EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002F0584

Id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2002 fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri

OJ L 190, 18.7.2002, p. 1–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 19 Volume 006 P. 34 - 51
Special edition in Estonian: Chapter 19 Volume 006 P. 34 - 51
Special edition in Latvian: Chapter 19 Volume 006 P. 34 - 51
Special edition in Lithuanian: Chapter 19 Volume 006 P. 34 - 51
Special edition in Hungarian Chapter 19 Volume 006 P. 34 - 51
Special edition in Maltese: Chapter 19 Volume 006 P. 34 - 51
Special edition in Polish: Chapter 19 Volume 006 P. 34 - 51
Special edition in Slovak: Chapter 19 Volume 006 P. 34 - 51
Special edition in Slovene: Chapter 19 Volume 006 P. 34 - 51
Special edition in Bulgarian: Chapter 19 Volume 006 P. 3 - 20
Special edition in Romanian: Chapter 19 Volume 006 P. 3 - 20
Special edition in Croatian: Chapter 19 Volume 003 P. 83 - 100

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/03/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2002/584/oj

32002F0584



Official Journal L 190 , 18/07/2002 P. 0001 - 0020


Id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill

tat-13 ta' Ġunju 2002

fuq il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' ċediment bejn l-Istati Membri

(2002/584/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 31(a) u (b) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Billi:

(1) Skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-Tampere tal-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, u partikolarment il-punt 35 tagħhom, il-proċedura formali ta' l-estradizzjoni għandha tkun abolita fost l-Istati Membri fir-rigward ta' persuni li qed jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew mogħtija sentenza finali u proċeduri ta' l-estradizzjoni għandhom jiġu mħeffin fir-rigward ta' persuni suspettati li wettqu offiża.

(2) Il-programm ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet kriminali kkontemplat fil-punt 37 tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-Tampere u adottat mill-Kunsill fit-30 ta' Novembru 2000 [3], jindirizza l-kwistjoni ta' infurzar reċiproku ta' mandati ta' arrest.

(3) L-Istati Membri kollha jew xi wħud minnhom huma partijiet għal numru ta' konvenzjonijiet fil-qasam ta' l-estradizzjoni, inkluża l-Konvenzjoni Ewropea fuq l-estradizzjoni tat-13 ta' Diċembru 1957 u l-Konvenzjoni Ewropea fuq it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta' Jannar 1977. L-Istati Nordiċi għandhom liġijiet dwar l-estradizzjoni bi kliem identiċi.

(4) Barra dan, it-tiet Konvenzjonijiet li ġejjin li għandhom x' jaqsmu fl-intier jew f'parti tagħhom ma' l-estradizzjoni ġew miftehma bejn l-Istati Membri u jagħmlu parti mill-acquis ta' l-Unjoni: il-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim Schengen ta' l-14 ta'Ġunju 1985 fuq it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom [4] (fir-rigward ta' relazzjonijiet bejn l-Istati Membri li huma partijiet għal dik il-Konvenzjoni), il-Konvenzjoni ta' l-10 ta' Marzu 1995 fuq proċedura ta' estradizzjoni simplifikata bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea [5] u l-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea [6].

(5) L-għan stabbilit biex l-Unjoni ssir żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja jwassal għall-abolizzjoni ta' l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jbiddlu b'sistema ta' ċediment bejn awtoritajiet ġudizzjarji. 'Il fuq minn dan, l-introduzzjoni ta' sistema ġdida ssimplifikata ta' ċediment ta' persuni mogħtija sentenza jew suspettati ġħall-iskopijiet ta' eżekuzzjoni jew prosekuzzjoni ta' sentenzi kriminali jagħmel possibbli t-tneħħija tal-komplessità u potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta' l-estradizzjoni. Ir-relazzjonijiet tradizzjonali ta' koperazzjoni li eżistew s'issa bejn l-Istati Membri għandhom jiġu mibdula b'sistema ta' moviment liberu ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji fi kwistjonijiet kriminali, li tkopri kemm deċiżjonijiet qabel ma tinata' s-sentenza kif ukoll dawk finali, ġo żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja.

(6) Il-mandat ta' arrest Ewropew previst f'din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-"punt ta' referenza" tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

(7) Billi l-iskop tat-tibdil tas-sistema ta' estradizzjoni multilaterali mibnija fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta' Diċembru 1957 ma jistax jintlaħaq b'mod sodisfaċjenti mill-Istati Membri qed jaġixxu unilateralment u jista' għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jiġi milħuq aħjar fuq il-livell ta' l-Unjoni, il-Kunsill jista' jadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà msejjaħ fl-Artikolu 2 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu ta' l-aħħar, din id-Deċiżjoni Kwadru ma tmurx 'il hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.

(8) Deċiżjonijiet fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew għandhom ikunu suġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni fuq iċ-ċediment tiegħu jew tagħha

(9) Ir-rwol ta' awtoritajiet ċentrali fl-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew għandu jkun limitat lill-assistenza prattika u amministrattiva.

(10) Il-mekkaniżmu tal-mandat ta' arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta' kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista' jiġi sospiż biss fil-każ ta' vjolazzjoni serja u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, determinati mill-Kunsill skond l-artikolu 7(1) tat-Trattat imsemmi bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

(11) Fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, il-mandat ta' arrest Ewropew għandu jibdel kull istrument ta' qabel dwar l-estradizzjoni, inklużi d-disposizzjonijiet tat-Titolu III tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim Schengen li huma dwar l-estradizzjoni.

(12) Din id-Deċiżjoni Kwadru hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta ta' Drittijiet Fondamentali ta' l-Unjoni Ewropea [7], partikolarment il-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f'din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista' jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid ta' ċediment ta' persuna għal liema mandat ta' arrest Ewropew ġie maħruġ meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, fuq il-bażi ta' elementi oġġettivi, li l-mandat ta' arrest imsemmi ġie maħruġ għall-iskop tal-prosekuzzjoni jew kastig ta' persuna fuq ir-raġunijiet tas-sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta' dik il-persuna jista' jiġi ppreġudikat għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

Din id-Deċiżjoni Kwadru ma twaqqafx lil Stat Membru milli japplika r-regoli kostituzzjonali tiegħu relatati ma' proċess legali, libertà ta' assoċjazzjoni, libertà ta' l-istampa u libertà ta' espressjoni f'mezzi ta' komunikazzjoni tal-massa oħra.

(13) L-ebda persuna m'għandha tiġi mneħħija, espulsa jew estradita lil Stat fejn hemm riskju serju li tiġi assoġġettata għall-piena tal-mewt, għal tortura jew trattament jew piena inumana jew degradanti.

(14) Peress li l-Istati Membri kollha rratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 għall-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar awtomatiku ta' data persunali, id-data persunali pproċessata fil-kuntest ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tiġi protetta skond il-prinċipji ta' din il-Konvenzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

KAPITOLU 1

PRINĊIPJI ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew u l-obbligazzjoni li jiġi esegwit

1. Il-mandat ta' arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta' l-arrest u ċ-ċediment minn Stat Membru ieħor ta' persuna rikjesta, għall-iskopijiet tat-tmexxija ta' prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta' arrest Ewropew fuq il-bażi tal-priċipju ta' rikonoxximent reċiproku u skond id-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru.

3. Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta' drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Il-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew

1. Mandat ta' arrest Ewropew jista' jiġi maħruġ għal atti li huma punibbli mil-liġi ta' l-Istat Membru li joħorġu bi sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mill-inqas 12-il xahar jew, fejn sentenza ġiet mogħtija jew ordni ta' detenzjoni ġiet magħmula, għal sentenzi ta' mill-inqas erba' xhur.

2. L-offiżi li ġejjin, jekk huma punibbli fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bi sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni għal perjodu massimu ta' mill-inqas tlett snin u kif inhuma definiti mil-liġi ta' l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, għandhom, taħt it-termini ta' din id-Deċiżjoni Kwadru u mingħajr verifikazzjoni tal-kriminalità doppja ta' l-att, jwasslu għaċ-ċediment skond mandat ta' arrest Ewropew:

- il-parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali,

- it-terroriżmu,

- it-traffikar ta' bnedmin,

- l-isfruttament sesswali ta' tfal u l-pornografija tat-tfal,

- it-traffikar illeċitu fi drogi narkotiċi u sostanzi psikotropiċi,

- it-traffikar illeċitu f'armi, munizzjonijiet u splussivi,

- il-korruzzjoni,

- il-frodi, inkluż dak li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej fis-sens tal-Konvenzjoni tas-26 ta' Lulju 1995 fuq il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej,

- il-ħasil ta' flus ġejjin minn reati,

- l-iffalsifikar ta' munita, inkluża l-euro,

- ir-reati konnessi mal-kompjuters,

- ir-reati ta' l-ambjent, inkluż it-traffikar illeċitu fi speċi ta' annimali li huma fil-perikolu u fi speċi u varjietajiet ta' pjanti li huma fil-perikolu,

- il-faċilitazzjoni ta' dħul u residenza mhux awtorizzata,

- l-omiċidju, offiża gravi fuq il-persuna,

- il-kummerċ illeċitu f'organi u tessuti tal-bniedem,

- il-ħtif tan-nies, restrizzjoni illegali u l-ħtif ta' ostaġġi,

- ir-razziżmu u l-ksenofobija,

- is-serq organizzat jew bl-użu ta' armi,

- it-traffikar illeċitu f'merkanzija kulturali, inklużi l-anitkitajiet u xogħlijiet ta' l-arti,

- l-imbrolju,

- l-intrigi ta' qerq u l-estorsjoni,

- il-falsifikazzjoni u l-piraterija ta' prodotti,

- il-falsifikazzjoni ta' dokumenti amministrattivi u l-ittrafikar ta' dawn,

- il-falsifikazzjoni ta' mezzi ta' pagament,

- it-traffikar illeċitu fi sostanzi ta' l-ormoni u affarijiet oħra li jippromovu l-iżvilupp,

- it-traffikar illeċitu ta' materjali nukleari jew radjoattivi,

- it-traffikar ta' vetturi misruqa,

- l-istupru,

- il-ħruq ta' propjetà apposta,

- ir-reati li jaqaw fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

- il-qbid illegali ta' inġenji ta' l-ajru/vapuri,

- is-sabotaġġ.

3. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi fi kwalunkwe ħin, waqt li jaġixxi unanimament wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 39(1) tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea (TEU), li jżid kategoriji oħra ta' offiżi mal-lista li tinsab fil-paragrafu 2. Il-Kunsill għandu jeżamina, fid-dawl tar-rapport mogħti mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 34(3), jekk il-lista għandhiex tiġi estiża jew emendata.

4. Għal offiżi barra minn dawk koperti mill-paragrafu 2, iċ-ċediment tista' tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-atti għal liema l-mandat ta' arrest Ewropew ġie maħruġ jikkostitwixxu offiża taħt il-liġi ta' l-Istat Membru li jesegwixxih, irrespettivament ta' l-elementi kostitwenti jew ta' kif hu deskritt.

Artikolu 3

Raġunijiet għall-obbligazzjoni li ma jiġix esegwit mandat ta' arrest Ewropew

L-awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat Membru ta' l-eżekuzzjoni (hawnhekk iżjed 'il quddiem "l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi") għandha tiċħad li tesegwixxi l-mandat ta' arrest Ewropew fil-każijiet li ġejjin:

1. jekk l-offiża li fuqha l-mandat ta' arrest hu bbażat hi koperta mill-amnestija fl-Istat Membru li jesegwixxi, fejn dak l-Istat kellu ġurisdizzjoni biex jipprosegwixxi l-offiża taħt il-liġi penali proprja;

2. jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi informata li l-persuna rikjesta ġiet finalment ġudikata minn Stat Membru fir-rigward ta' l-istess atti previst li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet mgħoddija jew qed tiġi mgħoddija bħalissa jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi ta' l-Istat Membru li jagħti s-sentenza;

3. jekk il-persuna li hi s-suġġett tal-mandat ta' arrest Ewropew ma tistax, minħabba l-età tagħha, tinsab kriminalment ħatja għall-atti fuq liema l-mandat ta' arrest hu bbażat taħt il-liġi ta' l-Istat li jesgwixxi.

Artikolu 4

Raġunijiet għall-għażla tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew

L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista' tirrifjuta li tesegwixxi l-mandat ta' arrest Ewropew:

1. jekk, f'wieħed mill-każijiet msejħin fl-Artikolu 2(4), l-att fuq liema l-mandat ta' arrest Ewropew hu bbażat ma jikkostitwix offiża taħt il-liġi ta' l-Istat Membru li jesegwixxi; madankollu, fir-rigward ta' taxxi u dazji, dazji doganali u skambju, eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew m'għandux ikun rrifjutat fuq ir-raġuni li l-liġi ta' l-Istat Membru li jesegwixxi ma jimponix l-istess tip ta' regoli fir-rigward ta' taxxi, dazji u regoli tad-dazji doganali u skambju bħal-liġi ta' l-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

2. fejn il-persuna li hi s-suġġett ta' mandat ta' arrest Ewropew qed tiġi pproċessata fl-Istat Membru li jesegwixxi għall-istess att bħal dak fuq liema hu bbażat il-mandat ta' arrest Ewropew;

3. fejn l-awtoritajiet ġudizzjarji ta' l-Istat Membru li jesegwixxi ddeċidew jew li ma jagħmlux prosekuzzjoni għall-offiża fuq liema l-mandat ta' arrest Ewropew hu bbażat jew li jwaqqfu l-proċeduri, jew fejn sentenza finali inatat fuq il-persuna rikjesta fi Stat Membru, fir-rigward ta' l-istess atti, li ma tħallix proċeduri oħra;

4. fejn il-prosekuzzjoni kriminali jew il-piena tal-persuna rikjesta hi mwaqqfa mill-istatut skond il-liġi ta' l-Istat Membru li jesegwixxi u l-atti jaqaw fil-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru taħt il-liġi kriminali proprja;

5. jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi nfurmata li l-persuna rikjesta ġiet iġġudikata finalment minn Stat terz fir-rigward ta' l-istess atti previst li, fejn kien hemm sentenza, is-sentenza ġiet mgħoddija jew bħalissa qed tiġi mgħoddija jew ma tistax tiġi esegwita iżjed taħt il-liġi tal-pajjiż li ta s-sentenza;

6. jekk il-mandat ta' arrest Ewropew ġie maħruġ għall-iskopijiet ta' eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni, fejn il-persuna rikjesta qed toqgħod fi, jew hi ċittadina jew residenta ta' l-Istat Membru li jesegwixxi u dak l-Istat jintrabat li jesegwixxi s-sentenza jew ordni ta' detenzjoni skond il-liġi domestika tiegħu;

7. fejn il-mandat ta' arrest Ewropew jirrigwarda offiżi li:

(a) huma mħarsin mil-liġi ta' l-Istat Membru li jesegwixxi bħala li ġew imwettqin interament jew in parti fit-territorju ta' l-Istat Membru li jesegwixxi jew f'post ittrattat bħal dan; jew

(b) ġew imwettqin barra t-territorju ta' l-Istat Membru li joħroġ il-mandat u l-liġi ta' l-Istat Membru li jesegwixxi ma jħallix il-prosekuzzjoni għall-istess offiżi meta mwettqin barra t-territorju tiegħu.

Artikolu 5

Garanziji li għandhom jingħataw mill-Istat Membru f'każijiet partikolari

L-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista', mil-liġi ta' l-Istat Membru li jesegwixxi, jkun suġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

1. fejn il-mandat ta' arrest Ewropew ġie maħruġ għall-iskopijiet ta' l-eżekuzzjoni ta' sentenza jew ordni ta' detenzjoni imposta minn deċiżjoni mogħtija in absentia u jekk il-persuna in kwistjoni ma ġietx imsejħa in persuna jew b'mod ieħor infurmata bid-data u l-post tas-seduta li waslet għad-deċiżjoni mogħtija in absentia, iċ-ċediment tista' tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tagħti assigurazzjoni kkunsidrata xierqa biex tiggarantixxi lil persuna suġġetta għall-mandat ta' arrest Ewropew li jkollha opportunità biex tapplika għal proċess ieħor tal-każ fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat u li tkun preżenti għas-sentenza;

2. jekk l-offiża fuq il-bażi ta' liema l-mandat ta' arrest Ewropew ġie maħruġ hi punibbli bi sentenza ta' kustodja għall-ħajja jew ordni ta' detenzjoni għall-ħajja, l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest imsemmi jista' jkun suġġett għall-kondizzjoni li l-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu disposizzjonijiet fis-sistema legali tiegħu għal reviżjoni tal-piena jew miżura imposta, fuq talba jew l-aktar tard wara 20 sena, jew għall-applikazzjoni ta' miżuri ta' klemenza lil liema persuna hi intitolata li tapplika għalihom taħt il-liġi jew prattika ta' l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, bl-iskop li ma tiġix esegwita din il-piena jew miżura;

3. fejn persuna li hi s-suġġett ta' mandat ta' arrest Ewropew għall-iskopijiet ta' prosekuzzjoni hi ċittadina jew residenta ta' l-Istat Membru li jesegwixxi, iċ-ċediment tista' tkun suġġetta għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, hi ritornata lill-Istat Membru li jesegwixxi sabiex tgħaddi hemm is-sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

Artikolu 6

Determinazzjoni ta' l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti

1. L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-manadat għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat Membru li joħroġ il-mandat li hi kompetenti biex toħroġ mandat ta' arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta' dak l-Istat.

2. L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tkun l-awtorità ġudizzjarja ta' l-Istat Membru li jesegwixxi li hi kompetenti biex tesegwixxi l-mandat ta' arrest Ewropew bis-saħħa tal-liġi ta' dak l-Istat.

3. Kull Stat Membru għandu jinforma s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-awtorità ġudizzjarja kompetenti taħt il-liġi tiegħu.

Artikolu 7

Rikors lill-awtorità ċentrali

1. Kull Stat Membru jista' jinnomina awtorità ċentrali jew, meta s-sistema legali tiegħu hekk tipprovdi, aktar minn awtorità ċentrali waħda biex tassisti l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2. Stat Membru jista', jekk huwa meħtieġ bħala riżultat ta' l-organizazzjoni tas-sistema ġudizzjarja interna tiegħu, jagħmel l-awtorità jew awtoritajiet ċentrali tiegħu responsabbli għat-trasmissjoni amministrattiva u r-riċeviment ta' mandati ta' arrest Ewropej kif ukoll għall-korrispondenza uffiċjali oħra kollha konnessa miegħu.

Stat Membru li jixtieq jagħmel użu tal-possibiltajiet msejħa f'dan l-Artikolu għandu jikkomunika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill informazzjoni konnessa ma' l-awtorità ċentrali jew awtoritajiet ċentrali nnominata jew innominati. Dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha ta' l-Istat Menbru li joħroġ il-mandat.

Artikolu 8

Kontenut u forma tal-mandat ta' arrest Ewropew

1. Il-mandat ta' arrest Ewropew għandu jkun jinsab fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skond il-forma li tinsab fl-Anness:

(a) l-identità u nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

(b) l-isem, indirizz, numri tat-telefon u l-fax u indirizz ta' l-e-mail ta' l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat;

(ċ) il-prova ta' sentenza li tista' tiġi nfurzata, mandat ta' arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tista' tiġi nfurzata oħra li għandha l-istess effett, li taqa' fl-iskop ta' l-Artikoli 1 u 2;

(d) in-natura u l-klassifikazzjoni legali ta' l-offiża, partikolarment fir-rigward ta' l-Artikolu 2;

(e) deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettqet l-offiża, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta' parteċipazzjoni fl-offiża mill-persuna rikjesta;

(f) il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta' pieni preskritta għall-offiża taħt il-liġi ta' l-Istat Membru li joħroġ il-mandat;

(g) jekk possibbli, konsegwenzi oħra ta' l-offiża.

2. Il-mandat ta' arrest Ewropew għandu jiġi tradott fl-ilsien uffiċjali jew waħda mill-ilsna uffiċjali ta' l-Istat Membru li jesegwixxi. Kwalunkwe Stat Membru jista', meta din id-Deċiżjoni Kwadru hi adottata jew f'data aktar tard, jiddikjara f'dikjarazzjoni depositata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li hu ser jaċċetta traduzzjoni fi waħda jew aktar mill-ilsna uffiċjali oħra ta' l-Istituzzjonijiet tal-Kommunitajiet Ewropej.

KAPITOLU 2

PROĊEDURA TA' ĊEDIMENT

Artikolu 9

Trasmissjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew

1. Fejn il-lokalità ta' persuna rikjesta hi magħrufa, l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tista' tittrasmetti l-mandat ta' arrest Ewropew direttament lill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi.

2. L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ tista', fi kwalunkwe każ, tiddeċiedi li toħroġ twissija għall-persuna rikjesta fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS).

3. Twissija bħal din għandha tiġi magħmula skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 95 tal-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 fuq it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fi fruntieri komuni. Twissija fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għandha tkun ekwivalenti għal mandat ta' arrest Ewropew akkompanjat mill-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8(1).

Għal perjodu transitorju, sakemm l-SIS hi kapaċi li titrasmetti l-informazzjoni kollha deskritta fl-Artikolu 8, it-twissija għandha tkun ekwivalenti għal mandat ta' arrest Ewropew pendenti r-riċevuta ta' l-oriġinali fil-forma xierqa u kif suppost mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi.

Artikolu 10

Proċeduri ddettaljati għat-trasmissjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew

1. Jekk l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ma tafx l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi kompetenti, għandha tagħmel l-inkjesti meħtieġa, inkluż permezz ta' punti ta' kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew [8], sabiex tikseb dik l-informazzjoni mill-Istat Membru li jesegwixxi.

2. Jekk l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat hekk tixtieq, it-trasmissjoni tista' tiġi magħmula permezz tas-sistema ta' telekomunikazzjonijiet li għandha sigurezza tan-Network Ġudizzjarju Ewropew.

3. Jekk mhuwiex possibbli li s-servizzi ta' l-SIS jiġu msejħa, l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tista' ssejjaħ lil Interpol biex jittrasmetti mandat ta' arrest Ewropew.

4. L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tista' tibgħat il-mandat ta' arrest Ewropew permezz ta' kwalunkwe mezzi li għandhom sigurezza kapaċi li jipproduċu rekords bil-miktub taħt kondizzjonijiet li jħallu lill-Istat Membru li jesegwixxi jistabbilixxi l-awtenitiċità tiegħu.

5. Id-diffikultajiet kollha dwar it-trasmissjoni jew l-awtentiċità ta' kwalunkwe dokument meħtieġ għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat minn kuntatti diretti bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji involuti, jew, fejn xieraq, ma' l-involviment ta' l-awtoritajiet ċentrali ta' l-Istati Membri.

6. Jekk l-awtorità li tirċievi mandat ta' arrest Ewropew mhijiex kompetenti biex taġixxi fuqu, għandha awtomatikament tibgħat il-mandat ta' arrest Ewropew lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru tagħha u għandha tinforma l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat skond dan.

Artikolu 11

Drittijiet ta' persuna rikjesta

1. Meta persuna rikjesta hi arrestata, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi kompetenti għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tinforma dik il-perusna tal-mandat ta' arrest Ewropew u tal-kontenut tiegħu, u wkoll tal-possibbiltà li tikkunsenta għaċ-ċediment lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat.

2. Persuna rikjesta li hi arrestata għall-iskop ta' l-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew għandha jkollha d-dritt li tkun assistita minn avukat u minn interpretatur skond il-liġi nazzjonali ta' l-Istat Membru li jesegwixxi.

Artikolu 12

Il-manteniment tal-persuna fid-detenzjoni

Meta persuna hi arrestata fuq il-bażi ta' mandat ta' arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tieħu deċiżjoni fuq jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa' fid-detenzjoni, skond il-liġi ta' l-Istat Membru li jesgwixxi. Il-persuna tista' tiġi rilaxxata proviżorjament fi kwalunkwe ħin in konformità mal-liġi domestika ta' l-Istat Membru li jesegwixxi, previst li l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru msemmi jieħu l-miżuri kollha li jikkunsidra neċessarji biex jippreveni l-persuna milli tinħeba.

Artikolu 13

Kunsens għal ċediment

1. Jekk il-persuna arrestata tindika li tikkunsenta għaċ-ċediment, dak il-kunsens u, jekk xieraq, renunzja espressa ta' intitolament għar-"regola ta' l-ispeċjalità", msejħa fl-Artikolu 27(2), għandha tiġi mogħtija quddiem l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi, skond il-liġi domestika ta' l-Istat Membru li jesgwixxi.

2. Kull Stat Membru għandu jadotta l-miżuri meħtieġa biex jassigura li l-kunsens u, fejn xieraq, ir-renunzja, kif imsejħin fil-paragrafu 1, huma stabbiliti f'tali mod li juri li l-persuna in kwistjoni tathom volontarjament u f'għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak l-iskop, il-persuna rikjesta għandha jkollha d-dritt għal avukat.

3. Il-kunsens u, fejn xieraq, ir-renunzja, kif imsejħin fil-paragrafu 1, għandhom ikunu rreġistrati formalment skond il-proċedura stabbilita mil-liġi domestika ta' l-Istat Membru li jesegwixxi.

4. Fil-prinċipju, il-kunsens ma jistax jiġi rrevokat. Kull Stat Membru jista' jipprovdi li l-kunsens u, jekk xieraq, ir-renunzja jistgħu jiġu rrevokati, skond ir-regoli applikabbli taħt il-liġi domestika tiegħu. F'dan il-każ, il-perjodu bejn id-data tal-kunsens u dik tar-revoka tiegħu m'għandux jiġi meħud in kunsiderazzjoni fl-istabbilixximent tal-limiti tal-ħin stabbiliti fl-Artikolu 17. Stat Membru li jixtieq li jkollu rikors għal din il-possibbiltà għandu jinforma lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill skond dan meta din id-Deċiżjoni Kwadru hi adottata u għandu jispeċifika l-proċeduri permezz ta' liema r-revoka tal-kunsens għandha tkun possibbli u kwalunkwe emendament lilhom.

Artikolu 14

Is-smigħ tal-persuna rikjesta

Fejn il-persuna arrestata ma tagħtix kunsens għaċ-ċediment tagħha kif imsejħa fl-Artikolu 13, il-persuna għandha tkun intitolata li tinstema' mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi, skond il-liġi ta' l-Istat Membru li jesgwixxi.

Artikolu 15

Deċiżjoni ta' ċediment

1. L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tiddeċiedi, fil-limiti tal-ħin u taħt il-kondizzjonijiet definiti f'din id- Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi ċeduta.

2. Jekk l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru li joħroġ il-mandat mhuwiex suffiċjenti biex tħalli li tiddeċiedi fuq iċ-ċediment, għandha titlob li l-informazzjoni meħtieġa supplementarja, partikolarment fir-rigward ta' l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta' urġenza u tista' tistabbilixxi limitu tal-ħin għar-riċeviment tagħha, waqt li tittieħed in konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti tal-ħin stabbiliti fl-Artikolu 17.

3. L-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tista' fi kwalunkwe ħin tibgħat kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi.

Artikolu 16

Deċiżjoni fil-każ ta' iżjed minn talba waħda

1. Jekk tnejn jew aktar Stati Membri ħarġu mandati ta' arrest Ewropej għall-istess persuna, id-deċiżjoni fuq liema mill-mandati ta' arrest Ewropej għandu jiġi esegwit għandha tiġi meħuda mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi b'konsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi kollha u speċjalment is-serjetà relativa u l-post ta' l-offiżi, id-dati rispettivi tal-mandati ta' arrest Ewropej u jekk il-mandat ġie maħruġ għall-iskopijiet ta' prosekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni.

2. L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista' tfittex il-parir ta' Eurojust [9] meta qed tagħmel l-għażla msejħa fil-paragrafu 1.

3. Fil-każ ta' kunflitt bejn mandat ta' arrest Ewropew u talba għall-estradizzjoni ppreżentata minn pajjiż terz, id-deċiżjoni fuq jekk il-mandat ta' arrest Ewropew jew it-talba għall-estradizzjoni tieħu preċedenza għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li jesegwixxi b'konsiderazzjoni xierqa taċ-ċirkostanzi kollha, partikolarment dawk imsejħin fil-paragrafu 1 u dawk imsemmijin fil-konvenzjoni applikabbli.

4. Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta' l-Istati Membri taħt l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Artikolu 17

Żmien perentorju u proċeduri għad-deċiżjoni biex jiġi esegwit mandat ta' arrest Ewropew

1. Mandat ta' arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta' urġenza.

2. F'każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti kunsens għaċ-ċediment tagħha, id-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew għandha tittieħed f'perjodu ta' għaxart ijiem wara li l-kunsens ġie mogħti.

3. F'kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew għandha tittieħed f'perjodu ta' 60-il ġurnata wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4. Fejn f'każijiet speċifiċi l-mandat ta' arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti tal-ħin stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tinforma immedjatament l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ta' dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F'każ bħal dan, il-limiti tal-ħin jistgħu jiġu estiżi bi 30 ġurnata iżjed.

5. Sakemm l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi ma ħaditx deċiżjoni finali fuq il-mandat ta' arrest Ewropew, għandha tassigura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għaċ-ċediment effettiva tal-persuna jibqgħu milqugħa.

6. Raġunijiet għandhom jingħataw għal kwalunkwe ċaħda għall-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew.

7. Fejn f'ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jistax iħares il-limiti tal-ħin previsti f'dan l-Artikolu, għandu jinforma lil Eurojust, waqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra dan, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut fuq il-parti ta' Stat Membru ieħor fl-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew għandu jinforma lil Kunsill bl-iskop għall-istima ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru fuq il-livell ta' l-Istati Membri.

Artikolu 18

Sitwazzjoni pendenti d-deċiżjoni

1. Fejn il-mandat ta' arrest Ewropew ġie maħruġ għall-iskop tat-tmexxija ta' prosekuzzjoni kriminali, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha:

(a) jew taqbel li l-persuna rikjesta għandha tinstema' skond l-Artikolu 19;

(b) jew taqbel għat-trasferiment temporanju tal-persuna rikjesta.

2. Il-kondizzjonijiet u t-tul tat-trasferiment temporanju għandhom ikunu stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji li jesegwixxu u dawk li joħorġu l-mandat.

3. Fil-każ ta' trasferiment temporanju, il-persuna għandha tkun tista' tirritorna lill-Istat Membru li jesegwixxi sabiex tattendi seduti dwarha bħala parti mill-proċedura ta' ċediment.

Artikolu 19

Is-smigħ tal-persuna pendenti d-deċiżjoni

1. Il-persuna rikjesta għandha tinstema' minn awtorità ġudizzjarja, assistita minn persuna oħra nominata skond il-liġi ta' l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

2. Il-persuna rikjesta għandha tinstema' skond il-liġi ta' l-Istat Membru li jesgwixxi u bil-kondizzjonijiet stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji li joħorġu u dawk li jesegwixxu l-mandat.

3. L-awtorità ġudizzjarja kompetenti li tesegwixxi tista' tagħti awtorità ġudizzjarja oħra ta' l-Istat Membru tagħha biex tieħu parti fis-seduta tal-persuna rikjesta sabiex tassigura l-applikazzjoni xierqa ta' dan l-Artikolu u tal-kondizzjonijiet stabbiliti.

Artikolu 20

Privileġġi u immunitajiet

1. Fejn il-persuna rikjesta tgawdi minn privileġġ jew immunità fir-rigward ta' ġurisdizzjoni jew eżekuzzjoni fl-Istat Membru li jesgwixxi, il-limiti tal-ħin imsejħa fl-Artikolu 17 m'għandhomx jibdew jiġru kemm-il darba, u mill-ġurnata meta, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi hi infurmata bil-fatt li l-privileġġ jew immunità ġiet irrinunzjata.

L-Istat Membru li jesegwixxi għandu jassigura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għaċ-ċediment effettiva huma milqugħa meta l-persuna ma tgawdix iżjed dan il-privileġġ jew immunità.

2. Fejn il-poter li jkun irrinunzjat il-privileġġ jew immunità qiegħed ma' awtorità ta' l-Istat Membru li jesegwixxi, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha titolbu jeserċita dak il-poter minnufih. Fejn poter li jirrinunzja l-privileġġ jew immunità qiegħed ma' awtorità ta' Stat ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali, għandu jkun għall-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat biex titolbu biex jeserċita dak il-poter.

Artikolu 21

Obbligi internazzjonali li jikkompetu

Din id-Deċiżjoni Kwadru m'għandhiex tkun ta' preġudizzju għall-obbligazzjonijiet ta' l-Istat Membru li jesegwixxi fejn il-persuna rikjesta ġiet estradita għal dak l-Istat Membru minn pajjiż terz u fejn dik il-persuna hi protetta minn disposizzjonijiet ta' l-arranġament dwar speċjalità taħt liema l-persuna kienet estradita. L-Istat Membru li jesegwixxi għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għat-talba minnufih tal-kunsens ta' l-Istat minn liema l-persuna rikjesta kienet estradita ħalli l-persuna tista' tiġi ċeduta lill-Istat Membru li ħareġ il-mandat ta' arrest Ewropew. Il-limiti tal-ħin imsejħa fl-Artikolu 17 m'għandhomx jibdew jiġru sad-data fuq liema dawn ir-regoli ta' speċjalità jieqfu milli japplikaw. Pendenti d-deċiżjoni ta' l-Istat minn liema l-persuna rikjesta kienet estradita, l-Istat Membru li jesegwixxi għandu jassigura li l-kondizzjonijiet meħtieġa għal ċediment effettiva jibqgħu milqugħa.

Artikolu 22

Notifikazzjoni tad-deċiżjoni

L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tinnotifika immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat tad-deċiżjoni fuq l-azzjoni li għandha tittieħed fuq il-mandat ta' arrest Ewropew.

Artikolu 23

Limiti tal-ħin għal ċediment tal-persuna

1. Il-persuna rikjesta għandha tiġi ċeduta malajr kemm hu possibbli f'data miftehma bejn l-awtoritajiet in kwistjoni.

2. Il-persuna għandha tiġi ċeduta mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew.

3. Jekk iċ-ċediment tal-persuna rikjesta fil-perjodu stabbilit fil-paragrafu 2 ma jkunx tħalla minħabba ċirkostanzi li mhumiex fil-kontroll ta' l-ebda mill-Istati Membri, l-awtoritajiet ġudizzjarji li jesegwixxu u li joħorġu l-mandat għandhom jagħmlu immedjatament kuntatt ma' xulxin u jiftehmu fuq data ta' ċediment ġdida. F'dak il-każ, iċ-ċediment għandha ssir f'għaxart ijiem mid-data ġdida hekk miftehma.

4. Iċ-ċediment tista' eċċezzjonalment tkun temporanjament posposta għal raġunijiet umanitarji serji, per eżempju jekk hemm raġunijiet sostanzjali biex jitwemmen li kien manifestament ipoġġi fi perikolu l-ħajja jew is-saħħa tal-persuna rikjesta. L-eżekuzzjoni tal-mandat ta' arrest Ewropew għandha sseħħ malli dawn ir-raġunijiet waqqfu li jezistu. L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat u tiftehem fuq data ta' ċediment ġdida. F'dak il-każ, iċ-ċediment għandha tieħu seħħ f'għaxart ijiem mid-data ġdida hekk miftehma.

5. Fuq l-iskadenza tal-limiti tal-ħin imsejħa fil-paragrafi 2 sa 4, jekk il-persuna għadha qed tinżamm fil-kustodja għandha tiġi rilaxxata.

Artikolu 24

Ċediment posposta jew kondizzjonali

1. L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista', wara li tiddeċiedi li tesegwixxi mandat ta' arrest Ewropew, tipposponi ċ-ċediment tal-persuna rikjesta sabiex il-persuna tista' tiġi pproċessata fl-Istat Membru li jesegwixxi jew, jekk il-persuna diġá ġiet mogħtija sentenza, sabiex tista' tgħaddi, fit-territorju tagħha, sentenza mogħtija għal att barra dak imsejjaħ fil-mandat ta' arrest Ewropew.

2. Minflok li tisposponi ċ-ċediment, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tista' tikkonsenja temporanjament il-persuna rikjesta lill-Istat Membru li joħroġ il-mandat taħt kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji li jesegwixxu u li joħorġu l-mandat. Il-ftehim għandu jkun magħmul fil-kitba u l-kondizzjonijiet għandhom ikunu vinkolanti fuq l-awtoritajiet kollha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

Artikolu 25

Transitu

1. Kull Stat Membru għandu, ħlief meta jagħmel użu mill-possibiltà ta' rifjut meta t-transitu ta' ċittadin jew resident hu meħtieġ għall-iskop ta' eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni, jippermetti t-transitu mit-territorju tiegħu ta' persuna rikjesta li qed tiġi ċeduta previst li ġie mogħti informazzjoni fuq:

(a) l-identità u n-nazzjonalità tal-persuna suġġetta għall-mandat ta' arrest Ewropew;

(b) l-eżistenza ta' mandat ta' arrest Ewropew;

(ċ) in-natura u l-klassifikazzjoni legali ta' l-offiża;

(d) id-deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi ta' l-offiża, inklużi d-data u l-post.

Fejn persuna li hi s-suġġett ta' mandat ta' arrest Ewropew għall-iskopijiet ta' prosekuzzjoni hi ċittadina jew residenta ta' l-Istat Membru ta' transitu, it-transitu jista' jkun suġġett għall-kondizzjoni li l-persuna, wara li tkun instemat, hi ritornata lill-Istat Membru ta' transitu biex tgħaddi is-sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni mogħtija kontriha fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat.

2. Kull Stat Membru għandu jinnomina awtorità responsabbli li tirċievi rikjesti għat-transitu u d-dokumenti neċessarji, kif ukoll kwalunkwe korrispondenza uffiċjali oħra konnessa ma' rikjesti għat-transitu. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw din in-nominazzjoni lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

3. Ir-rikjesta għat-transitu u l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu ndirizzati lill-awtorità nnominata skond il-paragrafu 2 permezz ta' kwalunkwe mezzi kapaċi li jipproduċu rekord bil-miktub. L-Istat Membru ta' transitu għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu permezz ta' l-stess proċedura.

4. Din id-Deċiżjoni Kwadru ma tapplikax fil-każ ta' trasport bil-ajru mingħajr stopover skedat. Madankollu, jekk ikun hemm inżul mhux skedat, l-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jipprovdi l-awtorità nnominata skond il-paragrafu 2 bl-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1.

5. Fejn transitu jinvolvi persuna li għandha tiġi estradita minn pajjiż terz għal Stat Membru dan l-Artikolu għandu japplika mutatis mutandis. Partikolarment l-espressjoni "mandat ta' arrest Ewropew" għandha tkun ikkunsidrata li hi mibdula minn "talba għall-estradizzjoni".

KAPITOLU 3

EFFETTI TAĊ-ĊEDIMENT

Artikolu 26

Deduzzjoni fil-perjodu ta' detenzjoni mgħoddi fl-Istat Membru li jesegwixxi

1. L-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jnaqqas il-perjodi kollha ta' detenzjoni li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew mill-perjodu totali ta' detenzjoni li għandu jiġi mgħoddi fl-Istat Membru li joħroġ il-mandat bħala riżultat ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni li qed tiġi mogħtija.

2. Għal dak l-iskop, l-informazzjoni kollha dwar it-tul tad-detenzjoni tal-persuna rikjesta fuq il-bażi tal-mandat ta' arrest Ewropew għandha tkun trasmessa mill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi jew l-awtorità ċentrali nnominata taħt l-Artikolu 7 lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat fil-ħin taċ-ċediment.

Artikolu 27

Prosekuzzjoni possibbli għal offiżi oħra

1. Kull Stat Membru jista' jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma' Stati Membri oħra li taw l-istess notifikazzjoni, il-kunsens hu kkunsidrat li ġie mogħti għall-prosekuzzjoni, l-għoti ta' sentenza jew d-detenzjoni bil-għan li tiġi esegwita sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni għal offiża mwettqa qabel iċ-ċediment tiegħu jew tagħha, barra dak għal liema hu jew hi kien ġie ċedut jew ġiet ċeduta, sakemm f'każ partikolari l-awtorità ġudizzjaraja li tesegwixxi tiddikjara mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha fuq iċ-ċediment.

2. Ħlief fil-każijiet imsejħin fil-paragrafi 1 u 3, persuna ċeduta ma tistax tiġi pproċessata, mogħtija sentenza jew f'xi mod ieħor miċħuda mil-libertà tiegħu jew tagħha għal offiża mwettqa qabel iċ-ċediment tiegħu jew tagħha barra dik għal liema l-persuna kienet ġiet ċeduta.

3. Il-paragrafu 2 ma japplikax fil-każijiet li ġejjin:

(a) meta l-persuna wara li kien kellha opportunità biex titlaq mit-territorju ta' l-Istat Membru lil liema ġiet ċeduta ma għamlitx hekk fiż-żmien ta' 45-il ġurnata mir-rilaxx finali tagħha, jew ritornat għal dak it-territorju wara li telqet minnu;

(b) l-offiża mhijiex punibbli minn sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni;

(ċ) il-proċeduri kriminali ma jikkawżawx l-applikazzjoni ta' miżuri li hi ta' restrizzjoni għal-libertà persunali;

(d) meta l-persuna setgħet tkun suġġetta għal piena jew miżura li tirrestrinġi l-libertà persunali, partikolarment piena finanzjarja jew miżura minflok din, ukoll jekk il-piena jew miżura tista' tikkawża restrizzjoni tal-libertà persunali tal-persuna:

(e) meta l-persuna tat il-kunsens biex tiġi ċeduta, fejn xieraq fl-istess ħin li l-persuna rrinunzjat għar-regaola ta' l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 13;

(f) meta l-persuna, wara ċ-ċediment tagħha, rrinunzjat espressament l-intitolament għar-regola ta' l-ispeċjalità fir-rigward ta' offiżi speċifiċi qabel iċ-ċediment tagħha. Ir-renunzja għandha tiġi mogħtija quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istat membru li joħroġ il-mandat u għandha tkun reġistrata skond il-liġi domestika ta' dak l-Istat. Ir-renunzja għandha tkun magħmula f'tali mod li jkun magħmul ċar li l-persuna għamlitha volontarjament u f'għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak l-iskop, il-persuna għandha jkollha d-dritt għal avukat;

(g) fejn l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi li ċediet il-persuna tagħti il-kunsens tagħha skond il-paragrafu 4.

4. Talba għal kunsens għandha jiġi mogħtija lill-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi, flimkien ma' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif imsejħa fl-Artikolu 8(2). Il-kunsens għandu jkun mogħti meta l-offiża għal liema hu mitlub hi stess hi suġġetta għaċ-ċediment skond id-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru. Il-kunsens għandu jiġi rrifjutat fuq ir-raġunijiet imsejħin fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista' jiġi rrifjutat biss fuq ir-raġunijiet imsejħin fl-Artikolu 4. Id-deċiżjoni għandha tiġi meħuda mhux aktar tard minn 30-il ġurnata wara r-riċevuta tat-talba.

Għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 5 l-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jagħti l-garanziji previsti ġo fih.

Artikolu 28

Ċediment jew estradizzjoni sussegwenti

1. Kull Stat Membru jista' jinnotifika lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li, fir-relazzjonijiet tiegħu ma' Stati Membri oħra li taw l-istess notifikazzjoni, il-kunsens għaċ-ċediment ta' persuna lil Stat Membru barra l-Istat Membru li jesegwixxi skond mandat ta' arrest Ewropew li ġie maħruġ għal offiża mwettqa qabel iċ-ċediment tal-persuna hu kkunsidrat bħalikieku ġie mogħti, kemm-il darba f'każ partikolari l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tiddikjara mod ieħor fid-deċiżjoni tagħha dwar iċ-ċediment.

2. Fi kwalunkwe każ, persuna li ġiet ċeduta lil Stat Membru li joħroġ mandat skond mandat ta' arrest Ewropew tista', mingħajr il-kunsens ta' l-Istat Membru li jesegwixxi, tiġi ċeduta lil Stat Membru barra l-Istat Membru li jesegwixxi skond mandat ta' arrest Ewropew maħruġ għal kwalunkwe offiża mwettqa qabel il-konseja tal-persuna fil-każijiet li ġejjin:

(a) fejn il-persuna rikjesta, wara li kien kellha opportunità biex titlaq mit-territorju ta' l-Istat Membru li fih kienet ġiet ċeduta, ma għamlitx hekk fi 45-il ġurnata mir-rilaxx finali tagħha, jew irritornat lejn dak it-territorju wara li telqet minnu;

(b) fejn il-persuna rikjesta tagħti kunsens biex tiġi ċeduta lil Stat Membru barra l-Istat Membru li jesegwixxi skond mandat ta' arrest Ewropew. Il-kunsens għandu jiġi mogħti quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti ta' l-Istat Membru li joħroġ u għandu jkun reġistrat skond il-liġi nazzjonali ta' dak l-Istat. Għandu jkun magħmul f'tali mod li jkun magħmul ċar li l-persuna in kwistjoni tatu volontarjament u f'għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Għal dak l-iskop, il-persuna rikjesta għandha jkollha d-dritt għal avukat;

(ċ) fejn il-persuna rikjesta mhijiex suġġetta għar-regola ta' l-ispeċjalità, skond l-Artikolu 27(3)(a), (e), (f) u (g).

3. L-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi tagħti l-kunsens għaċ-ċediment lil Stat Membru ieħor skond ir-regoli li ġejjin:

(a) it-talba għal kunsens għandha tiġi mogħtija skond l-Artikolu 9, flimkien ma' l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) u traduzzjoni kif iddikjarat fl-Artikolu 8(2);

(b) il-kunsens għandu jiġi mogħti meta l-offiża għal liema hu mitlub hi stess hi suġġetta għal ċediment skond id-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru;

(ċ) id-deċiżjoni għandha tittieħed mhux iktar tard minn 30-il ġurnata wara r-riċevuta tat-talba;

(d) il-kunsens għandu jiġi rrifjutat fuq ir-raġunijiet imsejħa fl-Artikolu 3 u barra minn hekk jista' jiġi rrifjutat biss fuq ir-raġunijiet imsejħa fl-Artikolu 4.

Għas-sitwazzjonijiet imsejħa fl-Artikolu 5, l-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jagħti l-garanziji previsti f'dan.

4. Minkejja l-paragrafu 1, persuna li ġiet ċeduta skond mandat ta' arrest Ewropew m'għandhiex tkun estradita lil Stat terz mingħajr il-kunsens ta' awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru li kkonsenja l-persuna. Dan il-kunsens għandu jkun mogħti skond il-Konvenzjonijiet minn liema dak l-Istat Membru hu marbut, kif ukoll il-liġi domestika tiegħu.

Artikolu 29

Trasferiment ta' proprjetà

1. Fuq it-talba ta' l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat jew fuq l-inizjattiva proprja, l-awtorità ġudizzjarja li tesegwixxi għandha, skond il-liġi nazzjonali tagħha, tieħu u titrasferixxi proprjetà li:

(a) tista' tkun meħtieġa bħala prova, jew

(b) ġiet akkwistata mill-persuna rikjesta bħala riżultat ta' l-offiża.

2. Il-proprjetà msejħa fil-paragrafu 1 għandha tkun ittrasferita wkoll jekk il-mandat ta' arrest Ewropew ma jistax jiġi mwettaq minħabba l-mewt jew il-ħarba tal-persuna rikjesta.

3. Jekk il-proprjetà msejħa fil-paragrafu 1 hi suġġetta għal qbid jew konfiska fit-territorju ta' l-Istat Membru li jesegwixxi, dan ta' l-aħħar jista', jekk il-proprjetà hi meħtieġa in konnessjoni ma' proċeduri kriminali pendenti, temporanjament iżommu jew jagħtih lill-Istat Membru li joħroġ il-mandat, fuq il-kondizzjoni li hu ritornat.

4. Kwalunkwe drittijiet li l-Istat Membru li jesegwixxi jew terzi partijiet jistgħu jkunu akkwistaw fil-proprjetà msejħa fil-paragrafu 1 għandhom ikunu ppreservati. Fejn drittijiet bħal dawn jeżistu, l-Istat Membru li joħroġ il-mandat għandu jirritorna l-proprjetà mingħajr ħlas lill-Istat Membru li jesegwixxi malli l-proċeduri kriminali ġew mitmuma.

Artikolu 30

Spejjeż

1. Spejjeż li saru fit-territorju ta' Stat Membru li jesegwixxi għall-eżekuzzjoni ta' mandat ta' arrest Ewropew għandhom ikunu mħallsin minn dak l-Istat Membru.

2. L-ispejjeż oħra kollha għandhom jiġu mħallsin mill-Istat Membru li jesegwixxi.

KAPITOLU 4

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

Artikolu 31

Relazzjoni ma' strumenti legali oħra

1. Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom f'relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u Stati terzi, din id-Deċiżjoni Kwadru għandha, mill-1 ta' Jannar 2004, tibdel id-disposizzjonijiet korrispondenti tal-konvenzjonijiet li ġejjin applikabbli fil-qasam ta' l-estradizzjoni f'relazzjonijiet bejn l-Istati Membri:

(a) il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tat-13 ta' Diċembru 1957, il-protokoll addizjonali tagħha tal-15 ta' Ottubru 1975, it-tieni protokoll addizjonali tas-17 ta' Marzu 1978, u l-Konvenzjoni Ewropea fuq it-trażżin tat-terroriżmu tas-27 ta' Jannar 1977 sa fejn hi nvoluta l-estradizzjoni;

(b) il-Ftehim bejn il 12-il Stati Membri tal-Komunitajiet Ewropej fuq is-simplifikazzjoni u l-modernizazzjoni ta' metodi tat-trasmissjoni ta' talbiet ta' estradizzjoni tas-26 ta' Mejju1989;

(ċ) il-Konvenzjoni ta' l-10 ta' Marzu 1995 fuq proċedura simplifikata ta' estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea;

(d) il-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1996 dwar l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea;

(e) It-Titolu III, Kapitolu 4 tal-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li jimplimenta l-Ftehim Schengen ta' l-14 ta' Ġunju 1985 fuq it-tneħħija gradwali ta' kontrolli fi fruntieri komuni.

2. L-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali fis-seħħ meta din id-Deċiżjoni Kwadru hi adottata sa fejn dawn il-ftehim jew arranġamenti jħallu l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru jiġu estiżi jew imkabbrin u jgħinu jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għal ċediment ta' persuni li huma suġġetti għal mandati ta' arrest Ewropej.

L-Istati Membri jistgħu jikkonkludu ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali wara li din id-Deċiżjoni Kwadru tkun daħlet fis-seħħ sakemm dawn il-ftehim jew arranġamenti jħallu l-preskrizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru jkunu estiżi jew mkabbrin u jgħinu biex jissimplifikaw jew jiffaċilitaw aktar il-proċeduri għal ċediment ta' persuni li huma s-suġġett ta' mandati ta' arrest Ewropej, partikolarment billi jistabbilixxu limiti tal-ħin iżjed qosra minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 17, billi jestendu l-lista ta' offiżi stabbiliti fl-Artikolu 2(2), billi jillimitaw aktar ir-raġunijiet għar-rifjut stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, jew billi jniżżlu l-limitu previst fl-Artikolu 2(1) jew (2).

Il-ftehim u arranġamenti msejħa fit-tieni subparagrafu fl-ebda każ ma jistgħu jaffetwaw relazzjonijiet ma' Stati Membri li mhumiex partijiet għalihom.

L-Istati Membri għandhom, fi tlett xhur mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bil-ftehim u arranġamenti li jeżistu msejħa fl-ewwel subparagrafu li jixtiequ jkomplu japplikaw.

L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni ta' kwalunkwe ftehim jew arranġament ġdid imsejjaħ fit-tieni subparagrafu, fi tlett xhur mill-iffirmar tiegħu.

3. Fejn il-konvenzjonijiet jew ftehim imsejħa fil-paragrafu 1 japplikaw lit-territorji ta' Stati Membri jew lit-territorji għar-relazzjonijiet esterni ta' liema Stat Membru hu responsabbli għal liema din id-Deċiżjoni Kwadru ma tapplikax, dawn l-istrumenti għandhom ikomplu jirregolaw ir-relazzjonijiet li jeżistu bejn dawk it-territorji u l-Istati Membri oħra.

Artikolu 32

Disposizzjoni transitorja

1. Talbiet għall-estradizzjoni riċevuti qabel l-1 ta' Jannar 2004 għandhom jkomplu jkunu rregolati minn istrumenti li jeżistu dwar l-estradizzjoni. Talbiet riċevuti wara dik id-data għandhom ikunu rregolati mir-regoli adottati minn Stati Membri skond din id-Deċiżjoni Kwadru. Madankollu, kwalunkwe Stat Membru jista', fil-ħin ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Kunsill, jagħmel dikjarazzjoni li jindika li bħala Stat Membru li jesegwixxi hu ser ikompli jittratta talbiet dwar atti mwettqin qabel data li jispeċifika skond is-sistema ta' estradizzjoni applikabbli qablel l-1 ta' Jannar 2004. Id-data in kwistjoni ma tistax tkun aktar tard mis-7 ta' Awissu 2002. Din id-dikjarazzjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Tista' tiġi rtirata fi kwalunkwe ħin.

Artikolu 33

Disposizzjonijiet dwar l-Awstrija u l-Ġibiltà

1. Sakemm l-Awstrija ma mmodifikatx l-Artikolu 12(1) ta' l-"Auslieferungs-und Rechtshilfegesetz" u, mill-aktar tard, sal-31 ta' Diċembru 2008, tista' tħalli l-awtoritajiet ġudizzjarji li jesegwixxu tagħha jirrifjutaw l-infurzar ta' mandat ta' arrest Ewropew jekk il-persuna rikjesta hija ċittadina ta' l-Awstrija u jekk l-att għal liema l-mandat ta' arrest Ewropew ġie maħruġ mhuwiex punibbli taħt il-liġi ta' l-Awstrija.

2. Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tapplika lill-Ġibiltà.

Artikolu 34

Implimentazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu d-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru sa l-31 ta' Diċembru 2003.

2. L-Istati Membri għandhom jittrasmettu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet li jittrasportaw għal ġo l-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligazzjonijiet imposti fuqhom taħt din id-Deċiżjoni Kwadru. Meta qed jagħmel dan, kull Stat Membru jista' jindika li hu ser japplika immedjatament din id-Deċiżjoni Kwadru fir-relazzjoniiet tiegħu ma' dawk l-Istati Membri li taw l-istess notifikazzjoni.

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jikkomunika lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-informazzjoni riċevuta skond l-Artikolu 7(2), l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 13(4) u l-Artikolu 25(2). Għandu wkoll ikollu l-informazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

3. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni kkomunikata mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, il-Kummissjoni għandha, sal-31 ta' Diċembru 2004 mill-aktar tard, tagħti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-operazzjoni ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, akkumpanjata, fejn meħtieġ, minn proposti leġislattivi.

4. Il-Kunsill għandu fit-tieni nofs ta' l-2003 jmexxi reviżjoni, partikolarment ta' l-applikazzjoni prattika, tad-disposizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru mill-Istati Membri kif ukoll il-funzjonament tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen.

Artikolu 35

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-13 ta' Ġunju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Rajoy Brey

[1] ĠU C 332 E, tas-27.11.2001, p. 305.

[2] Opinjoni mogħtija fid-9 ta' Jannar 2002, (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 12 E, tal-15.1.2001, p. 10.

[4] GU L 239, tat-22.9.2000, p. 19.

[5] ĠU C 78, tat-30.3.1995, p. 2.

[6] ĠU C 313, tat-13.10.1996, p. 12.

[7] ĠU C 364, tat-18.12.2000, p.1.

[8] Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 98/428/JHA tad-29 ta' Ġunju 1998 dwar il-ħolqien ta' Network Ġudizzjarju Ewropew (ĠU L 191, tas-7.7.1998, p. 4).

[9] Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/JHA tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tirrinforza l-ġlieda kontra reati serji (ĠU L 63, 6.3.2002, p.1).

--------------------------------------------------

ANNESS

MANDAT TA' ARREST EWROPEW [1]

Dan il-mandat ġie magħmul minn awtorità ġudizzjarja kompetenti. Nitlob li l-persuna msemmija hawn isfel tiġi arrestata u ċeduta għall-iskopijiet tat-tmexxija ta' prosekuzzjoni kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni.

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

[1] Dan il-mandat irid jinkiteb, jew tradott, f'waħda mil-lingwi uffiċjali ta' l-Istat Membru li qed jesegwixxi, meta l-Istat ikun magħruf, jew b'xi lingwa aċċettata minn dak l-Istat.

--------------------------------------------------

Top