Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1084

Regolament (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill tal- 11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94

OJ L 210, 31.7.2006, p. 79–81 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 14 Volume 002 P. 118 - 120
Special edition in Romanian: Chapter 14 Volume 002 P. 118 - 120
Special edition in Croatian: Chapter 14 Volume 002 P. 174 - 176

No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32013R1300

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1084/oj

31.7.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

79


REGOLAMENT (KE) NRU 1084/2006 TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Lulju 2006

li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 161(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni (4) jistabbilixxi qafas ġdid għall-azzjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta' Koeżjoni. Huwa jistabbilixxi, b'mod partikolari, l-objettivi, il-prinċipji u r-regoli dwar is-sħubija, il-programmazzjoni, il-valutazzjoni u l-ġestjoni. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi speċifikata l-missjoni tal-Fond ta' Koeżjoni fir-rigward tal-qafas ġdid għall-azzjoni tiegħu u fir-rigward ta' l-għan mogħti lilu fit-Trattat u li jiġi mħassar, għal raġunijiet ta' ċarezza, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94 tas-16 ta' Mejju 1994 li jistabbilixxi l-Fond ta' Koeżjoni (5).

(2)

Il-proġetti tar-retikolati tat-trasport trans-Ewropew finanzjati mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jikkonformaw mal-linji gwida għal retikolati tat-trasport trans-Ewropej adottati mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Sabiex jiġu konċentrati l-isforzi, għandha tingħata prijorità lill-proġetti ta' interess Ewropew kif definiti fid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1996 dwar linji gwida tal-Komunità għall-iżvilupp tan-network tat-trasport trans-Ewropew (6).

(3)

Il-Komunità tista', permezz tal-Fond ta' Koeżjoni, tikkontribwixxi għal azzjoni sabiex jintlaħqu l-objettivi ambjentali Komunitarji kif speċifikati fl-Artikoli 6 u 174 tat-Trattat.

(4)

Ir-Regolament (KE)) Nru 1083/2006jipprovdi li l-eliġibbiltà tan-nefqa għandha tkun stabbilita fil-livell nazzjonali, b'ċerti eċċezzjonijiet li għalihom ikun meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi. Għandhom għalhekk jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi għall-eċċezzjonijiet relatati mal-Fond ta' Koeżjoni.

(5)

Għandhom ikomplu japplikaw dispożizzjonijiet ta' kondizzjonalità fl-għoti ta' għajnuna finanzjarja tkompli tapplika b'mod konġunt mat-twettiq tal-kondizzjonijiet ta' konverġenza ekonomika kif stabbiliti fl-Artikolu 99 tat-Trattat u tal-ħtieġa ta' finanzi governattivi sodi. F'dan ir-rigward, l-Istati Membri li adottaw l-euro għandhom jimplementaw programmi ta' stabbiltà u l-Istati Membri li m'adottawx l-euro għandhom jimplementaw programmi ta' konverġenza, kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġitu s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (7), li jwassal sabiex jiġu evitati d-defiċit governattivi eċċessivi msemmija fl-Artikolu 104 tat-Trattat. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta' kondizzjonalità m'għandhomx japplikaw għall-impenji diġà magħmula fiż-żmien tas-sospensjoni,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-twaqqif u l-għan tal-Fond ta' Koeżjoni

1.   Huwa b'dan stabbilit Fond ta' Koeżjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-Fond) bil-għan li tiġi msaħħa l-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità fl-interessi tal-promozzjoni ta' l-iżvilupp sostenibbli.

2.   Il-Fond għandu jkun regolat mir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u minn dan ir-Regolament.

Artikolu 2

L-ambitu ta' l-għajnuna

1.   L-għajnuna mill-Fond għandha tingħata lil azzjonijiet fl-oqsma li ġejjin waqt li tiżgura bilanċ adegwat u skond il-ħtiġijiet ta' investiment u ta' infrastruttura speċifiċi għal kull Stat Membru li jirċievi l-għajnuna:

(a)

ir-retikolati tat-trasport trans-Ewropej, b'mod partikolari proġetti prijoritarji ta' interess Ewropew kif identifikati mid-Deċiżjoni Nru 1692/96/KE.

(b)

l-ambjent, fil-limiti tal-prijoritajiet assenjati lill-politika ta' protezzjoni ambjentali Komunitarja taħt il-programm ta' politika u ta' azzjoni dwar l-ambjent. F'dan il-kuntest, il-Fond jista' jintervjeni wkoll f'oqsma relatati ma' l-iżvilupp sostenibbli li b'mod ċar joffru benefiċċji ambjentali, jiġifieri effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija u enerġija rinnovabbli u, fis-settur tat-trasport barra r-retikolati trans-Ewropej, trasport bil-ferrovija, fuq xmajjar, bil-baħar, sistemi ta' trasport intermodali u l-interoperabbiltà tagħhom, il-ġestjoni tat-traffiku fuq it-triq, bil-baħar u bl-ajru, trasport urban nadif u trasport pubbliku.

2.   Għandu jkun hemm qbil abbażi ta' sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar il-bilanċ adegwat ta' l-għajnuna.

Artikolu 3

Eliġibbiltà tan-nefqa

L-infiq li ġej ma għandux ikun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fond ta' Koeżjoni:

(a)

mgħax fuq id-dejn;

(b)

ix-xiri ta' art għal ammont li jeċċedi l-10 % tan-nefqa totali eliġibbli għall-operazzjoni konċernata;

(ċ)

djar;

(d)

id-diżattivazzjoni ta' impjanti ta' l-enerġija nukleari; u

(e)

it-taxxa fuq il-valur miżjud li tkun rekuperabbli.

Artikolu 4

Kondizzjonijiet li japplikaw għal aċċess għal għajnuna mill-Fond

1.   L-għajnuna mill-Fond għandha tkun kondizzjonata mir-regoli li ġejjin:

(a)

jekk il-Kunsill ikun iddeċieda skond l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jeżisti defiċit governattiv eċċessiv fi Stat Membru benefiċjarju, u

(b)

jkun stabbilixxa skond l-Artikolu 104(8) tat-Trattat li l-Istat Membru konċernat ma ħax azzjoni effettiva b'risposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill magħmula taħt l-Artikolu 104(7) tat-Trattat,

il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jissospendi t-totalità ta' l-impenji mill-Fond jew parti minnhom għall-Istat Membru konċernat b'effett mill-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara d-deċiżjoni ta' sospensjoni.

2.   Jekk il-Kunsill jistabbilixxi li l-Istat Membru konċernat ħa l-azzjoni korrettiva meħtieġa, huwa għandu jiddeċiedi, mingħajr dewmien, li jneħħi s-sospensjoni ta' l-impenji konċernati. Fl-istess waqt, il-Kunsill għandu jiddeċiedi, fuq proposta mill-Kummissjoni, li l-impenn sospiż jerġa' jiddaħħal fil-baġit skond il-proċedura stabbilita fil-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina tal-baġit u amministrazzjoni finanzjarja tajba (8).

3.   Il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1.   Dan ir-Regolament ma għandu jinċidi la fuq it-tkomplija u lanqas fuq il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' proġett jew ta' forom oħrajn ta' għajnuna approvati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament KE Nru 1164/94, li sussegwentement għandu japplika għal dik l-għajnuna jew għall-proġetti konċernati sa l-għeluq tagħhom.

2.   L-applikazzjonijiet għal proġetti kbar fis-sens ta' l-Artikoli 39, 40 u 41 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 magħmula lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 għandhom jibqgħu validi sakemm tali applikazzjonijiet jiġu supplimentati, fejn meħtieġ, sabiex jiġu konformi mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament u ma' l-Artikoli msemmija hawn fuq tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 fi żmien mhux aktar minn xahrejn mill-1 ta' Jannar 2007.

Artikolu 6

Taħsir

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 105(1) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u ta' l-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 huwa b'dan imħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2007.

2.   Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kunsill għandu jirrivedi dan ir-Regolament sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2013 skond l-Artikolu 161 tat-Trattat.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-11 ta' Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

E. HEINÄLUOMA


(1)  Kunsens ta' l-4 ta’ Lulju 2006 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 255, 14.10.2005, p. 88.

(3)  ĠU C 231, 20.9.2005, p. 35.

(4)  Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(5)  ĠU L 130, 25.5.1994, p. 1, Regolament kif emendat l-aħħar bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-2003.

(6)  ĠU L 228, 9.9.1996, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni Nru 884/2004/KE (ĠU L 167, 30.04.2004, p. 1).

(7)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1055/2005 (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 1).

(8)  ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.


Top