EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007L0033

Direttiva tal-Kunsill 2007/33/KE tal- 11 ta’ Ġunju 2007 dwar il-kontroll ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata u li tħassar id-Direttiva 69/465/KEE

OJ L 156, 16.6.2007, p. 12–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 004 P. 256 - 266

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Imħassar b' 32016R2031

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2007/33/oj

16.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 156/12


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2007/33/KE

tal-11 ta’ Ġunju 2007

dwar il-kontroll ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata u li tħassar id-Direttiva 69/465/KEE

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Mill-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 69/465/KEE tat-8 ta’ Diċembru ta’ l-1969 dwar il-kontroll tal-Ġlata tal-Patata Eelworm (1) kien hemm żviluppi sinifikanti fin-nomenklatura, fil-bijoloġija u l-epidemoloġija ta’ l-ispeċi u l-popolazzjonijiet tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata u s-sistema ta’ distribuzzjoni tagħhom.

(2)

In-nematodi taċ-ċisti fil-patata (Globodera pallida (Stone) Behrens (popolazzjonijiet Ewropej) u Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens (popolazzjonijiet Ewropej)) huma rikonoxxuti bħala organiżmi perikolużi tal-patata.

(3)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 69/465/KEE ġew eżaminati mill-ġdid u, b’riżultat ta’ dan l-eżami mill-ġdid, instab li huma insuffiċjenti. Għalhekk hi meħtieġa l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet aktar komprensivi.

(4)

Id-dispożizzjonijiet għandhom iqisu li huma meħtieġa investigazzjonijiet uffiċjali sabiex jiġi żgurat li l-ebda nematodu taċ-ċisti fil-patata ma jinstab fl-għelieqi fejn patata taż-żrigħ li hija intenzjonata għall-produzzjoni ta’ patata taż-żrigħ, u ċerti pjanti li huma intenzjonati għall-produzzjoni ta’ pjanti għat-tħawwil, ma jitħawwel jew jinżamm.

(5)

Huwa meħtieġ li jsir stħarriġ uffiċjali fl-għelieqi li jintużaw għall-produzzjoni ta’ patata minbarra dawk li jintużaw għall-produzzjoni ta’ patata taż-żrigħ sabiex tiġi determinata d-distribuzzjoni tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata.

(6)

Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri ta’ kampjunament u ta’ ttestjar sabiex isiru tali investigazzjonijiet u stħarriġ uffiċjali.

(7)

Huwa meħtieġ li jittieħed kont tal-mezz ta’ tixrid ta’ l-organiżmu patoġeniku.

(8)

Id-dispożizzjonijiet għandhom iqisu li l-kontroll ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata jsir tradizzjonalment permezz tan-newba ta’ l-uċuħ peress li huwa magħruf li l-as l-assenza ta’ koltivazzjoni tal-patata għal bosta snin twassal għal tnaqqis għoli ferm tal-popolazzjoni tan-nematodi. Dan l-aħħar in-newba ta’ l-uċuħ ġiet supplimentata bl-użu ta’ varjetajiet reżistenti ta’ patata.

(9)

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom ikunu f’pożizzjoni li jieħdu miżuri addizzjonali jew aktar stretti fejn meħtieġ, bil-kondizzjoni li ma jkun hemm l-ebda tfixkil fil-moviment ta’ patata fil-Komunità, ħlief sa fejn hu stipulat mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju ta’ l-2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti jew għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (2). Tali miżuri għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

(10)

Għalhekk id-Direttiva 69/465/KEE għandha tiġi mħassra.

(11)

Ladarba l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri d-determinazzjoni tad-distribuzzjoni tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata, għall-finijiet ta’ prevenzjoni tat-tixrid u għall-kontroll tagħhom, ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u tista’ għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva tinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(12)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (3),

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri kontra l-Globodera pallida (Stone) Behrens (popolazzjonijiet Ewropej) u l-Globodera rostochiensis (Wollenweber) Behrens (popolazzjonijiet Ewropej), minn hawn ’il quddiem imsejħa “nematodi taċ-ċisti fil-patata”, sabiex tiġi ddeterminata d-distribuzzjoni tagħhom, ma jitħallewx jinfirxu u jiġu kkontrollati.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“uffiċjal” jew uffiċjali tfisser stabbilit, awtorizzat jew imwettaq mill-korpi uffiċjali responsabbli ta’ Stat Membru kif definit fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Direttiva 2000/29/KE;

(b)

“varjetà ta’ patata” reżistenti tfisser varjetà li meta tiġi kkoltivata twassal għat-trażżin sinifikanti ta’ l-iżvilupp ta’ popolazzjoni partikolari ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata;

(ċ)

“investigazzjoni” tfisser proċedura metodika għad-determinazzjoni tal-preżenza ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata f’għalqa;

(d)

“stħarriġ” tfisser proċedura metodika mwettqa fuq perijodu ta’ żmien definit għad-determinazzjoni tad-distribuzzjoni tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata fit-territorju ta’ Stat Membru.

Artikolu 3

1.   Il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru għandhom jiddefinixxu dak li jikkostitwixxi għalqa għall-finijiet ta’ din id-Direttiva sabiex jiġi żgurat li l-kondizzjonijiet fitosanitarji f’għalqa jkunu omoġeni fir-rigward tar-riskju għan-nematodi taċ-ċisti fil-patata. Waqt li jagħmlu dan, huma għandhom iqisu prinċipji xjentifiċi u ta’ l-istatistika sodi, il-bijoloġija tan-nematodu taċ-ċisti fil-patata, il-koltivazzjoni ta’ l-għalqa u s-sistemi partikolari ta’ produzzjoni ta’ pjanti ospitanti n-nematodi taċ-ċisti fil-patata f’dak l-Istat Membru. Il-kriterji dettaljati għad-definizzjoni ta’ għalqa għandhom jiġu nnotifikati uffiċjalment lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

2.   Dispożizzjonijiet oħra marbuta mal-kriterji tad-definizzjoni ta’ għalqa jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(2).

KAPITOLU II

SEJBA

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li investigazzjoni uffiċjali għall-preżenza tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata għandha ssir fl-għalqa li fiha l-pjanti elenkati fl-Anness I, li huma intenzjonati għall-produzzjoni ta’ pjanti għat-tħawwil, jew patata taż-żrigħ li huma intenzjonati għall-produzzjoni ta’ patata taż-żrigħ, għandhom jitħawlu jew jinħażnu.

2.   L-investigazzjoni uffiċjali prevista fil-paragrafu 1 għandha ssir fil-perijodu bejn il-ħsad ta’ l-aħħar wiċċ tar-raba’ fl-għalqa u t-tħawwil tal-pjanti jew tal-patata taż-żrigħ imsemmija fil-paragrafu 1. Din tista’ ssir qabel, f’liema każ għandha tkun disponibbli prova dokumentata ta’ dik l-investigazzjoni li tikkonferma li ma nstabux nematodi taċ-ċisti fil-patata u li l-patata u pjanti ospitanti oħra elenkati fil-punt 1 ta’ l-Anness I ma kinux preżenti fiż-żmien ta’ l-investigazzjoni u ma ġewx ikkoltivati aktar minn żmien l-investigazzjoni.

3.   Ir-riżultati ta’ investigazzjonijiet uffiċjali diversi minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1 u li saru qabel l-1 ta’ Lulju 2010 jistgħu jitqiesu bħala prova kif imsemmi fil-paragrafu 2.

4.   Jekk il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istati Membri stabbilixxew li ma hemm l-ebda riskju ta’ tixrid tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata, l-investigazzjoni uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhiex tkun meħtieġa għal:

(a)

iż-żrigħ ta’ pjanti li huma elenkati fl-Anness I, intenzjonati għall-produzzjoni ta’ pjanti għat-tħawwil li għandhom jintużaw fl-istess post ta’ produzzjoni li jinsab f’żona definita uffiċjalment,

(b)

iż-żrigħ ta’ patata taż-żrigħ, intenzjonati għall-produzzjoni ta’ patata taż-żrigħ li għandha tintuża fl-istess post tal-produzzjoni li jinsab f’żona definita uffiċjalment,

(ċ)

it-tħawwil ta’ pjanti elenkati fil-punt 2 ta’ l-Anness I, intenzjonati għall-produzzjoni ta’ pjanti għat-tħawwil fejn il-pjanti maħsuda għandhom ikunu soġġetti għall-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fit-Taqsima III(A) ta’ l-Anness III.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati ta’ l-investigazzjonijiet li jissemmew fil-paragrafi 1 u 3 huma rreġistrati uffiċjalment u huma aċċessibbli għall-Kummissjoni.

Artikolu 5

1.   Fil-każ ta’ għelieqi fejn patata taż-żrigħ jew pjanti li huma elenkati fil-punt 1 ta’ l-Anness I, intenzjonati għall-produzzjoni ta’ pjanti għat-tħawwil, għandhom jitħawlu jew jinħażnu, l-investigazzjoni uffiċjali msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tinvolvi kampjunar u ttestjar għall-preżenza tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata skond l-Anness II.

2.   Fil-każ ta’ għelieqi fejn il-pjanti elenkati fil-punt 2 ta’ l-Anness I, li huma intenzjonati għall-produzzjoni ta’ pjanti għat-tħawwil għandhom jitħawlu jew jinħażnu, l-investigazzjoni uffiċjali msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tinvolvi kampjunament u ttestjar għall-preżenza ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata skond l-Anness II jew verifikazzjoni kif stabbilit fit-Taqsima I ta’ l-Anness III.

Artikolu 6

1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu li jitwettaq stħarriġ uffiċjali fl-għelieqi li ntużaw għall-produzzjoni ta’ patata, ħlief dawk li huma intenzjonati għall-produzzjoni ta’ patata taż-żrigħ, sabiex tiġi stabbilita d-distribuzzjoni ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata.

2.   L-istħarriġ uffiċjali għandu jinvolvi kampjunament u ttestjar għall-preżenza ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata skond il-paragrafu 2 ta’ l-Anness II u għandu jsir skond it-Taqsima II ta’ l-Anness III.

3.   Ir-riżultati ta’ l-istħarriġ uffiċjali għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub lill-Kummissjoni skond it-Taqsima II ta’ l-Anness III.

Artikolu 7

Jekk, bħala riżultat ta’ l-investigazzjoni uffiċjali msemmija fl-Artikolu 4(1) u l-investigazzjonijiet uffiċjali oħra msemmija fl-Artikolu 4(3) ma jinstabux nematodi taċ-ċisti fil-patata, il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ Stat Membru għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni tkun reġistrata uffiċjalment.

Artikolu 8

1.   Meta għalqa tinstab infestata b’nematodi taċ-ċisti fil-patata matul l-investigazzjoni uffiċjali msemmija fl-Artikolu 4(1), il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ Stat Membru għandhom jaċċertaw li din l-informazzjoni tkun reġistrata uffiċjalment.

2.   Meta għalqa tinstab infestata b’nematodi taċ-ċisti fil-patata matul l-istħarriġ uffiċjali msemmija fl-Artikolu 6(1), il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ Stat Membru għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni tkun reġistrata uffiċjalment.

3.   Il-patata jew il-pjanti elenkati fl-Anness I li jiġu minn għalqa rreġistrata uffiċjalment bħala infestata b’nematodi taċ-ċisti fil-patata kif imsemmi fil-paragrafu 1 jew fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jew li ġew f’kuntatt ma’ ħamrija li fiha nstabu nematodi taċ-ċist fil-patata għandhom jiġu uffiċjalment klassifikati bħala kkontaminati.

KAPITOLU III

MIŻURI TA’ KONTROLL

Artikolu 9

1.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li f’għalqa li ġiet irreġistrata uffiċjalment bħala infestata kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) jew 8(2):

(a)

m’għandhiex tinżera’ patata li hija intenzjonata għall-produzzjoni ta’ patata taż-żrigħ, u

(b)

l-ebda pjanta elenkata fl-Anness I, intenzjonata għat-tħawwil mill-ġdid ma għandha titħawwel jew tinħażen. Madankollu, il-pjanti elenkati fil-punt 2 ta’ l-Anness I jistgħu jitħawlu f’dik l-għalqa bil-kondizzjoni li dawn il-pjanti jiġu soġġetti għall-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fit-Taqsima III(A) ta’ l-Anness III, b’mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata.

2.   Fi-każ ta’ għelieqi li huma intenzjonati għaż-żrigħ ta’ patata, minbarra dawk li huma intenzjonati għall-produzzjoni ta’ patata taż-żrigħ, irreġistrata uffiċjalment bħala infestata kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) jew 8(2), il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li dawn l-għelieqi jiġu soġġetti għal programm uffiċjali ta’ kontroll li jkun immirat mill-anqas lejn il-qerda tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata.

Il-programm imsemmi fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jieħu kont tas-sistemi ta’ produzzjoni u ta’ tqegħid fis-suq partikolari għall-pjanti ospitanti tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata fl-Istat Membru rilevanti, tal-karatteristiċi tal-popolazzjoni tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata preżenti, ta’ l-użu ta’ varjetajiet eżistenti ta’ patata ta’ l-ogħla livelli ta’ reżistenza disponibbli kif speċifikat fit-Taqsima I ta’ l-Anness IV u, fejn ikun kunsiljabbli, ta’ miżuri oħra. Dan il-programm għandu jiġi nnotifikat bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-ħsieb li jiġu żgurati livelli komparabbli ta’ assigurazzjoni bejn l-Istati Membri.

Il-grad ta’ reżistenza tal-varjetajiet ta’ patata, minbarra dawk li diġà ġew notifikati skond l-Artikolu 10.1 tad-Direttiva 69/465/KEE għandu jiġi kkwantifikat skond it-tabella ta’ notazzjoni tal-punteġġ standard fit-Taqsima I ta’ l-Anness IV ta’ din id-Direttiva. L-ittestjar għar-reżistenza għandu jsir skond il-protokoll stabbilit fit-Taqsima II ta’ l-Anness IV ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 10

1.   L-Istati Membri għandhom jippreskrivu li għall-patata jew għall-pjanti elenkati fl-Anness I, li ġew klassifikati bħala kontaminati skond l-Artikolu 8(3):

(a)

fil-każ ta’ patata taż-żrigħ u l-pjanti ospitanti elenkati fil-punt 1 ta’ l-Anness I dawn m’għandhomx jinżergħu sakemm ma jkunux ġew iddekontaminati taħt is-superviżjoni tal-korpi uffiċjali responsabbli ta’ Stat Membru permezz ta’ metodu xieraq adottat skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, li jkun ibbażat fuq evidenza xjentifika li m’hemm l-ebda riskju ta’ tixrid tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata,

(b)

fil-każ ta’ patata li hija intenzjonata għall-ipproċessar jew għall-gradazzjoni industrijali, din għandha tkun soġġetta għall-miżuri approvati uffiċjalment skond it-Taqsima III(B) ta’ l-Anness III,

(ċ)

fil-każ ta’ pjanti elenkati fil-punt 2 ta’ l-Anness I, dawn m’għandhomx jiġu mħawla sakemm ma jkunux ġew soġġetti għall-miżuri approvati uffiċjalment kif imsemmija fit-Taqsima III(A) ta’ l-Anness III, sabiex ma jibqgħux kontaminati.

2.   L-ispeċifikazzjonijiet tal-metodi msemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 11

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16(1) ta-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-okkorrenza sospetta jew il-preżenza kkonfermata ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata fit-territorju tagħhom li jirriżulta mit-tqassim jew mill-bidla ta’ l-effettività ta’ varjetà ta’ patata reżistenti li tikkonċerna bidla eċċezzjonali fil-kompożizzjoni ta’ speċi tan-nematodi, tip patoloġiku jew grupp ta’ aggressività għandhom jiġu rrappurtati lill-korpi uffiċjali responsabbli tagħhom stess.

2.   Għall-każijiet kollha rrappurtati skond il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-ispeċi tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata u, fejn hu applikabbli, it-tip patoloġiku jew il-grupp ta’ aggressività involuti, jiġu investigati u kkonfermati permezz ta’ metodi xierqa.

3.   Id-dettalji tal-konfermi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu bil-miktub kull sena sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru lill-Kummssjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

4.   Il-metodi xierqa msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw bil-miktub lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra kull sena sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Jannar, lista tal-varjetajiet ġodda ta’ patata kollha li sabu permezz ta’ ttestjar uffiċjali li huma reżistenti għan-nematodi taċ-ċisti fil-patata. Huma għandhom jistipolaw l-ispeċi, it-tipi patoġeniċi, il-gruppi ta’ aggressività jew il-popolazzjonijiet li l-varjetajiet huma reżistenti għalihom, il-grad ta’ reżistenza u s-sena meta saret id-determinazzjoni tagħha.

Artikolu 13

Jekk wara li jkunu ttieħdu l-miżuri approvati uffiċjalment, imsemmija fit-Taqsima III(Ċ) ta’ l-Anness III, il-preżenza tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata ma tiġix ikkonfermata, il-korpi uffiċjali responsabbli ta’ l-Istat Membru għandhom jaċċertaw li r-reġistru uffiċjali msemmi fl-Artikolu 4(5), l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 8(2) jiġu aġġornati u kwalunkwe restrizzjoni imposta fuq l-għalqa tiġi rrevokata.

Artikolu 14

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 3 u 5 tad-Direttiva 2000/29/KE, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw derogi mill-miżuri msemmija fl-Artikoli 9 u 10 ta’ din id-Direttiva skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 95/44/KE tas-26 ta’ Lulju 1995 li tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom organiżmi ta’ ħsara, pjanti, prodotti ta’ pjanti u oġġetti oħra elenkati fl-Annessi I sa V tad-Direttiva tal-Kunsill 77/93/KEE jistgħu jiddaħħlu jew ikollhom moviment fil-Komunità jew f’ċerti żoni protetti tagħha, għal prova jew għal skopijiet xjentifiċi u għal xogħol fuq għażliet varjetali (4) għall-finijiet xjentifiċi jew ta’ provi u għal xogħol fuq selezzjonijiet ta’ varjetajiet.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 15

L-Istati Membri jistgħu jadottaw, fir-rigward tal-produzzjoni tagħhom, miżuri addizzjonali jew miżuri aktar stretti kif meħtieġa għall-kontroll tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata jew għall-prevenzjoni tat-tixrid tagħhom sakemm jibqgħu f’konformità mad-Direttiva 2000/29/KE.

Dawn il-miżuri għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.

Artikolu 16

L-emendi li jsiru lill-Annessi, li għandhom isiru fid-dawl ta’ l-iżviluppi fil-konoxxenza xjentifika jew teknika, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(2).

Artikolu 17

1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

Artikolu 18

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2010, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Lulju 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali, li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 19

Id-Direttiva 69/465/KEE hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Lulju 2010.

Artikolu 20

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, 11 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kunsill

Il–President

H. SEEHOFER


(1)  ĠU L 323, 24.12.1969, p. 3. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mill-Att ta’ l-Adeżjoni ta’ l-1994.

(2)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/35/KE (ĠU L 88, 25.3.2006, p. 9).

(3)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(4)  ĠU L 184, 3.8.1995, p. 34. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/46/KE (ĠU L 204, 31.7.1997, p. 43).


ANNESS I

Lista ta’ pjanti msemmija fl-Artikoli 4(1), 4(2), 4(4), 5(1), 5(2), 8(3), 9(1)(b), u 10(1)

1.

Pjanti ospitanti bl-għeruq:

 

Capsicum spp.,

 

Lycopersicon lycopersicum (L.) Karsten ex Farw.,

 

Solanum melongena L.

2.

(a)

Pjanti oħrajn bl-għeruq:

 

Allium porrum L.,

 

Beta vulgaris L.,

 

Brassica spp.,

 

Fragaria L.,

 

Asparagus officinalis L.

(b)

Basal (bulbs), tuberi u riżomi, mhux soġġetti għall-miżuri approvati uffiċjalment kif imsemmija fit-Taqsima III(A) ta’ l-Anness III, li jikbru f’ħamrija u li huma intenzjonati għaż-żrigħ, ħlief dawk li għalihom għandu jkun hemm evidenza mill-ippakkjar tagħhom jew permezz ta’ mezzi oħrajn li huma intenzjonati għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari li mhux involut fil-produzzjoni professjonali ta’ pjanti jew ta’ fjuri li jinqatgħu, ta’:

 

Allium ascalonicum L.,

 

Allium cepa L.,

 

Dahlia spp.,

 

Gladiolus Tourn. Ex L.,

 

Hyacinthus spp.,

 

Iris spp.,

 

Lilium spp.,

 

Narcissus L.,

 

Tulipa L.


ANNESS II

1.

B’referenza għall-kampjunament u għall-ittestjar għall-investigazzjoni uffiċjali msemmija fl-Artikolu 5(1) u 5(2):

(a)

il-kampjunament għandu jinvolvi kampjun ta’ ħamrija b’rata standard ta’ mill-inqas 1 500 ml ħamrija/ettaru li jinġabar minn mill-inqas 100 qalba/ettaru preferibilment permezz ta’ kwadru rettangolari ta’ mhux inqas minn 5 metri wisa’ u mhux iktar minn 20 metru tul bejn il-pożizzjonijiet ta’ kampjunament li jkopru l-għalqa kollha. Il-kampjun kollu għandu jintuża għal aktar eżaminazzjoni, jiġifieri l-estrazzjoni taċ-ċisti, l-identifikazzjoni ta’ l-ispeċi u, jekk huwa applikabbli, id-determinazzjoni tat-tip patoġeniku/il-grupp ta’ aggressività;

(b)

l-ittestjar għandu jinvolvi metodi għall-estrazzjoni taċ-ċisti tan-nematodi fil-patata kif deskritt fil-Proċeduri Fitosanitarji jew fil-Protokolli ta’ Djanjożi rilevanti għall-Globodera pallida u għall-Globodera rostochiensis: standards EPPO.

2.

B’referenza għall-kampjunament u għall-ittestjar għall-istħarriġ uffiċjali msemmi fl-Artikolu 6(2):

(a)

il-kampjunament għandu jkun:

il-kampjunament deskritt fil-paragrafu 1 b’rata minima ta’ kampjunar ta’ ħamrija ta’ mill-inqas 400 ml/ettaru;

jew

il-kampjunament speċifiku ta’ mill-inqas 400 ml ta’ ħamrija wara eżami viżwali ta’ għeruq fejn ma jinstabux sintomi viżwali;

jew

il-kampjunament ta’ mill-inqas 400 ml ta’ ħamrija li hija assoċjata mal-patata wara l-ħsad bil-kondizzjoni li l-għalqa fejn kienet kkoltivata l-patata tkun rintraċċabbli;

(b)

l-ittestjar għandu jkun l-ittestjar imsemmi fil-paragrafu 1.

3.

Bħala deroga r-rata standard tal-kampjunament imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jitnaqqas sa minimu ta’ 400 ml ta’ ħamrija/ettaru bil-kondizzjoni li:

(a)

jkun hemm prova dokumentata li l-ebda patata jew pjanti ospitanti oħra elenkati fil-punt 1 ta’ l-Anness I ma ġew ikkoltivati u kienu preżenti fl-għalqa fis-sitt snin qabel l-investigazzjoni uffiċjali;

jew

(b)

ebda nematodu taċ-ċisti fil-patata ma nstab matul l-aħħar żewġ investigazzjonijiet uffiċjali suċċessivi f’kampjuni ta’ 1 500 ml ħamrija/ettaru u l-ebda patata jew pjanti ospitanti oħra elenkati fil-punt 1 ta’ l-Anness I, minbarra dawk li għalihom hi meħtieġa investigazzjoni uffiċjali skond l-Artikolu 4(1), ma ġew ikkoltivati wara l-ewwel investigazzjoni uffiċjali;

jew

(ċ)

l-ebda nematodu taċ-ċisti fil-patata jew nematodu taċ-ċisti fil-patata mingħajr kontenut ħaj ma nstabu fl-aħħar investigazzjoni uffiċjali li kellha tikkonsisti minn qies ta’ kampjun ta’ mill-inqas 1 500 ml ħamrija/ettaru u ebda patata jew pjanti oħrajn ospitanti elenkati fil-punt 1 ta’ l-Anness I, minbarra dawk li għalihom hi meħtieġa investigazzjoni uffiċjali skond l-Artikolu 4(1), ma ġew ikkoltivati fl-għalqa mill-aħħar investigazzjoni uffiċjali.

Ir-riżultati ta’ investigazzjonijiet uffiċjali oħra li saru qabel l-1 ta’ Lulju 2010 jistgħu jitqiesu bħala uffiċjali kif imsemmi fis-subparagrafi (b) u (ċ).

4.

Bħala deroga r-rata ta’ kampjunar imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 tista’ titnaqqas għal għelieqi akbar minn 8 ettari u 4 ettari rispettivament:

(a)

fil-każ tar-rata standard imsemmija fil-paragrafu 1, għandhom jittieħdu kampjuni mill-ewwel 8 ettari bir-rata speċifikata f’dan il-paragrafu, iżda din tista’ titnaqqas għal kull ettaru addizzjonali għal minimu ta’ 400ml ta’ ħamrija/ettaru

(b)

fil-każ tar-rata mnaqqsa msemmija fil-paragrafu 3, għandhom jittieħdu kampjuni ta’ l-ewwel 4 ettari bir-rata speċifikata f’dan il-paragrafu, iżda din tista’ titnaqqas aktar għal kull ettaru addizzjonali għal minimu ta’ 200ml ta’ ħamrija/ettaru.

5.

L-użu ta’ kampjun ta’ qies ridott kif imsemmi fil-paragrafi 3 u 4 jista’ jitkompla għall-investigazzjonijiet uffiċjali sussegwenti kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) sa ma jinstabu n-nematodi taċ-ċisti fil-patata fl-għalqa kkonċernata.

6.

Bħala deroga d-daqs standard tal-kampjun tal-ħamrija msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jitnaqqas għal minimu ta’ 200 ml ta’ ħamrija/ettaru bil-kondizzjoni li l-għalqa tinsab f’żona ddikjarata ħielsa min-nematodi taċ-ċisti fil-patata, u klassifikata, miżmuma u studjata skond l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti. Dettalji dwar żoni bħal dawn għandhom jiġu nnotifikati uffiċjalment bil-miktub lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

7.

Id-daqs minimu tal-kampjun tal-ħamrija f’kull każ għandu jkun ta’ 100 ml ta’ ħamrija għal kull għalqa.


ANNESS III

TAQSIMA I

VERIFIKA

B’referenza għall-Artikolu 5(2), l-investigazzjoni uffiċjali msemmija fl-Artikolu 4(1) għandha tistabbilixxi li fiż-żmien tal-verifika ntlaħaq wieħed mill-kriterji li ġejjin:

l-ebda storja ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata fl-għalqa matul l-aħħar 12–il sena, abbażi tar-riżultati ta’ ttestjar xieraq approvat uffiċjalment

jew

storja magħrufa ta’ tkabbir fejn l-ebda patata jew pjanti ospitanti oħra elenkati fil-punt 1 ta’ l-Anness I ma ġewx ikkoltivati fl-għalqa fl-aħħar 12–il sena.

TAQSIMA II

STĦARRIĠ

L-istħarriġ uffiċjali msemmi fl-Artikolu 6(1), għandu jsir fuq mhux inqas minn 0.5 % mill-ammont ta’ ettari użati fis-sena rilevanti għall-produzzjoni tal-patata, ħlief dak li huwa intenzjonat għall-produzzjoni ta’ patata taż-żriegħ. Ir-riżultati ta’ l-istħarriġ għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni sa l-1 ta’ April għall-perijodu ta’ tnax-il xahar preċedenti.

TAQSIMA III

MIŻURI UFFIĊJALI

(A)

Il-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fl-Artikolu 4(4)(ċ), 9(1)(b), l-Artikolu 10(1)(ċ) u fil-paragrafu 2b ta’ l-Anness I huma:

1.

diżinfestazzjoni permezz ta’ metodi xierqa b’mod li ma jkun hemm ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata

2.

tneħħija ta’ ħamrija bil-ħasil jew bit-tfarfir sakemm prattikament ħielsa minn ħamrija b’mod li ma jkun hemm l-ebda riskju identifikabbli ta’ tixrid ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata.

(B)

Il-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fl-Artikolu 10(1)(b) huma l-kunsinna għal impjant ta’ proċessar jew ta’ gradazzjoni li jkollu proċeduri ta’ skart xierqa u approvati uffiċjalment li għalih ġie stabbilit li ma hemm ebda riskju ta’ tixrid ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata.

(Ċ)

Il-miżuri approvati uffiċjalment imsemmija fl-Artikolu 13 huma l-kampjunament mill-ġdid uffiċjali ta’ l-għalqa rreġistrata uffiċjalment bħala infestata kif imsemmi fl-Artikolu 8(1) u 8(2), u l-ittestjar permezz ta’ wieħed mill-metodi speċifikati fl-Anness II, wara perijodu minimu ta’ 6 snin li jibda jgħodd mill-konferma pożittiva ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata, jew li jibda jgħodd mill-aħħar koltivazzjoni ta’ patata. Dan il-perjodu jista’ jitnaqqas sa minimu ta’ 3 snin jekk ittieħdu miżuri ta’ kontroll xierqa approvati uffiċjalment.


ANNESS IV

TAQSIMA I

GRAD TA’ REŻISTENZA

Il-grad ta’ suxxettibbiltà tal-patata għan-nematodi taċ-ċisti fil-patata għandha tiġi kwantifikata skond in-notazzjoni tal-punteġġ standard li ġejja, kif imsemmi fl-Artikolu 9(2).

Il-punteġġ 9 jindika l-ogħla livell ta’ reżistenza.

Suxxettibbiltà relattiva (%)

Punteġġ

< 1

9

1.1–3

8

3.1–5

7

5.1–10

6

10.1–15

5

15.1–25

4

25.1–50

3

50.1–100

2

> 100

1

TAQSIMA II

PROTOKOLL GĦALL-ITTESTJAR TAR-REŻISTENZA

1.

It-test għandu jsir ġewwa faċilità ta’ kwarantina jew barra, f’serer, jew fi kmamar klimatiċi.

2.

It-test għandu jsir fi qsari li jkun fihom mill-inqas litru ta’ ħamrija kull wieħed (jew sustrat xieraq).

3.

It-temperatura tal-ħamrija matul it-test ma tridx teċċedi l-25 °C u għandhom jissaqqew b’mod xieraq.

4.

Meta jsir it-tħawwil tal-varjetà għat-test jew għall-kontroll għandha tintuża għajn ta’ patata waħda ta’ kull varjetà għat-test jew għall-kontroll. It-tneħħija ta’ l-għeruq kollha ħlief wieħed huwa rakkomandabbli.

5.

Il-varjetà ta’ patata “Désirée” għandha tintuża bħala varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard għal kull test. Varjetajiet ta’ kontroll addizzjonali li huma kompletament suxxettibbli ta’ rilevanza lokali jistgħu jiġu inklużi bħala kontrolli interni. Il-varjetà standard ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard tista’ tinbidel jekk ir-riċerka tindika li varjetajiet oħrajn huma jew aktar adattati jew iktar aċċessibbli.

6.

Il-popolazzjonijiet standard ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata li ġejjin għandhom jintużaw kontra t-tipi patoġeniċi Ro1, Ro5, Pa1 u Pa3:

 

Ro1: popolazzjoni Ecosse

 

Ro5: popolazzjoni Harmerz

 

Pa1: popolazzjoni Scottish

 

Pa3: popolazzjoni Chavornay

Popolazzjonijiet oħra tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata li huma ta’ rilevanza lokali jistgħu jiġu miżjuda.

7.

L-identità tal-popolazzjoni standard użata għandha tiġi vverifikata permezz ta’ metodi xierqa. Huwa rrakkomandat li jintużaw mill-inqas żewġ varjetajiet reżistenti jew żewġ kloni standard differenzjali b’kapaċità ta’ reżistenza magħrufa fl-esperiment ta’ ttestjar.

8.

L-inokulum tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata (Pi) għandu jikkonsisti f’5 bajdiet u larvi li infettivi għal kull ml ta’ ħamrija. Huwa rrakkomandat li n-numru ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata li jintużaw għall-innokulazzjoni għal kull ml ta’ ħamrija jiġi ddeterminat minn esperiment ta’ tfaqqis. In-nematodi taċ-ċisti fil-patata jistgħu jitlaqqmu bħaċ-ċisti, jew f’taħlita bħala bajd u larvi f’sospensjoni.

9.

Il-vijabbiltà tal-kontenut tan-nematodi taċ-ċisti fil-patata li jintuża bħala s-sors ta’ inokulazzjoni għandha tkun ta’ mhux inqas minn 70 %. Huwa rrakkomandat li ċ-ċisti jkunu ta’ eta ta’ bejn 6 u 24 xahar u jinżammu għal mhux inqas minn 4 xhur f’4 °C immedjatament qabel l-użu.

10.

Għandu jkun hemm mill-inqas 4 repliki (qsari) għal kull taħlita ta’ nematodi taċ-ċisti fil-patata u l-varjetà ta’ patata ttestjata. Huwa rrakkomandat li jintużaw mill-inqas 10 repliki għall-varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard.

11.

It-test għandu jdum mill-inqas 3 xhur u l-maturità tal-femminili li jiżviluppaw għandha tiġi vverifikata qabel ma jitkompla l-esperiment.

12.

In-nematodi taċ-ċisti fil-patata mill-4 repliki għandhom jiġu estratti u jingħaddu separatament għal kull qasrija.

13.

Il-popolazzjoni finali (Pf) għall-varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard fl-aħħar tat-test ta’ reżistenza għandha tiġi ddeterminata billi jingħaddu ċ-ċisti kollha mir-repliki kollha u l-bajd u larvi minn mill-inqas 4 repliki.

14.

Rata ta’ multiplikazzjoni ta’ mhux inqas minn 20 × (Pf/Pi) fuq il-varjetà standard li sservi ta’ kontroll fl-ittestjar għall-vulnerabbiltà għandha tinkiseb.

15.

Il-koeffiċjenti ta’ varjazzjoni (CV) tal-varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard m’għandhiex teċċedi l-35 %.

16.

Is-suxxettibbiltà relattiva tal-varjetà ta’ patata ttestjata għall-varjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard għandha tiġi ddeterminata u espressa bħala perċentwali skond il-formula:

Pfvarjetà tat-test/Pfvarjetà ta’ kontroll ta’ suxxettibbiltà standard × 100 %.

17.

Jekk varjetà ta’ patata ttestjata għandha suxxettibbiltà relattiva ta’ iktar minn 3 %, l-għadd taċ-ċisti huwa biżżejjed. Fil-każijiet fejn is-suxxettibbiltà relattiva hija inqas minn 3 %, il-bajd u l-larvi għandhom jingħaddu flimkien ma’ l-għadd taċ-ċisti.

18.

Fejn ir-riżultati tat-testijiet fl-ewwel sena jindikaw li varjetà hija suxxettibbli kompletament għal tip patoġeniku, ma hemm ebda ħtieġa li t-test għandu jerġa’ jsir fit-tieni sena.

19.

Ir-riżultati tat-testijiet għandhom jiġu kkonfermati pemezz ta’ mill-inqas prova uffiċjali oħra f’sena oħra. Il-medja aritmetika tas-suxxettibbiltà relattiva f’sentejn għandha tintuża sabiex jinkiseb il-punteġġ skond in-notazzjoni tal-punteġġ standard.


Top