Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0031

Direttiva 2006/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' April 2006 li temenda d-Direttiva 2004/39/KE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, fir-rigward ta' ċerti limiti ta' żmien Test b'relevanza għaż-ŻEE.

OJ L 114, 27.4.2006, p. 60–63 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 06 Volume 007 P. 278 - 281
Special edition in Romanian: Chapter 06 Volume 007 P. 278 - 281
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 006 P. 26 - 29

No longer in force, Date of end of validity: 02/01/2018; Imħassar b' 32014L0065 U Validitià estiża bi 32016L1034

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/31/oj

27.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

60


DIRETTIVA 2006/31/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' April 2006

li temenda d-Direttiva 2004/39/KE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji, fir-rigward ta' ċerti limiti ta' żmien

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkonsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji1 (3) tintroduċi reġim regolatorju komprensiv li jiżgura kwalità għolja ta' l-eżekuzzjoni ta' tranżazzjonijiet ta' investituri.

(2)

Id-Direttiva 2004/39/KE tipprovdi li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw magħha sat-30 ta' April 2006. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi fl-Istati Membri, numru sinifikanti ta' dispożizzjonijiet kumplessi ta' dik id-Direttiva għandhom ikunu supplementati b'miżuri implimentattivi li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni matul il-perjodu għat-traspożizzjoni stabbilit mill-Istati Membri. Minħabba li l-Istati Membri ma jistgħux jippreparaw u jiffinalizzaw kompletament il-liġijiet domestiċi tagħhom sakemm il-kontenut tal-miżuri implimentattivi ma jkunx ċar, huma jista' jkollhom diffikultà sabiex ilaħqu sal-limitu attwali ta' żmien stabbilit għat-traspożizzjoni.

(3)

Sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/39/KE u tal-leġiżlazzjoni implimentattiva domestika, jista' jkun li l-impriżi ta' l-investiment u entitajiet regolati oħrajn ikollhom jintroduċu sistemi ta' teknoloġija informatika ġodda, strutturi organizzattivi ġodda, u proċeduri ta' rappurtar u ta' żamma ta' reġistri, jew ikollhom jagħmlu bidliet sinifikattivi lil sistemi u prattiċi eżistenti. Dan jista' jsir biss meta jiġu stabbiliti l-kontenuti tal-miżuri implimentattivi li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni u tal-leġiżlazzjoni domestika li tittrasponi d-Direttiva.

(4)

Huwa wkoll neċessarju li d-Direttiva 2004/39/KE u l-miżuri implimentattivi tagħha jiġu trasposti fil-liġi nazzjonali jew japplikaw direttament fl-Istati Membri simultanjament sabiex id-Direttiva jkollha l-effett sħiħ tagħha.

(5)

Huwa għalhekk xieraq li jiġi estiż il-limitu ta' żmien għall-Istati Membri sabiex jittrasponu d-Direttiva 2004/39/KE fil-liġi nazzjonali. B'mod simili, il-limitu ta' żmien għall-impriżi ta' investiment u għall-istituzzjonijiet ta' kreditu sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda għandhom ikunu prorogati b'perjodu wara li l-Istati Membri jlestu t-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali.

(6)

Fid-dawl ta' l-interazzjoni bejn id-dispożizzjonjiet differenti tad-Direttiva 2004/39/KE, huwa xieraq li kwalunkwe estensjoni ta' dawk il-limiti ta' żmien tapplika għad-dispożizzjonijiet kollha ta' dik id-Direttiva. Kwalunkwe estensjoni tal-limiti ta' żmien tat-traspożizzjoni u ta' l-applikazzjoni għandhom ikunu proporzjonati għal, u ma jeċċedux, il-ħtiġijiet ta' l-Istati Membri u ta' l-entitajiet regolati. Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni li tista' tfixkel il-funzjonament tas-suq intern tat-titoli, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/39/KE fl-istess waqt.

(7)

Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2002 dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji (4), il-Parlament Ewropew talab li kemm huwa kif ukoll il-Kunsill ikollhom irwol indaqs fis-sorveljanza tal-mod ta' kif il-Kummissjoni teżerċita r-rwol eżekuttiv tagħha sabiex hekk ikunu riflessi s-setgħat leġiżlattivi tal-Parlament Ewropew taħt l-Artikolu 251 tat-Trattat. Fid-dikjarazzjoni solenni magħmula quddiem il-Parlament Ewropew fl-istess jum mill-President tagħha, il-Kummissjoni appoġġat dik it-talba. Fil-11 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni pproponiet emendi għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tfassal il-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (5), u wara ppreżentat proposta emendata fit-22 ta' April 2004. Il-Parlament Ewropew ma jqisx li din il-proposta tippreżerva l-prerogattivi leġiżlattivi tiegħu. Fl-opinjoni tal-Parlament Ewropew, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikollhom l-opportunità li jivvalutaw il-konferiment tas-setgħat implimentattivi lill-Kummissjoni f'perjodu stabbilit. Huwa għalhekk xieraq li jiġi limitat il-perjodu li matulu l-Kummissjoni tista' tadotta miżuri implimentattivi.

(8)

Il-Parlament Ewropew għandu jingħata tliet xhur mill-ewwel trasmissjoni ta' abbozz ta' emendi u ta' miżuri implimentattivi sabiex ikun jista' jeżaminahom u jagħti l-opinjoni tiegħu. Madankollu, f'każijiet urġenti u ġustifikati kif mistħoqq, għandu jkun possibbli li dak il-perjodu jitqassar. Jekk fil-limiti ta' dak il-perjodu tiġi adottata xi riżoluzzjoni mill-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha terġa' teżamina l-abbozz ta' emendi jew ta' miżuri.

(9)

Iktar emendi konsegwenti huma bżonnjużi sabiex jiġu prorogati d-dati għat-tħassir tad-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE ta' l-10 ta' Mejju 1993 dwar is-servizzi ta' investiment fil-qasam tat-titoli (6) u għad-dispożizzjonijiet ta' tranżizzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2004/39/KE, u sabiex tiġi estiża l-iskeda ta' l-obbligi ta' rappurtar tal-Kummissjoni.

(10)

Minħabba l-iskadenza prorogata bejn meta l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrasponu d-Direttiva 2004/39/KE f'liġi nazzjonali u l-iskadenza għall-impriżi ta' investiment u għall-istituzzjonijiet ta' kreditu sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/39/KE jibqgħu ineffettivi qabel l-1 ta' Novembru 2007; ikun għalhekk xieraq li d-Direttiva 93/22/KEE tiġi mħassra b'effett mill-1 ta' Novembru 2007.

(11)

Id-Direttiva 2004/39/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2004/39/KE hija b'dan emendata kif ġej:

(1)

Il-Premessa (69) għandha tiġi sostitwita kif ġej:

“(69)

Il-Parlament Ewropew għandu jingħata perjodu ta' tliet xhur mill-ewwel trasmissjoni ta' abbozz ta' emendi u ta' miżuri ta' implimentazzjoni sabiex ikun jista' jeżaminhom u jagħti l-opinjoni tiegħu. Madankollu f'każijiet urġenti u ġustifikati kif mistħoqq għandu jkun possibbli li dan il-perjodu jitqassar. Jekk f'dan il-perjodu il-Parlament Ewropew jadotta riżoluzzjoni, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-abbozz ta' emendi jew ta' miżuri”.

(2)

L-Artikolu 64 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Għandu jiġi inserit il-paragrafu li ġej:

“2a.   L-ebda waħda mill-miżuri ta' implimentazzjoni adottati ma tista' tbiddel id-dispożizzjonijiet essenzjali ta' din id-Direttiva.”;

(b)

Il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' implimentazzjoni diġà adottati, sa mhux aktar tard mill-1 ta' April 2008, għandha tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jkunu jeħtieġu l-adozzjoni ta' regoli tekniċi, ta' emendi u ta' deċiżjonijiet skond il-paragrafu 2. Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jġeddu d-dispożizzjonijiet konċernati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat, u għal dan il-għan huma għandhom jirreveduhom qabel id-data msemmija hawn fuq.”.

(3)

L-Artikolu 65 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 65

Ir-Rapporti u r-reviżjoni

1.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2007, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' konsultazzjoni pubblika u fid-dawl ta' diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet kompetenti, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-estensjoni possibbli ta' l-ambitu tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar l-obbligi ta' trasparenza ta' qabel u wara l-kummerċ għal tranżazzjonijiet fil-klassijiet ta' strumenti finanzjarji għajr l-ishma.

2.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 27.

3.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2008, il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-konsultazzjonijiet pubbliċi u fid-dawl ta' diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet kompetenti, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar:

(a)

kemm tkun għadha adatta l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(k) għall-impriżi li n-negozju ewlieni tagħhom ikun in-negozju, f'isimhom stess, fil-commodity derivatives;

(b)

il-kontenut u l-għamla tal-ħtiġijiet proporzjonati għall-awtorizazzjoni u s-sorveljanza ta' tali impriżi bħala impriżi ta' investiment fis-sens ta' din id-Direttiva;

(ċ)

kemm ikunu adatti r-regoli dwar il-ħatra ta' aġenti marbuta li jwettqu s-servizzi u/jew attivitajiet ta' investiment, b'mod partikolari fir-rigward tas-sorveljanza fuqhom;

(d)

kemm tkun għadha adatta l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(1)(i).

4.   Sa mhux aktar tard mit-30 ta' April 2008, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat tat-tneħħija ta' l-ostakoli li jistgħu jimpedixxu l-konsolidazzjoni fil-livell Ewropew tat-tagħrif li l-postijiet tal-kummerċ huma meħtieġa li jippubblikaw.

5.   Abbażi tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, il-Kummissjoni tista' tippreżenta proposti għal emendi relatati għal din id-Direttiva.

6.   Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2006, il-Kummissjoni għandha, fid-dawl tad-diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet kompetenti, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kemm ikunu għadhom adatti l-ħtiġijiet għall-assigurazzjoni ta' indennizz professjonali imposti fuq l-intermedjarji taħt il-liġi Komunitarja.”.

(4)

L-Artikolu 69 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 69

It-Tħassir tad-Direttiva 93/22/KEE

Id-Direttiva 93/22/KEE hija b'dan imħassra b'effett mill-1 ta' Novembru 2007. Ir-referenzi għad-Direttiva 93/22/KEE għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Direttiva. Ir-referenzi għat-termini definiti fid-Direttiva 93/22/KEE, jew għall-Artikoli tagħha, 93/22/KEE għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għat-terminu ekwivalenti definit f'din id-Direttiva jew għall-Artikolu ekwivalenti tagħha.”.

(5)

Fl-Artikolu 70, l-ewwel paragrafu għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar 2007. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni b'dan.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Novembru 2007.”.

(6)

Fl-Artikolu 71, il-paragrafi 1 sa 5 għandhom jiġu sostitwiti b'dan li ġej:

“1.   L-impriżi ta' investiment diġà awtorizzati fl-Istat Membru tagħhom sabiex jipprovdu servizzi ta' investiment qabel l-1 ta' Novembru 2007 għandhom jitqiesu bħala awtorizzati għall-għanijiet ta' din id-Direttiva jekk il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru jipprovdu li sabiex jibdew jeżerċitaw tali attivitajiet huma għandhom jikkonformaw ma' kondizzjonijiet komparabbli ma' dawk previsti fl-Artikoli 9 sa 14.

2.   Suq regolat jew operaturi tas-suq diġà awtorizzati fl-Istat Membru tagħhom qabel l-1 ta' Novembru 2007 għandhom jitqiesu bħala awtorizzati għall-għanijiet ta' din id-Direttiva jekk il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru jipprovdu li s-suq regolat jew l-operatur tas-suq, skond il-każ, għandhom jikkonformaw ma' kondizzjonijiet komparabbli ma' dawk previsti fit-Titolu III.

3.   L-aġenti marbuta mdaħħla diġà f'reġistru pubbliku qabel l-1 ta' Novembru 2007 għandhom jitqiesu bħala reġistrati għall-għanijiet ta' din id-Direttiva, jekk il-liġijiet ta' dawk l-Istati Membri jipprovdu li l-aġenti marbuta għandhom jikkonformaw ma' kondizzjonijiet komparabbli ma' dawk previsti fl-Artikolu 23.

4.   It-tagħrif komunikat qabel l-1 ta' Novembru 2007 għall-għanijiet ta' l-Artikoli 17, 18 jew 30 tad-Direttiva 93/22/KEE għandhom jitqiesu li ġew komunikati għall-għanijiet ta' l-Artikoli 31 u 32 ta' din id-Direttiva.

5.   Kwalunkwe sistema eżistenti li taqa' fl-ambitu tad-definizzjoni ta' MTF operata minn operatur tas-suq f'suq regolat għandha, fuq it-talba ta' l-operatur tas-suq fis-suq regolat, tiġi awtorizzata bħala MTF, sakemm tikkonforma ma' regoli ekwivalenti għal dawk meħtieġa minn din id-Direttiva għall-awtorizzazzjoni u l-operazzjoni ta' MTF, u sakemm it-talba konċernata ssir fi żmien tmintax-il xahar wara l-1 ta' Novembru 2007.”.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar 2007. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Novembru 2007.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidhol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar il-5 ta' April 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 323, 20.12.2005, p. 31.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2005 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2006.

(3)  1 ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.

(4)  ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 115.

(5)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(6)  ĠU L 141, 11.6.1993, p. 27. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 35, 11.2.2003, p. 1).


Top