Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0023

Direttiva 2006/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta' April 2006 dwar Liċenzja Komunitarja għall-Kontrolluri tat-Traffiku ta' l-Ajru Test b'relevanza għaż-ŻEE.

OJ L 114, 27.4.2006, p. 22–37 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 07 Volume 015 P. 196 - 211
Special edition in Romanian: Chapter 07 Volume 015 P. 196 - 211

No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/23/oj

27.4.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

22


DIRETTIVA 2006/23/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-5 ta' April 2006

dwar Liċenzja Komunitarja għall-Kontrolluri tat-Traffiku ta' l-Ajru

(Test b'relevanza għall-EEA)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 80(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

L-implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar Ajru Uniku Ewropew teħtieġ l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni aktar dettaljata, b’mod partikolari dwar il-liċenzjar ta' kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru, sabiex jiġu żgurati l-ogħla standards ta' responsabbiltà u kompetenza, sabiex tittejjeb id-disponibbiltà ta' kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru u jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji, kif previst mill-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru f’Ajru Uniku Ewropew (3), filwaqt li jibqa' segwit l-għan ta' titjib ġenerali fis-sigurtà tat-traffiku ta' l-ajru u fil-kompetenza tal-persunal.

(2)

L-introduzzjoni ta’ liċenzja Komunitarja hija mezz ta’ rikonoxximent tar-rwol speċifiku li għandhom il-kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru fil-forniment ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru mingħajr periklu. It-twaqqif ta’ standards Komunitarji ta’ kompetenza sejrin ukoll inaqqsu l-frammentazzjoni f’dan il-qasam, b'hekk jikkontribwixxu għal organizzazzjoni aktar effiċjenti tax-xogħol fil-qafas ta' kollaborazzjoni reġjonali aktar intensa bejn il-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru. Din id-Direttiva hija għalhekk parti essenzjali mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-Ajru Uniku Ewropew.

(3)

Direttiva hija l-aktar strument adegwat sabiex jiġu stabbiliti standards għall-kompetenza, b'hekk titħalla f’idejn l-Istati Membri id-deċiżjoni dwar il-mezzi kif għandhom jintlaħqu tali standards.

(4)

Din id-Direttiva għandha tibni fuq standards internazzjonali eżistenti. L-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) adottat dispożizzjonijiet dwar il-liċenzjar tal-kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru, inklużi r-rekwiżiti lingwistiċi. L-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru (Eurocontrol) mwaqqfa permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali tat-13 ta’ Diċembru 1960 relatata mal-Koperazzjoni għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni ta' l-Ajru adottat Rekwiżiti Regolatorji tas-Sigurtà ta’ l-Eurocontrol. Skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 din id-Direttiva tittrasponi r-rekwiżiti stipulati fir-Rekwiżit Regolatorju tas-Sigurtà Nru 5 tal-Eurocontrol (ESARR 5) li huwa rilevanti għall-kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru.

(5)

Il-karatteristiċi partikolari tat-traffiku ta’ l-ajru Komunitarju jeħtieġu l-introduzzjoni u l-applikazzjoni effettiva ta’ standards Komunitarji ta' kompetenza fir-rigward ta' kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru impjegati minn fornituri ta' servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru primarjament involuti fit-traffiku ta’ l-ajru ġenerali. L-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva lil studenti kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru u lill-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom taħt ir-responsabbiltà ta' fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru li joffru s-servizzi tagħhom primarjament lill-moviment ta' inġenji ta' l-ajru divers mit-traffiku ta' l-ajru ġenerali.

(6)

Fejn l-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw konformità mar-rekwiżiti Komunitarji, l-awtoritajiet li jissorveljaw u jivverifikaw il-konformità għandhom ikunu suffiċjentement indipendenti mill-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni ta' l-ajru u mill-entitajiet li jipprovdu t-taħriġ. L-awtoritajiet għandhom ukoll ikomplu bil-kapaċità tagħhom li jwettqu xogħolhom b’mod effiċjenti. L-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza nominata jew stabbilita skond din id-Direttiva tista' tkun l-istess korp jew korpi nominati jew stabbiliti skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi qafas għall-ħolqien ta’ l-Ajru Uniku Ewropew (4).

(7)

Il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni ta' l-ajru jeħtieġ persunal ta’ sengħa kbira li l-kompetenzi tiegħu jistgħu jiġu attestati b'diversi mezzi. Għall-kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru l-mezz adegwat huwa l-introduzzjoni ta' liċenzja Komunitarja, li għandha tiġi meqjusa bħala tip ta’ diploma, għal kull kontrollur tat-traffiku ta’ l-ajru. Il-kwalifika li tinsab fuq il-liċenzja tindika t-tip ta' servizz tat-traffiku ta’ l-ajru li kontrollur tat-traffiku ta’ l-ajru għandu l-kompetenza li jipprovdi. Fl-istess waqt, l-annotazzjonijiet inklużi fuq il-liċenzja jirriflettu kemm il-kompetenzi speċifiċi tal-kontrollur kif ukoll l-awtorizzazzjoni ta' l-awtoritajiet ta’ sorveljanza sabiex jipprovdi servizzi għal settur jew gruppi ta’ setturi partikolari. Għalhekk l-awtoritajiet għandhom ikunu f’pożizzjoni li jivvalutaw il-kompetenza tal-kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru meta joħorġu liċenzji jew meta jestendu l-validità ta' l-annotazzjonijiet. L-awtoritajiet għandhom ukoll ikunu f’pożizzjoni li jissospendu liċenzja, il-kwalifiki jew l-annotazzjonijiet meta jkun hemm xi dubju dwar kompetenza. Sabiex jiġi promoss ir-rappurtar ta' inċidenti (“kultura ta' ekwità”), din id-Direttiva ma għandhiex toħloq ness awtomatiku bejn inċident u s-sospensjoni ta' liċenzja, ta' kwalifika jew ta' annotazzjoni. Ir-revoka ta' liċenzja għandha tkun kunsidrata bħala l-aħħar mezz f’każijiet estremi.

(8)

Sabiex tiżdied il-kunfidenza reċiproka ta’ l-Istati Membri fis-sistema ta’ liċenzjar tagħhom, huma indispensabbli regoli Komunitarji dwar l-otteniment u ż-żamma ta' licenzji. Huwa għalhekk importanti, sabiex jiġi żgurat livell massimu ta' sigurtà, li jiġu armonizzati r-rekwiżiti fir-rigward ta' kwalifikazzjonijiet, kompetenzi u aċċess għall-professjoni ta’ kontrollur tat-traffiku ta’ l-ajru. Dan għandu jwassal għall-forniment ta' servizzi ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru bla periklu u ta' kwalita għolja u għar-rikonoxximent ta' liċenzji mal-Komunità kollha, u b’hekk jiżdied il-moviment liberu u tittejjeb id-disponibbiltà tal-kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru.

(9)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva ma twassalx għall-elużjoni mid-dispożizzjonijiet nazzjonali attwali li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi konnessi mar-relazzjoni ta' impjieg bejn min iħaddem u l-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru applikanti.

(10)

Sabiex il-kompetenzi jsiru komparabbli fil-Komunità kollha, dawn jeħtieġu li jiġu strutturati b’mod ċar u ġeneralment aċċettat. Dan għandu jgħin sabiex tiġi garantita s-sigurtà mhux biss fi ħdan l-ispazju ta’ l-ajru taħt il-kontroll ta’ fornitur wieħed ta' servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru, iżda speċjalment fil-kollegament operattiv bejn il-fornituri differenti ta’ servizzi.

(11)

F’bosta inċidenti u aċċidenti, il-komunikazzjoni għandha rwol sinifikattiv. L-ICAO għalhekk adottat rekwiżiti ta' kompetenzi lingwistiċi. Din id-Direttiva tiżviluppa dawn ir-rekwiżiti u tipprovdi mezz sabiex jiġu infurzati dawn l-istandards aċċettati internazzjonalment. Hemm il-ħtieġa li jiġu osservati l-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni, trasparenza u proporzjonalità fir-rekwiżiti lingwistiċi, sabiex jiġi inkorraġġut il-moviment liberu waqt li tiġi żgurata s-sigurtà.

(12)

L-għanijiet tat-taħriġ inizjali huma deskritti fil-materjal ta’ gwida żviluppat fuq it-talba tal-membri ta' l-Eurocontrol u huma kkunsidrati bħala l-istandards xierqa. Għall-fini ta’ taħriġ fi ħdan l-unità, in-nuqqas ta’ standards ġeneralment aċċettati għandu jiġi kompensat b'sensiela ta’ miżuri, inkluża l-approvazzjoni ta’ eżaminaturi, li għandhom jiggarantixxu standards għolja ta’ kompetenza. Dan għandu aktar importanza billi t-taħriġ fi ħdan l-unità jinvolvi ħafna spejjeż u huwa deċiżiv f'termini ta' sigurtà.

(13)

Fuq it-talba ta’ l-Istati Membri ta’ l-Eurocontrol ġew żviluppati rekwiżiti mediċi, li huma kkunsidrati bħala mezz aċċettabli ta' konformità ma' din id-Direttiva.

(14)

Iċ-ċertifikazzjoni tat-taħriġ mogħti għandha tkun ikkunsidrata bħala wieħed mill-fatturi deċiżivi, f'termini ta' sigurtà, għall-kwalità tat-taħriġ. It-taħriġ għandu jiġi meqjus bħala servizz simili għas-servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru, suġġett ukoll għal proċess ta’ ċertifikazzjoni. Din id-Direttiva għandha toħloq il-possibbiltà li t-taħriġ ikun ċertifikat skond it-tip ta’ taħriġ, skond il-pakkett ta’ servizzi ta’ taħriġ jew skond il-pakkett ta’ servizzi ta’ taħriġ u ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru, mingħajr ma jintnesew il-karatteristiċi partikolari tat-taħriġ.

(15)

Din id-Direttiva tikkonferma l-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Kommunitajiet Ewropej fil-qasam tar-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi u tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-ġustifikazzjoni motivata għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens u d-dispożizzjoni ta' proċeduri adegwati ta’ appell jikkostitwixxu prinċipji bażiċi li jridu jsiru applikabbli għas-settur tal-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru b’mod aktar viżibbli. L-Istati Membri għandu jkollhom id-dritt li jirrifjutaw li jirrikonoxxu liċenzji li ma jkunux maħruġa skond din id-Direttiva; l-Istati Membri għandu wkoll ikollhom id-dritt li jirrikonoxxu tali liċenzji wara li jagħmlu valutazzjoni xierqa ta' ekwivalenza. Billi din id-Direttiva hija mmirata lejn il-faċilitazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji, ma tirregolax il-kundizzjonijiet konnessi ma' l-aċċess għall-impjieg.

(16)

Il-professjoni ta' kontrollur tat-traffiku ta’ l-ajru hija suġġetta għal innovazzjonijiet tekniċi li jirrikjedu aġġornamenti fuq bażi regolari tal-kompetenzi ta' tali kontrolluri. Din id-Direttiva għandha tippermetti tali adattamenti għall-iżviluppi tekniċi u għall-progress xjentifiku permezz ta’ l-użu tal-proċedura tal-kumitat.

(17)

Din id-Direttiva jista' jkollha impatt fuq ix-xogħol ta' kuljum tal-kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru. Is-sħab soċjali għandhom ikunu infurmati u konsultati b’mod adegwat dwar il-miżuri kollha li jkollhom implikazzjonijiet soċjali sinifikattivi. Għalhekk ġie konsultat, u għandu jerġa' jiġi konsultat dwar miżuri implementattivi oħra meħuda mill-Kummissjoni, il-Kumitat ta’ Djalogu Settorjali mwaqqaf taħt id-Deċiżjoni tal-Kummisjoni 98/500/KE ta’ l-20 ta’ Mejju 1998 dwar it-twaqqif ta’ Kumitati ta’ Djalogu Settorjali sabiex iġibu 'l quddiem id-djalogu bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Ewropew (5).

(18)

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implementati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(19)

Il-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implementazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (6).

(20)

Terminu ta' żmien ta' traspożizzjoni ta' sentejn huwa kunsidrat bħala suffiċjenti għat-twaqqif ta' qafas Komunitarju ta' liċenzjar u sabiex jiġu assimilati fi ħdan dak il-qafas il-liċenzji ta' detenturi attwali ta' liċenzji, skond id-dispożizzjonijiet dwar il-kondizzjonijiet għaż-żamma tal-validità tal-kwalifiki u ta' l-annotazzjonijiet, billi r-rekwiżiti stabbiliti f'dawn id-dispożizzjonijiet huma konformi ma' l-obbligi internazzjonali eżistenti. Barra minn hekk, għandu jingħata terminu addizzjonali ta' żmien ta' traspożizzjoni ta' sentejn għall-applikazzjoni tar-rekwiżiti lingwistiċi.

(21)

Il-kundizzjonijiet ġenerali, għall-otteniment ta' liċenzja, sa fejn jikkonċernaw l-età, ir-rekwiżiti ta' istruzzjoni u t-taħriġ inizjali, m' għandhomx jolqtu lid-detenturi attwali ta' liċenzji.

(22)

Skond il-paragrafu 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (7), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom stess u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li, kemm jista' jkun, jillustraw il-korrispondenza bejn id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni u jippubblikawhom,

ADOTTAW DIN ID–DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għan u Kamp ta' Applikazzjoni

1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jissaħħu l-istandards ta' sigurtà u sabiex titjieb l-operazzjoni tas-sistema Komunitarja tal-kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru permezz tal-ħruġ ta' liċenzja Komunitarja ta' kontrollur tat-traffiku ta’ l-ajru.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

studenti kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru, u

kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru

li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom taħt ir-responsabbiltà ta' fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru li joffru s-servizzi tagħhom primarjament lil movimenti ta' inġenju ta’ l-ajru tat-traffiku ta’ l-ajru ġenerali.

3.   Suġġett għall-Artikoli 1(2) u 13 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, f'każijiet fejn ikunu provduti servizzi regolari u ppjanati ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru lit-traffiku ta' l-ajru ġenerali taħt ir-responsabbiltà ta' fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru li joffru s-servizzi tagħhom primarjament lil movimenti ta' inġenji ta’ l-ajru diversi mit-traffiku ta’ l-ajru ġenerali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livell ta' sigurtà u ta' kwalità tas-servizzi lit-traffiku ta’ l-ajru ġenerali ikun għall-inqas ekwivalenti għal-livell li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“servizz ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru” tfisser servizz mogħti bil-għan li jiġu evitati kolliżjonijiet bejn inġenji ta’ l-ajru, u, fiż-żona ta’ manuvrar, bejn inġenji ta’ l-ajru u ostruzzjonijiet, u sabiex jitħaffef it-traffiku ta’ l-ajru u jinżamm il-fluss ordnat tiegħu;

2.

“fornitur tas-servizz ta’ navigazzjoni ta' l-ajru” tfisser kull entità pubblika jew privata li tipprovdi servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru għat-traffiku ta’ l-ajru ġenerali;

3.

“traffiku ta’ l-ajru ġenerali” tfisser il-movimenti kollha ta' inġenji ta' l-ajru ċivili, kif ukoll il-movimenti kollha ta' inġenji ta' l-ajru Statali (inklużi inġenji ta' l-ajru militari, doganali u tal-pulizija) meta dawn il-movimenti jitwettqu skond il-proċeduri ta' l-ICAO;

4.

“liċenzja” tfisser ċertifikat bi kwalunkwe denominazzjoni li biha jista’ jkun magħruf, maħruġ u approvat skond din id-Direttiva u li jagħti d-dritt lid-detentur leġittimu tiegħu li jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru skond il-kwalifiki u l-annotazzjonijiet li jinsabu fih;

5.

“kwalifika” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq il-liċenzja jew assoċjata mal-liċenzja u li tifforma parti minnha, li ssemmi kundizzjonijiet, privileġġi, jew limitazzjonijiet speċifiċi għal tali liċenzja; il-kwalifiki fuq liċenzja jkunu għall-inqas wieħed milli ġejjin:

(a)

kontroll viżiv ta' ajrudrom;

(b)

kontroll strumentali ta' ajrudrom;

(ċ)

kontroll proċedurali ta' avviċinament;

(d)

kontroll ta' avviċinament b'sorveljanza;

(e)

kontroll proċedurali ta’ żona;

(f)

kontroll ta’ żona b'sorveljanza;

6.

“annotazzjoni ta' kwalifika” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq liċenzja u li tifforma parti minnha, li tindika l-kundizzjonijiet, privileġġi jew limitazzjonijiet speċifiċi għall-kwalifika rilevanti;

7.

“annotazzjoni ta’ unità” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq liċenzja u li tifforma parti minnha, li tindika l-indikatur ta' lokalità ta’ l-ICAO u s-setturi u/jew il-pożizzjonijiet operattivi fejn id-detentur tal-liċenzja ikollu l-kompetenza li jaħdem;

8.

“annotazzjoni lingwistika” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq liċenzja u li tifforma parti minnha, li tindika l-kompetenza lingwistika tad-detentur;

9.

“annotazzjoni ta' istruttur” tfisser l-awtorizzazzjoni mniżżla fuq liċenzja u li tifforma parti minnha, li tindika l-kompetenza tad-detentur li jagħti taħriġ fuq ix-xogħol;

10.

“indikatur ta’ lokalità ta’ l-ICAO” tfisser il-kodiċi ta’ erba’ ittri formulat skond ir-regoli preskritti mill-ICAO fil-manwal DOC 7910 tagħha u assenjat lil-lokalità ta’ stazzjon fiss ajrunawtiku;

11.

“settur” tfisser parti ta’ żona ta’ kontroll u/jew parti ta’ reġjun/reġjun superjuri ta’ informazzjoni dwar titjir;

12.

“taħriġ” tfisser it-totalità ta’ korsijiet teoretiċi, eżerċizzji prattiċi, inkluż l-użu ta' simulaturi, u taħriġ fuq ix-xogħol meħtieġa sabiex jinkisbu u jinżammu l-kompetenzi meħtieġa fl-għoti ta' servizzi ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru li jkunu bla periklu u ta’ kwalità għolja; dan jikkonsisti minn:

(a)

taħriġ inizjali, li jipprovdi taħriġ bażiku u għal kwalifika, li jwassal għall-għoti ta’ liċenzja ta’ student;

(b)

taħriġ ta’ unità, inkluż taħriġ transitorju li jingħata qabel taħriġ fuq ix-xogħol, u taħriġ fuq ix-xogħol, li jwasslu għall-għoti ta’ liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku ta’ l-ajru;

(ċ)

taħriġ ta' kontinwazzjoni, li jżomm il-validità ta' l-annotazzjonijiet tal-liċenzja;

(d)

taħriġ ta’ istrutturi li jagħtu taħriġ fuq ix-xogħol, li jwassal għall-għoti ta’ annotazzjoni ta’ istruttur;

(e)

taħriġ ta’ eżaminaturi u/jew valutaturi;

13.

“fornitur ta' taħriġ” tfisser organizzazzjoni li tkun ġiet ċertifikata mill-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza sabiex tipprovdi tip wieħed jew aktar ta’ taħriġ;

14.

“Skema ta’ Kompetenza ta’ Unità” tfisser skema approvata li tindika l-metodu li permezz tiegħu l-unità żżomm il-kompetenza tad-detenturi tal-liċenzja li jagħmlu parti minnha;

15.

“Pjan ta' Taħriġ ta’ Unità” tfisser pjan approvat li jispeċifika b'mod iddettaljat il-proċessi u l-perjodi neċessarji sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' l-unità liż-żona lokali taħt is-superviżjoni ta' istruttur li jagħti taħriġ fuq ix-xogħol.

Artikolu 3

Awtoritajiet Nazzjonali ta’ Sorveljanza

1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw jew jistabbilixxu korp jew korpi bħala l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza tagħhom sabiex jassumu l-kompiti assenjati lil tali awtorità taħt din id-Direttiva.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom ikunu indipendenti mill-fornituri ta' servizzi ta' navigazzjoni ta' l-ajru u mill-fornituri ta' taħriġ. Din l-indipendenza għandha tinkiseb permezz ta’ separazzjoni adegwata, għall-inqas fil-livell funzjonali, bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza u tali fornituri. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jeżerċitaw il-poteri tagħhom b’mod imparzjali u trasparenti.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-ismijiet u bl-indirizzi ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza, kif ukoll bi kwalunkwe tibdil ta’ dawn, u bil-miżuri meħuda sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-paragrafu 2.

Artikolu 4

Prinċipji għall-għoti ta' liċenzji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(3), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzi tal-kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru fl-ambitu ta' l-Artikolu 1(2) ikunu fornuti biss minn kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru liċenzjati skond din id-Direttiva.

2.   L-applikanti għal liċenzja għandhom iġibu l-prova tal-kompetenza tagħhom sabiex jaħdmu bħala kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru jew bħala studenti kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru. Il-prova li turi l-kompetenza tagħhom għandha tirrigwarda l-konoxxenza, l-esperjenza, l-abbiltajiet u l-kompetenza lingwistika.

3.   Il-liċenzja għandha tibqa' l-proprjetà tal-persuna li lilha tkun ingħatat u li għandha tiffirmaha.

4.   Skond l-Artikolu 14(1):

(a)

il-liċenzja, il-kwalifiki jew l-annotazzjonijiet jistgħu jiġu sospiżi meta jeżisti dubju dwar il-kompetenza tal-kontrollur tat-traffiku ta’ l-ajru jew f'każijiet ta' kondotta skorretta;

(b)

il-liċenzja tista' tiġi revokata f'każ ta' nuqqas gravi ta' diliġenza jew fil-każ ta’ abbuż.

5.   Il-liċenzja ta’ student kontrollur tat-traffiku ta’ l-ajru għandha tawtorizza lid-detentur sabiex jipprovdi servizzi ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru taħt is-superviżjoni ta’ istruttur li jagħti taħriġ fuq ix-xogħol.

6.   Il-liċenzja għandha tinkludi l-elementi esposti fl-Anness I.

7.   Fejn liċenzja tiġi maħruġa b'lingwa li mhijiex l-Ingliż, din għandha tinkludi traduzzjoni bl-Ingliż ta' l-elementi esposti fl-Anness I.

8.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru jkunu suffiċjentement imħarrġa fil-manteniment tas-sigurtà u fl-immaniġġar ta' kriżijiet.

Artikolu 5

Kundizzjonijiet sabiex tinkiseb liċenzja

1.   Għandhom jingħataw liċenzji ta’ studenti kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru lil dawk l-applikanti li:

(a)

jkollhom għall-inqas 18-il sena u jkunu detenturi għall-inqas ta' diploma ta’ edukazzjoni sekondarja jew ta' diploma li tagħti aċċess għall-università jew ekwivalenti.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza tivvaluta l-istandard edukattiv ta' l-applikanti li ma jissodisfawx dan ir-rekwiżit edukattiv. Jekk din il-valutazzjoni turi li applikant għandu esperjenza u l-edukazzjoni li jagħtuh possibbiltà raġonevoli li jtemm it-taħriġ fil-kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru, dawn għandhom jiġu meqjusa bħala suffiċjenti;

(b)

ikunu temmew b’suċċess taħriġ inizjali approvat li jkun rilevanti għall-kwalifika, u għall-annotazzjoni tal-kwalifika jekk applikabbli, kif stabbilit fil-Parti A ta’ l-Anness II;

(ċ)

ikollhom ċertifikat mediku validu; u

(d)

urew livell adegwat ta’ kompetenza lingwistika skond ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

Il-liċenzja għandu jkollha għall-inqas kwalifika waħda u annotazzjoni waħda ta' kwalifika, jekk applikabbli.

2.   Għandhom jingħataw liċenzji ta’ kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru lil dawk l-applikanti li:

(a)

ikollhom għall-inqas 21 sena. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal età minima iżgħar f'każijiet debitament ġustifikati;

(b)

ikunu detenturi ta' liċenzja ta’ student u temmew kors approvat ta’ taħriġ ta’ unità u għaddew mill-eżamijiet rilevanti jew mill-valutazzjonijiet skond ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti B ta’ l-Anness II;

(ċ)

ikollhom ċertifikat mediku validu; u

(d)

urew livell adegwat ta’ kompetenza lingwistika skond ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III.

Il-liċenzja għandha tkun validata bl-inklużjoni ta' kwalifika waħda jew iżjed u bl-annotazzjonijiet tal-kwalifika, ta' l-unità u lingwistiċi rilevanti li għalihom it-taħriġ kien mitmum b'suċċess.

3.   L-annotazzjoni ta' istruttur għandha tingħata lid-detenturi ta' liċenzja ta’ kontrollur tat-traffiku ta' l-ajru li:

(a)

jkunu pprovdew servizzi ta' kontroll tat-traffiku ta' l-ajru għal perjodu, immedjatament preċedenti, ta' għall-inqas sena, jew għal perjodu ta' żmien itwal kif stabbilit mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza b'kont meħud tal-kwalifiki u l-annotazzjonijiet li għalihom huwa mogħti t-taħriġ; u

(b)

jkunu temmew b’suċċess kors ta' istruttur li jagħti taħriġ fuq ix-xogħol li matulu ġew valutati, permezz ta’ eżamijiet adegwati, il-konoxxenza u l-abbiltajiet pedagoġiċi meħtieġa.

Artikolu 6

Kwalifiki ta' kontrollur tat-traffiku ta' l-ajru

Il-liċenzji għandhom jkollhom waħda jew iżjed mill-kwalifiki li ġejjin sabiex ikun indikat it-tip ta’ servizz li d-detentur tal-liċenzja jista’ jipprovdi:

(a)

il-kwalifika ta’ Kontroll Viżiv ta' Ajrudrom (ADV), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru għat-traffiku ta’ ajrudrom f'ajrudrom li ma għandux proċeduri pubblikati ta’ avviċinament jew tluq strumentali;

(b)

il-kwalifika ta’ Kontroll Strumentali ta' Ajrudrom (ADI), li għandha tindika li d-detentur ta' liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru għat-traffiku ta’ ajrudrom f'ajrudrom li għandu proċeduri pubblikati ta’ avviċinament jew tluq strumentali u li għandu jkun akkumpanjat minn għall-inqas waħda mill-annotazzjonijiet tal-kwalifika deskritti fl-Artikolu 7(1);

(ċ)

il-kwalifika ta’ Kontroll Proċedurali ta' Avviċinament (APP), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru lil inġenji ta’ l-ajru li jaslu, jitilqu jew jittransitaw mingħajr l-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza;

(d)

il-kwalifika ta’ Kontroll ta' Avviċinament b'Sorveljanza (APS), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru lil inġenji ta’ l-ajru li jaslu, jitilqu jew jittransitaw bl-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza u li għandha tkun akkumpanjata minn għall-inqas waħda mill-annotazzjonijiet tal-kwalifika deskritti fl-Artikolu 7(2);

(e)

il-kwalifika ta’ Kontroll Proċedurali ta’ Żona (ACP), li għandha tindika li d-detentur ta' liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru lil inġenji ta’ l-ajru mingħajr l-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza;

(f)

il-kwalifika ta’ Kontroll ta’ Żona b'Sorveljanza (ACS), li għandha tindika li d-detentur ta' liċenzja huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizz ta' kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru lil inġenji ta’ l-ajru bl-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza u li għandha tkun akkumpanjata minn għall-inqas waħda mill-annotazzjonijiet tal-kwalifika deskritti fl-Artikolu 7(3).

Artikolu 7

Annotazzjonijiet tal-kwalifika

1.   Il-kwalifika ta’ Kontroll Strumentali ta' Ajrudrom (ADI) għandha jkollha għall-inqas waħda mill-annotazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annotazzjoni “Torri ta' Kontroll” (TWR), li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizzi ta’ kontroll fejn il-kontroll ta’ ajrudrom ikun provdut minn pożizzjoni operattiva waħda;

(b)

l-annotazzjoni “Kontroll tal-Moviment fl-Art” (GMC), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi kontroll ta' movimenti fl-art;

(ċ)

l-annotazzjoni “Sorveljanza tal-Moviment fl-Art” (GMS), li tingħata addizzjonalment ma' l-annotazzjoni “Kontroll tal-Moviment fl-Art” jew ma' l-annotazzjoni “Torri ta' Kontroll”, għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi kontroll ta' movimenti fuq l-art bl-għajnuna ta’ sistemi ta’ gwida fuq is-superfiċji ta’ ajrudrom;

(d)

l-annotazzjoni “Kontroll ta’ l-Ajru” (AIR), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi kontroll ta’ l-ajru;

(e)

l-annotazzjoni “Kontroll bir-Radar ta’ Ajrudrom” (RAD), li tingħata addizzjonalment ma' l-annotazzjoni “Kontroll ta’ l-Ajru” jew ma' l-annotazzjoni “Torri ta' Kontroll”, li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi kontroll ta’ ajrudrom bl-għajnuna ta’ tagħmir tar-radar ta’ sorveljanza.

2.   Il-kwalifika ta’ Kontroll ta' Avviċinament b'Sorveljanza (APS) għandha jkollha għall-inqas waħda mill-annotazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annotazzjoni “Radar” (RAD), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi servizz ta’ kontroll ta’ avviċinament bl-użu ta’ tagħmir radar primarju u/jew sekondarju;

(b)

l-annotazzjoni “Avviċinament b'Radar ta’ Preċiżjoni” (PAR), li tingħata addizzjonalment ma' l-annotazzjoni “Radar”, li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi lill-inġenji ta’ l-ajru li jkunu fil-fażi finali ta' avviċinament għar-runway kontroll mill-art ta' avviċinament ta' preċiżjoni bl-użu ta’ tagħmir tar-radar għall-avviċinament ta’ preċiżjoni;

(ċ)

l-annotazzjoni “Avviċinament b’Radar ta’ Sorveljanza” (SRA), li tingħata addizzjonalment ma' l-annotazzjoni “Radar”, li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi lil inġenji ta’ l-ajru li jkunu fil-fażi finali ta' avviċinament għar-runway kontroll mill-art ta' avviċinament mhux ta' preċiżjoni bl-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza;

(d)

l-annotazzjoni “Sorveljanza Dipendenti Awtomatika” (ADS), li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti li jipprovdi servizz ta’ kontroll ta' avviċinament bl-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza dipendenti awtomatika;

(e)

l-annotazzjoni “Kontroll tat-Terminal” (TCL), li tingħata addizzjonalment ma' l-annotazzjoni “Radar” jew ma' l-annotazzjoni “Sorveljanza Dipendenti Awtomatika”, li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru bl-użu ta’ kwalunkwe tagħmir ta’ sorveljanza lil inġenji ta’ l-ajru li joperaw f'żona speċifika ta’ terminal u/jew f'setturi viċini.

3.   Il-kwalifika ta’ Kontroll ta’ Żona b'Sorveljanza (ACS) għandha jkollha għall-inqas waħda mill-annotazzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-annotazzjoni “Radar” (RAD), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi servizzi ta’ kontroll ta’ żona bl-użu ta’ tagħmir tar-radar ta’ sorveljanza;

(b)

l-annotazzjoni “Sorveljanza Dipendenti Awtomatika” (ADS), li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi servizz ta’ kontroll ta’ żona bl-użu ta’ tagħmir ta’ sorveljanza dipendenti awtomatika;

(ċ)

l-annotazzjoni “Kontroll tat-Terminal” (TCL), li tingħata addizzjonalment ma' l-annotazzjoni “Radar” jew ma' l-annotazzjoni “Sorveljanza Dipendenti Awtomatika”, li għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru bl-użu ta’ kwalunkwe tagħmir ta’ sorveljanza lil inġenji ta’ l-ajru li joperaw f’żona speċifika ta’ terminal u/jew f'setturi viċini;

(d)

l-annotazzjoni “Kontroll Oċeaniku” (OCL), li għandha tindika li d-detentur huwa kompetenti sabiex jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru lil inġenji ta’ l-ajru li joperaw f’Żona ta’ Kontroll Oċeaniku.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 3, l-Istati Membri jistgħu jiżviluppaw annotazzjonijiet nazzjonali f'każijiet eċċezzjonali dovuti biss għall-karatteristiċi partikolari tat-traffiku ta’ l-ajru fl-ispazju ta’ l-ajru taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dawn l-annotazzjonijiet ma għandhomx jolqtu l-libertà ta' moviment ġenerali tal-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru.

Artikolu 8

Annotazzjonijiet lingwistiċi

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru jistgħu juru l-abbiltà tagħhom li jitkellmu u jifhmu bl-Ingliż f’livell sodisfaċenti. Il-kompetenza tagħhom għandha tiġi determinata skond l-iskala gradatorja tal-kompetenza lingwistika disposta fl-Anness III.

2.   L-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti lingwistiċi lokali meta dawn ikunu meqjusa meħtieġa għal raġunijiet ta’ sigurtà.

3.   Il-livell meħtieġ fl-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 għandu jkun il-livell 4 ta' l-iskala gradatorja ta' kompetenza lingwistika li hija disposta fl-Anness III.

4.   Minkejja l-paragrafu 3, l-Istati Membri jistgħu jesiġu l-livell 5 ta' l-iskala gradatorja ta' kompetenza lingwistika disposta fl-Anness III fl-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u/jew 2 fejn iċ-ċirkostanzi operattivi tal-kwalifika jew ta' l-annotazzjoni partikolari titlob livell ogħla għal raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà. Tali rekwiżit għandu jkun ġustifikat oġġettivament, mhux diskriminatorju, proporzjonat u trasparenti.

5.   Il-kompetenza għandha tiġi murija permezz ta' ċertifikat maħruġ wara proċedura ta' valutazzjoni oġġettiva u trasparenti approvata mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza.

Artikolu 9

Annotazzjonijiet ta' istruttur

L-annotazzjoni ta' istruttur għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi taħriġ u superviżjoni fix-xogħol ta' funzjoni operattiva għall-oqsma koperti minn kwalifika valida.

Artikolu 10

Annotazzjonijiet ta' l-unità

L-annotazzjoni ta' unità għandha tindika li d-detentur tal-liċenzja huwa kompetenti li jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku ta’ l-ajru għal settur partikolari, għal grupp ta' setturi jew għal funzjonijiet operattivi taħt ir-responsabbiltà ta' unità ta' servizz tat-traffiku ta’ l-ajru.

L-Istati Membri jistgħu, fejn meħtieġ għal raġunijiet ta’ sigurtà, jistipulaw li l-privileġġi ta' l-annotazzjoni ta' unità ikunu eżerċitati biss minn detenturi ta' liċenzja taħt età determinata.

Artikolu 11

Kundizzjonijiet sabiex jinżammu l-kwalifiki u jinżammu validi l-annotazzjonijiet

1.   L-annotazzjonijiet ta' l-unità għandhom ikollhom validità għal perjodu inizjali ta' 12-il xahar. Il-validità ta' tali annotazzjonijiet għandha tiġi estiża għat-12-il xahar li jmiss jekk il-fornitur tas-servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru juri li:

(a)

l-applikant ilu jeżerċita l-privileġġi tal-liċenzja għal numru minimu ta’ siegħat, kif indikat fl-iskema approvata tal-kompetenzi ta’ l-unità, matul l-aħħar 12-il xahar;

(b)

il-kompetenza ta’ l-applikant ġiet valutata skond il-Parti Ċ ta’ l-Anness II; u

(ċ)

l-applikant għandu ċertifikat mediku validu.

In-numru minimu ta’ siegħat ta' xogħol mingħajr ma jiġu kkunsidrati eżerċizzji ta' istruzzjoni, meħtieġa sabiex tinżamm il-validità ta' l-annotazzjoni ta' l-unità jistgħu jitnaqqsu għal istrutturi li jagħtu taħriġ fuq ix-xogħol proporzjonalment għall-ħin mogħti għall-istruzzjoni ta' min ikun qiegħed jitħarreġ fil-funzjonijiet operattivi li għalihom tkun ġiet applikata l-estensjoni.

2.   Fejn ma tibqax valida annotazzjoni ta' l-unità, għandu jiġi segwit u kompletat b'suċċess pjan ta' taħriġ ta' l-unità sabiex tiġi mġedda l-validità ta' l-annotazzjoni.

3.   Id-detentur ta' kwalifika jew ta' annotazzjoni ta' kwalifika li ma jkunx qiegħed jipprovdi servizzi ta’ kontroll tat-traffiku ta' l-ajru assoċjati ma' dik il-kwalifika jew annotazzjoni ta' kwalifika għal kwalunkwe perjodu konsekuttiv ta’ erba' snin jista' biss jibda taħriġ ta' l-unità għal dik il-kwalifika jew annotazzjoni ta' kwalifika wara valutazzjoni adegwata li tiddetermina jekk huwa għadux jissodisfa r-rekwiżiti ta' dik il-kwalifika jew annotazzjoni ta' kwalifika, u wara li jissodisfa kwalunkwe rekwiżit ta’ taħriġ li joħroġ minn din il-valutazzjoni.

4.   Il-kompetenza lingwistika ta' l-applikant għandha tiġi valutata formalment wara intervalli regolari, ħlief għal dawk l-applikanti li jkunu urew kompetenza fil-livell 6.

Tali intervall ma għandux ikun itwal minn 3 snin għall-applikanti li juru kompetenza fil-livell 4 u mhux itwal minn 6 snin għall-applikanti li juru kompetenza fil-livell 5.

5.   L-annotazzjoni ta' istruttur għandha tkun valida għal perjodu rinnovabbli ta’ 36 xahar.

Artikolu 12

Ċertifikati mediċi

1.   Iċ-ċertifikati mediċi għandhom jinħarġu minn organu mediku kompetenti ta' l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza jew minn eżaminaturi mediċi approvati mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza.

2.   Il-ħruġ ta' ċertifikati mediċi għandu jsir skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Anness I tal-Konvenzjoni ta' Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u skond ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Eurocontrol għal Ċertifikazzjoni Medika Ewropea ta' Klassi 3 tal-Kontrolluri tat-Traffiku ta’ l-Ajru.

3.   Iċ-ċertifikati mediċi għandhom ikunu validi mid-data ta' l-eżami mediku u għal 24 xahar wara għal kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru li għandhom sa l-età ta' 40 u għal 12-il xahar 'il fuq minn dik l-età. Iċ-ċertifikat mediku jista' jiġi revokat fi kwalunkwe waqt jekk dan ikun meħtieġ mill-kondizzjoni medika tad-detentur.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri effettivi ta' reviżjoni jew ta’ appell li jinvolvu parteċipazzjoni adegwata minn konsulenti mediċi indipendenti.

5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti proċeduri li jittrattaw każijiet ta’ tnaqqis fis-saħħa fiżika u li jippermettu d-detenturi ta' liċenzja jinnotifikaw lil min iħaddimhom bi kwalunkwe tnaqqis f'saħħithom jew li jinsabu taħt l-influwenza ta’ kwalunkwe sustanza psikoattiva jew ta' mediċini li jistgħu jostakolawhom milli jeżerċitaw il-privileġġi tal-liċenzja f'kundizzjonijiet ta' siġurtà u korrettament.

Artikolu 13

Ċertifikazzjoni ta’ Fornituri ta' Taħriġ

1.   L-għoti ta' taħriġ lil kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru, inklużi proċeduri relatati ta' valutazzjoni, għandu jkun suġġett għaċ-ċertifikazzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza.

2.   Ir-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni għandhom jirrelataw għall-kompetenzi tekniċi u operattivi u għall-kapaċità ta' l-applikant li jorganizza korsijiet ta’ taħriġ kif imsemmi fil-punt 1 ta’ l-Anness IV.

3.   L-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni għandhom jingħataw lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza ta’ l-Istat Membru fejn l-applikant ikollu s-sede prinċipali tiegħu u, jekk ikollu, ta' l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom joħorġu ċertifikati fejn il-fornitur ta' taħriġ applikanti jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fil-punt 1 ta’ l-Anness IV.

Jistgħu jinħarġu ċertifikati għal kull tip ta’ taħriġ, jew flimkien ma' servizzi oħra ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru, sabiex it-tip ta’ taħriġ u t-tip ta’ servizz ta' navigazzjoni ta’ l-ajru jiġu ċertifikati flimkien bħala pakkett ta’ servizzi.

4.   Iċ-ċertifikati għandhom jispeċifikaw l-informazzjoni msemmija fil-punt 2 ta’ l-Anness IV.

5.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jimmonitoraw il-konformità mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet mehmuża maċ-ċertifikati. Jekk awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza ssib li detentur ta' ċertifikat m’għadux jissodisfa tali rekwiżiti jew kundizzjonijiet, għandha tieħu l-miżuri xierqa, li jistgħu jinkludu l-irtirar taċ-ċertifikat.

6.   Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi ċ-ċertifikati maħruġa fi Stat Membru ieħor.

Artikolu 14

Garanzija ta’ konformità ma’ l-istandards ta’ kompetenza

1.   Sabiex jiġu żgurati dawk il-livelli ta’ kompetenza indispensabbli għall-kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru sabiex jaqdu dmirijithom skond standards għolja ta’ sigurtà, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-taħriġ iseħħ taħt is-sorveljanza u l-monitoraġġ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza.

Il-kompiti tagħhom għandhom jinkludu:

(a)

il-ħruġ u r-revoka ta' liċenzji, kwalifiki u annotazzjonijiet li għalihom ikunu saru t-taħriġ u l-valutazzjoni fil-kamp ta' responsabbiltà ta' l-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza;

(b)

iż-żamma u s-sospensjoni ta' kwalifiki u annotazzjonijiet, li l-privileġġi tagħhom jiġu eżerċitati taħt ir-responsabbiltà ta' l-awtorita' nazzjonali ta' sorveljanza;

(ċ)

iċ-ċertifikazzjoni ta’ fornituri ta' taħriġ;

(d)

l-approvazzjoni ta’ korsijiet ta’ taħriġ, ta' pjanijiet għat-taħriġ ta’ unitajiet u ta' skemi ta' kompetenza ta' unitajiet;

(e)

l-approvazzjoni ta’ eżaminaturi jew valutaturi tal-kompetenza;

(f)

il-monitoraġġ u l-verifika ta' sistemi ta’ taħriġ; u

(g)

it-twaqqif ta’ mekkaniżmi adegwati ta’ appell u ta' notifikazzjoni.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jipprovdu informazzjoni adegwata u assistenza reċiproka lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza ta' Stati Membri oħra sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva, partikolarment f'każijiet li jinvolvu l-moviment liberu ta' kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru fil-Komunità.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jiżguraw iż-żamma ta' database b'kumpilazzjoni ta' lista bil-kompetenzi tad-detenturi kollha ta' liċenzja li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom u bid-dati ta' validità ta' l-annotazzjonijiet tagħhom. Għal dan il-għan, l-unitajiet operattivi fi ħdan fornituri ta' servizzi ta’ navigazzjoni ta’ l-ajru għandhom iżommu reġistru bin-numru effettiv ta’ siegħat ta’ ħidma fis-setturi, gruppi ta’ setturi jew fil-funzjonijiet operattivi għal kull detentur ta' liċenzja li jaqdi dmiru fl-unità u għandhom jipprovdu din id-data lill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza fuq it-talba tagħha.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom japprovaw id-detenturi tal-liċenzja li jkollhom id-dritt jeżerċitaw il-funzjoni ta' eżaminaturi tal-kompetenza jew ta' valutaturi tal-kompetenza għat-taħriġ ta’ l-unità u għal taħriġ ta' kontinwazzjoni. L-approvazzjoni għandha tkun valida għal perjodu rinnovabbli ta’ tliet snin.

5.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jivverifikaw ix-xogħol tal-fornituri ta' taħriġ fuq bażi regolari bil-għan li jiggarantixxu konformità effettiva ma’ l-istandards stipulati f’din id-Direttiva.

Minbarra l-verifika regolari, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jistgħu jwettqu ispezzjonijiet fuq il-post sabiex jivverifikaw l-implementazzjoni effettiva ta' din id-Direttiva u l-konformità ma’ l-istandards stipulati fiha.

6.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza jistgħu jiddeċiedu li jiddelegaw bis-sħiħ jew parzjalment il-funzjonijiet ta’ verifika u l-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 5 lil organizzazzjonijiet rikonoxxuti skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004.

7.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva sa Mejju 2011 u minn hemm 'il quddiem f'intervalli ta' tliet snin.

Artikolu 15

Rikonoxximent reċiproku ta' liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku ta’ l-ajru

1.   Suġġett għall-Artikolu 8, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi liċenzji u l-kwalifiki, l-annotazzjonijiet ta' kwalifiki u l-annotazzjonijiet lingwistiċi assoċjati magħhom maħruġa mill-awtorità nazzjonali ta’ sorveljanza ta’ Stat Membru ieħor skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, kif ukoll iċ-ċertifikati mediċi li jakkumpanjawhom. Madankollu, kull Stat Membru jista' jiddeċiedi li jirrikonoxxi biss liċenzji ta' detenturi li jkunu laħqu l-età minima ta' 21 sena kif previst fl-Artikolu 5(2)(a).

2.   Fil-każijiet fejn detentur ta' liċenzja jeżerċita l-privileġġi tal-liċenzja fi Stat Membru ieħor minn dak li fih ġiet maħruġa l-liċenzja, id-detentur tal-liċenzja għandu jkollu d-dritt li jibdel il-liċenzja tiegħu ma' liċenzja maħruġa fl-Istat Membru fejn ikunu eżerċitati l-privileġġi, mingħajr ma jkunu imposti kundizzjonijiet addizzjonali.

3.   Sabiex tingħata l-annotazzjoni ta' l-unità, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jeħtieġu li l-applikant jissodisfa l-kundizzjonijiet partikolari assoċjati ma’ din l-annotazzjoni, bl-ispeċifikazzjoni ta' l-unità, tas-settur jew tal-funzjoni operattiva. Meta jistabbilixxi l-pjan ta' taħriġ ta’ l-unità, il-fornitur ta' taħriġ għandu jikkunsidra l-kompetenzi miksuba u l-esperjenza ta’ l-applikant.

4.   L-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom japprovaw u jagħtu deċiżjoni motivata dwar il-pjan ta' taħriġ ta’ l-unità li jkun fih it-taħriġ propost għall-applikant mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara l-preżentazzjoni tal-prova, mingħajr preġudizzju għad-dewmien li jirriżulta minn kwalunkwe appell li jista’ jsir. Fid-deċiżjonijiet tagħhom, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza għandhom jiżguraw li jiġu rispettati l-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni u tal-proporzjonalità.

Artikolu 16

Adattament għall-progress tekniku u xjentifiku

Fid-dawl ta' progress tekniku jew xjentifiku, il-Kummissjoni tista' tadotta, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(2), emendi għall-kwalifiki msemmija fl-Artikolu 6, għall-annotazzjonijiet ta' kwalifiki msemmija fl-Artikolu 7, għad-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċertifikati mediċi fl-Artikolu 12(3) u għall-Annessi.

Artikolu 17

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat għal Ajru Uniku stabbilit bl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b'kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahar.

3.   Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.

Artikolu 18

Penali

L-Istati Membri għandhom jitabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implementati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sa Mejju 2008 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b'kull emenda sussegwenti li tolqothom.

Artikolu 19

Arranġamenti Transitorji

L-Artikolu 5(2)(a) u (b) ma għandux japplika għal detenturi ta' liċenzja ta' kontrollur tat-traffiku ta' l-ajru maħruġa mill-Istati Membri qabel Mejju 2008.

Artikolu 20

Traspożizzjoni

L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn Mejju 2008, bl-eċċezzjoni ta' l-Artikolu 8, li t-terminu perentorju tiegħu għandu jiskadi Mejju 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummisjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modalitajiet kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 22

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, nhar il-5 ta' April 2006.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BORRELL FONTELLES

Għall-Kunsill

Il-President

H. WINKLER


(1)  ĠU C 234, 22.9.2005, p. 17.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2005 (ĠU C 320 E, 15.12.2005, p. 50), Pożizzożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Novembru 2005 (ĠU C 316 E, 13.12.2005, p. 1) u Pożizzożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Frar 2006 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(4)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 225, 12.8.1998, p. 27. Deċiżjoni kif emendata bl-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(6)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(7)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS I

SPEĊIFIKAZZJONIJIET GĦAL-LIĊENZJI

Il-liċenzji maħruġa minn kull Stat Membru skond din id-Direttiva għandhom jikkonformaw ma' l-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

1.   Dettalji

1.1.

Id-dettalji li ġejjin għandhom jidhru fuq il-liċenzja, b'asterisk li jindika dawk id-dettalji li t-traduzzjoni tagħhom bl-Ingliż tkun obbligatorja:

(a)

*L-isem ta' l-Istat jew Awtorità li toħroġ il-liċenzja (b'ittri skuri);

(b)

*Titlu tal-liċenzja (b'ittri skuri ħafna);

(ċ)

In-numru tas-serje tal-liċenzja, bl-użu tan-numerazzjoni Għarbija, mogħti mill-Awtorità li toħroġ il-liċenzja;

(d)

L-isem sħiħ tad-detentur (bl-użu ta' l-alfabet Ruman anke jekk l-iskrittura tal-lingwa nazzjonali tkun diversa minn dik Rumana);

(e)

Data tad-twelid;

(f)

Nazzjonalità tad-detentur;

(g)

Firma tad-detentur;

(h)

*Ċertifikazzjoni fir-rigward tal-validità u l-awtorizzazzjoni tad-detentur li jeżerċita l-privileġġi inerenti fil-liċenzja, li tindika:

(i)

il-kwalifiki, l-annotazzjonijiet tal-kwalifiki, l-annotazzjonijiet lingwistiċi, l-annotazzjonijiet ta' istruttur, u l-annotazzjonijiet ta' l-unità;

(ii)

id-data meta ġew maħruġa l-ewwel darba;

(iii)

id-data meta tiskadi l-validità tagħhom;

(i)

Firma ta' l-uffiċjal li ħareġ il-liċenzja u d-data ta' tali ħruġ;

(j)

Siġill jew timbru ta' l-Awtorità li ħarġet il-liċenzja.

1.2.

Il-liċenzja għandha tkun akkumpanjata minn ċertfikat mediku validu.

2.   Materjal

Il-materjal użat għandu jkun karta ta' kwalità prima jew materjal adegwat ieħor u għandhom jidhru fuqu b'mod ċar l-elementi msemmija fil-punt 1.

3.   Kulur

3.1.

Fejn jintuża materjal ta' l-istess kulur għal-liċenzji relatati ma' l-avjazzjoni maħruġa minn Stat Membru, dak il-kulur għandu jkun abjad.

3.2.

Fejn il-liċenzji relatati ma' l-avjazzjoni maħruġa minn Stat Membru jkunu distinti permezz ta' markatura kulurita, il-kulur tal-liċenzja ta' kontrollur tat-traffiku ta' l-ajru għandu jkun isfar.


ANNESS II

REKWIŻITI TA' TAĦRIĠ

PARTI A

Rekwiżiti ta' taħriġ inizjali tal-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru

It-taħriġ inizjali għandu jiżgura li studenti kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru jissodisfaw għall-inqas l-għanijiet, għal taħriġ bażiku u għall-kwalifika, kif deskritti fil-“Guidelines for air traffic controller Common Core Content Initial Training”, ta' l-Eurocontrol, edizzjoni tat-10 ta' Diċembru 2004, sabiex il-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru jkunu kapaċi jmexxu t-traffiku ta' l-ajru mingħajr periklu, b'mod rapidu u effiċjenti.

It-taħriġ inizjali għandu jkopri s-suġġetti li ġejjin: Liġi ta' l-Avjazzjoni, Ġestjoni tat-Traffiku ta' l-Ajru, inklużi Proċeduri għall-Koperazzjoni Ċivili-Militari, Meteoroloġija, Navigazzjoni, Inġenjita' l-Ajru u Prinċipji ta' Titjir, inkluża r-relazzjoni bejn il-kontrollur tat-traffiku ta' l-ajru u l-pilota, Fatturi Umani, Tagħmir u Sistemi, Ambjent Professjonali, Sigurtà u Kultura ta' Sigurtà, Sistemi ta' Ġestjoni tas-Sigurtà, Sitwazzjonijiet Anomali/ ta' Emerġenza, Sistemi Degradati u Konoxxenza Lingwistika, inkluża l-Frażjoloġija użata fir-radjotelefonija.

Is-suġġetti għandhom ikunu mgħallma b'mod li jippreparaw lill-applikanti għat-tipi differenti tas-servizzi tat-traffiku ta' l-ajru u li jenfasizzaw l-aspetti tas-sigurtà. It-taħriġ inizjali għandu jikkonsisti f'korsijiet teoretiċi u prattiċi, inkluż l-użu ta' simulaturi, u t-tul tiegħu għandu jkun determinat fil-pjanijiet ta' taħriġ inizjali approvati. Il-kompetenzi miksuba għandhom jiżguraw li l-kandidat ikun jista' jitqies bħala kompetenti sabiex jimmaniġġa sitwazzjonijiet ta' traffiku kumplessi u densi, b'hekk jiffaċilitaw it-transizzjoni għat-taħriġ fi ħdan l-unità. Il-kompetenza tal-kandidat wara t-taħriġ inizjali għandha tiġi valutata permezz ta' eżamijiet xierqa jew ta' sistema ta' valutazzjoni kontinwa.

PARTI B

Rekwiżiti ta' taħriġ ta' l-unità għal kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru

Il-pjanijiet ta' taħriġ ta' l-unità għandhom jispeċifikaw il-proċessi u l-perjodi neċessarji għall-applikazzjoni tal-proċeduri ta' l-unità liż-żona lokali taħt is-superviżjoni ta' l-istruttur li jagħti taħriġ fuq ix-xogħol. Il-pjan approvat għandu jinkludi indikazzjonijiet ta' l-elementi kollha tas-sistema ta' valutazzjoni tal-kompetenza, inklużi arranġamenti dwar ix-xogħol, valutazzjonijiet u eżamijiet tal-progress miksub, flimkien mal-proċeduri ta' notifika lill-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza. It-taħriġ ta' l-unità jista' jkollu ċerti elementi mit-taħriġ iniżjali li jkunu speċifiċi għall-kundizzjonijiet nazzjonali.

It-tul ta' żmien għat-taħriġ ta' l-unità għandu jiġi determinat fil-pjan tat-taħriġ ta' l-unità. Il-kompetenzi meħtieġa għandhom jiġu valutati permezz ta' eżamijiet xierqa jew ta' sistema ta' valutazzjoni kontinwa, minn eżaminaturi jew valutaturi tal-kompetenza approvati li għandhom ikunu newtrali u oġġettivi fil-ġudizzju tagħhom. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi ta' appell sabiex jiżguraw trattament ġust għall-kandidati.

PARTI Ċ

Rekwiżiti ta' taħriġ ta' kontinwazzjoni tal-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru

Il-kwalifiki u l-annotazzjonijiet ta' l-unità fuq il-liċenzji tal-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru għandhom jinżammu validi permezz ta' taħriġ approvat ta' kontinwazzjoni, li jikkonsisti f'taħriġ għaż-żamma tal-kompetenzi tal-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru, korsijiet ta' aġġornament, taħriġ għall-emerġenzi u, fejn neċessarju, taħriġ lingwistiku.

It-taħriġ ta' kontinwazzjoni għandu jikkonsisti f'korsijiet teoretiċi u prattiċi, flimkien ma' l-użu ta' simulaturi. Għal dan il-għan, l-organizzazzjoni ta' taħriġ għandha tistabbilixxi skemi ta' kompetenza ta' l-unità li jispeċifikaw il-proċessi, il-persunal u ż-żmien neċessarju sabiex jipprovdu għal taħriġ adegwat ta' kontinwazzjoni u sabiex juru l-pussess tal-kompetenzi. Dawn l-iskemi għandhom jiġu riveduti u approvati għall-inqas kull tliet snin. It-tul taż-żmien tat-taħriġ ta' kontinwazzjoni għandu jiġi deċiż skond il-bżonnijiet funzjonali tal-kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru li jaħdmu fl-unità, b'mod partikolari fid-dawl tal-bidliet jew ta' bidliet pjanifikati fil-proċeduri jew fit-tagħmir, jew fid-dawl tar-rekwiżiti ġenerali tal-ġestjoni tas-sigurtà. Il-kompetenza ta' kull kontrollur tat-traffiku ta' l-ajru għandha tiġi valutata b'mod adegwat għall-inqas kull tliet snin. Il-fornitur tas-servizz ta' navigazzjoni ta' l-ajru għandu jiżgura li jiġu applikati l-mekkaniżmi li jiżguraw it-trattament ġust tad-detenturi ta' liċenzji, li l-validità ta' l-annotazzjonijiet tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu estiżi.


ANNESS III

REKWIŻITI TA' KOMPETENZA LINGWISTIKA

Ir-rekwiżiti ta' kompetenza lingwistika stipulati fl-Artikolu 8 huma applikabbli għall-użu kemm tal-frażjoloġija kif ukoll tal-lingwaġġ komuni. Sabiex applikant għal liċenzja jew detentur ta' liċenzja jissodisfa r-rekwiżiti għall-kompetenza lingwistika huwa għandu jiġi eżaminat u għandu juri konformità għall-inqas mal-Livell Operattiv (Livell 4) ta' l-Iskala Gradatorja tal-Kompetenza Lingwistika stabbilita f’dan l-Anness.

Il-persuni li jkunu lingwistikament kompetenti għandhom ikunu kapaċi:

(a)

jikkomunikaw b'mod effettiv f'sitwazzjonijiet ta' kuntatt orali biss (bit-telefon/ bir-radjotelefonija) u wiċċ imbwiċċ;

(b)

jikkomunikaw bi preċiżjoni u b’ċarezza dwar argumenti komuni, konkreti u relatati max-xogħol;

(ċ)

jagħmlu użu minn strateġiji komunikattivi adatti sabiex jiskambjaw messaġġi u sabiex jagħrfu u jsolvu kull nuqqas ta’ ftehim (eż. sabiex jivverifikaw, jikkonfermaw jew jiċċaraw informazzjoni) f'kuntest ġenerali jew relatat max-xogħol;

(d)

jimmaniġġaw b’suċċess u b'faċilità relattiva d-diffikultajiet lingwistiċi li jinħolqu minn kumplikazzjonijiet jew minn żviluppi mhux mistennija ta' sitwazzjonijiet li jseħħu fil-kuntest ta’ sitwazzjoni ta’ xogħol ta’ rutina jew ta' funzjoni komunikattiva li magħha huma jkunu ordinarjament familjari; u

(e)

jużaw djalett jew aċċent li jinftiehem mill-komunità aeronawtika.

Skala gradatorja tal-kompetenza lingwistika: Livell ta' Espert, Livell Avvanzat u Livell Operattiv.

Livell

Pronunzja

Jintuża djalett u/jew aċċent li jinftiehem mill-komunità aeronawtika.

Struttura

L-istrutturi grammatikali u l-mudelli ta' sentenzi rilevanti huma determinati mill-funzjonijiet lingwistiċi adegwati għax-xogħol.

Vokabularju

Kapaċità fit-taħdit

Komprensjoni

Interazzjoni

Espert

6

Pronunzja, aċċentwazzjoni, ritmu, u intonazzjoni, li għalkemm possibbilment influwenzati mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali, kważi qatt ma jfixklu l-faċilità tal-komprensjoni.

Kemm l-istrutturi grammatikali bażiċi u kumplessi kif ukoll l-mudelli ta' sentenzi huma konsistentement kontrollati tajjeb.

Il-firxa u l-preċiżjoni tal-vokabularju huma suffiċjenti għall-komunikazzjoni effettiva fuq medda wiesgħa ta’ suġġetti kemm familjari u le. Il-vokabularju huwa idjomatiku, varjat u tajjeb sabiex jiġi reġistrat.

Kapaċità ta' konversazzjoni fit-tul b’mod naturali u mingħajr tbatija. Kapaċità fil-varjazzjoni tad-diskors sabiex jinkiseb effett stilistiku, eż. sabiex jiġi enfasizzat punt. Isir użu spontanju ta' markaturi u konnetturi tad-diskors.

Il-komprensjoni hija konsistentement preċiża fi kważi l-kuntesti kollha u tinkludi l-komprensjoni ta’ dettalji żgħar lingwistiċi u kulturali.

Kapaċità ta' interazzjoni mingħajr tbatija kważi fis-sitwazzjonijiet kollha. Reazzjoni tajba għal spunti verbali u għal sinjali mhux verbali.

Avvanzat

5

Pronunzja, aċċentwazzjoni, ritmu, u intonazzjoni, li għalkemm influwenzati mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali, rarament ifixklu l-faċilità tal-komprensjoni.

L-istrutturi grammatikali bażiċi u l-mudelli ta' sentenzi huma konsistentement kontrollati tajjeb. Isiru tentattivi ta' formazzjoni ta' strutturi kumplessi, iżda bi żbalji li xi kultant ifixklu s-sens intiż.

Il-firxa u l-preċiżjoni tal-vokabularju huma suffiċjenti għall-komunikazzjoni effettiva dwar suġġetti komuni, konkreti, u relatati max-xogħol. Isir użu konsistenti u tajjeb ta’ parafrażi. Il-vokabularju huwa xi kultant idjomatiku.

Kapaċità ta' konversazzjoni fit-tul mingħajr tbatija dwar suġġetti familjari, iżda nuqqas ta' kapaċita' fil-varjazzjoni tad-diskors għall-effett stilistiku Kapaċità ta' użu korrett ta' markaturi u konnetturi tad-diskors.

Il-komprensjoni hija preċiża fuq argumenti komuni, konkreti, u relatati max-xogħol u kważi dejjem preċiża meta l-kelliem jiffaċċja problema lingwistika jew sitwazzjoni komplikata jew tibdil mhux mistenni ta' sitwazzjoni. Kapaċità ta' komprensjoni ta' firxa ta’ varjetajiet diskorsivi (djalett u/jew aċċent) jew reġistri.

Ir-risposti huma immedjati, adegwati u informattivi. Kapaċità effettiva ta' ġestjoni tar-relazzjoni bejn il-kelliem u s-semmiegħ.

Operattiv

4

Pronunzja, aċċentwazzjoni, ritmu, u intonazzjoni, influwenzati mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali, iżda xi kultant biss ifixklu l-faċilità tal-komprensjoni.

L-istrutturi grammatikali bażiċi u l-mudelli ta' sentenzi huma użati b'mod kreattiv u huma ġeneralment kontrollati tajjeb. Jistgħu isiru żbalji, b’mod partikulari f’ċirkostanzi mhux tas-soltu jew mhux mistennija, iżda rarament ifixklu s-sens intiż.

Il-firxa u l-preċiżjoni tal-vokabularju huma normalment suffiċjenti għall-komunikazzjoni effettiva dwar suġġetti komuni, konkreti, u relatati max-xogħol. Kapaċità ta' użu spiss ta' parafrażi b’suċċess fin-nuqqas ta’ vokabularju f’ċirkostanzi mhux tas-soltu jew mhux mistennija.

Kapaċità ta' espressjoni b’ritmu tajjeb. Xi kultant ikun hemm defiċjenza tal-fluwidita' ta' taħdit mal-bidla minn diskors diġà użat jew formulari għal interazzjoni spontanja, iżda dan ma jfixkilx il-komunikazzjoni effettiva. Kapaċità ta' użu limitat ta' markaturi u konnetturi tad-diskors. L-espressjonijiet konnettivi fl-intervalli tad-diskors ma jtellfux l-attenzjoni.

Il-komprensjoni hija kważi dejjem preċiża fuq argumenti komuni, konkreti, u relatati max-xogħol meta l-aċċent jew varjazzjoni użati ikunu suffiċjentement intelliġibbli għal komunità internazzjonali ta' utenti. Meta l-kelliem jiffaċċja problema lingwistika jew sitwazzjoni komplikata jew xi żvilupp mhux mistenni ta' sitwazzjoni l-komprensjoni tista' tkun inqas rapida jew tkun teħtieġ strateġiji ta' kjarifikazzjoni.

Ir-risposti huma normalment immedjati, adegwati u informattivi. Il-kelliem jaf jibda u jkompli konversazzjoni anki fit-trattament ta' sitwazzjonijiet mhux mistennija. Kapaċità ta' ġestjoni adegwata ta' nuqqasijiet apparenti ta’ ftehim permezz ta’ verifika, konferma jew kjarifika.


Skala klassifikattiva tal-kompetenza lingwistika: Livell Pre-Operattiv, Livell Elementari u Livell Pre-Elementari.

Livell

Pronunzja

Jintuża djalett u/jew aċċent li jinftiehem mill-komunità aeronawtika.

Struttura

L-istrutturi grammatikali u l-mudelli ta' sentenzi rilevanti huma determinati mill-funzjonijiet lingwistiċi adegwati għax-xogħol.

Vokabularju

Kapaċità fit-taħdit

Komprensjoni

Interazzjoni

Pre-operattiv

3

Pronunzja, aċċentwazzjoni, ritmu, u intonazzjoni jiġu influwenzati mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali u spiss ifixklu l-faċilità tal-komprensjoni.

L-istrutturi grammatikali bażiċi u l-mudelli ta' sentenzi assoċjati ma' sitwazzjonijiet prevedibbli mhumiex dejjem kontrollati tajjeb. Isiru żbalji li spiss ifixklu s-sens intiż.

Il-firxa u l-preċiżjoni tal-vokabularju huma spiss suffiċjenti għall-komunikazzjoni dwar suġġetti komuni, konkreti, u relatati max-xogħol, iżda l-firxa hija limitata u l-għażla tal-kliem spiss inadegwata. Inkapaċità spissa ta' l-użu tajjeb ta’ parafrażi meta jkun hemm nuqqas ta' vokabularju.

Kapaċità ta' produzzjoni ta' espressjonijiet fit-tul iżda bl-użu inadegwat ta' frażijiet u pawsi. L-eżitazzjoni jew in-nuqqas ta' ħeffa fil-formulazzjoni tal-lingwa jistgħu jimpedixxu l-komunikazzjoni effettiva. L-espressjonijiet konnettivi fl-intervalli tad-diskors okkażjonalment itellfu l-attenzjoni.

Il-komprensjoni hija spiss preċiża fuq argumenti komuni, konkreti, u relatati max-xogħol meta l-aċċent jew varjazzjoni użati ikunu suffiċjentement intelliġibbli għal komunità internazzjonali ta' utenti. Il-kelliem jista' ma jirnexxilux jifhem problema lingwistika jew sitwazzjoni komplikata jew xi żvilupp mhux mistenni ta' sitwazzjoni.

Ir-risposti okkażjonalment huma immedjati, adegwati u informattivi. Il-kelliem jaf jibda u jkompli konversazzjoni b'faċilità raġonevoli dwar suġġetti familjari u f’sitwazzjonijiet prevedibbli. Il-kelliem ġeneralment jirrispondi inadegwatament meta jiffaċċja żvilupp mhux mistenni ta' sitwazzjoni.

Elementari

2

Pronunzja, aċċentwazzjoni, ritmu, u intonazzjoni, huma ferm influwenzati mill-ewwel lingwa jew minn varjazzjoni reġjonali, u spiss ifixklu l-faċilità ta' komprensjoni.

Il-kelliem juri l-pussess ta' kontroll limitat ta’ ftit strutturi grammatikali u mudelli ta' sentenzi sempliċi u memorizzati.

Firxa limitata ta’ vokabularju li jikkonsisti biss minn kliem iżolati u frażijiet memorizzati.

Kapaċità ta' produzzjoni ta' espressjonijiet ferm qosra, iżolati, memorizzati, b'pawsi frekwenti u bl-użu ta' espressjonijiet konnettivi fl-intervalli tad-diskors, fit-tfittxija ta' espressjonijiet u fl-artikolazzjoni ta' kliem anqas familjari, li jtellfu l-attenzjoni.

Il-komprensjoni hija limitata għal frażijiet iżolati u memorizzati meta dawn ikunu artikulati b’attenzjoni u bil-mod.

Ir-risposti mhumiex immedjati, u spiss mhumiex adegwati. L-interazzjoni hija limitata għal djalogu sempliċi ta’ rutina.

Pre-elementari

1

Mhux milħuq il-livell Elementari.

Mhux milħuq il-livell Elementari.

Mhux milħuq il-livell Elementari.

Mhux milħuq il-livell Elementari.

Mhux milħuq il-livell Elementari.

Mhux milħuq il-livell Elementari.


ANNESS IV

REKWIŻITI LI JRIDU JIĠU MEHMUŻA MAĊ-ĊERTIFIKATI MOGĦTIJA LILL-FORNITURI TA' TAĦRIĠ

1.

il-konformità mar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 13 għandha tintwera bil-prova li l-fornituri ta' taħriġ għandhom persunal u tagħmir adegwati u joperaw f'ambjent adatt sabiex jiżguraw it-taħriġ meħtieġ għall-kisba u ż-żamma tal-validità ta' liċenzji ta' studenti kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru u ta' liċenzji ta' kontrolluri tat-traffiku ta' l-ajru. B'mod partikolari l-fornituri ta' taħriġ għandhom:

(a)

ikollhom struttura ta' ġestjoni effiċjenti u persunal suffiċjenti bi kwalifikazzjonijiet u esperjenza adegwati sabiex jagħtu taħriġ skond l-istandards stipulati f'din id-Direttiva;

(b)

ikollhom il-faċilitajiet, tagħmir u akkomodazzjoni adegwati meħtieġa għat-tip ta' taħriġ offrut;

(ċ)

jipprovdu rendikont tal-metodoloġija li ser jużaw sabiex jistabbilixxu d-dettalji tal-kontenut, ta' l-organizzazzjoni u tat-tul ta' żmien tal-korsijiet ta' taħriġ, tal-pjanijiet ta' taħriġ ta' l-unità u ta' l-iskemi tal-kompetenzi ta' l-unità; din il-metodoloġija għandha tinkludi l-modalità ta' l-organizzazzjoni ta' l-eżamijiet u l-valutazzjonijiet. Għall-eżamijiet relatati mat-taħriġ inizjali, inkluż it-taħriġ fuq is-simulaturi, il-kwalifikazzjonijiet ta' l-eżaminaturi għandhom ikunu dettaljatament speċifikati;

(d)

jagħtu prova tas-sistema tal-ġestjoni tal-kwalità użata għas-sorveljanza tal-konformità u l-adegwatezza tas-sistemi u proċeduri li jiżguraw li s-servizzi ta' taħriġ mogħtija jissodisfaw l-istandards stipulati f'din id-Direttiva;

(e)

juru li jiddisponu minn fondi suffiċjenti sabiex imexxu t-taħriġ skond l-istandards stipulati f'din id-Direttiva u li l-attivitajiet huma koperti b'assigurazzjoni suffiċjenti skond in-natura tat-taħriġ mogħti.

2.

Iċ-ċertifikati għandhom jispeċifikaw:

(a)

l-awtorità nazzjonali ta' sorveljanza li toħroġ iċ-ċertifikat;

(b)

l-applikant (isem u indirizz);

(ċ)

it-tip ta' servizzi li huma ċertifikati;

(d)

dikjarazzjoni tal-konformità ta' l-applikant mar-rekwiżiti definiti fil-punt 1;

(e)

id-data tal-ħruġ u l-perjodu ta' validità taċ-ċertifikat.


Top