Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002L0065

Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE

OJ L 271, 9.10.2002, p. 16–24 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 06 Volume 004 P. 321 - 329
Special edition in Estonian: Chapter 06 Volume 004 P. 321 - 329
Special edition in Latvian: Chapter 06 Volume 004 P. 321 - 329
Special edition in Lithuanian: Chapter 06 Volume 004 P. 321 - 329
Special edition in Hungarian Chapter 06 Volume 004 P. 321 - 329
Special edition in Maltese: Chapter 06 Volume 004 P. 321 - 329
Special edition in Polish: Chapter 06 Volume 004 P. 321 - 329
Special edition in Slovak: Chapter 06 Volume 004 P. 321 - 329
Special edition in Slovene: Chapter 06 Volume 004 P. 321 - 329
Special edition in Bulgarian: Chapter 06 Volume 004 P. 183 - 191
Special edition in Romanian: Chapter 06 Volume 004 P. 183 - 191
Special edition in Croatian: Chapter 06 Volume 009 P. 102 - 110

In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2002/65/oj

32002L0065



Official Journal L 271 , 09/10/2002 P. 0016 - 0024


Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-23 ta' Settembru 2002

li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji ta' konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 98/7/KE u 98/27/KE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L- UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 47(2), l-Artikolu 55 u l-Artikolu 95 tagħha,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Huwa mportanti, fil-kuntest li jintlaħħqu l-miri tas-suq singolu, li jiġu adottati miżuri maħsuba biex jikkonsolidaw progressivament dan is-suq u dawk il-miżuri għandhom jikkontribwxxu biex jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur, skond l-Artikoli 95 u 153 tat-Trattat.

(2) Kemm għal konsumaturi u fornituri ta' servizzi finanzjarji, it-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji jikkostitwixxu wieħed mir-riżultati tanġibbli ewlenija għall-kompletazzjoni tas-suq intern.

(3) Fil-kwadru tas-suq intern, huwa fl-interess ta' konsumaturi li jkollhom aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-firxa l-iktar wiesgħa possibbli ta' servizzi finanzjarji disponibbli fil-Komunità sabiex jistgħu jagħżlu dawk li huma l-aħjar adattati għall-bżonijiet tagħhom Sabiex tiġi s-salvagwardata l-libertà ta' l-għażla, li hija dritt essenzjali tal-konsumatur, grad għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur huwa meħtieġ sabiex tiġi mtejjba l-kunfidenza tal-konsumatur f'bejgħ b'distanza.

(4) Huwa essenzjali għall-operazzjoni mingħajr tfixkil tas-suq intern għal konsumaturi li jkunu possibbli negozjati u l-konklużjoni ta' kuntratti ma' fornitur stabbilit fi Stati Membri oħrajn, minkejja jekk il-fornitur huwa wkoll stabbilit fl-Istat Membru li fih jirrisjedi l-konsumatur.

(5) Minħabba n-natura intanġibbli tagħhom, servizi finanzjarji huma partikolarment adattati għal bejgħ b'distanza u l-istabbiliment ta' qafas legali li jirregola t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji għandu jżid il-kunfidenza tal-konsumatur fl-użu ta' tekniċi ġodda għal tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji, bħall-kummerċ fl-elettronika..

(6) Din id-Direttiva għandha tiġi applikata fuq konformità mat-Trattat u mal-liġi sekondarja inkluża d-Direttiva 2000/31/KE [4] dwar il-kummerċ elettroniku, u dan ta' l-aħħar ikun biss applikabbli għall-operazzjonijiet li tkopri.

(7) Din id-Direttiva timmira biex tissodisfa l-miri ppreżentati mingħajr preġudizzju għal-liġi Komunitarja jew nazzjonali li tirregola l-libertà li jiġu provduti servizzi jew, meta applikabbli, li tospita l-kontroll ta' Stat Membru u/jew sistemi ta' awtorizzazzjoni jew sorveljanza fl-Istati membri meta dan huwa kompatibbli mal-leġislazzjoni Komunitarja.

(8) Barra minn hekk, din id-Direttiva, u b'mod partikolari d-disposizzjonijiet tagħha li jirrelataw għal informazzjoni dwar kull klawżola kuntrattwali fuq liġi applikabbli għall-kuntratt u/jew fuq il-qorti kompetenti ma jeffettwawx l-applikabilità għat-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji tal-konsumatur tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-applikabilità ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerjċali [5] jew tal-Konvenzjoni ta' Ruma 1980 dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kontrattwali.

(9) Is-sodisfazzjon ta' l-obbligi tal-Pjan ta' Azzjoni ta' Servizzi finanzjarji jeħtieġ livell ogħla ta' protezzjoni tal-konsumatur f'ċerti żoni. Dan jimplika konverġenza akbar, b'mod partikolari, f'fondi kollettivi ta' investiment mhux armonizzati, regoli ta' kondotta applikabbli għal servizzi ta' investiment u krediti tal-konsumatur. Fl-istennija li tintlaħaq il-konverġenza msemmiaj fuq, għandu jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur.

(10) Id-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Mejju 1997 dwar il-protezzjoni ta' konsumaturi fir-rigward ta' kuntratti b'distanza [6], tistabbilixxi r-regoli ewlenija applikabbli għal kuntratti b'distanza għal merkanzija u servizzi konklużi bejn fornitur u konsumatur. Madankollu, dik id-Direttiva ma tkoprix servizzi finanzjarji.

(11) Fil-kuntest ta' l-analiżi kondotta mill-Kummissjoni bl-iskop li jiġi aċċertat il-bżonn għal miżuri speċifiċi fil-qasam ta' servizzi finanzjarji, il-Kummissjoni stiednet il-partijiet kollha interessati sabiex jittrasmettu l-kummenti tagħhom, l-iktar in konnessjoni mal-preparazzjoni tal-Karta Ħadra tagħha intitolata "Servizzi Finanzjarji – Kif jintlaħqu l-Pretensjonijiet tal-Konsumaturi".Il-konsultazzjonijiet f'dan il-kuntest urew li hemm il bżonn li tiġi msaħħa l-protezzjoni tal-konsumatur f'dan il-qasam. Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li tippreżenta proposta speċifika li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji.

(12) L-adozzjoni mill-Istati Membri ta' regoli ta' protezzjoni tal-konsumatur li jikkonfliġġu jew differenti li jirregolaw it-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji tal-konsumatur tista' timpedixxi l-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni bejn ditti fis-suq. Huwa għalhekk neċessarju li jiġu applikati regoli komuni f'livell Komunitarju f'dan il-qasam, konsistenti ma ebda tnaqqis fil-protezzjoni globali tal-konsumatur fl-Istati Membri.

(13) Livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur għandu jiġi garantit b'din id-Direttiva, bl-iskop li jiġi assigurat il-moviment ħieles ta' servizzi finanzjarji. L-Istati Membri m' għandhomx ikunu jistgħu jadottaw disposizzjonijiet barra minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva fl-oqsma li tarmonizza, sakemm mhux speċifikament indikat mod ieħor fiha.

(14) Din id-Direttiva tkopri s-servizzi finanzjarji kollha li x' aktarx jiġu provduti b'distanza. Madankollu, ċerti servizzi finanzjarji huma rregolati b'disposizzjonijiet speċifiċi ta' leġislazzjoni Komunitarja li jibqgħu japplikaw għal dawk is-servizzi finanzjarji. Madankollu, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji li jirregolaw it-tqegħid fis-suq b'distanza ta' dawn is-servizzi.

(15) Kuntratti negozjati b'distanza jinvolvu l-użu ta' mezzi ta' komunikazzjoni b'distanza li jintużaw bħala parti minn skema ta' distanza ta' bejgħ jew provista ta' servizzi li ma tinvolvix il-preżenza simultaneja tal-fornitur u l-konsumatur. L-iżvilupp kostanti ta' dawk il-mezzi ta' komunikazzjoni jeħtieġ li jiġu definiti prinċipji li huma validi anke għal dawk il-mezzi li għadhom mhumiex f'użu ġenerali. Għalhekk, kuntratti b'distanza huma dawk li l-offerta, n-negozjati u l-konklużjoni tagħhom jitwettqu b'distanza.

(16) Kuntratt singolu li jinvolvi operazzjonijiet suċċessivi jew operazzjonijiet separati ta' l-istess natura mwettqa tul iż-żmien jista' jkun suġġett għal trattament legali differenti fl-Istati Membri differenti, imma huwa importanti li din id-Direttiva tiġi applikata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. Għal dak l-iskop, huwa approprjat li din id-Direttiva għandha tiġi kunsidrata li tapplika għall-ewwel minn serje ta' operazzjonijiet suċċessivi jew operazzjonijiet separati ta' l-istess natura mwettqa tul iż-żmien li jistgħu jiġu kunsidrati bħala li jiffurmaw entità sħiħa, irrispettivament minn jekk dik l-operazzjoni jew serje ta' operazzjonijeit hija s-suġġett ta' kuntratt singolu jew diversi kuntratti suċċessivi.

(17) "Ftehim inizjali ta' servizz" jista' jiġi kunsidrat bħala per eżempju l-ftuħ ta' kont tal-bank, l-akkwist ta' karta ta' kreditu, il-konklużjoni ta' kuntratt ta' amministrazzjoni ta' portfolio, u "operazzjonijiet" jistgħu jiġu kunsidrati bħala per eżempju id-depożitu jew l-irtirar ta' fondi lejn jew mill-kont tal-bank, ħlas b'karta ta' kreditu, operazzjonijiet magħmula fil-kwadru ta' kuntratt ta' amministrazzjoni ta' portfolio.. Iż-żieda ta' elementi ġodda għal ftehim inizjali ta' servizz, bħall-possibiltà li jintuża strument elettroniku ta' ħlas flimkien mal-kont tal-bank proprju eżistenti, ma jikkostitwix "operazzjoni" imma kuntratt addizzjonali li tapplika għalih din id-Direttiva. Is-sottoskrizzjoni għal unitajiet ġodda ta' l-istess fond ta' investiment kollettiv huwa kunsidrat bħala wieħed mill -"operazzjonijiet suċċessivi ta' l-istess natura".

(18) Billi tiġi koperta skema ta' provvista ta' servizzi organizzata mill-provveditur tas-servizzi finanzjarji, din id-Direttiva timmira biex teskludi mill-qasam ta' applikazzjoni tagħha servizzi provduti fuq bażi strettament okkażjonali u barra struttura kummerċjali dedikata għall-konklużjoni ta' kuntratti b'distanza.

(19) Il-fornitur huwa l-persuna li tipprovi servizzi b'distanza. Din id-Direttiva għandha madanakollu tapplika meta wieħed mill-istadji tat-tqegħid fis-suq jinvolvi intermedjarju. B'qies għan-natura u l-grad ta' dak l-involviment, id-disposizzjonijiet pertinenti ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw għal dan l-intermedjarju, irrispettivament mill-istatut legali tiegħu jew tagħha.

(20) Medji li jservu jinkludu b'mod partikolari floppy discs, CD-ROMS, DVDS u l-hard drive tal-kompjuter tal-konsumatur li fuqu tinħażen il-posta elettronika, imma ma jinkludux websites fuq l-Internet sakemm ma jissodisfawx il-kriterji li jinsabu fid-definizzjoni ta' medja li sservi.

(21) L-użu ta' mezz ta' komunikazzjonijiet b'distanza m' għandux iwassal għal restrizzjoni mhux garantita fuq l-informazzjoni provduta lill-klijent. Fl-interessi ta' trasparenza din id-Direttiva tistabbilixxi l-ħtiġiet meħtieġa sabiex jiġi assigurat li jiġi provdut livell approprjat ta' informazzjoni lill-konsumatur kem qabel u wara l-konklużjoni ta' kuntratt. Il-konsumatur għandu jirċievi, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-informazzjoni minn qabel meħtieġa sabiex ikunu jista jivvaluta sewwa s-servizz finanzjarju offert lilu u għalhekk jagħmel għażla infurmata tajjeb.Il-fornitur għandu jispeċifika għal kemm tapplika l-offerta tiegħu preżenti.

(22) Partiti ta' informazzjoni elenkati f'din id-Direttiva jkopru informazzjoni ta' natura ġenerali applikabbli għal kull tip ta' servizz finanzjarju. Ħtiġiet oħrajn ta' informazzjoni li jikkonċernaw servizz finanzjarju partikolari, bħall kopertura ta' politika ta' assigurazzjoni, mhumiex biss speċifikati f'din id-Direttiva. Din it-tip ta' informazzjoni għandha tiġi provduta skond, meta applikabbli, leġislazzjoni Komunitarja jew leġislazzjoni nazzjonali rilevanti in konformità mal-liġi Komunitarja.

(23) Bl-iskop ta' protezzjoni ottima tal-konsumatur, huwa importanti li l-konsumatur huwa infurmat b'mod adegwat bid-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva u b'kull kodiċi ta' kondotta eżistenti f'dan il-qasam u li hu għandu dritt li jirtira.

(24) Meta d-dritt ta' rtirar ma japplikax minħabba li l-konsumatur ikun talab espressament it-twettieq ta' kuntratt, il-fornitur għandu jinforma lill-konsumatur b'dan il-fatt.

(25) Il-Konsumaturi għandhom jiġu protetti kontra servizzi mhux mitluba. Konsumaturi għandhom ikunu ezentati minn kull obbligu fil-każ ta' servizzi mhux mitluba, u l-assenza ta' risposta ma tinftiehemx bħala li tfisser kunsens minn naħa tagħhom. Madankollu, din ir-regola għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-tiġdid taċitu ta' kuntratti konklużi b'mod validu bejn il-partijiet kull meta l-liġi ta' l-Istati Membri tippermetti dan it-tiġdid taċitu.

(26) L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri approprjati biex jipproteġu effettivament lil konsumaturi li ma jixtiequx jiġu kuntattati permezz ta' ċerti mezzi ta' komunikazzjoni jew f'ċerti ħinijiet. Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji partikolari disponibbli lil konsumaturi taħt leġislazzjoni Komunitarja li tikkonċerna l-protezzjoni ta' data personali u privatezza.

(27) Bl-iskop tal-protezzjoni ta' konsumaturi, hemm il-bżonn għal proċeduri adattati u effettivi għal ilmenti u rimedji fl-Istati Membri bl-iskop li jiġu riżoluti tilwimiet potenzjali bejn fornituri u konsumaturi, billi jintużaw, meta approprjat, proċeduri eżistenti.

(28) L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu korpi pubbliċi jew privati stabbiliti bl-iskop li jiġu riżoluti tilwimiet barra l-qorti sabiex ikun hemm koperazzjoni fir-riżoluzzjoni ta' tilwimiet tul il-fruntieri. Din il-koperazzjoni għandha tinvolvi b'mod partikolari li konsumaturi jitħallew jissottomettu lil korpi extraġudizzjarji fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom ilmenti li jikkonċernaw fornituri stabbiliti fi Stati Membri oħrajn. L-istabbiliment ta' kwistjonijiet FIN-NET żied assistenza lil konsumaturi meta jużaw servizzi tul il-fruntieri.

(29) Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal estenzjoni mill-Istati Membri, skond il-liġi Komunitarja, ta' protezzjoni prevista b'din id-Direttiva għal organizzazzjonijiet mhux ta' profitt u persuni li jagħmlu użu minn servizzi finanzjarji sabiex isisru entrepreneurs.

(30) Din id-Direttiva għandha wkoll tkopri każijiet fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tinkludi l-kunċett ta' konsumatur li jagħmel dikjarazzjoni kontrattwali li torbot.

(31) Id-disposizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar l-għażla tal-lingwa tal-fornitur għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' leġislazzjoni nazzonali, adottati in konformità mal-liġi Komunitarja li tirregola l-għażla ta' lingwa.

(32) Il-Komunità u l-Istati Membri daħlu f'impenni fil-kuntest tal-Ftehim Ġenerali dwar in-Negozju f'Servizzi (GATS) li jikkonċernaw il-possibiltà għal konsumaturi li jixtru servizzi bankarji u ta' investiment barra. Il-GATS jintitola lil Stati Membri biex jadottaw miżuri għal raġunijiet prudenti, inklużi miżuri għall-protezzjoni ta' investituri, depositaturi, titolari tal-poloz u persuni li likhom hu dovut servizz finanzjarju mill-fornitur tas-servizz finanzjarju. Dawn il-miżuri m għandhomx jimponu restrizzjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex tiġi assigurata protezzjoni tal-konsumaturi.

(33) Bl-iskop ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, il-qasam ta' applikazzjoni tad-Direttiva 97/7/KE u d-Direttiva 98/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 1998 dwar talbiet għall-protezzjoni ta' l-interessi tal-konsumaturi [7] u l-iskop tal-perjodu ta' kanċellament fid-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE tat-8 ta' Novembru 1990 dwar il-kordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal assigurazzjoni diretta tal-ħajja, li jistabbilixxu disposizzjonijiet għall-faċilitazzjoni ta' l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu provduti servizzi [8] għandhom jiġu adattati.

(34) Ladarba l-miri ta' din id-Direttiva, l-iktar l-istabbiliment ta' regoli komuni dwar it-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji tal-konsumaturi ma jistgħux jintlaħqu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk jintlaħħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipji ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-għan u l-qasam ta' l-applikazzjoni

1. L-għan ta' din id-Direttiva hija li jiġu approssimati l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrativi ta' l-Istati Membri li jikkonċernaw it-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji tal-konsumatur.

2. Fil-każ ta' kuntratti għal servizzi finanzjarji li jinkludu ftehim inizjali ta' servizz segwit b'operazzjonijiet suċċessivi jew serje ta' operazzjonijiet separati ta' l-istess natura mwettqa tul iż-żmien, id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw biss għall-ftehim inizjali.

Fil-każ li ma jkun hemm ebda ftehim inizjali ta' servizz imma l-operazzjonijiet suċċessivi jew l-operazzjonijeit separati ta' l-istess natura mwettqa tul iż-żmien jitwettqu bejn l-istess partijiet kontraenti. Meta, madankollu, ebda operazzjoni ta' l-istess natura ma titwettaq għal iktar minn sena, l-operazzjoni li jmiss titqies li tkun l-ewwel f'serje ġdida ta' operazzjonijiet u, għalhekk, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 u 4.

Artikolu 2

Id-Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "kuntratt b'distanza" jfisser kull kuntratt li jikkonċerna servizzi finanzjarji konklużi bejn il-fornitur u konsumatur taħt skema organizzata ta' distanza ta' bejgħ jew provvista ta' servizzi mill-fornitur, li, għall-iskop ta' dak il-kuntratt, jagħmel użu esklużiv ta' mezz wieħed jew iktar ta' komunikazzjoni ta' distanza sa u inkluż iż-żmien li fih huwa konkluż il-kuntratt.

(b) "servizz finanzjarju" jfisser kull servizz ta' natura bankarja, ta' kreditu, ta' assigurazzjoni, ta' pensjoni personali, ta' investiment jew ta' ħlas;

(ċ) "fornitur" ifisser kull persuna fiżika jew ġuridika, pubblika jew privata, li waqt li taġixxi fil-kapaċità kummerċjali jew professjonali tagħha, hija l-provveditriċi kontrattwali ta' servizzi soġġetta għal kuntratti b'distanza;

(d) "konsumatur" ifisser kull persuna fiżika li, f'kuntratti b'distanza koperti b'din id-Direttiva, taġixxi għal skopijiet li huma barra n-negozju, l-kummerċ jew il-professjoni tagħha;

(e) "mezz ta' komunikazzjoni b'distanza" tirreferi għal kwalunkwe mezz li, mingħajr il-preżenza fiżika simultaneja tal-fornitur u l-konsumatur, jista' jintuża għat-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizz bejn dawk il-partijiet;

(f) "medja li sservi" tfisser kull strument li tippermetti lill-konsumatur jaħżen informazzjoni personalment indirizzata lilu b'mod aċċessibbli għal referenza futura għal perjodu ta' żmien adegwat għall-iskopijiet ta' l-informazzjoni u li tippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula ta' l-informazzjoni maħżuna;

(g) "operatur jew fornitur ta' mezz ta' komunikazzjoni b'distanza" jfisser kull persuna pubblika jew privata, fiżika jew ġuridika li n-negozju, l-kummerċ jew il-professjoni tagħha jinvolvu li mezz wieħed jew iktar ta' komunikazzjoni jkunu disponibbli għall-fornituri.

Artikolu 3

Informazzjoni lill-konsumatur qabel il-konklużjoni ta' kuntratt b'distanza

1. Fi żmein tajjeb qabel ma l-konsumatur jintrabat b'xi kuntratt ta' distanza jew offerta, għandu jiġi provdut bl-informazzjoni li ġejja li tikkonċerna:

(1) l-fornitur

(a) l-identità u l-kummerċ ewlieni tal-fornitur, l-indirizz ġeografiku li fih hu stabbilit il-fornitur u kull indirizz ġeografiku ieħor għar-relazzjonijiet tal-konsumatur mal-fornitur;

(b) l-identità tar-rappreżentant tal-fornitur stabbilit fl-Istat Membru ta' residenza tal-konsumatur u l-indirizz ġeografiku rilevanti għar-relazzjonijiet tal-klijent mar-rappreżentant, jekk dan ir-rappreżentant jeżisti;

(ċ) meta t-trattamenti tal-konsumatur huma ma kwalunkwe professjonaista li mhuwiex il-fornitur, l-identità ta' dan il-professjonista, il-kapaċità li fiha qed jaġixxi vis-à-vis il-konsumatur, u l-indirizz ġeografiku rilevanti għar-relazzjonijiet tal-klijent ma' din il-professjonista;

(d) meta l-fornitur huwa rreġistrat f'negozju jew reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tan-negozju li fih huwa iskritt il-fornitur u n-numru ta' reġistrazzjoni tiegħu jew mezz ekwivalenti ta' identifikazzjoni f'dak ir-reġistru;

(e) meta l-attività tal-fornitur hija soġġetta għal skema ta' awtorizzazzjoni, id-dettalji ta' l-awtorità ta' sorveljanza rilevanti;

(2) is-servizz finanzjarju

(a) deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tasservizz finanzjarju;

(b) il-prezz totali li għandu jitħallas mill-konsumatur lill-fornitur għas-servizz finanzjarju, inklużi l-ħlasijiet, il-piżijiet u l-ispejjeż kollha relatati, u t-taxxi kollha mħallsa permezz tal-fornitur jew, meta ma jistax jiġi indikat prezz eżatt, il-bażi għall-kalkolu tal-prezz li jippermetti lil-konsumatur jivverifikah;

(ċ) meta rilevanti notifika li tindika li s-servizz finanzjarju huwa relatat għal strumenti li jinvolvu riskji speċjali relatati għall-fatturi speċifiċi tagħhom jew l-operazzjonijiet li għandhom jiġu eżegwiti jew li l-prezz tagħhom jiddependi fuq movimenti fis-swieq finanzjarji barra l-kontroll tal-fornitur u li twettieq storiku mhuwiex indikatur għal twettieq futur;

(d) notifika tal-possibiltà li jistgħu jeżistu taxxi u/jew spejjeż oħra li mhumiex imħallsa permezz tal-fornitur jew imposti minnu;

(e) kull limitazzjoni tal-perjodu li għalih hija valida l-informazzjoni provduta;

(f) l-arranġamenti għal ħlas u għal twettieq;

(ġ) kull spiża speċifika addizzjonali għall-konsumatur biex juża l-mezz ta' komunikazzjoni b'distanza, jekk tintalab din l-ispiża addizzjonali;

(3) il-kuntratt b'distanza

(a) l-eżistenza jew l-assenza ta' dritt ta' rtirar skond l-Artikolu 6 u, meta jeżisti d-dritt ta' rtirat, id-dewmien tiegħu u l-kondizzjonijiet biex jiġi eżerċitat, inkluża informazzjoni dwar l-ammont li l-konsumatur jista' jkun meħtieġ li jħallas abbażi ta' l-Artikolu 7(1), kif ukoll il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' eżerċizzju ta' dak id-dritt;

(b) id-dewmien minimu tal-kuntratt ta' distanza fil-każ ta' servizzi finanzjarji li għandhom jitwettqu permanentement jew ripetutament;

(ċ) informazzjoni dwar kull dritt li l-partijiet jista' jkollhom jitterminaw il-kuntratt kmieni jew unilateralment permezz tal-kondizzjonijeit tal-kuntratt ta' distanza, inkużi xi penalitajiet imposti mill-kuntratt f'dawn il-każijiet;

(d) istruzzjonijiet prattiċi għall-eżerċizzju tad-dritt ta' irtirar li jindikaw, inter alia, l-indirizz li lilu għandha tintbagħat in-notifika ta' l-irtirar.

(e) l-Istat jew Stati Membri li l-liġijiet tagħhom jittieħdu mill-fornitur bħala bażi għall-istabbiliment ta' relazzjonijiet mal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt b'distanza;

(f) kull klawżola kuntrattwali dwar liġi applikabbli għall-kuntratt ta' distanza u/jew qorti kompetenti;

(g) f'liema lingwa, jew lingwi,it-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali, u l-informazzjoni ta' qabel imsemmija f'dan l-Artikolu huma forniti, u barra minn hekk f'liema lingwa, jew lingwi, il-forntiur, bil-ftehim tal-konsumatur, jieħu fuqu li jikkomunika tul id-durata tal-kuntratt b'distanza;

(4) rimedji

(a) jekk hemm jew m'hemmx mekkaniżmu ta' ilment barra l-qorti u rimedju għall-konsumatur li huwa parti għall-kuntratt b'distanza u, jekk ikun il-każ, il-metodi biex wieħed ikollu aċċess għalih;

(b) l-eżistenza ta' fondi ta' garanzija jew arranġamenti oħra ta' kumpens, mhux koperti bid-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar l-iskemi ta' garanzija ta' depożitu [9] u d-Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 1997 dwar skemi ta' kumpens ta' investitur [10].

2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, li l-iskop kummerċjali tagħha għandu jkun ċar, għandha tiġi provduta b'mod ċar u li jinftiehem fi kwalunkwe mod approprjat għall-mezz ta' komunikazzjoni b'distanza użat, b'qies dovut, b'mod partikolari, għall-prinċipji ta' fidi tajba f'operazzjonijiet kummerċjali, u l-prinċipji li jirregolaw il-protezzjoni ta' dawk li ma jistgħux, skond il-leġislazzjoni ta' l-Istati Membri, jagħtu l-kunsens tagħhom, bħal minuri.

3. Fil-każ ta' komunikazzjonijiet ta' telefonija bil-vuċi:

(a) l-identità tal-fornitur u l-iskop kummerċjali tas-sejħa mibdija mill-fornitur għandhom ikunu magħmula espliċitament ċari fil-bidu ta' kwalunkwe konverżazzjoni mal-konsumatur;

(b) soġġett għall kunsen espliċitu tal-konsumatur biss l-informazzjoni li ġejja għandha tingħata:

- l-identità tal-persuna f'kuntatt mal-konsumatur u r-rabta tagħha mal-fornitur,

- deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenija tas-servizz finanzjarju,

- il-prezz totali li għandu jitħallas mill-konsumatur lill-fornitur għas-servizz finanzjarju inklużi t-taxxi kollha mħallsa permezz tal-fornitur jew, meta ma jistax jiġi indikat il-prezz eżatt, il-bażi għall-kalkolu tal-prezz li jippermetti lill-konsumatur jivverifikah,

- notifika tal-possibiltà li jistgħu jeżistu taxxi u/jew spejjeż oħra li mhumiex imħallsa permezz tal-fornitur jew impostiminnu,

- l-eżistenza jew l-assenza ta' dritt ta' rtirar skond l-Artikolu 6 u, meta jeżisti d-dritt ta' rtirar, id-dewmien tiegħu u l-kondizzjonijiet biex jiġi eżerċitat, inkluża informazzjoni dwar l-ammont li l-konsumatur jista' jkun meħtieġ iħallas abbażi ta' l-Artikolu 7(1).

Il-fornitur għandu jinforma lill-konsumatur li informazzjoni oħra hija disponibbli fuq talba u ta' liema natura hi din l-informazzjoni. Fi kwalunkwe każ il-fornitur għandu jipprovdi l-informazzjoni kompleta meta jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 5.

4. Informazzjoni dwar obbligi kontrattwali, li għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur tul il-fażi prekontrattwali, għandha tkun in konformità ma' l-obbligi kontrattwali li kienu jirriżultaw mil-liġi presunta li tkun applikabbli għall kuntratt b'distanza jekk ta' l-aħħar kienu konklużi.

Artikolu 4

Ħtiġiet addizzjonali ta' informazzjoni

1. Meta hemm disposizzjonijiet fil-leġislazzjoni Komunitarja li jirregolaw servizzi finanzjarji li jikkontjneu ħtiġiet ta' informazzjoni minn qabel addizzjonali għal dawk elenkati fl-Artikolu 3(1), dawn il-ħtiġiet għandhom jibqgħu japplikaw.

2. Fl-istennija ta' iktar armonizzazzjoni, Stati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu disposizzjonijiet iktar strinġenti dwar ħtiġiet addizzjonali ta' informazzjoni meta d-disposizzjonijiet huma in konformità mal-liġi Komunitarja.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni disposizzjonijet nazzjonali dwar ħtiġiet ta' informazzjoni minn qabel taħt il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu meta dawn il-ħtiġiet huma addizzjonali għal dawk elenkati fl-Artikolu 3(1). Il-Kummissjoni għandhom jieħdu kont tad-disposizzjonijiet nazzjonali kkomunikati meta jfasslu r-rapport imsemmi fl-Artikolu 20(2)

4. Il-Kummissjoni għandha, bl-iskop li tikkrea livell għoli ta' trasparenza bil-mezzi kollha approprjati, tassigura li informazzjoni, dwar id-disposizzjonijiet nazzjonali kkomunikati lilha, tkun disponibbli lill-konsumaturi u lill-fornituri kollha.

Artikolu 5

Komunikazzjoni tat-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali u ta' l-informazzjoni minn qabel.

1. Il-fornitur għandu jikkomunika lill-konsumatur it-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali kollha u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4 bil-miktub u fuq kull medja oħra li sservi disponibbli u aċċessibbli għall-konsumatur fi żmien tajjeb qabel ma l-konsumatur ikun marbut bi kwalunkwe kuntratt ta' distanza jew offerta.

2. Il-fornitur għandu jissodisfa l-obbligu tiegħu taħt il-paragrafu 1 immedjatament wara l-konklużjoni tal-kuntratt, jekk il-kuntratt ikun ġie konkluż fuq it-talba tal-konsumatur bl-użu ta' mezz ta' komunikazzjoni b'distanza li ma tippermettix li jiġu pprovduti termini u kondizzjonijiet kontrattwali u l-informazzjoni in konformità mal-paragrafu 1.

3. Fi kwalunkwe ħin tul ir-relazzjoni kuntrattwali il-konsumatur huwa intitolat, fuq it-talba tiegħu, jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet kuntrattwali bil-miktub. Barra minn hekk, il-konsumatur huwa intitolat ibiddel il-mezz ta' komunikazzjoni b'distanza wżat, sakemm dan ma jkunx inkompatibbli mal-kuntratt konkluż jew man-natura tas-servizz finanzjarju.

Artikolu 6

Id-dritt ta' rtirar.

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumatur ikollu perjodu ta' 14-il jum skond il-kalendarju biex jirtira mill-kuntratt mingħajr penalità u mingħajr ma jagħti raġuni. Madanakollu, dan il-perjodu għandu jiġi estiż għal 30 jum skond il-kalendarju f'kuntratti ta' distanzi li jirrelataw għal assigurazzjoni tal-ħajja koperti bid-Direttiva 90/619/KEE u operazzjonijiet personali ta' pensjoni.

Il-perjodu għall-irtirar għandu jibda:

- jew mill-jum tal-konklużjoni tal-kuntratt b'distanza, ħlief fir-rigward ta' l-imsemmija assigurazzjoni tal-ħajja, meta l-limiu ta' żmien jibda minn meta l-konsumatur hu infurmat li l-kuntratt b'distanza ġie konkluż, jew

- mill-jum li fih il-konsumatur jirċievi t-termini u l-kondizzjonijiet kontrattwali u l-informazzjoni skond l-Artikolu 5(1) jew (2), jekk dan hu iktar tard mid-data msemmija fl-ewwel inċiż.

L-Istati Membri, barra mid-dritt ta' rtirar, jistgħu jipprovdu li l-applikabilità ta' kuntratti li jirrelataw għal servizzi ta'investiment tiġi sospiża għall-istess perjodu previst f'dan il-paragrafu.

2. Id-dritt ta' rtirar m' għandux japplika għal:

(a) servizzi finanzjarji li l-prezz tagħhom jiddependi fuq movimenti fis-suq finanzjarju barra l-kontroll tal-fornituri, li jistgħu iseħħu tul il-perjodu ta' rtirar, bħal servizzi relatati għal:

- kambju,

- strumenti tas-suq tal-flus,

- titoli trasferibbli,

- unitajiet f'intrapriżi ta' investiment kollettiv,

- kuntratti ta' futuri finanzjarji, inklużi strumenti ewkivalenti riżoluti bil-kontanti,

- ftehim bil-quddiem b'rati ta' imgħax (FRAs),

- skambji ta' rata ta' imgħax, munita u ekwità,

- għażliet għall-akwiżizzjoni jew id-disponiment ta' kwalunkwe strumenti msemmija f'dan il-punt inklużi strumenti ekwivalenti riżoluti bil-kontanti. Din il-kategorija tinkludi b'mod partikolari għażliet dwar munita u rati ta' imgħax;

(b) poloz ta' l-assigurazzjoni ta' l-ivvjaġġar u tal-bagalji jew poloz ta' l-assigurazzjoni simili għal żmien qasir ta' inqas minn xahar;

(ċ) kuntratti li t-twettieq tagħhom ġie kompletat bis-sħiħ miż-żewġ partijiet fuq it-talba espressa tal-konsumatur qabel ma l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta' rtirar.

3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-dritt ta' rtirar m' għandux japplika għal:

(a) kwalunkwe kreditu maħsub primarjament għall-iskop ta' akwiżizzjoni jew żamma ta' drittijiet ta' proprjetà fl-art jew f'bini eżistenti jew ipproġettat, jew għall-iskop ta' rinovazzjoni jew titjib ta' bini, jew

(b) kull kreditu assigurat jew b'ipoteka fuq proprjetà immobbli jew bi dritt relatat għal proprjetà immobbli, jew

(ċ) dikjarazzjonijeit minn konsumaturi li jużaw servizzi ta' uffiċjal, sakemm dak l-uffiċjal jikkonfirma li l-konsumatur huwa garantit id-drittijiet taħt l-Artikolu 5(1).

Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' ħin ta' riflessjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi li huma resdienti f'dawk l-Istati Membri fejn jeżisti, fil-ħin ta' –adozzjoni ta' din id-Direttiva.

4. L-Istati Membri li jagħmlu użu mill-possibiltà stabbilita fil-paragrafu 3 għandhom jikkomunikawha lill-Kummissjoni.

5. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibli l-informazzjoni kkomunikata mill-istati Membri lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tassigura li din hija wkoll disponibbli lil konsumaturi u fornituri li jitolbuha.

6. Jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta' irtirar għandu, qabel l-iskadenza tad-data perentorja rilevanti, jinnotifika l-istruzzjonijiet prattiċi li ġejjin mogħtija lilu skond l-Artikolu 3(1)(3)(d) b'mezzi li jistgħu jiġu ppruvati skond il-liġi nazzjonali. Iż-żmien perentorju għandu jitqies li ġie osservat jekk in-notifika, jekk hi bil-miktub jew fuq medja oħra li sservi disponibbli u aċċessibbli għar-reċipjent, tintbagħat qabel ma jiskadi ż-żmien perentorju.

7. Dan l-Artikolu ma japplikax għal arranġamenti ta' kreditu kanċellati taħt il-kondizzjonijiet ta' l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 97/7/KE jew l-Artikolu 7 tad-Direttiva 94/47/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 1994 dwar il-protezzjoni ta' xerrejja fir-rigward ta' ċerti aspetti ta' kuntratti li jirrelataw għax-xiri tad-dritt li jintużaw proprjetajiet immobbli fuq bażi ta' timeshare [11].

Jekk jiġi anness ma' kuntratt ta' distanza ta' servizz finanzjarju partikolari kuntratt ieħor ta' distanza li jikkonċerna servizzi provdut mill-fornitur jew minn parti terza abbażi ta' ftehim bejn il-parti terza u l-fornitur, dan il-kuntratt ta' distanza addizzjonali għndu jiġi kkanċellat, mingħajr ebda penalità jekk il-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta' rtirar kif previst fl-Artikolu 6(1).

8. Id-disposizzjonijiet ta' dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri li jirregolaw il-kanċellazzjoni jew it-terminazzjoni jew non-applikabilità ta' kuntratt ta' distanza jew id-dritt ta' konsumatur li jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tiegħu qabel iż-żmien iffissat fil-kuntratt ta' distanza. Dan japplika irrispettivament mill-kondizzjonijeit għal u l-effetti legali ta' l-egħluq tal-kuntratt.

Artikolu 7

Il-Ħlas tas-servizz ipprovdut qabel l-irtirar

1. Meta l-konsumatur jeżerċita d-dritt tiegħu ta' rtirar taħt l-Artikolu 6(1) jista' biss ikun meħtieġ iħallas, mingħajr dewmien mhux dovut, għas-servizz attwalment provdut mill-fornitur skond il-kuntratt. It-twettieq tal-kuntratt jista biss jibda wara li l-konsumatur iku ta l-approvazzjoni tiegħu. L-ammont pagabbli m' għandux:

- jeċċedi ammont li hu proporzjonali għas-servizz diġà provdut b'paragun tal-kopertura sħiħa tal-kuntratt,

- fi kwalunkwe każ li jista' jinftiehem bħala penalità.

2. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-konsumatur ma jistax ikun meħtieġ iħallas kwalunkwe ammont meta jirtira minn kuntratt ta' assigurazzjoni.

3. Il-fornitur ma jistax jeħtieġ lill-konsumatur iħallas kwalunkwe ammont abbażi tal-paragrafu 1 sakemm am jistax jipprova li l-konsumatur kien infurmat kif dovut bl-ammont pagabbli, in konformità ma' l-Artikolu 3(1)(3)(a). Madanakollu, f'ebda każ ma jista' jeħtieġ dan il-ħlas jekk ikun beda t-twettieq tal-kuntratt qabel l-iskadenza tal-perjodu ta' rtirar previst fl-Artikolu 6(1) mingħajr it-talba minn qabel tal-konsumatur.

4. Il-fornitur għandu, mingħajr dewmein mhux dovut u sa mhux iktar minn 30 jum skond il-kalendarju, jirritorna lill-konsumatur kull somma li jkun irċieva mingħandu skond il-kuntratt ta' distanza, ħlief għall-ammont imsemmi fil-paragrafu 1. Dan il-perjodu għandu jibda mill-jum li fih il-fornitur jirċievi n-notifika ta' l-irtirar.

5. Il-konsumatur għandu jirritorna lill-fornitur kwalunkwe somma u/jew proprjetà li jkun irċieva mill-forntiur mingħajr dewmien mhux dovut u sa mhux iktar tard minn 30 jum skond il-kalendarju.Dan il-perjodu għandu jibda mill-jum li fih il-konsumatur jibgħat in-notifika ta' l-irtirar.

Artikolu 8

Ħlas bil-karta

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jeżistu mezzi approprjati sabiex jippermettu lil konsumatur:

- jitlob kanċellazzjoni ta' ħlas meta jkun sar użu frawdolenti mill-karta tal-ħlas tiegħu in konnessjoni ma' kuntratti ta' distanza,

- fil-każ ta' dan l-użu frawdolenti, li jerġa' jiġi akkreditat bis-somma mħallsa jew ikunu ritornati.

Artikolu 9

Servizzi mhux mitluba

Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta' l-Istati Membri dwar it-tiġdid taċitu ta' kuntratti ta' distanza, meta dawn ir-regoli jippermettu tiġdid taċitu, Stati Membri għandhom jieħdu miżuri neċessarji sabiex:

- jipprojbixxu l-fornitura ta' servizzi finanzjarji lil konsumatur mingħajr talba minn qabel fuq il-parti tiegħu, meta din il-fornitura tinkludi talba għal ħlas immedjat jew diferit,

- jeżenta l-konsumatur minn kull obbligu fil-każ ta' fornituri mhux mitluba, u l-assenza ta' tweġiba ma tikkostitwix kunsens.

Artikolu 10

Komunikazzjonijiet mhux mitluba

1. L-użu minn forntiur tat-tekniċi ta' komunikazzjoni ta' distanza li ġejjin għandu jeħtieġ il-kunsens minn qabel tal-konsumatur:

(a) sistemi awtomatiċi ta' sejħa mingħajr intervenzjoni umana (makkinarji awtomatiċi li jsejħu);

(b) magni tal-fax.

2. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li mezzi ta' komunikazzjoni ta' distanza barra dawk imsemmija fil-paragrafu 1, meta jippermettu komunikazzjonijiet individwali:

(a) m' għandhomx ikunu awtorizzati sakemm il-kunsens tal-konsumaturi kkonċernati ma jkunx ġie ottenut, jew

(b) jistgħu biss jintużaw jekk il-konsumatur ma jkunx esprima l-oġġezzjoni manifesta tiegħu.

3. Il-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m' għandhomx jinvolvu spejjeż għal konsumaturi.

Artikolu 11

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet approprjati fil-każ ta' nuqqas ta' fornitur li jikkonforma ma' disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva.

Jistgħu jipprovdu għal dan l-iskop b'mod partikolari li l-konsumatur jista' jikkanċella l-kuntratt fi kwalunkwe ħin, b'xejn u mingħajr penalità.

Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonali u dissważivi.

Artikolu 12

In-natura imperattiva tad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva

1. Il-Konsumaturi ma jistgħux iwarrbu d-drittijiet konferiti lilhom b'din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li l-konsumatur ma jitlifx il-protezzjoni mogħtija b'din id-Direttiva permezz ta' l-għażla tal-liġi ta' pajjiż mhux membru bħala l-liġi applikabbli għall-kuntratt, jekk dan il-kuntratt ikollu rabta mill-qrib mat-territorju ta' Stat membru wieħed jew iktar

Artikolu 13

Rimedji ġudizzjarji u amministrattivi

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li jeżistu mezzi adegwati u effettivi sabiex jassiguraw konformità ma' din id-Direttiva fl-interessi ta' konsumaturi.

2. Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li permezz tagħhom korp wieħed jew iktar milli ġejjin, kif determinat bil-liġi nazzjonali, jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali quddiem il-qrati jew il-korpi amministrativi kompetenti sabiex jiġi assigurat li d-disposizzjonijeit nazzjoanli għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva huma applikati:

(a) korpi pubbliċi jew ir-rappreżentanti tagħhom;

(b) organizzazzjonijiet tal-konsumaturi li jkollhom interess leġittimu fil-protezzjoni tal-konsumaturi;

(ċ) organizzazzjonijiet professjonali li jkollhom interess leġittimu f'li jaġixxu.

3. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li operaturi u fornituri ta' mezzi ta' komunikazzjoni b'distanza iġibu fit-tmiem prattiċi li ġew dikjarati bħala kuntrarji għal din id-Direttiva, abbażi ta' deċiżjoni ġudizzjarja, deċiżjoni amministrattiva jew deċiżjoni maħruġa minn awtorità ta' sorveljanza notifikata lilhom, meta dawn l-operaturi jew fornituri huma f'posizzjoni li jagħmlu dan.

Artikolu 14

Rimedju barra l-qorti

1. L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-istabbiliment jew l-iżvilupp ta' proċeduri ta' ilmenti u rimedji barra l-qorti adegwati u effettivi għar-riżoluzzjoni ta' tilwimiet ta' konsumaturi li jikkonċernaw servizzi finanzjarji provduti f'distanza.

2. L-Istati Membri għandhom, b'mod partikolari, jinkoraġġixxu lill-korpi responsabbli għal tilwimiet ta' riżoluzzjoni barra l-qorti sabiex jikkoperaw fir-riżoluzzjoni ta' tilwimiet tul il-fruntieri li jikkonċernaw servizzi finanzjarji provduti b'distanza.

Artikolu 15

Il-piż tal-prova

Mingħajr preġudizzju għal l-Artikolu 7(3), l-Istati Membri jistgħu jistipulawli l-piż tal-prova fir-rigward ta' l-obbligi tal-fornituri li jinfurmaw lill-konsumatur u l-konsens ta' konsumatur għal konklużjoni tal-kuntratt u, meta approprjat, it-twettieq tiegħu, jistgħu jitqiegħdu fuq il-fornitur.

Kwalunkwe terminu jew kondizzjoni li l-piż tal-prova tar-rispett mill-fornitur ta' l-obbligi kollha jew in parti li jaqgħu fuqu skond din id-Direttiva għandhom jibqgħu mal-konsumatur ikunu kondizzjoni inġusta fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta' April 1993 dwar kondizzjonijiet inġusti f'kuntratti tal-konsumaturi [12].

Artikolu 16

Miżuri transitorji

Stati Membri jistgħu jimponu regoli nazzjonali li huma in konformità ma' din id-Direttiva fuq fornituri stabbiliti fi Stat Membru li għadu ma ttrasponiex din id-Direttiva u li l-liġi tiegħu ma għandha ebda obbligi li jikkorrispondu għal dawk previsti f'din id-Direttiva.

Artikolu 17

Id-Direttiva 90/619/KE

Fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 90/619/KEE l-ewwel subparagrafu għandu jiġi sosttiwit b'dan li ġej:

"1. Kull Stat Membru għanu jippreskrivi li titolari ta' polza li jikkonkludi kuntratt individwali ta' assigurazzjoni tal-ħajja għandu jkollu perjodu ta' 30 jum skond il-kalendarju, minn meta kien infurmat li l-kuntratt ġie konkluż, biex fih jikkanċella l-kuntratt."

Artikolu 18

Id-Direttiva 97/7/KE

Id-Direttiva 97/7/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(1) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"— li jirrelataw għal kwalunkwe servizz finanzjarju li għalih tapplika d-Direttiva 202/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji tal-konsumatur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE [13],";

2. L-Anness II għandu jitħassar.

Artikolu 19

Id-Direttiva 98/27/KE

Il-punt li ġej għandu jiżdied ma' l-Anness tad-Direttiva 98/27/KE:

"11. Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b'distanza ta' servizzi finanzjarji tal-konsumatur u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE [14]."

Artikolu 20

Reviżjoni

1. Wara l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha teżamina l-funzjonament tas-suq intern f'servizzi finanzjarji fir-rigward tat-tqegħid fis-suq ta' dawk is-servizzi. Għandha tfittex li tanalizza u tiddettalja d-diffikultajiet li huma, jew jistgħu jiġu ffaċċjati minn kemm konsumaturi u fornituri, b'mod partikolari li joriġinaw minn differenzi bejn disposizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw informazzjoni u d-dritt ta' rtirar.

2. Sa mhux iktar tard mid-9 ta' April 2006 il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lil Kunsill dwar il-problemi li jiffaċċjaw kemm konsumaturi u fornituri li jixtiequ jixtru u jbiegħu servizzi finanzjarji, u għandha tissottometti, meta approprjat, proposti biex temenda u/jew tarmonizza aktar l-informazzjoni u d-dritt ta' rtirar ta' dispoizzjonijiet fil-leġislazzjoni Komunitarja li tikkonċerna servizzi u/jew dawk koperti fl-Artikolu 3.

Artikolu 21

It-Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mid-9 ta' Otubru 2004. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva u għandu jkollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex bihom issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet ewlenija tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva fl-imkien ma' tabella li turi kif id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkorrispondu għad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati.

Artikolu 22

Id-dħul fis-seħħ

Dan id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 23

Id-Destinatarji

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta' Settembru 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. Fischer Boel

[1] ĠU C 385, tal-11.12.1998, p. 10 uĠU C 177 E, tas-27.6.2000, p. 21.

[2] ĠU C 169, tas-16.6.1999, p. 43.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 1999 (ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 207), il-Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2001 (ĠU C 58 E tal-5.3.2002, p. 32) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Mejju 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

[4] ĠU L 178, tas-17.7.2000, p. 1.

[5] ĠU L 12, tas-16.1.2001, p. 1.

[6] ĠU L 144, ta' l-04.06.1997, p. 19.

[7] ĠU L 166, tal-11.6.1998, p. 51. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2000/31/KE (ĠU L 178, tas-17.7.2001, p. 1)

[8] ĠU L 330, tad-29.11.1990, p. 50. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/96/KEE (ĠU L 360, tad-9.12.1992, p. 1).

[9] ĠU L 135, tal-31.5.1994, p. 5.

[10] ĠU L 84, tas-26.3.1997, p. 22.

[11] ĠU L 280, tad-29.10.1994, p. 83.

[12] ĠU L 95, tal-21.4.1993, p. 29.

[13] ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16.

[14] ĠU L 271, tad-9.10.2002, p. 16.

--------------------------------------------------

Top