.   Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni f'azzjonijiet miġjuba kontra l-Aġenzija taħt il-kondizzjonijiet previsti fl-Artikoli 230 u 232 tat-Trattat.

Artikolu 28

Parteċipazzjoni u kamp ta' applikazzjoni ta' pajjiżi kandidati u pajjiżi li magħhom ġie konkluż ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

1.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi kandidati bħala osservaturi.

2.   Il-parteċipazzjoni u l-modalitajiet rispettivi għandhom jiġu ddeterminati b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni rilevanti, b'kont meħud ta' l-istatus speċifiku ta' kull pajjiż. Id-deċiżjoni għandha tindika b'mod partikolari n-natura, safejn u l-mod li bih dawn il-pajjiżi ser jipparteċipaw fil-ħidma ta' l-aġenzija, fi ħdan il-qafas stabbilit fl-Artikoli 4 u 5, inkluż id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni f'inizjattivi li l-Aġenzija timpenja ruħha fihom, il-kontribuzzjoni finanzjarja u l-persunal. Id-deċiżjoni għandha tkun konformi ma' dan ir-Regolament u mar-Regolamenti tal-Persunal ta' l-Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Impjegati Oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej. Id-deċiżjoni għandha tipprevedi li l-pajjiż parteċipanti jista' jaħtar persuna indipendenti li tissodisfa l-kwalifiki għal persuni li jissemmew fl-Artikolu 12(1)(a) bħala osservatur għall-Bord ta' Tmexxija mingħajr id-dritt li jivvota. Fuq deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, l-Aġenzija tista' tittratta kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(1) fil-pajjiż rispettiv, safejn huwa meħtieġ għall-allinjament gradwali mad-dritt Komunitarju tal-pajjiż konċernat.

3.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jistieden pajjiż li miegħu ġie konkluż Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mill-Komunità Ewropea biex jipparteċipa fl-Aġenzija bħala osservatur. F'dak il-każ, il-paragrafu 2 għandu japplika kif meħtieġ.

KAPITOLU 7

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 29

Arranġamenti tranżitorji

1.   Il-mandat tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tar-Razziżmu u l-Ksenofobija (“iċ-Ċentru”) għandu jintemm fil-28 ta' Frar 2007.

2.   Fir-rigward tal-ħatra tal-Bord tat-Tmexxija:

a)

il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament biex tiżgura li l-Bord ta' Tmexxija li għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 12 jibda l-ħidma tiegħu fi żmien debitu;

b)

fi żmien erba' xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-persuni li huma jkunu ħatru bħala membru u membru supplenti tal-Bord tat-Tmexxija, skond l-Artikolu 12 (1) u (2). Wara l-iskadenza ta' dan il-perijodu, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ lill-Bord tat-Tmexxija, sakemm ikunu nħatru mill-inqas 17-il membru. F'tali każ u b'deroga mill-Artikolu 12(8), id-deċiżjonijiet tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jittieħdu b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti tal-membri maħtura. Meta jkunu ġew maħtura 23 membru tal-Bord tat-Tmexxija, l-Artikolu 12(8) għandu japplika.

ċ)

fl-ewwel laqgħa tal-Bord ta' Tmexxija, wara li jkunu saru l-ħatriet kollha, il-Kummissjoni għandha tagħżel bil-polza15-il membru tal-Bord ta' Tmexxija, li l-kompiti tagħhom għandhom jintemmu, b'deroga mill-Artikolu 12(4), ma' tmiem l-ewwel tliet snin tal-mandat tagħhom.

3.   Il-partijiet ikkonċernati għandhom jibdew il-proċedura għall-ħatra ta' Direttur ta' l-Aġenzija kif previst fl-Artikolu 15(1) mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

4.   Sakemm jiġi stabbilit l-Bord ta' Tmexxija skond il-paragrafu 2(b) u l-Artikolu 12(1) u (2), il-Kummissjoni għandha ssejjaħ Bord ta' Tmexxija interim li jikkonsisti mill-persuni, attwalment maħtura mill-Istati Membri, il-Kunsill ta' l-Ewropa u l-Kummissjoni għall-Bord tat-Tmexxija taċ-Ċentru abbażi ta' l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) 1035/97.

Il-Bord ta' Tmexxija interim ser ikollu l-mandat biex:

a)

jagħti opinjoni dwar proposta mill-Kummissjoni dwar it-test tas-sejħa tal-kandidati għall-post ta' Direttur skond l-Artikolu 15(1) sabiex tinbeda l-proċedura ta' selezzjoni;

b)

jaħtar, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, Direttur interim jew jestendi l-mandat attwali tad-Direttur taċ-Ċentru għall-inqas perijodu possibbli, matul il-proċedura tal-ħatra msemmija fil-paragrafu 3;

ċ)

jadotta l-baġit ta' l-Aġenzija għas-sena 2007 skond l-Artikolu 20(9) u abbozz ta' baġit għas-sena 2008 skond l-Artikolu 20(5); u

d)

jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet taċ-Ċentru għall-2006, skond l-Artikolu 12(6)(b).

5.   Sakemm jiġi adottat l-ewwel Kwadru Pluriennali għall-Aġenzija skond l-Artikolu 5(1), l-Aġenzija għandha twettaq il-kompiti tagħha fl-oqsma tematiċi tal-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-anti-semitiżmu relatata msemmijin fl-Artikolu 5(2)(b), mingħajr preġudizzju għat-tieni sentenza ta' l-Artikolu 5(3).

Artikolu 30

Evalwazzjonijiet

1.   L-Aġenzija għandha twettaq evalwazzjonijiet regolari ex-ante u ex-post ta' l-attivitajiet tagħha meta dawn jeħtieġu nefqa sinifikanti. Id-Direttur għandu jinnotifika lill-Bord ta' Tmexxija bir-riżultati ta' dawn l-evalwazzjonijiet.

2.   L-Aġenzija għandha tgħaddi kull sena lill-awtorità tal-baġit kwalunkwe informazzjoni rilevanti għar-riżultat tal-proċeduri ta' evalwazzjoni.

3.   Mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2011, l-Aġenzija għandha tikkummissjona evalwazzjoni esterna indipendenti tal-kisbiet tagħha matul l-ewwel ħames snin ta' ħidma abbażi tat-termini ta' referenza maħruġa mill-Bord ta' Tmexxija bi qbil mal-Kummissjoni. Din l-evalwazzjoni għandha:

a)

tieħu kont tal-kompiti ta' l-Aġenzija, il-prattika ta' ħidma u l-impatt ta' l-Aġenzija fuq il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali;

b)

tevalwa l-ħtieġa possibbli biex timmodifika l-kompiti ta' l-Aġenzija, l-oqsma tal-kamp ta' applikazzjoni ta' attività jew struttura;

ċ)

tinkludi analiżi ta' l-effetti ta' sinerġija u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta' kwalunkwe modifika tal-kompiti; u

d)

tieħu kont tal-fehmiet tal-partijiet interessati kemm fuq livell Komunitarju kif ukoll fuq livell nazzjonali.

4.   Il-Bord ta' Tmexxija, bi qbil mal-Kummissjoni, għandu jiddetermina ż-żmien u l-ambitu ta' l-evalwazzjonijiet esterni sussegwenti, li għandhom jitwettqu perjodikament.

Artikolu 31

Reviżjoni

1.   Il-Bord ta' Tmexxija għandu jeżamina l-konklużjonijiet ta' l-evalwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 30(3) u (4) u joħroġ lill-Kummissjoni tali rakkomandazzjonijiet li jkunu meħtieġa rigward bidliet fl-Aġenzija, fil-prattika ta' ħidma u fil-kamp ta' applikazzjoni tal-missjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti r-rapporti ta' l-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u tagħmilhom pubbliċi.

2.   Wara li tkun ivvalutat ir-rapport ta' l-evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet, il-Kummissjoni tista' tippreżenta kwalunkwe proposta għal emendi għal dan ir-Regolament li hija tqis meħtieġa.

Artikolu 32

Il-bidu tal-ħidma ta' l-Aġenzija

L-Aġenzija għandha ssir operattiva sa' l-1 ta' Marzu 2007.

Artikolu 33

Revoka

1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1035/97 huwa permezz ta' dan irrevokat b'effett mill-1 ta' Marzu 2007.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika b'effett mill-1 ta' Marzu 2007.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 15 ta' Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

W. SCHÄUBLE


(1)  ĠU C 88, 11.4.2006, p. 37.

(2)  ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(3)  ĠU L 151, 10.6.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1652/2003, (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 33).

(4)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(6)  ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

(7)  ĠU L 314, 7.12.1994, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1645/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 13.)

(8)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(9)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 1.

(10)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(11)  ĠU L 136, 31.5.1999, p. 15.


Top