EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R1259

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skond il-politika agrikola komuni

OJ L 160, 26.6.1999, p. 113–118 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 03 Volume 025 P. 424 - 429
Special edition in Estonian: Chapter 03 Volume 025 P. 424 - 429
Special edition in Latvian: Chapter 03 Volume 025 P. 424 - 429
Special edition in Lithuanian: Chapter 03 Volume 025 P. 424 - 429
Special edition in Hungarian Chapter 03 Volume 025 P. 424 - 429
Special edition in Maltese: Chapter 03 Volume 025 P. 424 - 429
Special edition in Polish: Chapter 03 Volume 025 P. 424 - 429
Special edition in Slovak: Chapter 03 Volume 025 P. 424 - 429
Special edition in Slovene: Chapter 03 Volume 025 P. 424 - 429

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/04/2004; Imħassar b' 32003R1782

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1259/oj

31999R1259



Official Journal L 160 , 26/06/1999 P. 0113 - 0118


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999

tas-17 ta’ Mejju 1999

li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skond il-politika agrikola komuni

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta’ l-Awdituri [5],

(1) Billi għall-ħlasijiet diretti taħt l-iskemi varji ta’ appoġġ għall-introjti fil-politika agrikola komuni għandhom jiġu stabbiliti wħud mill-kondizzjonijiet komuni.

(2) Billi l-ħlasijiet ipprovduti taħt l-iskemi ta’ appoġġ Komunitarju għandhom isiru fis-sħiħ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lill-benefiċjarji bla ħsara għal kull tnaqqis ipprovdut espliċitament f’dan ir-Regolament.

(3) Billi, bil-ħsieb li l-ambjent jiġi integrat aħjar fl-organizzazzjonijiet komuni tas-suq, l-Istati Membri għandhom japplikaw miżuri ambjentali approprjati f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-art agrikola u l-produzzjoni agrikola bla ħsara għall-ħlasijiet diretti; billi l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-konsegwenzi fil-każ li ma jiġux osservati l-ħtiġiet ambjentali; billi l-Istati Membri għandhom jingħataw il-poter li jnaqqsu jew saħansitra jikkanċellaw il-benefiċċji li jirriżultaw mill-iskemi ta’ appoġġ meta ma jiġux irrispettati l-ħtiġiet ambjentali; billi dawn il-miżuri għandhom jittieħdu mill-Istati Membri minkejja l-possibbiltà tal-konċessjoni ta’ għajnuna bħala kumpens għall-impenji mhux obbligatorji agro-ambjentali.

(4) Billi, sabiex tkun stabbilizzata l-qagħda ta’ l-impjiegi fil-biedja u sabiex titqies il-prosperità ġenerali ta’ l-azjendi u ta’ l-appoġġ Komunitarju lil dawn l-azjendi u b’hekk jikkontribwixxu għal standardtal-ħajja ġust għall-komunità agrikola, inklużi l-persuni kollha involuti fil-biedja, l-Istati Membri għandhom jiġu awtorizzati li jnaqqsu l-ħlasijiet diretti lill-bdiewa fil-każijiet meta l-qawwa tax-xogħol użata fuq l-azjendi tagħhom taqa’ taħt il-limiti li jridu jiġu stabbiliti u/jew meta l-prosperità ġenerali ta’ l-azjendi u/jew l-ammonti totali tal-ħlasijiet jogħlew ’il fuq mil-limiti li jridu jiġu deċiżi mill-Istati Membri; billi sabiex tinżamm b’mod partikolari l-produttività agrikola, dawn it-tnaqqisiet għandhom, madankollu, ma jaqbżux l-20 % ta’ l-ammont totali tal-ħlasijiet.

(5) Billi għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għal tnaqqis fil-ħlasijiet mill-Istati Membri fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi; billi l-Istati Membri għandhom jingħataw il-poter li jużaw l-ammonti magħmula disponibbli mit-tnaqqis fil-ħlasijiet għal ċerti miżuri addizzjonali fil-qafas ta’ l-appoġġ għall-iżvilupp rurali pprovdut bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanziji (EAGGF) u li jemenda u jħassar ċerti Regolamenti [6].

(6) Billi l-iskemi komuni ta’ appoġġ iridu jiġu addattati għall-iżviluppi tas-suq, jekk meħtieġ f’limiti qosra taż-żmien; billi l-benefiċjarji ma jistgħux, għalhekk, joqogħdu fuq kondizzjonijiet ta’ appoġġ li jissoktaw ma jitbiddlux u għandhom ikunu lesti għal reviżjoni possibbli ta’ l-iskemi fid-dawl ta’ l-żviluppi tas-suq.

(7) Billi l-iskemi ta’ appoġġ taħt il-politika komuni agrikoli jipprovdu għall-appoġġ għall-introjti diretti b’mod partikolari bil-ħsieb li jiżguraw standardtal-ħajja ġust lill-komunità agrikola; billi din il-mira għandha x’taqsam mill-qrib maż-żamma taż-żoni rurali; billi, sabiex jiġu evitati l-allokazzjonijiet ħżiena tal-fondi Komunitarji, ma għandu jsir l-ebda ħlas ta’ appoġġ lil dawk il-bdiewa li għalihom jiġi stabbilit li jkunu ħolqu artifiċjalment il-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jiksbu vantaġġ kuntrarju għall-miri ta’ l-iskemi ta’ appoġġ.

(8) Billi, minħabba l-implikazzjonijiet sinifikanti ta’ l-estimi finanzjarji rigward il-ħlas dirett ta’ appoġġ u sabiex isir apprezzament aħjar ta’ l-impatt tagħhom, l-iskemi Komunitarji għandhom ikunu bla ħsara għal valutazzjoni xierqa,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-iskop

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ħlasijiet konċessi direttament lill-bdiewa taħt l-iskemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni li huma ffinanzjati fl-intier tagħhom jew f’parti minnhom mit-Taqsima "Garanziji" tal-FAEGG, għajr għal dawk ipprovduti skond ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999.

Dawn l-iskemi ta’ appoġġ huma elenkati fl-Anness.

Artikolu 2

Il-ħlas sħiħ

Il-ħlasijiet taħt l-iskemi ta’ appoġġ għandhom isiru fis-sħiħ lill-benefiċjarji.

Artikolu 3

Il-ħtiġijiet tal-protezzjoni ambjentali

1. Fejn jirrigwarda l-attività agrikola fl-iskop ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri ambjentali li jikkunsidraw approprjati minħabba l-qagħda ta’ l-art agrikola użata jew il-produzzjoni interessata u li jirriflettu l-effetti potenzjali ambjentali. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:

- appoġġ bħala kumpens għall-impenji agro-ambjentali,

- ħtiġiet ġenerali mandatorji ambjentali,

- ħtiġiet ambjentali speċifiċi li jikkostitwixxu kondizzjoni għall-ħlasijiet diretti.

2. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar il-penali li jkunu approprjati u pproporzjonati dwar il-gravità tal-konsegwenzi ekoloġiċi minħabba n-nuqqas ta’ l-osservazzjoni tal-ħtiġiet ambjentali msemmija fil-paragrafu 1. Jistgħu jipprovdu għal tnaqqis jew, meta approprjat, il-kanċellazzjoni tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-iskemi ta’ appoġġ interessati jekk ma jiġux irrispettati dawn il-ħtiġiet ambjentali.

Artikolu 4

Il-modulazzjoni

1. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jnaqqsu l-ammonti tal-ħlasijiet li jkunu ġew konċessi, kieku mhux minħabba dan il-paragrafu, lill-bdiewa rigward sena kalendarja mogħtija fil-każijiet meta:

- il-qawwa tax-xogħol użata fuq l-azjendi tagħhom matul din is-sena kalendarja, espress bħala unitajiet ta’ xogħol annwali, tkun inqas mil-limiti li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri, u/jew

- il-prosperità ġenerali ta’ l-azjendi tagħhom matul din is-sena kalendarja, espressa fl-għamla ta’ marġini normali gross li jkun taqbel mas-sitwazzjoni normali ta’ jew reġjun partikolari jew entità żgħira ġeografika, tkun aktar mill-limiti li jridu jiġu deċiżi mill-Istati Membri, u/jew

- l-ammonti totali tal-ħlasijiet mogħtija permezz ta’ l-iskemi ta’ l-għajnuna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sena kalendarja jaqbżu l-limiti li jridu jiġu deċiżi mill-Istati Membri.

"Unità ta’ xogħol annwali:" għandha tfisser il-medja nazzjonali jew reġjonali annwali tat-tul tal-ħin tax-xogħol tal-ħaddiema fl-għelieqi/rżieżet meta dan ikun ix-xoghol ewlieni tagħhom u li jkunu impjegati matul sena kalendarja.

"Marġini standard gross" għandu jfisser id-differenza bejn il-valur tal-produzzjoni standardu l-ammont standardgħal ċerti spejjeż speċifiċi.

2. It-tnaqqis fl-għajnuna lill-bidwi rigward sena kalendarja mogħtija, li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, ma għandux jaqbeż l-20 % ta’ l-ammont totali tal-ħlasijiet li, kieku mhux minħabba l-paragrafu 1, kienu jingħataw lill-bidwi rigward is-sena kalendarja interessata.

Artikolu 5

Dispożizzjoni komuni

1. l-Istati Membri għandom japplikaw il-miżuri riferiti fl-Artikoli 3 u 4 hekk illi jiżguraw trattament egwali bejn il-bdiewa u li jevitaw tgħawwiġ fis-suq u fil-kompetittività.

2. Id-differenza bejn l-ammonti li kienu, kieku mhux minħabba l-Artikoli 3 u 4, jitħallsu lill-bdiewa fi Stat Membru rigward sena kalendarja u l-ammonti kkalkolati wara li jiġu applikati dawn l-Artikoli, għandha tkunu disponibbli lill-Istat Membru interessat fil-limiti taż-żmien li jridu jiġu ffissati bil-proċeduri riferiti fl-Artikolu 11 bħala appoġġ Komunitarju addizzjonali għall-miżuri taħt l-Artikoli minn 10 sa 12 (l-irtirar kmieni), minn 13 sa 21 (iż-żoni inqas favoriti u ż-żoni b’restrizzjonijiet ambjentali), minn 22 sa 24 (agro-ambjentali) u 31 (l-afforestazzjoni) tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999.

Artikolu 6

Ir-Reviżjoni

L-iskemi ta’ appoġġ għandhom jiġu applikati mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ reviżjoni f’kull waqt fid-dawl ta’ l-iżviluppi tas-suq.

Artikolu 7

Ir-restrizzjonijiet fuq il-ħlas

Minkejja d-dispożizzjonijiet speċifiċi fl-iskemi individwali ta’ appoġġ, ma għandu jsir l-ebda ħlas favur il-benefiċjarji li dwarhom ikun ġie stabbilit illi dawn ikunu ħolqu artifiċjalment il-kondizzjonijiet meħtieġa sabiex jiksbu dawn il-ħlasijiet bl-għan li jiksbu vantaġġ għall-kuntrarju tal-miri ta’ din l-iskema ta’ appoġġ.

Artikolu 8

Il-Valutazzjoni

Sabiex tiġi stmata l-effettività tagħhom, il-ħasijiet taħt l-iskemi ta’ appoġġ għandhom ikunu bla ħsara għal valutazzjoni maħsuba sabiex ikun studjat l-impatt tagħhom rigward il-miri tagħhom u sabiex jiġu analizzati l-effetti tagħhom fuq is-swieq rilevanti.

Artikolu 9

It-Trasmissjoni tat-tagħrif lill-Kummissjoni

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni fid-dettal dwar il-miżuri meħuda biex jimplimentaw dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Id-Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) "bidwi" għandu jfisser produttur individwali agrikolu, sewwa jekk persuna naturali u sewwa jekk legali jew grupp ta’ persuni naturali jew legali, ikun xi jkun l-istatus legali mogħti lill-grupp u lill-membri tiegħu bil-liġijiet nazzjonali, li l-azjendi tiegħu jkunu fit-territorju tal-Komunità,

(b) "azjenda" għandha tfisser l-unitajiet kollha tal-produzzjoni ġestiti minn bidwi lokat fit-territorju ta’ l-istess Stat Membru,

(ċ) il-ħlasijiet li jridu jingħataw rigward sena kalendarja għandhom jinkludu l-ħlasijiet li jridu jingħataw rigward il-perjodi l-oħra taż-żmien li jibdew minn din is-sena kalendarja.

Artikolu 11

Ir-Regoli dettaljati

Skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1251/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 li jistabbilixxi sistema ta’ appoġġ għall-produtturi ta’ ċerti wċuħ tar-raba’ maħrut [7], il-proċedura riferita fl-Artikolu 43 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam taċ-ċanga u l-vitella [8] jew, kif approprjat, ta’ l-Artikoli korrispondenti fir-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, il-Kummissjoni għanda tadotta:

- meta xieraq, regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan ir-Regolament inklużi, b’mod partikolari, il-miżuri meħtieġa sabiex jevitaw li jiġu mgħawġa l-Artikoli 3 u 4i, kif ukoll dawk li jirrigwardaw l-Artikolu 7 u

- l-emendi għall-Anness skond kif isiru jinħtieġu filwaqt li jitqiesu l-kriterji ddikjarati fl-Artikolu 1.

Artikolu 12

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jibda japplika mil-1 ta’ Jannar 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ Mejju 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

K.H. Funke

[1] ĠU C 170, 4.6.1998, p. 93.

[2] L-Opinjoni mogħtija fis-6 ta’ Mejju 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 407, 28.12.1998, p. 208.

[4] ĠU C 93, 6.4.1999, p. 1.

[5] ĠU C 401, 22.12.1998, p. 3.

[6] ĠU C 160, tas-26.6.1999, p. 80.

[7] ĠU C 160, tas-26.6.1999, p. 1.

[8] ĠU C 160, tas-26.6.1999, p. 21.

--------------------------------------------------

ANNESS

IL-LISTA TA' L-ISKEMI TA' APPOĠĠ LI JWETTQU L-KRITERJI DDIKJARATI FL-ARTIKOLU 1

Is-Settur | Il-Bażi Legali | Noti |

L-uċuħ tar-raba' maħrut | L-Artikoli 2 u 5 Ir-Regolament (KE) Nru 1251/1999 | Il-ħlasijiet għaż-żoni inklużi l-ħlasijiet għar-raba' mserraħ u jinkludi s-suppliment għall-qamħ duru u l-għajnuna speċjali |

Il-Lamtu tal-Patata | L-Artikolu 8(2) Ir-Regolament (KEE) Nru 1766/92 | Il-ħlas |

Iċ-Ċereali | L-Artikolu 3 Ir-Regolament (KEE) Nru 3653/90 (kif moqri flimkien mar-Regolament (KEE) Nru 738/93) | Il-miżuri transitorji li jirregolaw l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiċ-ċereali fil-Portugall |

Iż-Żejt taż-Żebbuġa | L-Artikolu 5(1) Ir-Regolament 136/66/KEE | L-għajnuna għall-produzzjoni |

Il-Legumi tal-Qamħ | L-Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 1577/96 | L-għajnuna għaż-żona |

Il-Kittien | L-Artikolu 4 Ir-Regolament (KEE) Nru 1308/70 | L-għajnuna għaż-żona (il-porzjon imħallas lill-bdiewa) |

Il-Qanneb | L-Artikolu 4 Ir-Regolament (KEE) Nru 1308/70 | L-għajnuna għaż-żona |

Id-Dud tal-Ħarir | L-Artikolu 2 Ir-Regolament (KEE) Nru 845/72 | L-għajnuna sabiex tinkoraġġixxi t-trobbija |

Il-Banana | L-Artikolu 12 Ir-Regolament (KEE) Nru 404/93 | L-għajnuna għall-produzzjoni |

L-Għeneb imnixxef | L-Artikolu 7(1) Ir-Regolament (KE) Nru 2201/96 | L-għajnuna għall-produzzjoni |

It-Tabakk | L-Artikolu 3 Ir-Regolament (KEE) Nru 2075/92 | |

Iż-Żrieragħ | L-Artikolu 3 Ir-Regolament (KEE) Nru 2358/71 | L-għajnuna għall-produzzjoni |

Il-Ħopp | L-Artikolu 12 Ir-Regolament (KEE) Nru 1696/71 Ir-Regolament (KE) Nru 1098/98 | L-għajnuna għall-produzzjoni |

| Il-ħlasijiet għas-serħ temporanju biss |

Ir-Ross | L-Artikolu 6 Ir-Regolament (KE) Nru 3072/95 | L-għajnuna għall-produzzjoni |

Il-Laħam taċ-ċanga u l-vitella | L-Artikoli 4, 5, 6 u 10, 11, 13 Ir-Regolament (KE) Nru 1254/1999 | Il-premium speċjali, il-premium tad-destaġjonalizzazzjoni, il-premium għall-baqar li jreddgħu (inkluż meta jitħallas għall-baqar li ma jreddgħux u jinkludi l-premium addizzjonali għall-baqar li jreddgħu meta ko-finanzjat), il-premium għall-qatla, il-ħlas għall-estensifikazzjoni, il-ħlasijiet addizzjonali |

Il-Prodotti mill-ħalib u tal-fabbriki tal-prodotti mill-ħalib | L-Artikoli 16 u 17 Ir-Regolament (KE) Nru 1256/1999 | Il-premium għall-fabbriki tal-prodotti mill-ħalib u l-ħlasijiet addizzjonali |

In-nagħaġ u l-mogħoż | L-Artikolu 5 Ir-Regolament (KE) Nru 2467/98 | Il-premium għan-nagħaġ u l-mogħoż (femminili) u s-supplimenti |

Il-Flus ta' l-Agrikultura | L-Artikoli 4 u 5 tar- Regolament (KE) Nru 2799/98 L-Artikoli 2 u 3 tar- Regolament (KE) Nru 2800/98 | Il-ħlasijiet lill-produtturi (inklużi dawk taħt ir-Regolament transitorju) |

Il-Poseidom | L-Artikoli 5, 13(1), 17 Ir-Regolament (KEE) Nru 3763/91 | Is-Setturi: tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella; ta' l-iżvilupp tal-frott, il-ħxejjex ta' l-ikel, il-pjanti u l-fjuri; taz-zokkor |

Il-Poseima | L-Artikoli 11, 14 & 24, 16 & 27, 17 & 25(1), 22 & 29, 30 Ir-Regolament (KEE) Nru 1600/92 | Is-Setturi: ta' l-iżvilupp tal-frott, il-ħxejjex ta' l-ikel, il-pjanti u l-fjuri; tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella; tal-patata u l-indivja; taz-zokkor; ta' l-inbid; ta' l-ananas |

Il-Poseican | L-Artikoli 10, 13, 15, 19, 20, 24 Ir-Regolament (KEE) Nru 1601/92 | Is-Setturi: tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella; ta' l-iżvilupp tal-frott, il-ħxejjex ta' l-ikel, il-pjanti u l-fjuri; tan-nagħaġ u l-mogħoż; tal-patata; ta' l-għasel |

Il-Gżejjer Eġej | L-Artikoli 6, 7, 8, 9, 11, 12 Ir-Regolament (KEE) Nru 2019/93 | Is-Setturi: tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella; ta' l-iżvilupp tal-frott, tal-ħxejjex ta' l-ikel, tal-pjanti u tal-fjuri; tal-patata; ta' l-inbid; taż-żebbuġ; ta' l-għasel |

--------------------------------------------------

Top