Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003L0030

Id-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Mejju 2003 dwar il-promozzjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport

OJ L 123, 17.5.2003, p. 42–46 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 13 Volume 031 P. 188 - 192
Special edition in Estonian: Chapter 13 Volume 031 P. 188 - 192
Special edition in Latvian: Chapter 13 Volume 031 P. 188 - 192
Special edition in Lithuanian: Chapter 13 Volume 031 P. 188 - 192
Special edition in Hungarian Chapter 13 Volume 031 P. 188 - 192
Special edition in Maltese: Chapter 13 Volume 031 P. 188 - 192
Special edition in Polish: Chapter 13 Volume 031 P. 188 - 192
Special edition in Slovak: Chapter 13 Volume 031 P. 188 - 192
Special edition in Slovene: Chapter 13 Volume 031 P. 188 - 192
Special edition in Bulgarian: Chapter 13 Volume 039 P. 170 - 174
Special edition in Romanian: Chapter 13 Volume 039 P. 170 - 174

No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2011; Imħassar b' 32009L0028

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/30/oj

32003L0030



Official Journal L 123 , 17/05/2003 P. 0042 - 0046


Id-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-8 ta’ Mejju 2003

dwar il-promozzjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

Billi:

(1) Il-Kunsill Ewropew imlaqqa’ f’Gothenburg fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2001 qabel dwar strateġija Komunitarja għall-iżvilupp sostenibbli li tikkonsisti f’sett ta’ miżuri, li jinkludi l-iżvilupp tal-bijokarburanti.

(2) Ir-riżorsi naturali, u l-utilizzazzjoni prudenti u razzjonali tagħhom kif imsemmi fl-Artikolu 174(1) tat-Trattat, jinkludu ż-żejt, il-gass naturali u l-karburanti solidi li huma għejjun essenzjali ta’ l-enerġija imma wkoll l-għejjun ewliena fl-emissjonijiet tal-karbonju dijossidu.

(3) Madankollu, teżisti firxa wiesgħa ta’ bijomassa li tista’ tintuża għalbiex tipprodiċi l-bijokarburanti, imnissla mill-prodotti tal-agrikoltura u tal-forestrija, kif ukoll mir-residwi u l-iskart tal-forestrija u l-industriji tal-forestrija u tal-prodotti agro-alimentari.

(4) Is-settur tat-trasport jgħodd għal iktar minn 30 % tal-konsum finali ta’ l-enerġija fil-Komunità u qiegħed jikber, xejra li għandha tiżdied, flimkien ma’ l-emissjonijiet tal-karbonju dijossidu u din l-espansjoni se tkun ikbar f’termini ta’ perċentwali fil-pajjiżi kandidati wara l-adezjoni tagħhom ma’ l-Unjoni Ewropea.

(5) Il-White Paper tal-Kummissjoni "Il-politika Ewropea dwar t-trasport għas-sena 2010: iż-żmien tad-deċiżjonijiet" tistenna li l-emissjonijiet tal-CO2 mit-trasport jogħlew b’50 % bejn is-snin 1990 u 2010, għal madwar 1113-il miljun tunnellata metrika, bir-responsabbiltà prinċipali taqa’ fuq it-trasport bit-triq, li jammonta għal 84 % ta’ l-emissjonijiet tal-CO2 li għandhom x’jaqsmu mat-trasport. Mil-lat ekoloġiku, il-White Paper għalhekk issejjaħ għat-tnaqqia tad-dipendenza fuq iż-żejt (bħalissa 98 %) fis-settur tat-trasport billi jintużaw karburanti alternattivi bħalma huma l-bijokarburanti.

(6) Użu akbar tal-bijokarburanti għat-trasport jagħmel parti mill-pakkett tal-miżuri meħtieġa għalbiex jitħares il-Protokoll ta’ Kyoto, u minn kull pakkett ta’ politika għalbiex tissodisfa iktar impenji f’dan ir-rigward.

(7) L-użu akbar tal-bijokarburanti għat-trasport, mingħajr ma jitħallew barra karburanti alternattivi possibbli oħra, inklużi l-LPG us-CNG tal-karozzi, huwa wieħed mill-għodda li bihom il-Komunità tista’ tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija importata u tinfluwenza s-suq tal-karburanti u b’hekk is-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija fi żmien medju u fit-tul. Madankollu, din il-kondizzjoni bl-ebda mod ma għandha tnaqqas l-importanza tal-konformità mal-leġislazzjoni Komunitarja dwar il-kwalità tal-karburant, l-emissjonijiet mill-vetturi u l-kwalità ta’ l-arja.

(8) B’riżultat ta’ l-avvanzi teknoloġiċi, il-biċċa l-kbira tal-vetturi bħalissa fiċ-ċirkolazzjoni fl-Unjoni Ewropea għandhom il-kapaċità li jużaw taħlita ħafifa tal-bijokarburanti mingħajr ebda problema. L-iżviluppi teknoloġiċi l-iktar reċenti jagħmluha possibbli li jintużaw perċentwali ogħla ta’ bijokarburant fit-taħlita. Uħud mill-pajjiżi digà jużaw taħlitiet tal-bijokarburanti ta’ 10 % u ogħla.

(9) Flotot vinkolati joffru l-potenzjal li jintuża konċentrament ogħla tal-bijokarburanti. F’uħud mill-ibliet, flotot vinkolati diġà joperaw b’bijokarburanti puri u, f’xi każijiet, dan għen għalbiex tittejjeb il-kwalità ta’ l-arja fiż-żoni urbani. L-Istati Membri jistgħu għalhekk jippromwovu iktar l-użu tal-bijokarburanti fil-modi tat-trasport pubbliku.

(10) Il-promozzjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti fit-trasport tikkostitwixxi pass lejn l-applikazzjoni iktar wiesgħa tal-bijomassa li tippermetti li l-bijokarburant jiġi żviluppat iktar fil-ġejjieni, filwaqt li ma jiġux esklużi għażliet oħra u, b’mod partikolari, l-għażla ta’ l-idroġenu.

(11) Il-politika tar-riċerka segwita mill-Istati Membri li għandha x’taqsam ma’ aktar użu tal-bijokaburanti għandha tinkorpora s-settur ta’ l-idroġenu f’livell sinifikanti u tippromwovi din l-għażla, filwaqt li tieħu kont tal-programmi kwadri rilevanti Komunitarji.

(12) Iż-żejt veġetali pur mill-pjanti taż-żejt prodott bil-pressa, l-estrazzjoni jew metodi paragunabbli, krud jew raffinat imma kimikament mhux modifikat, jista’ wkoll jintuża bħala bijokarburant f’każijiet speċifiċi meta l-użu tiegħu jkun kompatibbli mat-tip tal-magni involuti u l-ħtiġiet korrispondenti ta’ l-emissjonijiet

(13) It-tipi l-ġodda tal-karburanti għandhom iħarsu l-istandards tekniċi rikonoxxuti jekk iridu jiġu aċċettati iktar mill-konsumaturi u mill-manifatturi tal-vetturi u b’hekk jippenetraw is-suq. L - istandards tekniċi wkoll jiffurmaw il-bażi għall-ħtiġiet li jirrigwardaw l-emissonijiet u l-monitoraġġ ta’ l-emissjonijiet. Jista’ jkun hemm diffikultajiet meta jkun qiegħed jiġi żgurat illi t-tipi l-ġodda tal-karburanti jissodisfaw l-istandards tekniċi korrenti, li, fil-biċċa l-kbira, ġew żviluppati għall-karburanti fossili konvenzjonali. Il-Kummssjoni u l-korpi ta’ l-istandardizzazzjoni għandhom jimmonitoraw l-iżviluppi u jadattaw u jiżviluppaw l-istandards b’mod attiv, b’mod partikolari l-aspetti tal-volatilità, għalbiex ikunu jistgħu jiġu ntrodotti tipi ġodda ta’ karburanti, filwaqt li jinżammu l-ħtiġiet ta’ prestazzjoni ambjentali.

(14) Il-bijo-etanol u l-bijo-diesel, meta użati fil-vetturi fl-għamla pura jew bħala taħlita, għandhom jikkonformaw ma’ l-istandards tal-kwalità stabbiliti għalbiex jiġi żgurat it-twettiq ottimu tal-prestazzjoni tal-magna. Huwa nnotat illi fil-każ tal-bijo-diesel għall-magni tad-diesel, meta l-għażla tal-proċess hija l-esterifikazzjoni, jista’ jiġi applikat l-istandard prEN 14214 tal-Kumitat Ewropew ta’ l-Istandardizzazzjoni (CEN) dwar il-metil-esteri xaħmin (FAME). Għal din ir-raġuni s-CEN għandu jistabbilixxi l-istandards xierqa għall-prodotti l-oħra tal-bijokarburanti għat-trasport fl-Unjoni Ewropea.

(15) Il-promozzjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti għalbiex skond il-prattiċi tal-agrikoltura u tal-forestrija sostenibbbli stabbiliti fir-regoli li jirregolaw il-politika komuni agrikola tista’ toħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp sostenibbli rurali f’politika komuni agrikola orjentata iktar lejn is-suq ingranata iktar mas-suq Ewropew u mar-rispett lejn ruralità ħajja u lejn l-agrikoltura multi-funzjonali, u tista’ tiftaħ suq ġdid għall-prodotti agrikoli innovattivi rigward l-Istati Membri tal-preżent u tal-futur.

(16) Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Ġunju 1998 [5], il-Kunsill approva l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni għal sorsi ta’ l-enerġija rinnovabbli u talab miżuri speċifiċi fis-settur tal-bijokarburanti.

(17) Il-Green Paper tal-Kummissjoni "Lejn Strateġija Ewropea għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija" tiffissa l-mira ta’ sostituzzjoni ta’ 20 % tal-karburanti konvenzjonali b’karburanti alternattivi fis-settur tat-trasport bit-triq sas-sena 2020.

(18) Il-karburanti alternattivi jkunu kapaċi jiksbu l-penetrazzjoni tas-suq biss jekk ikunu disponibbli b’mod ġenerali u kompetittivi.

(19) Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta’ Ġunju 1998 [6], il-Parlament Ewropew sejjaħ għal żieda ta’ 2 % fis-sehem tas-suq tal-bijokarburanti fuq ħames snin permezz ta’ pakkett ta’ miżuri, inklużi l-eżenzjoni mit-taxxi, l-assistenza finanzjarja għall-industrija ta’ l-ipproċessar u li tiġi stabbilita rata obbligatorja ta’ bijokarburanti għall-kumpaniji taż-żejt.

(20) Il-metodu ottimu għalbiex jiżdied is-sehem tal-bijokarburanti fis-swieq nazzjonali u Komunitarji jiddependi mid-disponibbiltà tar-riżorsi u tal-materji prima, fuq il-politika nazzjonali u Komunitarji għalbiex jiġu promossi l-bijokarburanti u fuq l-arranġamenti tat-taxxi, u fuq l-involviment xieraq ta’ dawk kollha kkonċernati u/jew huma partijiet.

(21) Il-politika nazzjonali għalbiex tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti ma għandhiex twassal għall-projbizzjoni tal-moviment ħieles tal-karburanti li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet armonizzati ambjentali kif stabbiliti fil-leġislazzjoni Komunitarja.

(22) Il-promozzjoni tal-produzzjoni u l-użu tal-bijokarburanti tista’ tikkontribwixxi għal tnaqqis fid-dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ l-enerġija u l-emissjonijiet tal-gassijiet tad-dinja-serra. B’żieda ma’ dan, il-bijokarburanti fl-għamla pura jew imħallta, jistgħu fil-prinċipju jintużaw fil-vetturi bil-mutur eżistenti u jużaw is-sistema korrenti tad-distribuzzjoni tal-karburanti tal-vetturi bil-mutur. It-taħlit tal-bijokarburanti mal-karburanti fossili jista’ jiffaċilita tnaqqis potenzjali fl-ispiża tas-sistema tad-distribuzzjoni fil-Komunità.

(23) Ġaladarba l-mira ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ prinċipji ġenerali li jipprovdu perċentwal minimu ta’ bijokarburanti li jiġi mqiegħed fis-suq u mqassam, ma tistax tinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, u għalhekk tista’ tinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà ddikjarat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dan l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għalbiex tinkiseb din il-mira.

(24) Għandhom jiġu promossi r-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija fil-qasam tas-sostenibbiltà tal-bijokarburanti.

(25) Żieda fl-użu tal-bijokarburanti għandha tkun akkumpanjata minn analiżi ddettaljata ta’ l-impatt ambjentali, ekonomiku u soċjali għalbiex jiġi deċiż jekk hux tal-parir li jiżdied il-proporzjon tal-bijokarburanti f’relazzjoni mal-karburanti konvenzjonali.

(26) Għandha ssir dispożizzjoni għall-possibbiltà li tiġi addattata bil-ħeffa lista tal-bijokarburanti, il-perċentwal tal-kontenut rinnovabbli, u l-iskeda tgħall-introduzzjoni tal-bijokarburanti fis-suq tal-karburanti tat-trasport, għall-progress tekniku u għar-riżultati ta’ stima ta’ l-impatt ambjentali fl-ewwel fażi ta’ l-introduzzjoni.

(27) Għandhom jiġu introdotti miżuri għalbiex jiżviluppaw bil-ħeffa l-istandards tal-kwalità tal-bijokarburanti li għandhom jiġu użati fis-settur awtomotiv, kemm bħala bijokarburanti puri u kemm bħala komponent ta’ taħlit fil-bijokarburanti konvenzjonali. Għalkemm il-frazzjon bijodegradabbli ta’ l-iskart huwa potenzjalment għajn ta’ ultilità għalbiex jipproduċi l-bijokarburanti, l-istandard tal-kwalità għandu jqis it-tniġġis possibbli preżenti fl-iskart għalbiex jiġu evitati l-komponenti speċjali li jagħmlu ħsara lill-vettura jew li jikkawżaw id-deterjorazzjoni ta’ l-emissjonijiet.

(28) L-inkoraġġiment tal-promozzjoni tal-bijokarburanti għandu jkun konsistenti mas-sigurtà tal-provvista u l-miri ambjentali u l-miri u l-miżuri f’ politika relatata ġewwa kull Stat Membru. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw modi effettivi taħt il-profil ta’ ġestjoni u spejjeż għalbiex jippubbliċizzaw il-posibbiltajiet li jintużaw il-bijokarburanti.

(29) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7],

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Din id-Direttiva timmira li tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli sabiex jieħdu l-post tad-diesel jew il-petrol għall-iskopijiet tat-trasport f’kull Stat Membru, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-miri bħalma huma li jiġu sodisfatti l-impenji tal-bdil fil-klima, is-sigurtà tal-provvista li tiffavorixxi l-ambjent u l-promozzjoni ta’ għejun ta’ l-enerġija rinnovabbli.

Artikolu 2

1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "bijokarburanti" tfisser il-karburant likwidu jew gassus tat-trasport prodott mill-biomassa;

(b) "biomassa" tfisser il-frazzjoni bijodegradabbli tal-prodotti, l-iskart u r-residwi mill-agrikoltura (inklużi s-sustanzi veġetali u ta’ l-annimali), il-forestrija u l-industriji li għandhom x’jaqsmu magħhom, kif ukoll il-frazzjoni bijodegradabbli ta’ l-iskart industrijali u muniċipali;

(ċ) "karburanti oħra rinnovabbli" tfisser il-karburanti rinnovabbli, għajr il-karburanti li jitnisslu minn għejun ta’ l-enerġija rinnovabbli kif iddefinit fid-Direttiva 2001/77/KE [8] u użati għall-iskopijiet tat-trasport;

(d) "kontenut ta’ l-enerġija" tfisser il-valur kalorifiku l-iktar baxx ta’ karburant.

2. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala bijokarburanti mill-inqas il-prodotti elenkati hawn taħt:

(a) "il-bijo-etanol": etanol prodott mill-bijomassa u/jew il-frazzjon degradabbli ta’ l-iskart, għalbiex jintuża bħala bijokarburant;

(b) "il-bijo-diesel": metil-ester prodott miż-żejt veġetali jew ta’ l-annimali, tal-kwalità tad-diesel, għalbiex jintuża bħala bijokarburant;

(ċ) "il-bijogass": gass karburant prodott mill-bijomassa u/jew mill-frazzjon bijodegradabbli ta’ l-iskart, li jista’ jiġi msoffi fi kwalità ta’ gass naturali, għalbiex jintuża bħala bijokarburant jew gass ta’ l-injam;

(d) "il-bijo-metanol": metanol prodott mill-bijomassa, għalbiex jintuża bħala bijokarburant;

(e) "il-bijo-dimetiletere": dimetiletere prodott mill-bijomassa, għalbiex jintuża bħala bijokarburant;

(f) "il-bijo-ETBE (etil-terzjo-butil-etere)": ETBE prodott fuq il-bażi tal-bijo-etanol. Il-perċentwal skond il-volum tal-bijo-ETBE illi huwa kkalkolat bħala bijokarburant huwa ta’ 47 %;

(g) "il-bijo-MTBE (metil-terzjo-butil-etere)": karburant prodott fuq il-bażi tal-bijo-metanol. Il-perċentwal skond il-volum tal-bijo-MTBE illi huwa kkalkolat bħala bijokarburant huwa ta’ 36 %;

(h) "il-bijokarburanti sintetiċi": idrokarboni sintetiċi jew taħlitiet ta’ l-idrokarboni sintetiċi, li jkunu ġew prodotti mill-bijomassa;

(i) "il-bijo-idroġenu": idroġenu prodott mill-bijomassa, u/jew mill-frazzjoni bijodegradabbli ta’ l-iskart, għalbiex jintuża bħala bijokarburant;

(j) "żejt pur veġetali": żejt prodott mill-pjanti taż-żejt permezz tal-pressa, l-estrazzjoni jew proċeduri paragunabbli, krud jew raffinat imma kimikament mhux modifikat, meta kompatibbli mat-tip tal-magni involuti u l-ħtiġiet korrispondenti ta’ l-emissjonijiet.

Artikolu 3

1. (a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi proporzjon minimu tal-bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli jitqiegħed fis-swieq tagħhom, u, għal dan l-effett, għandhom jiffissaw miri indikattivi nazzjonali.

(b) (i) Valur tar-riferiment għal dawn il-miri għandu jkun ta’ 2 %, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kontenut ta’ l-enerġija, tal-petrol u d-diesel kollu għall-iskopijiet tat-trasport imqiegħda fis-swieq tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2005.

(ii) Valur tar-riferiment għal dawn il-miri għandu jkun ta’ 5,75 %, ikkalkolat fuq il-bażi tal-kontenut ta’ l-enerġija, tal-petrol u d-diesel kollu għall-iskopijiet tat-trasport imqiegħda fis-swieq tagħhom sal-31 ta’ Diċembru 2010.

2. Il-bijokarburanti jistgħu jintgħamlu disponibbli f’kull waħda minn dawn l-għamliet:

(a) bħala bijokarburanti puri jew f’konċentrazzjoni għolja fid-derivattivi taż-żjut minerali, skond standards speċifiċi tal-kwalità sabiex jiġu applikati fit-trasport;

(b) bħala bijokarburanti mħallta mad-derivattivi taż-żjut minerali, skond in-normi approprjati Ewropej li jiddeskrivu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-karburanti tat-trasport (l-EN 228 u l-EN 590);

(ċ) bħala likwidi mnissla mill-bijokarburanti, bħalma huma l-ETBE (etil-terzjo-butil-etere), fejn il-perċentwal tal-bijokarburant ikun kif speċifikat fl-Artikolu 2(2).

3. L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-effett ta’ l-użu tal-bijokarburanti fit-taħlitiet tad-diesel ogħla minn 5 % minn vetturi li ma jiġux adattati u għandhom, meta xieraq, jieħdu miżuri għalbiex jiżguraw il-konformità mal-leġislazzjoni rilevanti Komunitarja rigward l-istandards ta’ l-emissjonijiet.

4. Fil-miżuri li jieħdu, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-klima ġenerali u l-bilanċ ambjentali tad-diversi tipi ta’ bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli u jistgħu jagħtu prijorità lill-promozzjoni ta’ dawk il-karburanti li juru bilanċ ambjentali effettv ħafna taħt il-profil tal-ġestjoni u l-ispejjeż, filwaqt ukoll li jqisu l-kompetittività u s-sigurtà tal-provvista.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-pubbliku jingħata tagħrif dwar id-disponibbiltà tal-bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli. Għall-perċentwali tal-bijokarburanti, imħallta fid-derivattivi taż-żjut minerali, li jaqbżu l-valur tal-limitu ta’ 5 % tal-metil ester xaħmi (FAME) jew 5 % tal-bijo-etanol, għandu jiġi impost tikkettjar speċifiku fil-punti tal-bejgħ.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni, qabel l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, dwar:

- il-miżuri meħuda għalbiex jippromwovu l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli biex jieħdu l-post tad-diesel jew tal-petrol għall-iskopijiet tat-trasport,

- ir-riżorsi nazzjonali allokati għall-produzzjoni tal-bijomassa għall-użu ta’ enerġija għajr għat-trasport, u

- il-bejgħ totali tal-karburant tat-trasport u s-sehem tal-bijokarburanti, puri jew imħallta, u ta’ karburanti oħra rinnovabbli mqiegħda fis-suq għas-sena ta’ qabel. Meta xieraq, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar kull kondizzjoni eċċezzjonali fil-provvista taż-żejt krud jew tal-prodotti miż-żjut li jkunu affettwaw il-marketing ta’ bijokrburanti u karburanti oħra rinnovabbli.

Fl-ewwel rapport tagħhom wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jindikaw il-livell tal-miri indikattivi nazzjonali tagħhom għall-ewwel fażi. Fir-rapport li jkopri s-sena 2006, l-Istati Membri għandhom jindikaw il-miri indikattivi nazzjonali tagħhom għat-tieni fażi.

F’dawn ir-rapporti id-differenzazzjoni tal-miri nazzjonali, ipparagunati mal-valuri tar-riferenza msemmija fl-Artikolu 3(1)(b), għandhom ikunu motivati u jistgħu ikunu bażati fuq l-elementi li ġejjin:

(a) il-fatturi oġġettivi bħalma huwa l-potenzjal nazzjonali limitat għall-produzzjoni tal-bijokarburanti mill-bijomassa;

(b) l-ammont tar-riżorsi allokati għall-produzzjoni tal-bijomassa għal użi oħra ta’ l-enerġija għajr it-trasport u l-karatteristiċi speċifiċi tekniċi jew klimatiċi tas-suq nazzjonali għall-karburanti għat-trasport;

(ċ) il-politika nazzjonali li talloka riżorsi paragunabbli għall-produzzjoni ta’ karburanti oħra għat-trasport imsejsa fuq għejun ta’ l-enerġija rinnovabbli u konsistenti mal-miri ta’ din id-Direttiva.

2. L-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2006, u wara dan kull sentejn, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport ta’ valutazzjoni għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-progress magħmul fl-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli fl-Istati Membri.

Dan ir-rapport għandu mill-inqas ikopri dan li ġej:

(a) l-effikaċja taħt il-profil tal-ġestjoni u l-ispejjeż tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli;

(b) l-aspetti ekonomiċi u l-impatt ambjentali ta’ iktar żieda fis-sehem tal-bijokarburanti u karubranti oħra rinnovabbli;

(ċ) il-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja tal-bijokaburanti u karburanti oħra rinnovabbli, bil-ħsieb li jiġu indikati miżuri possibbli għall-promozzjoni fil-futur ta’ dawk il-karburanti li jiffavorixxu l-klima u l-ambjent, u li għandhom il-potenzjal li jkunu kompetittivi u effettivi taħt il-profil tal-ġestjoni u l-ispejjeż;

(d) is-sostenibbiltà ta’ l-uċuh tar-raba użati għall-produzzjoni tal-bijokarburanti, b’mod partikolari l-użu ta’ l-art, il-livell ta’ l-intensità tal-kultivazzjoni, in-newba u l-użu tal-pestiċidi;

(e) l-istima ta’ l-użu tal-bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli rigward l-effetti tagħhom ta’ differenzazzjoni fuq il-bidla fil-klima u l-impatt tagħhom fuq it-tnaqqis ta’ l-emissjonijiet tal-CO2;

(f) eżami mill-ġdid ta’ iktar għażliet fit-tul li jirrigwardaw il-miżuri ta’ l-effiċjenza fl-enerġija fit-trasport.

Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tissottometti, meta xieraq, proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-addattament tas-sistema tal-miri, kif stabbilita fl-Artikolu 3(1). Jekk dan ir-rapport jikkonkludi illi x’aktarx ma jinkisbux il-miri indikattivi għal raġunijiet li mhumiex iġġustifikati u/jew li ma jkollhomx x’jaqsmu max-xhieda xjentifika, dawn il-proposti għandhom jindirizzaw miri nazzjonali, inklużi miri possibbilment obbligatorji, fl-għamla xierqa.

L-Artikolu 5

Il-lista li tinsab fl-Artikolu 2(2) tista’ tiġi adattata għall-progress tekniku skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2). Meta tkun qiegħda tiġi adattata din il-lista, għandu jitqies l-impatt ambjentali tal-bijokarburanti.

Artikolu 6

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perijodu taż-żmien stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-Regoli tiegħu ta’ Proċedura.

Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għalbiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni l-iktar tard sal-31 ta’ Diċembru 2004. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fis-settur kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 8

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fit-8 ta’ Mejju 2003.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. Chrisochoïdis

[1] ĠU C 103 E, 30.04.02, p. 205 u ĠU C 331 E, 31.12.02, p. 291.

[2] ĠU C 149, tal-21.6.2002, p. 7.

[3] ĠU C 278, ta’ l-14.11.2002, p. 29.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewrope ta’ l-4 ta’ Lulju 2002 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tat-18 ta’ Novembru 2002 (ĠU C 32 E, tal-11.2.2003, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU C 198, ta’ l-24.6.1998, p. 1.

[6] ĠU C 210, tas-6.7.1998, p. 215.

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[8] Id-Direttiva 2001/77/KE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-27 ta’ Settembru 2001 dwar il-promozzjoni ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ l-enerġija rinovabbli fis-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU L 283, tas-27.10.2001, p. 33).

--------------------------------------------------

Top