EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0564

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 20 ta' Lulju 2004 dwar laboratorji Komunitarji ta' referenza għall-epidemjoloġija taż-żoonosi u għas-salmonella u laboratorji nazzjonali ta' referenza għas-salmonella (innotifikata fid-dokument bin-numru C(2004) 2781) Test b'relevanza għaż-ŻEE.

OJ L 251, 27.7.2004, p. 14–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
OJ L 267M, 12.10.2005, p. 77–80 (MT)
Special edition in Bulgarian: Chapter 03 Volume 059 P. 140 - 143
Special edition in Romanian: Chapter 03 Volume 059 P. 140 - 143
Special edition in Croatian: Chapter 03 Volume 014 P. 259 - 262

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/564/oj

12.10.2005   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

77


ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-20 ta' Lulju 2004

dwar laboratorji Komunitarji ta' referenza għall-epidemjoloġija taż-żoonosi u għas-salmonella u laboratorji nazzjonali ta' referenza għas-salmonella

(innotifikata fid-dokument bin-numru C(2004) 2781)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2004/564/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-osservar taz-żoonosi u aġenti żoonotiċi, li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE u tirrevoka d-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 10(1), (2) u (4) ta' din,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi speċifikati oħra li jinġarru fl-ikel (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 11(1), (2) u (4) ta' dan,

Billi:

(1)

Laboratorju Komunitarju ta' referenza għall-epidemjoloġija ta' żoonosi u laboratorju Komunitarju ta' referenza għas-salmonella kienu speċifikati fid-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (3). Id-Direttiva 2003/99/KE tipprovdi għar-revoka tad-Direttiva 92/117/KEE b'seħħ mit-12 ta' Ġunju 2004.

(2)

Taħt id-Direttiva 2003/99/KE, l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta' l-Ikel se tibda tkun responsabbli għal xogħol ekwivalenti għal dak magħmul mil-laboratorju Komunitarju ta' referenza għall-epidemjoloġija taż-żoonosi. Madankollu, sabiex tiġi żgurata transizzjoni gradwali għas-sistema l-ġdida, huwa xieraq li tinżamm l-ispeċifikazzjoni attwali ta' laboratorju Komunitarju ta' referenza għall-epidemjoloġija taż-żoonosi għal perjodu limitat. Dak il-laboratorju għandu għalhekk jerġa' jiġi speċifikat temporanjament bħala l-laboratorju Komunitarju ta' referenza għall-epidemjoloġija taż-żoonosi.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar kontrolli uffiċjali biex jiżguraw il-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi dwar l-għalf u l-ikel, is-saħħa ta' l-annimali u r-regoli għall-ħarsien ta' l-annimali (4), jispeċifika l-laboratorju Komunitarju ta' referenza għas-salmonella speċifikat taħt id-Direttiva 92/117/KEE bħala l-laboratorju Komunitarju ta' referenza għall-analiżi u t-testijiet fuq iż-żoonosi (Salmonella) b'effett mill-1 ta' Jannar 2006. Sa dik id-data, sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm laboratorju bħal dan fil-Komunità, dak il-laboratorju għandu jerġa' jiġi speċifikat temporanjament bħala l-laboratorju Komunitarju ta' referenza għas-salmonella.

(4)

Għal skopijiet ta' amministrazzjoni finanzjarja, ta' min jikkjarifika li l-ispeċifikazzjonii mill-ġdid tal-laboratorji Komunitarji ta' referenza msemmija hawn fuq għandha tapplika mid-data li fiha d-Direttiva 92/117/KEE ma tibqax fis-seħħ.

(5)

Huwa f'loku li jerġgħu jiġu ddefiniti bl-eżatt ir-responsabbiltajiet u x-xogħol tal-laboratorju Komunitarju ta' referenza għas-salmonella u tal-laboratorji nazzjonali ta' referenza rispettivi fi ħdan il-qafas regolatorju ġdid stabbilit mid-Direttiva 2003/99/KE u r-Regolament (KE) Nru 2160/2003. Il-laboratorju Komunitarju ta' referenza għas-salmonella żviluppa attivitajiet l-aktar fil-qasam tat-tjur ħajjin u mhux il-każ li jitbiddillu l-programm tax-xogħol tiegħu għall-2004. L-oqsma ġodda ta' kompetenza għal dak il-laboratorju Komunitarju ta' referenza u għal-laboratorji nazzjonali ta' referenza għas-salmonella għandhom għalhekk japplikaw biss b'effett mill-1 ta' Jannar 2005.

(6)

Il-miżuri li tipprovdi għalihom din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Bundesinstitut für Risikobewertung, f'Berlin, il-Ġermanja, huwa appuntat bħala l-laboratorju Komunitarju ta' referenza għall-epidemjoloġija taż-żoonosi sal-31 ta' Diċembru 2004.

Artikolu 2

1.   Ir-Rijksinstituut voor Volksgezondheid en Milieu, f'Bilthoven, l-Olanda, huwa appuntat bħala l-laboratorju Komunitarju ta' referenza għas-salmonella sal-31 ta' Diċembru 2005.

2.   Ir-responsabbiltajiet u x-xogħol tal-laboratorju Komunitarju ta' referenza msemmija f'paragrafu 1 huma stipulati fl-Anness 1. Huma jibdew japplikaw fir-rigward ta' l-oqsma li m'humiex dawk ta' tjur ħajjin b'effett mill-1 ta' Jannar 2005.

Artikolu 3

Ir-responsabbiltajiet u x-xogħol tal-laboratorji nazzjonali ta' referenza għas-salmonella huma stipulati fl-Anness II. Huma għandhom japplikaw fir-rigward ta' l-oqsma li m'humiex dawk ta' tjur ħajjin b'effett mill-1 ta' Jannar 2005.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni tibda tapplika mit-12 ta' Ġunju 2004.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fl-20 ta' Lulju 2004.

Għall-Kummissjoni

David BYRNE

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 325, tat-12.12.2003, p. 31.

(2)  ĠU L 325, tat-12.12.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 38.

(4)  ĠU L 165, tat-30.4.2004, p. 1.


ANNESS I

1.

Oqsma ta' kompetenza

a)

L-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' metodi batterjoloġiċi għall-għarfien tal-preżenza u l-kwantifikazzjoni kif meħtieġ tas-salmonella żoonotika fil-bhejjem, l-għalf u l-ikel, kif ukoll f'kampjuni ambjentali.

b)

L-identifikazzjoni ta' sotto-tipi ta' salmonella żoonotika, b'mod partikulari ta' serotipi, u ta' sotto-tipi oħra, inkluż b'metodi fenotipiċi u ġenetiċi.

ċ)

Testijiet tas-suxxettibilità ta' anti-mikrobi fuq speċijiet iżolati ta' salmonella żoonotika.

d)

L-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' metodi immunoloġiċi għas-salmonella żoonotika.

e)

L-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta' metodi ta' teħid ta' kampjuni.

2.

Funzjonijiet u dmirijiet ġenerali:

a)

Li jipprovdi lil-laboratorji nazzjonali ta' referenza bid-dettalji ta' metodi analitiċi, inklużi metodi ta' referenza.

b)

Li jikkoordina l-applikazzjoni min-naħa tal-laboratorji nazzjonali ta' referenza tal-metodi msemmija f'(a), b'mod partikulari billi jorganizza testijiet komparattivi u billi jiżgura tkomplija adattata ta' tali testijiet komparattivi f'konformità ma' protokolli aċċettati f'livell internazzjonali, meta jkunu disponibbli.

ċ)

Li jikkoordina, fil-limiti tal-qasam tal-kompetenza tagħhom, l-arranġamenti prattiċi meħtieġa għall-applikazzjoni ta' metodi analitiċi ġodda u jinforma lil-laboratorji nazzjonali ta' referenza dwar avvanzi f'dan il-kamp.

d)

Li jmexxi korsijiet ta' taħriġ inizjali u avvanzati għall-benefiċċju ta' ħaddiema mil-laboratorji nazzjonali ta' referenza u ta' esperti minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

e)

Li jagħti assistenza xjentifika u teknika lill-Kummissjoni, speċjalment f'każijiet fejn l-Istati Membri jikkontestaw ir-riżultati ta' xi analiżi.

f)

Li jikkollabora ma' laboratorji li għandhom l-istess qasam ta' kompetenza f'pajjiżi terzi.

3.

Funzjonijiet u dmirijiet speċifiċi:

a)

Li jipprovdi għajnuna teknika lill-Kummissjoni fl-organizzazzjoni ta' skemi ta' ssorveljar tas-salmonella u r-reżistenza anti-mikrobika relatata magħha skond, b'mod partikulari, l-Artikoli 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2003/99/KE.

b)

Li jipprovdi għajnuna teknika lill-Kummissjoni fil-qafas ta' l-iffissar ta' l-objettivi Komunitarji skond l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

ċ)

Li jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar aspetti relatati ma' razez ta' vaċċin għas-salmonella u metodi speċifiċi oħra ta' kontroll, skond il-ħtieġa.

d)

Li jipprovdi għajnuna teknika lill-Kummissjoni u, skond kif ikun meħtieġ, jipparteċipa f'fora internazzjonali relatati ma' l-oqsma ta' kompetenza msemmija f'punt 1 aktar 'il fuq, b'mod partikulari dwar l-istandardizzazzjoni ta' metodi analitiċi u l-implimentazzjoni tagħhom.

e)

Li jiġbor data u informazzjoni fuq l-attivitajiet żviluppati u l-metodi użati fil-laboratorji nazzjonali ta' referenza u jinforma lill-Kummissjoni dwarhom.

f)

Li jibqa' aġġornat ma' l-iżviluppi fl-epidemjoloġija tas-salmonella.

g)

Li jikkoopera, skond kif ikun meħtieġ, ma' l-istrutturi Komunitarji involuti fis-sorveljanza tas-salmonella, b'mod partikulari man-netwerk għas-sorveljanza epidemjoloġiku u l-kontroll ta' mard li jista' jittieħed fil-Komunità, kif stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), inklużi netwerks ta' sorveljanza speċjalizzati relevanti.

4.

Il-laboratorju Komunitarju ta' referenza għandu jimplimenta sistema ta' żgurar tal-kwalità u għandu jiġi akkreditat skond l-istandard EN ISO/IEC 17025 sa mhux aktar tard mit-12 ta' Diċembru 2005.


(1)  ĠU L 268, tat-3.10.2003, p. 1.


ANNESS II

Ir-responsabbiltajiet u x-xogħol tal-laboratorji nazzjonali ta' referenza għas-salmonella, skond id-Direttiva 2003/99/KE u r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 (1):

1.   Dmirijiet ġenerali:

a)

Li jikkollaboraw mal-laboratorju Komunitarju ta' referenza fil-qasam tal-kompetenza tagħhom.

b)

Li jikkoordinaw, skond il-ħtieġa, l-attivitajiet tal-laboratorji responsabbli għall-analiżi tal-kampjuni skond, b'mod partikulari, l-Artikoli 4, 5 u 7 tad-Direttiva 2003/99/KE.

ċ)

Li jikkoordinaw l-attivitajiet tal-laboratorji responsabbli għall-analiżi tal-kampjuni skond l-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003/KE.

d)

Li skond kif jeħtieġ, jorganizzaw testijiet komparattivi bejn il-laboratorji msemmija f'(b) u (c) u jiżguraw tkomplija addattata ta' tali testijiet komparattivi.

e)

Li jiżguraw li l-informazzjoni pprovduta mil-laboratorju Komunitarju ta' referenza titwassal lill-awtorità kompetenti u l-laboratorji msemmijin f'(b) u (c).

f)

Li jipprovdu għajnuna xjentifika u teknika lill-awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kompetenza tagħhom.

2.   Funzjonijiet u dmirijiet speċifiċi:

a)

Li jipparteċipaw kif meħtieġ fl-iskemi ta' ssorveljar tas-salmonella u r-reżistenza anti-mikrobika relatata magħha skond id-Direttiva 2003/99/KE u fl-analiżi u t-testijiet fuq is-salmonella skond ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

b)

Li jmexxu, kif meħtieġ, korsijiet ta' taħriġ għall-benefiċċju ta' ħaddiema mil-laboratorji rilevanti.

ċ)

Li jinfurmaw, kif meħtieġ, lil-laboratorju Komunitarju ta' referenza fuq aspetti relatati ma' razez ta' vaċċin tas-salmonella u metodi speċifiċi oħra ta' kontroll.

d)

Li jiġbru d-data u l-informazzjoni fuq l-attivitajiet li ġew żviluppati u l-metodi użati fil-laboratorji rilevanti u jinfurmaw lil-laboratorju Komunitarju ta' referenza dwarhom.

e)

Li jżommu rwieħhom aġġornati ma' l-iżviluppi fl-epidemjoloġija tas-salmonella.


(1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.


Top