EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0833

Deċiżjoni 2004/833/PESK tal-Kunsill tat- 2 ta' Diċembru 2004 li timplementa l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta' kontribut ta' l-Unjoni Ewropea għall-ECOWAS fil-qafas tal-Moratorju fuq l-armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir

OJ L 359, 4.12.2004, p. 65–67 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 153M, 7.6.2006, p. 244–246 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/833/oj

7.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

244


DEĊIŻJONI 2004/833/PESK TAL-KUNSILL

tat-2 ta' Diċembru 2004

li timplementa l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK bil-ħsieb ta' kontribut ta' l-Unjoni Ewropea għall-ECOWAS fil-qafas tal-Moratorju fuq l-armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir

(2004/833/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/589/PESK tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-tixrid destabilizzanti ta' armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha, flimkien ma' l-Artikolu 23(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-akkumulazzjoni u t-tixrid eċċessiv u mhux kontrollat ta' armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir huma theddida għall-paċi u s-sigurtà u jnaqqsu l-prospetti għal żvilupp sostenibbli; dan hu partikolarment il-każ fl-Afrika tal-Punent.

(2)

Fit-twettiq ta' l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta' l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK, l-Unjoni Ewropea tikkunsidra topera fil-fora internazzjonali rilevanti sabiex tippromwovi miżuri biex tinħoloq il-fiduċja. F' dan is-sens, din id-Deċiżjoni hija intiża biex timplimenta l-imsemmija Azzjoni Konġunta.

(3)

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra li kontribut finanzjarju u assistenza teknika jgħinu sabiex tiġi konsolidata l-inizjattiva tal-Komunita' Ekonomika ta' l-Istati ta' l-Afrika tal-Punent (ECOWAS) dwar armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir.

(4)

L-Unjoni Ewropea għaldaqstant bi ħsiebha toffri appoġġ finanzjarju u assistenza teknika lill-ECOWAS skond it-Titolu II ta' l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-twettiq ta' proġetti fil-qafas tal-Moratorju ta' l-ECOWAS dwar l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-fabrikazzjoni ta' l-armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir.

2.   Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea għandha toffri kontribut finanzjarju u assistenza teknika biex tiġi stabbilita l-Unità Armamenti Ħfief fi ħdan is-Segretarjat Tekniku ta' l-ECOWAS u biex il-Moratorju jiġi konvertit f'Konvenzjoni dwar armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir bejn l-Istati Membri ta' l-ECOWAS. Il-modalitajiet ta' din l-assistenza tidher fl-Anness.

Artikolu 2

1.   Sabiex jintlaħqu l-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1, il-Presidenza għandha taħtar direttur tal-proġett b'bazi f'Abuja, Niġerja.

2.   Id-direttur tal-proġett għandu jwettaq il-kompiti tiegħu taħt ir-responsabbiltà tal-Presidenza.

3.   Id-direttur tal-proġett għandu jirrapporta b'mod regolari lill-Kunsill jew lill-korpi maħtura tiegħu permezz tal-Presidenza, megħjuna mis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-PESK.

4.   Fit-twettiq ta' l-attivitajiet tiegħu, id-direttur tal-proġett għandu jikkopera, kif xieraq, mal-missjonijiet lokali ta' l-Istati Membri u mal-Kummissjoni.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tiġi nkarigata bl-implimentazzjoni finanzjarja ta' din id-Deċiżjoni. Għal dak il-għan, din għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament ma' l-ECOWAS dwar il-kondizzjonijiet għall-użu tal-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea, li għandu jkun f'forma ta' għotja mhux rimborsabbli. Fost affarijiet oħrajn, din l-għotja għandha tkopri, tul perijodu ta' 12-il xahar, salarji, spejjeż ta' l-ivvjaġġar, fornimenti u tagħmir meħtieġ biex tiġi stabbilita l-Unità Armamenti Ħfief fi ħdan is-Segretarjat Tekniku ta' l-ECOWAS u biex il-Moratorju jiġi konvertit f'Konvenzjoni dwar armamenti ħfief bejn l-Istati Membri tal-ECOWAS. Il-ftehim ta' finanzjament li għandu jiġi konkluż ser jistipula li l-ECOWAS għandha tiżgura li l-kontribut ta' l-Unjoni Ewropea jkollu viżibbiltà xierqa għad-daqs tal-kontribut.

Artikolu 4

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1 għandu jkun ta' EUR 515 000.

2.   Il-Presidenza u l-Kummissjoni għandhom jippreżentaw lill-korpi tal-Kunsill rilevanti rapporti regolari dwar il-konsistenza ta' l-attivitajiet ta' l-Unjoni Ewropea fil-qasam ta' l-armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir, b'mod partikolari fir-rigward tal-linji politiċi tagħha fuq l-iżvilupp, skond l-Artikolu 9(1) ta' l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK. B'mod iżjed partikolari, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti msemmija fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 3. Din l-informazzjoni għandha tkun ibbażata, fost affarijiet oħrajn, fuq rapporti regolari li għandhom jiġu mogħtija mill-ECOWAS taħt ir-relazzjoni kontrattwali tagħha mal-Kummissjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol b'effett fid-data ta' l-adozzjoni tagħha. Għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2005.

Artikolu 6

Din il-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta sitt xhur wara d-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Magħmula fi Brussel, nhar it-2 ta' Diċembru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

J. P. H. DONNER


(1)  ĠU L 191, 19.7.2002. p. 1.


ANNESS

PROĠETT DWAR L-ASSISTENZA TA' L-UE LILL-ECOWAS

Għan tal-Proġett: konverżjoni tal-Moratorju ta' l-ECOWAS fuq l-importazzjoni, l-esportazzjoni u l-manifattura ta' l-armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir f'Konvenzjoni reġjonali legalment vinkolanti f'Diċembru 2005, bil-ħsieb ta' kontribut operattiv mill-Afrika tal-Punent għall-konferenza ta' reviżjoni ta' l-2006 dwar il-Programm ta' Azzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti.

Skeda ta' żmien u implimentazzjoni tal-proġett: preżentazzjoni lill-Kapijiet ta' Stat ta' l-ECOWAS f'Diċembru 2005 ta' abbozz ta' Konvenzjoni reġjonali dwar l-armi ħfief.

Jannar – Ġunju 2005 valutazzjoni ta' sistema leġislattiva u regolatorja għall-armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir fil-15-il pajjiż ta' l-ECOWAS.

Użu tal-kompetenza miksuba f'dan il-qasam mill-Programm għall-Koordinazzjoni u l-Assistenza dwar is-Sigurtà u l-Iżvilupp (PCASED Marzu 1999 sa Novembru 2004) fl-istabbiliment ta' kummissjonijiet nazzjonali bl-assistenza tas-soċjetà ċivili.

Tqegħid fil-post ta' espert Afrikan responsabbli għall-valutazzjoni, b'kompetenza fl-armamenti ħfief u ta' kalibru żgħir fiż-żona ta' l-ECOWAS (minn fost il-persunal tal-PCASED), taħt il-kontroll tas-Segretarju Esekuttiv ta' l-ECOWAS. Żjara ta' ġimgħa f'kull pajjiż ta' l-ECOWAS sabiex jiġu determinati approċċi nazzjonali speċifiċi vis-à-vis l-problema ta' l-armi ħfief.

B'kont meħud ta' l-esperjenza f'dan il-qasam minn organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani (Komunita' għall-Iżvilupp ta' l-Afrika Awstrali (SADC)/l-Afrika tal-Lvant) oħra:

il-Protokoll ta' l-SADC dwar l-Armi tan-Nar (2001)

l-Aġenda kordinata ta' Nairobi għal azzjoni dwar il-problema tal-proliferazzjoni ta' l-armi ħfief (2004).

Laqgħa ta' tħejjija ġewwa l-unità ta' l-armi ħfief ta' l-ECOWAS bil-ħsieb ta' l-organizzazzjoni ta' seminar/sessjoni ta' negozjati (Abuja). Preżentazzjoni mill-espert tal-PCASED lill-unità ta' l-armi ħfief tar-riżultati ta' l-valutazzjoni reġjonali.

Lulju – Settembru 2005

Tfassil ta' l-abbozz tal-konvenzjoni reġjonali mill-unità ta' l-armi ħfief.

Promozzjoni ta' l-abbozz tal-konvenzjoni lill-Istati ta' l-ECOWAS mis-Segretarjat Esekuttiv ta' l-ECOWAS.

Ottubru – Novembru 2005

Organizzazzjoni ta' seminar/sessjoni ta' negozjati f'Abuja li tinvolvi rappreżentanti ta' l-Istat u esperti nazzjonali mill-15-il Stat ta' l-ECOWAS.

Finalizzazzjoni ta' abbozz ta' Konvenzjoni reġjonali mill-unita ta' l-armi ħfief.

Diċembru 2005

Preżentazzjoni lill-Kapijiet ta' Stat ta' l-ECOWAS ta' l-abbozz finali tal-Konvenzjoni waqt laqgħa għolja normali ta' l-ECOWAS, u l-ftuħ għall-adozzjoni.


Top