EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2166

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2166/2005 ta' l- 20 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru ta' l-istokkijiet tal-merluzz tan-Nofsinhar u l-awwista Norveġiża fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola ta' l-Iberja tal-Punent u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' speċi zgħar ta' ħlejjaq tal-baħar

OJ L 345, 28.12.2005, p. 5–10 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 175M, 29.6.2006, p. 299–304 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 04 Volume 008 P. 125 - 130
Special edition in Romanian: Chapter 04 Volume 008 P. 125 - 130
Special edition in Croatian: Chapter 04 Volume 010 P. 44 - 49

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/03/2019; Imħassar b' 32019R0472

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2166/oj

29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

299


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 2166/2005

ta' l-20 ta' Diċembru 2005

li jistabbilixxi miżuri għall-irkupru ta' l-istokkijiet tal-merluzz tan-Nofsinhar u l-awwista Norveġiża fil-Baħar tal-Kantabrija u l-peniżola ta' l-Iberja tal-Punent u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/98 għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd permezz ta' miżuri tekniċi għall-protezzjoni ta' speċi zgħar ta' ħlejjaq tal-baħar

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Parir xjentifiku reċenti mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) indika li l-istokkijiet tal-merluzz tan-Nofsinhar u l-awwista Norveġiża fid-Diviżjonijiet ICES VIIIċ u IXa ġew soġġetti għal livelli ta' mortalità mis-sajd li għawru l-kwantitajiet ta' ħut matur fil-baħar sal-punt li l-istokkijiet jista' jkun li ma jkunux kapaċi jerġgħu għal li kienu s-sitwazzjoni permezz tar-riproduzzjoni u li għalhekk l-istokkijiet huma mhedda b'kollass.

(2)

Għandhom jittieħdu miżuri għall-istabbiliment ta' pjanijiet pluriennali għall-irkupru ta' dawn l-istokkijiet skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 ta' l-20 ta' Diċembru 2002 dwar il-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd taħt il-Politika Komuni tas-Sajd (2).

(3)

L-objettivi tal-pjanijiet għandhom ikunu biex jerġgħu jinbnew dawn l-istokkijiet sa livelli bijoloġiċi żguri fi żmien għaxar snin.

(4)

L-objettiv għandu jiġi kkunsidrat milħuq ladarba l-istokkijiet ikkonċernati huma valutati mill-Kumitat Xjentifiku Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) sabiex dawn ikunu f' limiti bijoloġiċi sikuri, fid-dawl tal-parir l-iktar reċenti mill-ICES.

(5)

Sabiex jinkiseb dak l-objettiv, il-livelli tar-rati ta' mortalità minħabba s-sajd għandhom jiġu kkontrollati sabiex ir-rati jkunu jistgħu jitnaqssu minn sena għal oħra.

(6)

Tali kontroll tar-rati ta' mortalità minħabba s-sajd jista' jintlaħaq permezz ta' l-istabbiliment ta' metodu xieraq għall-istabbiliment tal-livell tat-Total tal-Qabdiet Permissibbli (TACs) ta' l-istokkijiet ikkonċernati, u sistema li tinkludi żoni magħluqa u limitazzjonijiet fuq kilowatt-jiem li permezz tagħha l-iforzi tas-sajd fuq dawk l-istokkijiet jiġu ristretti għal livelli sa liema t-TACs ma jistgħux jinqabżu.

(7)

Ladarba jkun inkiseb l-irkupru l-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar proposta mill-Kummissjoni dwar miżuri ta' segwitu skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

(8)

Għandhom jiġu inklużi miżuri ta' kontroll barra minn dawk stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta' Ottubru 1993 li jistabbilixxi sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd (3) sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(9)

L-irkupru ta' l-istokkijiet ta' l-awwista Norveġiża jeħtieġ li ċerti żoni ta' riproduzzjoni ta' l-ispeċji jkunu protetti mis-sajd. Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 850/98 (4) għandu jiġi emendat għaldaqstant,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

SUĠĠETT U OBJETTIV

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan ta' irkupru għall-istokkijiet li ġejjin (minn hawn 'il quddiem magħrufa bħala “l-istokkijiet ikkonċernati”):

(a)

l-istokk tal-merluzz tan-Nofsinhar li jgħix fid-Diviżjonijiet VIIIċ u IXa, kif iddelinjat mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES);

(b)

l-istokk ta' l-awwista Norveġiża li jgħix fid-Diviżjoni VIIIċ ICES;

(ċ)

l-istokk ta' l-awwista Norveġiża li jgħix fid-Diviżjoni IXa ICES.

Artikolu 2

Objettiv tal-pjan ta' irkupru

Il-pjan ta' irkupru għandu jkollu l-mira li jerġa' jibni l-istokkijiet kkonċernati sa limiti bijoloġikament siguri, billi jimxi ma' l-informazzjoni ICES. Dan għandu jfisser:

(a)

fir-rigward ta' l-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(a), irid jilħaq bijomassa ta' stokk ta' riprodutturi ta' 35 000 tunnellata metrika matul sentejn konsekuttivi, skond ir-rapporti xjentifiċi disponibbli, jew iżid il-kwantitajiet ta' individwi maturi fi żmien perijodu ta' għaxar snin sabiex jintlaħqu valuri ekwivalenti jew ogħla minn 35 000 tunnellata metrika. Din il-figura għandha tiġi aġġustata fid-dawl ta' data xjentifika ġdida minn STECF;

(b)

fir-rigward ta' l-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(b) u (ċ), jerġgħu jinbnew l-istokkijiet sa livelli bijoloġiċi żguri fi żmien perijodu ta' għaxar snin.

Artikolu 3

Evalwazzjoni tal-miżuri ta' irkupru

1.   Il-Kummissjoni għandha, abbażi tal-parir mill-ICES u l-STECF, tevalwa l-impatt tal-miżuri ta' irkupru fuq l-istokkijiet ikkonċernati u s-sajd ta' dawk l-istokkijiet fit-tieni sena ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament u f'kull waħda mis-snin sussegwenti.

2.   Fejn il-Kummissjoni ssib, abbażi ta' l-evalwazzjoni annwali, li kwalunkwe mill-istokkijiet ikkonċernati jkun laħaq l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 2, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni li jissostitwixxi, għal dak l-istokk, il-pjan ta' rkupru previst f'dan ir-Regolament bi pjan ta' ġestjoni skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

3.   Fejn il-Kummissjoni ssib, abbażi ta' l-evalwazzjoni annwali, li kwalunkwe mill-istokkijet ikkonċernati ma jurix sinjali xierqa ta' rkupru, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni dwar miżuri addizzjonali u/jew alternattivi sabiex jiġi żgurat l-irkupru ta' l-istokk ikkonċernat.

KAPITOLU II

TOTAL TAL-QABDIET PERMISSIBBLI

Artikolu 4

Stabbiliment TACs

1.   Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni, dwar TAC għas-sena ta' wara għall-istokkijiet ikkonċernati.

2.   It-TAC għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(a) għandu jiġi stabbilit skond l-Artikolu 5.

3.   It-TACs għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(b) u (ċ) għandhom jiġu stabbiliti skond l-Artikolu 6.

Artikolu 5

Proċedura għall-istabbiliment tat-TAC għall-istokk tal-merluzz tan-Nofsinhar

1.   Fejn ir-rata ta' mortalità minħabba s-sajd għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(a) tkun ġiet stmata mill-STECF fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti ta' l-ICES li hija ogħla minn 0,3 fis-sena, it-TAC m'għandux jaqbeż livell ta' qbid li, skond evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-STECF fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti ta' l-ICES, ikun jirriżulta fi tnaqqis ta' 10 % fir-rata ta' mortalità minħabba s-sajd fis-sena ta' l-applikazzjoni tiegħu meta mqabbel mar-rata ta' mortalità minħabba s-sajd stmata għas-sena ta' qabel.

2.   Fejn ir-rata ta' mortalità minħabba s-sajd għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(a) tkun ġiet stmata mill-STECF fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti ta' l-ICES li huwa ugwali għal jew inqas minn 0,3 fis-sena, it-TAC għandu jiġi stabbilit għal livell ta' qbid li, skond evalwazzjoni xjentifika mwettqa mill-STECF fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti ta' l-ICES, ikun jirriżulta f'rata ta' mortalità minħabba s-sajd ta' 0,27 kull sena fis-sena ta' l-applikazzjoni tiegħu.

3.   Fejn l-STECF, fid-dawl tar-rapport l-iktar reċenti ta' l-ICES, ikun jista' jikkalkola livell ta' qabdiet li jikkorrispondi mar-rati ta' mortalità speċifikati fil-paragrafi 1 u 2 għal parti biss tad-Diviżjonijiet VIIIċ u IXa ta' l-ICES, it-TAC għandu jiġi stabbilit f'livell li huwa kompatibbli ma':

(a)

il-livell tal-qabda li jikkorrispondi mar-rata ta' mortalità speċifikata fiż-żona koperta mill-parir xjentifiku kif ukoll

(b)

maż-żamma ta' proporzjon kostanti ta' qabdiet bejn dik iż-żona koperta mill-parir xjentifiku u t-totalità tad-Diviżjonijiet VIIIċ u IXa. Il-proporzjon għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-qabdiet fit-tliet snin ta' qabel is-sena li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni.

Il-metodu ta' kalkolu użat għandu jkun dak previst fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 6

Proċedura għall-istabbiliment tat-TACs għall-istokkijiet ta' l-awwista Norveġiża

Abbażi ta' l-evalwazzjoni xjentifika l-iktar reċenti ta' l-STECF, it-TACs għall-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(b) u (ċ) għandhom jiġu stabbiliti f'livell li jkun jirriżulta fl-istess bidla relattiva fir-rata ta' mortalità minħabba s-sajd tiegħu bħall-bidla fir-rata ta' mortalità minħabba s-sajd għall-istokk imsemmi fl-Artikolu 1(a) meta jiġi applikat l-Artikolu 5.

Artikolu 7

Limiti fil-varjazzjoni fit-TACs

Mill-ewwel sena ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

fejn l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6 tkun tirriżulta f'TAC li jaqbeż it-TAC tas-sena ta' qabel b'iżjed minn 15 %, il-Kunsill għandu jadotta TAC li m'għandux ikun aktar minn 15 % akbar mit-TAC ta' dik is-sena;

(b)

fejn l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 6 tkun tirriżulta f'TAC li huwa aktar minn 15 % inqas mit-TAC tas-sena ta' qabel, il-Kunsill għandu jadotta TAC li mhuwiex aktar minn 15 % inqas mit-TAC ta' dik is-sena.

KAPITOLU III

LIMITAZZJONI FUQ L-ISFORZ TA' SAJD

Artikolu 8

Limitazzjoni fuq l-isforz

1.   It-TACs imsemmija fil-Kapitolu II għandhom jiġu kumplimentati minn sistema ta' limitazzjoni fuq l-isforz ta' sajd ibbażata fuq iż-żoni ġeografiċi u r-raggruppamenti ta' tagħmir tas-sajd, u l-kondizzjonijiet relatati għall-użu ta' dawn l-opportunitajiet ta' sajd speċifikati fl-Anness IVb għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 27/2005 tat-22 ta' Diċembru 2004 li jiffissa għall-2005 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kondizzjonijiet marbuta magħhom ta' ċertu stokkijiet ta' ħut u gruppi ta' stokkijiet ta' ħut, applikabbli fl-ibħra Komunitarji, u għal bastimenti tal-Komunità, fl-ibħra fejn huma meħtieġa limitazzjonijiet ta' qbid (5).

2.   Kull sena, il-Kunsill għandu jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni dwar aġġustament fin-numru massimu tal-ġranet ta' sajd disponibbli għall-bastimenti soġġett għas-sistema ta' limitazzjoni fuq l-isforz ta' sajd imsemmi fil-paragrafu 1. L-aġġustament għandu jkun fl-istess proporzjon bħall-aġġustament annwali fil-mortalità minħabba s-sajd li huwa stmat mill-ICES u l-STECF bħala konsistenti ma' l-applikazzjoni tar-rati ta' mortalità minħabba s-sajd stabbiliti skond il-metodu deskritt fl-Artikolu 5.

3.   B'deroga mill-paragrafi 1 u 2, kull Stat Membru kkonċernat jista' jimplimenta metodu differenti ta' maniġġar ta' l-isforz f'dik il-parti taż-żona IXa li tinsab lejn il-Lvant tal-lonġitudni 7°23′48″ W kif imkejjel skond l-istandard WGS84. Tali metodu għandu jistabbilixxi livell ta' referenza ta' l-isforz ta' sajd ekwivalenti għall-isforz ta' sajd li seħħ fis-sena 2005. Għall-2006 u s-snin sussegwenti, l-isforz ta' sajd għandu jiġi aġġustat b'ammont li għandu jiġi deċiż b'maġġoranza kwalifikata mill-Kunsill abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni. Dan l-aġġustament għandu jiġi propost wara li jiġi kkunsidrat il-parir l-aktar reċenti mill-STECF fid-dawl tar-rapport l-aktar reċenti mill-ICES. Fin-nuqqas ta' deċiżjoni mill-Kunsill, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiżguraw li l-isforz ta' sajd ma jaqbiżx il-livell ta' referenza.

4.   Kull Stat Membru li jagħmel użu mid-deroga fil-paragrafu 3 jista' jiġi mitlub mill-Kummissjoni biex jipprovdi rapport dwar l-implimentazzjoni ta' kwalunkwe metodu differenti ta' maniġġar ta' l-isforz. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dan ir-rapport lill-Istati Membri l-oħra kollha.

5.   Għall-fini tal-paragrafu 3, l-isforz ta' sajd għandu jitkejjel bħala t-total, fi kwalunkwe sena kalendarja, tal-prodotti tal-bastimenti rilevanti kollha tal-potenza tal-magna nstallata mkejla f'kW u n-numru ta' ġranet li stadu f'dik iż-żona.

KAPITOLU IV

MONITORAĠĠ, SPEZZJONI U SORVELJANZA

Artikolu 9

Marġini ta' tolleranza

1.   B'deroga mill-Artikolu 5 (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2807/83 tat-22 ta' Settembru 1983 li jistabbilixxi regoli dettaljati għar-reġistrazzjoni ta' informazzjoni dwar il-qabdiet ta' ħut (6) ta' l-Istati Membri, il-marġini ta' tolleranza permessa, meta jkunu qed jiġu stmati l-kwantitajiet ta' l-istokkijiet ikkonċernati, f'kilogrammi miżmuma abbord bastimenti għandom ikunu ta' 8 % tal-figura fil-ġurnal ta' abbord. F'każ li ebda fattur ta' konverżjoni ma huwa stabbilit fil-leġislazzjoni komunitarja, għandu japplika l-fattur ta' konverżjoni adottat mill-Istat Membru li tiegħu l-bastiment qed itajjar il-bandiera.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika jekk il-kwantità ta' l-istokkijiet ikkonċernati abbord hija anqas minn 50 kg.

Artikolu 10

Ippeżar tal-kwantitajiet żbarkati

L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru għandhom jiżguraw li kwalunkwe kwantità ta' l-istokk imsemmija fl-Artikolu 1(a) li taqbeż it-300 Kg u/jew 150 Kg ta' l-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(b) u/jew (ċ) maqbuda fi kwalunkwe waħda miż-żoni imsemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi ppeżata bl-użu ta' miżien tat-tip użat fis-swali ta' l-irkant.

Artikolu 11

Notifika minn qabel

Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd tal-Komunita li kien preżenti fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 1 u li jixtieq jittrasborda kwalunkwe kwantità ta' l-istokkijiet ikkonċernati li nżammew abbord jew jiżbarka kwalunkwe kwantità ta' l-istokkijiet ikkonċernati f'port jew post ta' żbark ta' pajjiż terz għandu jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru tal-bandiera bl-informazzjoni li ġejja, mill-inqas 24 siegħa qabel it-trasbord jew l-iżbark:

l-isem tal-port jew il-lok ta' żbark,

il-ħin mistenni tal-wasla f' dak il-port jew il-lok ta' żbark,

il-kwantitajiet f'kilogrammi ta' piż ħaj ta' l-ispeċi kollha li minnhom iktar minn 50 kg jinżammu abbord.

Din in-notifika tista' ssir ukoll minn rappreżentant tal-kaptan tal-bastiment tas-sajd.

Artikolu 12

L-istivar separat tal-merluzz tan-Nofsinhar u ta' l-awwista Norveġiża

1.   Meta kwantitajiet ta' l-istokk imsemmija fl-Artikolu 1(a) ikbar minn 50 Kg jiġu stivati abbord bastiment, għandu jkun ipprojbit li tinżamm abbord bastiment tas-sajd Komunitarju fi kwalunkwe kontenitur kwalunkwe kwantità ta' l-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1 imħallta ma' kwalunkwe speċi oħra ta' organiżmi tal-baħar.

2.   Il-Kaptani tal-bastimenti tas-sajd Komunitarji għandhom jagħtu lill-ispetturi ta’ l-Istati Membri dik l-assistenza meħtieġa biex ikunu jistgħu jagħmlu kontro-kontrol tal-kwantitajiet iddikjarati fil-ktieb ta’ abbord u il-qabdiet ta’ l-istokkijiet ikkoncernati mizmuma abbord

Artiklu 13

Trasport tal-merluzz tan-Nofsinhar u ta' l-awwista Norveġiża

1.   L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jeħtieġu li kwalunkwe kwantità ta' l-istokk imsemmija fl-Artikolu 1(a) li taqbeż it-300 Kg jew ta' l-istokkijiet imsemmija fl-Artikolu 1(b) u/jew (ċ) li taqbeż il-150 Kg li tkun inqabdet f'kwalunkwe miż-żoni ġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1 u żbarkata għall-ewwel darba f'dak l-Istat Membru tiġi ppeżata qabel ma tiġi trasportata f'post differenti minn dak ta' l-ewwel żbark.

2.   B'deroga mill-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-kwantitajiet ta' l-istokk imsemmija fl-Artikolu 1(a) li jaqbżu t-300 Kg li huma trasportati lejn post ieħor mill-post ta' żbark jew ta' mportazzjoni għandhom ikunu akkompanjati b'kopja ta' waħda mid-dikjarazzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li għandhom x'jaqsmu ma' dawn l-ispeċi trasportati. L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13(4)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 m'għandhiex tapplika.

Artikolu 14

Programm speċifiku ta' monitoraġġ

B'deroga mill-Artikolu 34ċ(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, il-programm ta' monitoraġġ speċifiku għall-istokkijiet ikkonċernati jista' jdum għal iżjed minn sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

KAPITOLU V

EMENDI GĦAR-REGOLAMENT (KE) NRU 850/98

Artikolu 15

Restrizzjonijiet fis-sajd għall-awwista Norveġiża

L-Artikolu li ġej għandu jiddaħħal fir-Regolament (KE) Nru 850/98:

“Artikolu 29b

Restrizzjonijiet fuq is-sajd ta' l-awwist tan-Norveġja

1.   Tul il-perijodi mniżżla hawn taħt sajd b':

(i)

tartaruni tal-qiegħ jew xbiek ta' rmunkar simili li joperaw f'kuntatt mal-qiegħ tal-baħar u

(ii)

kavetti għandhom jiġu projbiti fiż-żoni ġeografiċi konfinati mil-linji meridjani li jgħaqqdu l-pożizzjonijiet li ġejjin kif imkejla skond l-istandard WGS84:

(a)

mill-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Awwissu:

 

Latitudni 42°23'N, Lonġitudni 08°57'W

 

Latitudni 42°00'N, Lonġitudni 08°57'W

 

Latitudni 42°00'N, Lonġitudni 09°14'W

 

Latitudni 42°04'N, Lonġitudni 09°14'W

 

Latitudni 42°09'N, Lonġitudni 09°09'W

 

Latitudni 42°12'N, Lonġitudni 09°09'W

 

Latitudni 42°23'N, Lonġitudni 09°15'W

 

Latitudni 42°23'N, Lonġitudni 08°57'W

(b)

mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Awwissu:

 

Latitudni 37°45' N, lonġitudni 009°00' W

 

Latitudni 38°10' N, lonġitudni 009°00' W

 

Latitudni 38°10' N, lonġitudni 009°15' W

 

Latitudni 37°45' N, lonġitudni 009°20' W.

2.   Bħala deroga mill-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, is-sajd b'tartaruni tal-qiegħ jew xbiek ta' rmunkar simili li joperaw f'kuntatt mal-qiegħ tal-baħar fiż-żona ġeografika u tul il-perijodu mniżżel fil-paragrafu 1(b) għandu jiġi awtorizzat bil-kondizzjoni li l-parti tal-qabda ta' awwist tan-Norveġja ma taqbiżx 2 % tal-piż totali tal-qabda.

3.   Bħala deroga mill-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1, is-sajd b'kavetti li ma jaqbdux awwist tan-Norveġja għandu jiġi awtorizzat fiż-żona ġeografika u tul il-perijodu mniżżel fil-paragrafu 1(b).

4.   Fiż-żoni ġeografiċi u barra l-perijodi msemmija fil-paragrafu 1, il-parti tal-qbid ta' awwist tan-Norveġja ma tistax taqbeż 5 % tal-piż totali tal-qabda.

5.   Fiż-żoni ġeografiċi u barra l-perijodi mniżżla fil-paragrafu 1 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-livelli ta' l-isforz tas-sajd b'tartaruni tal-qiegħ jew xbiek ta' rmunkar simili li joperaw f'kuntatt mal-qiegħ tal-baħar ma jaqbżux il-livelli ta' l-isforz tas-sajd magħmul mid-dgħajjes ta' l-Istat Membru fil-perijodi ekwivalenti u fl-istess żoni ġeografiċi fl-2004.

6.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-miżuri tagħhom biex jissodisfaw l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 5. Jekk il-Kummissjoni ssib li l-miżuri ta' l-Istat Membru ma jissodisfawx l-obbligu, hi tista' tipproponi emendi għall-miżuri. Fil-każ ta' nuqqas ta' ftehim dwar miżuri bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru konċernat il-Kummissjoni tista' tadotta miżuri skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 30 (*) tar-Regolament (KE) Nru 2371/2002.

Artikolu 16

Rapport dwar il-Pjan ta' Rkupru

Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jistabbilixxi l-konklużjonijiet relatati ma' l-applikazzjoni tal-pjan ta' rkupru għall-istokkijiet ikkonċernati, inkluż id-data soċjo-ekonomika disponibbli marbuta mal-pjan. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat sa …

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, nhar il-20 ta' Diċembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BECKETT


(1)  Opinjoni mogħtija fl-14 ta' April 2005 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 358, 31.12.2002, p. 59.

(3)  ĠU L 261, 20.10.1993, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 768/2005 (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1).

(4)  ĠU L 125, 27.4.1998, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru. 1568/2005 (ĠU L 252, 28.9.2005, p. 2).

(5)  ĠU L 12, 14.1.2005, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1936/2005 (ĠU L 311, 10.08.2005, p. 1).

(6)  ĠU L 276, 10.10.1983, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1804/2005 (ĠU L 290, 4.11.2005, p. 10).


ANNESS

Metodu għall-kalkolu ta' TAC għad-Diviżjonijiet VIIIċ u IXa għall-Merluzz tan-Nofsinhar f'każ li previżjoni xjentifika dwar il-qbid tkun disponibbli biss għal parti taż-żona.

Jekk il-previżjoni xjentifika għal qabdiet minn sub-żona fi ħdan id-Diviżjonijiet VIIIċ u IXa li tikkorrispondi mar-rata ta' mortalità speċifikata fl-Artikolu 5 hija ta' x tunnellata metrika, il-qabda medja mill-istess sub-żona fit-tliet snin ta' qabel hija ta' y tunnelata metrika, u l-qabda medja mid-Diviżjonijiet kollha VIIIċ u IXa fit-tliet snin ta' qabel hija ta' z tunnellata metrika, it-TAC għandu jiġi kkalulat bħala zx/y tunnellata metrika.


Top