EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0137

2006/137/KE Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2006 li temenda d-Direttiva 2006 /87/KE li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni

OJ L 389, 30.12.2006, p. 261–263 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 018 P. 263 - 265
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 018 P. 263 - 265
Special edition in Croatian: Chapter 07 Volume 013 P. 93 - 95

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/10/2018; Impliċitament imħassar minn 32016L1629

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/137/oj

30.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

261


DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2006

li temenda d-Direttiva 2006 /87/KE li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni

(2006/137/KE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Kommunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 71(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/87/KE (2) tistabbilixxi l-kundizzjonijiet armonizzati għall-ħruġ ta' ċertifikati tekniċi għall-bastimenti ta' passaġġi ta' l-ilma interni fuq in-netwerk kollu tal-passaġġi ta' l-ilma interni tal-Komunità.

(2)

Ir-rekwiżiti tekniċi li jinsabu fl-Annessi tad-Direttiva 2006/87/KE fil-biċċa l-kbira jiġbru fihom id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament dwar l-Ispezzjoni tal-Bastimenti fuq ir-Renu, fil-verżjoni approvata fl-2004 mill-istati membri tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR). Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' navigazzjoni interna taħt Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu huma aġġornati perjodikament u huma rikonoxxuti li jirriflettu l-iżviluppi tekniċi attwali.

(3)

Biex il-kompetizzjoni ma tiġix imxekkla u biex ma jkunx hemm livelli differenti ta' sigurtà, b'mod speċifiku fl-interess li tkun promossa l-armonizzazzjoni fuq livell Ewropew, huwa xieraq li jiġu adottati rekwiżiti tekniċi ekwivalenti għan-netwerk kollu tal-passaġġi ta' l-ilma interni tal-Komunità, u li wara jiġu aġġornati regolarment biex tinżamm dik l-ekwivalenza.

(4)

Id-Direttiva 2006/87/KE tawtorizza lill-Kummissjoni biex taddatta dawk ir-rekwiżiti tekniċi fid-dawl tal-progress tekniku u ta' l-iżviluppi li jirriżultaw mix-xogħol ta' organizzazzjonijet oħra internazzjonali, b'mod partikolari dawk tas-CCNR.

(5)

Dawk l-emendi jeħtieġ li jiġu implimentati mill-aktar fis possibbi biex jiġi assigurat li r-rekwiżiti tekniċi neċessarji għall-ħruġ taċ-ċertifikat Komunitarju ta' navigazzjoni interna jagħtu livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak meħtieġ għall-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu.

(6)

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/87/KE għandhom ikunu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni (3).

(7)

B'mod partikolari, għandhom jiġu konferiti fuq il-Kummissjoni setgħat sabiex tistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom ir-rekwiżiti tekniċi u l-proċeduri amministrattivi mniżżla fl-Annessi għad-Direttiva 2006/87/KE jistgħu jiġu emendati. Peress li dawn il-miżuri huma ta' ambitu ġenerali u huma maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2006/87/KE, dawn għandom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(8)

Għal raġunijiet ta' effiċjenza, il-limiti ta' żmien normalment applikabbli għall-proċedura regolatorja bi skrutinju għandhom jitnaqqsu għall-adozzjoni ta' tali miżuri li jemendaw l-Annessi għad-Direttiva 2006/87/KE.

(9)

Għal raġunijiet ta' urġenza, jeħtieġ li tkun applikata l-proċedura ta' urġenza prevista fl-Artikolu 5a(6), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE għall-adozzjoni ta' kwalunkwe emenda għall-Annessi għad-Direttiva 2006/87/KE biex jitqiesu l-progress tekniku u l-iżviluppi relatati li joħorġu mix-xogħol ta' organizzazzjonijiet oħra internazzjonali, b'mod partikolari tas-CCNR, kif ukoll għall-adozzjoni ta' rekwiżiti ta' natura temporanja.

(10)

Id-Direttiva 2006/87/KE għandha għalhekk tiġi emendata f'dan is-sens,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/87/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

1)

Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiżdiedu ma' l-Artikolu 19:

“3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5(a)(1) sa (4) u (5)(b) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8 ta' l-istess Deċiżjoni.

Il-limiti ta' żmien previsti fl-Artikolu 5(a)(3 c), (4) (b) u (4) (e), tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jiġu stabbiliti għal wieħed u għoxrin jum, ħmistax-il jum u xahar rispettivament.

4.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a(1), (2) (4) u (6) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 ta' l-istess Deċiżjoni.”

2)

L-Artikolu 20 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 20

Addattament ta' l-Annessi u r-rakkomandazzjonjijiet dwar iċ-ċertifikati proviżorji

1.   L-emendi kollha neċessarji għall-addattament ta' l-Annessi għal din id-Direttiva għall-progress tekniku jew għall-izviluppi f'dan il-qasam li joħorġu mix-xogħlijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra, b'mod partikolari mill-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (CCNR), biex ikun żgurat li ż-żewġ ċertifikati msemmija fl-Artikolu 3(1)(a) jinħarġu fuq il-bażi ta' rekwiżiti tekniċi li jiggarantixxu livell ekwivalenti ta' sigurtà, jew biex jitqiesu l-każijiet msemmija fl-Artikolu 5, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3). Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni tista' tapplika l-proċedura ta' urġenza imsemmija fl-Artikolu 19(4).

Dawn l-emendi għandhom isiru mill-aktar fis possibbli biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tekniċi għall-ħruġ taċ-ċertifikat Komunitarju ta' navigazzjoni interna rikonoxxut għan-navigazzjoni fuq ir-Renu jagħtu livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak rikjest għall-ħruġ taċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni Riveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta l-approvazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5(2) skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 19(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kumitat fuq il-ħruġ taċ-ċertifikati Komunitarji għall-bastimenti ta' navigazzjoni interna proviżorji skond l-Annness II, Artikolu 2.19.”

3)

L-Anness II għandu jiġi emendat kif ġej:

1)

L-Artikolu 1.06 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.06

Rekwiżiti temporanji

Ir-rekwiżiti temporanji maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, billi jissupplimentawha, jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(4) ta' din id-Direttiva, meta dan ikun urġentement neċessarju, għall-għanijiet ta' addattament għall-progress tekniku tat-trasport fil-passaġġi ta' l-ilma interni, biex ikunu permessi derogi mid-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, jew biex ikunu permessi testijiet. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jiġu ppubblikati u għandhom ikunu validi għal mhux aktar minn tliet snin. Għandhom jidħlu fis-seħħ simultanjament u jiġu abrogati taħt l-istess kondizzjonijiet fl-Istati Membri kollha.”

2)

L-Artikolu 10.03a(5) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Is-sistemi li jitfgħu kwantità anqas ta' ilma għandu jkollhom approvazzjoni tat-tip skond ir-riżoluzzjoni A 800(19) ta' l-IMO jew standard ieħor rikonoxxut. Tali rikonoxximenti, meta maħsuba biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandhom ikunu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3) ta' din id-Direttiva. L-approvazzjoni tat-tip għandha titwettaq minn soċjetà ta' klassifikazzjonji approvata jew minn istituzzjoni ta' l-ittestjar akkreditata. L-istituzzjoni ta' l-ittestjar akkreditata għandha tissodisfa l-istandard Ewropew għar-rekwiżiti ġenerali għall-kompetenza ta' laboratorji għall-ittestjar u għall-kalibrar (EN ISO/CEI 17025: 2000).”

3)

L-Artikolu 10.03b(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Aġenti għat-tifi tan-nar

Għall-protezzjoni ta' l-ambjent fil-kmamar tal-magni, fil-kmamar tal-bojlers u fil-kmamar tal-pompi, l-aġenti għat-tifi tan-nar li ġejjin jistgħu jintużaw f'sisemi għat-tifi tan-nar installati b'mod permanenti:

(a)

CO2 (Dijossidu tal-karbonju)

(b)

HFC 227 ea (Heptaflworpropan);

(ċ)

IG 541 (52 % azotu, 40 % argon, 8 % dijossidu tal-karbonju).

Il-permess li jintużaw aġenti oħra għat-tifi tan-nar, meta tali permess huwa maħsub biex jemenda elementi mhux essenzjali ta' din id-Direttiva, għandu jingħata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 19(3) ta' din id-Direttiva.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri li għandhom passaġġi ta' l-ilma interni bħal dawn imsemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/87/KE, għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva b'effett minn tat-30 ta' Diċembru 2006. Huma għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkompanjati minn tali referenza meta jiġu ippubblikati uffiċjalment. Il-metodi għall-għamla ta' din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bit-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali, li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tinforma b'dan lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandu tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri li għandhom passaġġi ta' l-ilma interni kif imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/87/KE.

Magħmula fi Brussell, tat-18 ta' Diċembru 2006

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2006 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006.

(2)  Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(3)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p.11).


Top