EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006F0960

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/960/ĠAI tat- 18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea

OJ L 386, 29.12.2006, p. 89–100 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 009 P. 96 - 107
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 009 P. 96 - 107
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 008 P. 140 - 151

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2006/960/oj

29.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

89


DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2006/960/ĠAI

tat-18 ta' Diċembru 2006

dwar is-simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 30(1)(a) u (b) u 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju ta' l-Isvezja,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Wieħed mill-objettivi prinċipali ta' l-Unjoni Ewropea hu li tipprovdi ċ-ċittadini tagħha b'livell għoli ta' sigurtà f'żona ta' libertà, ta' sigurtà u ta' ġustizzja.

(2)

Dak l-objettiv għandu jintlaħaq billi tiġi prevenuta u miġġielda l-kriminalità permezz ta' koperazzjoni aktar stretta bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi fl-Istati Membri, waqt li jiġu rispettati l-prinċipji u r-regoli relatati mad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt li fuqhom l-Unjoni hi mibnija u li huma komuni fl-Istati Membri.

(3)

L-iskambju ta' informazzjoni u intelligence dwar il-kriminalità u attivitajiet kriminali hu l-bażi għall-koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi fl-Unjoni li jservi l-objettiv ġenerali li tiġi mtejba s-sigurtà taċ-ċittadini ta' l-Unjoni.

(4)

L-aċċess opportun għal informazzjoni u intelligence preċiżi u aġġornati hu element kruċjali għall-possibbiltà ta' l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi li jiskopru, jipprevjenu u jinvestigaw b'suċċess reati jew attività kriminali, b'mod partikolari f'żona fejn il-kontrolli tal-fruntieri interni ġew aboliti. Billi l-attivitajiet tal-kriminali jiġu mwettqa b'mod klandestin, jeħtieġ li jiġu kkontrollati, u jeħtieġ li l-informazzjoni relatata magħhom tiġi skambjata partikolarment fil-pront.

(5)

Hu importanti li l-possibbiltajiet għall-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi li jiksbu informazzjoni u intelligence dwar kriminalità serja u atti terroristiċi minn Stati Membri oħra jiġu kkunsidrati orizzontalment u mhux f'termini ta' differenzi fir-rigward ta' tipi ta' kriminalità jew diviżjoni ta' kompetenzi bejn awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi jew awtoritajiet ġudizzjarji.

(6)

Attwalment, l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence effettiv u fil-pront bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi hu mfixkel serjament minn proċeduri formali, strutturi amministrattivi u ostakoli legali stabbiliti fil-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri; tali stat ta' affarijiet hu inaċċettabbli għaċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u dan għalhekk jitlob sigurtà akbar u infurzar tal-liġi aktar effiċjenti waqt li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-bniedem.

(7)

Jeħtieġ li l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi jkunu jistgħu jitolbu u jiksbu informazzjoni u intelligence minn Stati Membri oħrajn fi stadji differenti ta' investigazzjoni, mill-fażi ta' ġbir ta' intelligence dwar reati kriminali għall-fażi ta' investigazzjoni kriminali. Is-sistemi ta' l-Istati Membri huma differenti f'dak ir-rispett, iżda din id-Deċiżjoni Kwadru mhix maħsuba sabiex tbiddel dawn is-sistemi. Madanakollu, hija tfittex, fir-rigward ta' ċerta tip ta' informazzjoni u intelligence, li tiżgura li l-iskambju ta' ċerta informazzjoni vitali għall-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi isir fil-pront fi ħdan l-Unjoni.

(8)

In-nuqqas ta' qafas legali komuni għall-iskambju effettiv u fil-pront ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri hu defiċjenza li trid tiġi rimedjata; il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għalhekk iqis li jeħtieġ li jiġi adottat strument legalment obbligatorju dwar is-simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence. Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex taffettwa strumenti eżistenti jew futuri li jippermettu li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni Kwadru jiġu estiżi jew li jiffaċilitaw il-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni u intelligence, bħall-Konvenzjoni tat-18 ta' Diċembru 1997 imfassla abbażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka u Koperazzjoni bejn Amministrazzjonijiet Doganali (1).

(9)

Fir-rigward ta' l-iskambju ta' l-informazzjoni, din id-Deċiżjoni Kwadru hi mingħajr preġudizzju għall-interessi essenzjali ta' sigurtà nazzjonali, għas-suċċess ta' xi investigazzjoni attwali jew għas-sigurtà ta' l-individwi, jew għall-attivitajiet speċifiċi ta' intelligence fil-qasam tas-sigurtà ta' l-Istat.

(10)

Huwa importanti li jiġi mħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni fuq firxa l-aktar wiesgħa possibbli, b'mod partikolari fir-rigward ta' reati marbuta direttament jew indirettament mal-kriminalità organizzata u t-terroriżmu, u b'mod li ma jnaqqasx mil-livell ta' koperazzjoni meħtieġ bejn l-Istati Membri taħt arranġamenti eżistenti.

(11)

L-interess komuni ta' l-Istati Membri li jiġġieldu l-kriminalità ta' natura transkonfinali għandu jikseb il-bilanċ xieraq bejn koperazzjoni ta' l-infurzar rapidu u effiċjenti tal-liġi u prinċipji u regoli miftehma dwar il-protezzjoni tad-data, il-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet individwali.

(12)

Fid-Dikjarazzjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu kif adottata mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal-25 ta' Marzu 2004, il-Kunsill Ewropew ta istruzzjonijiet lill-Kunsill sabiex jeżamina l-miżuri għas-simplifikazzjoni ta' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri.

(13)

Fir-rigward ta' l-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni Kwadru tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen li jaqa' taħt il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (2). Il-proċeduri stabbiliti f'dak il-Ftehim ġew segwiti fir-rigward ta' din id-Deċiżjoni Kwadru.

(14)

Fir-rigward ta' l-Isvizzera, din id-Deċiżjoni Kwadru tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera rigward l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fi ħdan il-qasam imsemmi fl-Artikolu 1(H) tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar f'isem il-Komunità Ewropea u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim (3), u ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/849/KE tal-25 ta' Ottubru 2004 dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea, u dwar l-applikazzjoni provviżorja ta' ċerti dispożizzjonijiet ta' dak il-Ftehim (4),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

TITOLU I

KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Objettiv u kamp ta' applikazzjoni

1.   L-objettiv ta' din id-Deċiżjoni Kwadru hu li tistabbilixxi r-regoli li taħthom l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istati Membri jistgħu b'mod effettiv u fil-pront jiskambjaw informazzjoni u intelligence eżistenti sabiex jitwettqu investigazzjonijiet kriminali jew operazzjonijiet ta' intelligence kriminali.

2.   Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkun mingħajr preġudizzju għal ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi u għall-istrumenti ta' l-Unjoni Ewropea dwar l-assistenza legali reċiproka jew ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet li jirrigwardaw materji kriminali, inkluża kwalunkwe kondizzjoni magħmula minn pajjiżi terzi dwar l-użu ta' l-informazzjoni ladarba tkun ingħatat.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru tkopri l-informazzjoni u/jew intelligence kollha kif definiti fl-Artikolu 2(d). Ma timponi l-ebda obbligu min-naħa ta' l-Istati Membri sabiex jiġbru u jaħżnu informazzjoni u intelligence bl-iskop li jiġu mogħtija lill-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi kompetenti ta' Stati Membri oħra.

4.   Din id-Deċiżjoni Kwadru ma timponi l-ebda obbligu min-naħa ta' l-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni u intelligence sabiex jiġu użati quddiem awtorità ġudizzjarja bħala prova, u lanqas ma tagħti d-dritt li tali informazzjoni jew intelligence jiġu użati għal dak l-għan. Fejn Stat Membru jkun kiseb informazzjoni jew intelligence skond din id-Deċiżjoni Kwadru u jkun jixtieq jużahom bħala prova quddiem awtorità ġudizzjarja, hu għandu jikseb il-kunsens ta' l-Istat Membru li pprovda l-informazzjoni jew l-intelligence, fejn meħtieġ taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li pprovda l-informazzjoni jew l-intelligence, permezz ta' l-użu ta' strumenti li jirrigwardaw il-koperazzjoni ġudizzjarja fis-seħħ bejn l-Istati Membri. Tali kunsens mhux meħtieġ fejn l-Istat Membru mitlub ikun diġà ta l-kunsens tiegħu għall-użu ta' l-informazzjoni jew intelligence bħala prova fil-mument tat-trasmissjoni ta' l-informazzjoni jew intelligence.

5.   Din id-Deċiżjoni Kwadru ma timponi l-ebda obbligu li tinkiseb xi informazzjoni jew intelligence permezz ta' miżuri koerċitivi, definiti skond il-liġi nazzjonali, fl-Istat Membru li jirċievi t-talba għall-informazzjoni jew intelligence.

6.   L-Istati Membri għandhom, fejn ikun permess minn u skond il-liġi nazzjonali tagħhom, jipprovdu informazzjoni jew intelligence miksuba preċedentament permezz ta' miżuri koerċitivi.

7.   Din id-Deċiżjoni Kwadru ma għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u prinċipji legali fundamentali kif affermati fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u kwalunkwe obbligu li jaqa' fuq awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi f'dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru:

(a)

“awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi”: pulizija nazzjonali, awtorità doganali jew awtorità oħra, li tkun awtorizzata mil-liġi nazzjonali li tiskopri, tipprevjeni u tinvestiga reati jew attivitajiet kriminali u li teżerċita awtorità u tieħu miżuri koerċitivi fil-kuntest ta' tali attivitajiet. L-aġenziji jew unitajiet li jittrattaw speċjalment kwistjonijiet ta' sigurtà nazzjonali m'humiex koperti mill-kunċett ta' l-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi. Sa 18 ta' Diċembru 2007, kull Stat Membru għandu jistqarr f'dikjarazzjoni ddepożitata għand is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill liema awtoritajiet huma koperti mill-kunċett ta' “awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi”. Tali dikjarazzjoni tista' tiġi mmodifikata fi kwalunkwe mument.

(b)

“investigazzjoni kriminali”: stadju proċedurali li fi ħdanu jittieħdu miżuri minn awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi jew ġudizzjarji, inklużi prosekuturi pubbliċi, sabiex jiġu stabbiliti u identifikati fatti, persuni suspettati u ċirkostanzi fir-rigward ta' att kriminali konkret identifikat jew aktar;

(ċ)

“operazzjoni ta' intelligence”: stadju proċedurali, li jkun għadu ma laħaqx l-istadju ta' investigazzjoni kriminali, li fi ħdanu awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi ikollha s-setgħa bil-liġi nazzjonali li tiġbor, tipproċessa u tanalizza informazzjoni dwar reati jew attivitajiet kriminali bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk ġewx imwettqa atti kriminali konkreti jew jekk jistgħux jitwettqu atti kriminali konkreti fil-futur;

(d)

“informazzjoni u/jew intelligence”:

(i)

kwalunkwe tip ta' informazzjoni jew data li tkun miżmuma minn awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi;

u

(ii)

kwalunkwe tip ta' informazzjoni jew data li tinżamm minn awtoritajiet pubbliċi jew entitajiet privati u li tkun disponibbli għall-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi mingħajr ma jittieħdu miżuri koerċitivi skond l-Artikolu 1(5).

(e)

“reati msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-mandat ta' arrest Ewropew (5)” (minn hawn 'il quddiem imsejħa “reati msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI”): reati taħt il-liġi nazzjonali li jikkorrispondu jew huma ekwivalenti għal dawk imsemmija f'dik id-dispożizzjoni.

TITOLU II

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI U INTELLIGENCE

Artikolu 3

Provvista ta' informazzjoni u intelligence

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-intelligence jistgħu jiġu provduti lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi ta' Stati Membri oħra skond din id-Deċiżjoni Kwadru.

2.   L-informazzjoni u l-intelligence għandhom jiġu provduti fuq it-talba ta' l-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi, li taġixxi skond is-setgħat mogħtija lilha mil-liġi nazzjonali, li tkun qed tmexxi investigazzjoni kriminali jew operazzjoni ta' intelligence dwar reati kriminali.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, sabiex jiġu provduti informazzjoni u intelligence lil awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi ta' Stati Membri oħra, jiġu applikati kondizzjonijiet mhux aktar stretti minn dawk applikabbli fil-livell nazzjonali sabiex jiġu provduti u mitluba informazzjoni u intelligence. B'mod partikolari, Stat Membru ma għandux jissuġġetta l-iskambju, mill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi tiegħu ma' awtorità ta' l-infurzar tal-liġi ta' Stat Membru ieħor, ta' informazzjoni jew intelligence li fi proċedura interna jista' jkun hemm aċċess għalihom mill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi li saritilha t-talba mingħajr ftehim jew awtorizzazzjoni ġudizzjarji, għal tali ftehim jew awtorizzazzjoni.

4.   Fejn l-informazzjoni jew l-intelligence mitluba jistgħu, taħt il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru mitlub, jinkisbu mill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi li saritilha t-talba wara ftehim jew awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja biss, l-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi li saritilha t-talba għandha tkun obbligata titlob lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti għal ftehim jew awtorizzazzjoni sabiex ikollha aċċess u tagħmel skambju ta' l-informazzjoni mitluba. L-awtorità kompetenti ġudizzjarja ta' l-Istat Membru mitlub għandha tapplika l-istess regoli għad-deċiżjoni tagħha, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(1) u (2), kif isir f'każ purament intern.

5.   Fejn l-informazzjoni jew l-intelligence mitluba nkisbu minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz u jkunu suġġetti għall-prinċipju ta' l-ispeċjalità, it-trasmissjoni tagħhom lill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi ta' Stat Membru ieħor tista' sseħħ biss bil-kunsens ta' l-Istat Membru jew pajjiż terz li pprovda l-informazzjoni jew l-intelligence.

Artikolu 4

Limiti ta' żmien għall-provvista ta' informazzjoni u intelligence

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkollhom stabbiliti l-proċeduri sabiex ikunu jistgħu jirrispondu fi żmien tmien sigħat għal talbiet urġenti għal informazzjoni u intelligence rigward ir-reati msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI, meta l-informazzjoni jew l-intelligence mitluba tkun miżmuma f'database direttament aċċessibbli minn awtorità ta' l-infurzar tal-liġi.

2.   Jekk l-awtorità ta' l-infurzar tal-liġi li ġiet mitluba ma tistax twieġeb fit-tmien sigħat, hi għandha tagħti r-raġunijet għal dak fil-formola disposta fl-Anness A. Fejn il-provvista ta' l-informazzjoni jew l-intelligence mitluba fi żmien il-perjodu ta' tmien sigħat tkun ta' piż sproporzjonat fuq l-awtorità ta' l-infurzar tal-liġi li ġiet mitluba, din tista' tipposponi l-provvista ta' l-informazzjoni jew l-intelligence. F'dak il-każ l-awtorità ta' l-infurzar tal-liġi li ġiet mitluba għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ta' l-infurzar tal-liġi li tkun qed tagħmel talba dwar dan il-posponiment u għandha tipprovdi l-informazzjoni jew l-intelligence mitluba malajr kemm jista' jkun, iżda mhux aktar tard minn fi żmien tlitt ijiem. L-użu magħmul mid-dispożizzjonijiet taħt dan il-paragrafu għandu jiġi rivedut sa 19 ta' Diċembru 2009.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għal każijiet mhux urġenti, it-talbiet għal informazzjoni u intelligence dwar ir-reati msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI għandhom jiġu mwieġba fi żmien ġimgħa jekk l-informazzjoni jew l-intelligence tkun miżmuma f'database direttament aċċessibbli għall-awtorità ta' l-infurzar tal-liġi. Jekk l-awtorità ta' l-infurzar tal-liġi li ġiet mitluba ma tistax twieġeb fi żmien ġimgħa, hi għandha tagħti r-raġunijet għal dak fil-formola disposta fl-Anness A.

4.   Fil-każijiet l-oħrajn kollha, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni mitluba tiġi kkomunikata lill-awtorità ta' l-infurzar tal-liġi li tagħmel it-talba fi żmien 14-il jum. Jekk l-awtorità ta' l-infurzar tal-liġi li ġiet mitluba ma tistax twieġeb fi żmien 14-il ġurnata, hi għandha tagħti r-raġunijet għal dak fil-formola li tidher fl-Anness A.

Artikolu 5

Talbiet għal informazzjoni u intelligence

1.   L-informazzjoni u intelligence jistgħu jiġu mitluba sabiex jiġi skopert, prevenut jew investigat reat fejn hemm raġunijiet fattwali sabiex wieħed jemmen li l-informazzjoni jew l-intelligence relevanti huma disponibbli fi Stat Membru ieħor. It-talba għandha turi dawk ir-raġunijiet fattwali u tispjega l-iskop għaliex l-informazzjoni u l-intelligence qegħdin jiġu mitluba u r-rabta bejn l-iskop u l-persuna li tkun is-suġġett ta' l-informazzjoni u l-intelligemce.

2.   L-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi li tagħmel it-talba għandha toqgħod lura milli titlob iżjed informazzjoni jew intelligence jew milli tistabbilixxi termini ta' żmien iktar stretti milli jkun meħtieġ għall-iskop tat-talba.

3.   It-talbiet għal informazzjoni jew intelligence għandhom ikollhom mill-inqas l-informazzjoni disposta fl-Anness B.

Artikolu 6

Mezzi ta' komunikazzjoni u lingwa

1.   L-iskambju ta' informazzjoni u intelligence taħt din id-Deċiżjoni Kwadru jista' jseħħ permezz ta' kwalunkwe mezz għall-koperazzjoni ta' l-infurzar tal-liġi internazzjonali eżistenti. Il-lingwa użata għat-talba u l-iskambju ta' l-informazzjoni għandha tkun dik applikabbli għall-mezz użat. Meta jagħmlu d-dikjarazzjonijiet tagħhom skond l-Artikolu 2(a), l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill id-dettalji tal-kuntatti fejn iridu jintbagħtu t-talbiet f'każijiet ta' urġenza. Dawn id-dettalji jistgħu jiġu modifikati fi kwalunkwe mument. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jikkomunika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni d-dikjarazzjonijiet riċevuti.

2.   L-informazzjoni jew l-intelligence għandhom ukoll jiġu skambjati ma' l-Europol skond il-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar it-twaqqif ta' Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (il-Konvenzjoni Europol) (6) u ma' l-Eurojust skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja (7), sa fejn l-iskambju jkun jirreferi għal reat jew attività kriminali fl-ambitu tal-mandat tagħhom.

Artikolu 7

L-iskambju spontanju ta' informazzjoni u intelligence

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, l-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi għandha, mingħajr il-ħtieġa ta' talba minn qabel, tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi ta' Stati Membri oħra konċernati informazzjoni u intelligence f'każijiet fejn ikun hemm raġunijiet fattwali sabiex wieħed jemmen li l-informazzjoni u l-intelligence jistgħu jgħinu fl-iskoperta, fil-prevenzjoni jew fl-investigazzjoni ta' reati msemmija fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/ĠAI. Il-modalitajiet kif isir tali skambju spontanju għandhom ikunu regolati mil-liġi nazzjonali ta' l-Istati Membri li jkunu qed jipprovdu l-informazzjoni.

2.   Il-provvista ta' informazzjoni u intelligence għandha tkun limitata għal dak li hu meqjus relevanti u meħtieġ għall-iskoperta, prevenzjoni jew investigazzjoni b'suċċess tar-reat jew attività kriminali in kwistjoni.

Artikolu 8

Protezzjoni ta' data

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li r-regoli stabbiliti dwar il-protezzjoni tad-data previsti għal meta jiġu użati l-mezzi ta' komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) ikunu applikati wkoll fi ħdan il-proċedura dwar l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence previst minn din id-Deċiżjoni Kwadru.

2.   L-użu ta' informazzjoni u intelligence li jkunu ġew skambjati direttament jew bilateralment taħt din id-Deċiżjoni Kwadru għandu jkun suġġett għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data ta' l-Istat Membru riċeventi, meta l-informazzjoni u l-intelligence ikunu suġġetti għall-istess regoli dwar il-protezzjoni tad-data bħallikieku dawn ikunu nġabru mill-Istat Membru riċeventi. Id-data personali pproċessata fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tkun protetta skond il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 dwar il-Protezzjoni ta' l-Individwi fir-rigward ta' l-Ipproċessar Awtomatiku ta' Data Personali, u, għal dawk l-Istati Membri li rratifikawh, il-Protokoll Addizzjonali tat-8 ta' Novembru 2001 għal dik il-Konvenzjoni, dwar l-Awtoritajiet ta' Sorveljanza u Flussi Transkonfinali ta' Data. Il-prinċipji tar-Rakkomandazzjoni Nru. R(87) 15 tal-Kunsill ta' l-Ewropa li Tirregola l-Użu ta' Data Personali fis-Settur tal-Pulizija għandhom jiġu kkunsidrati wkoll meta l-awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi jittrattaw data personali miksuba taħt din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   L-informazzjoni u l-intelligene provduti taħt din id-Deċiżjoni Kwadru jistgħu jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi ta' l-Istat Membru li jkunu ġew provduti lilu għall-għanijiet biss li għalihom ikunu ngħataw skond din id-Deċiżjioni Kwadru jew sabiex tiġi prevenuta theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika; l-ipproċessar għal għanijiet oħra huwa permess biss bl-awtorizzazzjoni minn qabel ta' l-Istat Membru li jkun qed jagħmel il-komunikazzjoni u suġġett għal-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru riċeventi. L-awtorizzazzjoni tista' tingħata sa fejn tkun tippermetti l-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li jkun qed jagħmel il-komunikazzjoni.

4.   Meta tipprovdi informazzjoni u intelligence skond din id-Deċiżjoni Kwadru, l-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi li tkun qed tipprovdihom tista' skond il-liġi nazzjonali tagħha timponi kondizzjonijiet dwar l-użu ta' informazzjoni u intelligence mill-awtorità kompetenti ta' l-infurzar riċeventi. Jistgħu jiġu imposti kondizzjonijiet ukoll dwar ir-rappurtar tar-riżultat ta' l-investigazzjoni kriminali jew ta' operazzjoni ta' intelligence dwar reati kriminali li fir-rigward tagħha sar l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence. L-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi riċeventi għandha tkun marbuta minn tali kondizzjonijiet, ħlief fil-każ speċifiku fejn il-liġi nazzjonali tistabbilixxi li r-restrizzjonijiet dwar l-użu jiġu rinunzjati għall-awtoritajiet ġudizzjarji, korpi leġislattivi jew kwalunkwe korp ieħor indipendenti stabbilit taħt il-liġi u mogħti r-responsabbiltà li jagħmel superviżjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi. F'tali każijiet, l-informazzjoni u l-intellligence jistgħu jintużaw biss wara konsultazzjoni minn qabel ma' l-Istat Membru li jkun qed jikkomunika, u li l-interessi u l-opinjoni tiegħu jridu jiġu kemm jista' jkun ikkunsidrati. L-Istat Membru riċeventi jista', f'każijiet speċifiċi, jiġi mitlub mill-Istat Membru li jkun qed jikkomunika sabiex jagħti informazzjoni dwar l-użu u l-ipproċessar ulterjuri ta' l-informazzjoni u l-intelligence trasmessi.

Artikolu 9

Kunfidenzjalità

L-awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi għandhom iqisu b'mod xieraq, f'kull każ speċifiku ta' skambju ta' informazzjoni jew intelligence, il-ħtiġijiet ta' segretezza ta' l-investigazzjoni. Għal dak l-għan l-awtoritajiet kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi għandhom, skond il-liġi nazzjonali tagħhom, jiggarantixxu l-kunfidenzjalità ta' kull informazzjoni u intelligence provduti determinati bħala kunfidenzjali.

Artikolu 10

Raġunijiet għar-rifjut ta' informazzjoni jew intelligence

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(3), awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi tista' tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni jew intelligence biss jekk ikun hemm raġunijiet fattwali sabiex tassumi li l-provvista ta' l-informazzjoni jew intelligence:

(a)

tagħmel ħsara lill-interessi essenzjali ta' sigurtà nazzjonali ta' l-Istat Membru mitlub;

jew

(b)

tpoġġi fil-periklu s-suċċess ta' investigazzjoni attwali jew operazzjoni ta' intelligence dwar reati kriminali jew is-sigurtà ta' individwi;

jew

(ċ)

tkun b'mod ċar sproporzjonata jew irrelevanti fir-rigward ta' l-għanijiet li għalihom tkun ġiet mitluba.

2.   Fejn it-talba tikkonċerna reat punibbli b'terminu ta' priġunerija ta' sena jew inqas taħt il-liġi ta' l-Istat Membru mitlub, l-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi tista' tirrifjuta li tipprovdi l-informazzjoni jew l-intelligence mitluba.

3.   L-awtorità kompetenti ta' l-infurzar tal-liġi għandha tirrifjuta li tipprovdi informazzjoni jew intelligence jekk l-awtorità ġudizzjarja kompetenti ma tkunx awtorizzat l-aċċess għal u l-iskambju ta' l-informazzjoni mitluba skond l-Artikolu 3(4).

TITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru qabel 19 ta' Diċembru 2006.

2.   L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Kwadru. Abbażi ta' dan u ta' informazzjoni oħra provduta mill-Istati Membri fuq talba, il-Kummissjoni għandha, qabel 19 ta' Diċembru 2006, tippreżenta rapport lill-Kunsill dwar l-operat ta' din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-Kunsill għandu, qabel 19 ta' Diċembru 2006, jivvaluta safejn l-Istati Membri kkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru.

Artikolu 12

Relazzjoni ma' strumenti oħra

1.   Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 39(1), (2) u (3) u ta' l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta' Schengen (8), safejn huma relatati ma' l-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bl-għan tat-twettiq ta' investigazzjonijiet kriminali jew operazzjonijiet ta' intelligence dwar reati kriminali kif previst minn din id-Deċiżjoni Kwadru, huma b'dan sostitwiti bid-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru.

2.   Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta' Schengen tas-16 ta' Diċembru 1998 dwar il-koperazzjoni transkonfinali tal-pulizija fil-qasam tal-prevenzjoni u l-iskopertà ta' reati kriminali (SCH/Com-ex (98) 51 rev 3) (9) u d-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv ta' Schengen tat-28 ta' April 1999 dwar it-titjib tal-koperazzjoni tal-pulizija fil-prevenzjoni u l-iskopertà ta' reati kriminali (SCH/Com-ex (99) 18) (10) huma b'dan imħassra.

3.   L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ meta din id-Deċiżjoni Kwadru tiġi adottata sakemm tali ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni Kwadru jiġu estiżi u jgħinu sabiex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw iktar il-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni u intelligence li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru.

4.   L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu jew idaħħlu fis-seħħ ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni Kwadru tkun daħlet fis-seħħ sa fejn tali ftehim jew arranġamenti jippermettu li l-objettivi ta' din id-Deċiżjoni Kwadru jiġu estiżi u jgħinu sabiex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw iktar il-proċeduri għall-iskambju ta' informazzjoni u intelligence li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru.

5.   Il-ftehim u arranġamenti msemmija fil-paragrafi 3 u 4 fl-ebda każ ma jistgħu jaffetwaw ir-relazzjonijiet ma' l-Istati Membri li mhumiex partijiet għalihom.

6.   L-Istati Membri għandhom, mhux aktar tard minn 19 ta' Diċembru 2006, jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-ftehim u l-arranġamenti eżistenti msemmija fil-paragrafu 3 li huma jkunu jixtiequ jkomplu japplikaw.

7.   L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe ftehim jew arranġament kif imsemmi fil-paragrafu 4, fi żmien tliet xhur mill-iffirmar tagħhom jew, għal dawk l-istrumenti li kienu diġà ġew iffirmati qabel l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, sad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi, 18 ta' Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J.-E. ENESTAM


(1)  ĠU C 24, 23.1.1998, p. 2.

(2)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(3)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.

(4)  ĠU L 368, 15.12.2004, p. 26.

(5)  ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

(6)  ĠU C 316, 27.11.1995, p. 2. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar mill-Protokoll imfassal abbażi ta' l-Artikolu 43(1) tal-Konvenzjoni Europol (ĠU C 2, 6.1.2004, p. 3).

(7)  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni 2003/659/ĠAI (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 44).

(8)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19. Konvenzjoni kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1160/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 22.7.2005, p. 18).

(9)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 407.

(10)  ĠU L 239, 22.9.2000, p. 421.


ANNESS A

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI TAĦT ID-DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2006/960/ĠAI FORMOLA LI GĦANDHA TINTUŻA MILL-ISTAT MEMBRU MITLUB F'KAŻ TA' TRASMISSJONI/DEWMIEN/RIFJUT TA' INFORMAZZJONI

Din il-formola għandha tintuża għat-trasmissjoni ta' l-informazzjoni u/jew intelligence mitluba, sabiex l-awtorità li tagħmel it-talba tiġi informata bl-impossibbiltà li jintlaħaq it-terminu perentorju normali, bin-neċessità li tiġi preżentata t-talba lil awtorità ġudizzjarja għal awtorizzazzjoni, jew bir-rifjut li tiġi trasmessa l-informazzjoni.

Din il-formola tista' tintuża aktar minn darba matul il-proċedura (eż. jekk it-talba ikollha l-ewwel tiġi preżentata lil awtorità ġudizzjarja u iktar tard jinstab li l-eżekuzzjoni tat-talba għandha tiġi rifjutata).

Image 1

Test ta 'immaġni

Image 2

Test ta 'immaġni

ANNESS B

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI TAĦT ID-DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2006/960/ĠAI FORMOLA TA' TALBA GĦAL INFORMAZZJONI U INTELLIGENCE LI GĦANDHA TINTUŻA MILL-ISTAT MEMBRU LI JAGĦMEL IT-TALBA

Din il-formola għandha tintuża meta ssir talba għal informazzjoni u intelligence taħt id-Deċiżjoni Kwadru 2006/960/ĠAI.

Image 3

Test ta 'immaġni

Image 4

Test ta 'immaġni

Image 5

Test ta 'immaġni

Top