EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0038

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/38/KE tad-29 ta’ April 1999 li temenda għat-tieni darba d-Direttiva 90/394/KEE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji relatati ma’ l-esposizzjoni għall-karcinoġeni fuq ix-xogħol u li testendiha għall-mutaġeni

OJ L 138, 1.6.1999, p. 66–69 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 05 Volume 003 P. 350 - 353
Special edition in Estonian: Chapter 05 Volume 003 P. 350 - 353
Special edition in Latvian: Chapter 05 Volume 003 P. 350 - 353
Special edition in Lithuanian: Chapter 05 Volume 003 P. 350 - 353
Special edition in Hungarian Chapter 05 Volume 003 P. 350 - 353
Special edition in Maltese: Chapter 05 Volume 003 P. 350 - 353
Special edition in Polish: Chapter 05 Volume 003 P. 350 - 353
Special edition in Slovak: Chapter 05 Volume 003 P. 350 - 353
Special edition in Slovene: Chapter 05 Volume 003 P. 350 - 353

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/05/2004

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/38/oj

31999L0038



Official Journal L 138 , 01/06/1999 P. 0066 - 0069


Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/38/KE

tad-29 ta' April 1999

li temenda għat-tieni darba d-Direttiva 90/394/KEE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra r-riskji relatati ma' l-esposizzjoni għall-karcinoġeni fuq ix-xogħol u li testendiha għall-mutaġeni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 118a tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 90/394/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar il-protezzjoni ta' ħaddiema kontra r-riskji relatati ma' l-esposizzjoni għall-karċinoġeni fuq ix-xogħol (is-sitt Direttiva individwali fis-sens ta' l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) [1],

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [2], mibgħuta wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsulattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq ix-Xogħol,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3],

Waqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [4],

(1) Billi l-Artikolu 118a tat-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta, permezz tad-Direttivi, ħtiġiet minimi li jinkoraġġixxu titjib, speċjalment fl-ambjent tax-xogħol, li jiggarantixxu livell aħjar ta' protezzjoni u saħħa għall-ħaddiema;

(2) Billi, skond it-termini ta' dak l-Artikolu, dawn id-Direttivi għandhom jevitaw li jimponu limiti amministrattivi, legali u finanzjarji li jistgħu iżommu lura il-ħolqien u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju;

(3) Billi mutaġeni ta' ċellola ġerminattiva huma sustanzi li jistgħu jikkawżaw bidla permanenti fl-ammont jew fl-istruttura tal-materjal ġenetiku ta' ċellola, b'riżultat ta' tibdil fil-karatteristiċi fenotipiċi ta' dik iċ-ċellola, li jista' jiġi trasmess lil ċelloli dixxendenti;

(4) Billi minħabba l-mekkaniżmu ta' l-azzjoni tagħhom, huwa possibbli li mutaġeni taċ-ċellola ġerminali jkollhom effetti karċinoġeni;

(5) Billi l-monomeru tal-klorur tal-vinil huwa ikklassifikat bħala ta' l-ewwel kategorija karċinoġena taħt id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi relatati għall-klassifika, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta' sostanzi perikolużi [5];

(6) Billi, fl-interess tal-konsistenza u ċ-ċarezza, id-dispożizzjonijiet essenzjali tad-Direttiva tal-Kunsill 78/610/KEE tad-29 ta' Ġunju 1978 dwar l-approssimazzjoni tal-ligijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema esposti għall-monomeru tal-klorur tal-vinil [6] għandhom jiġu inklużi f'din id-Direttiva, mingħajr ma jitnaqqas il-livell ta' Saħħa u s-Sigurtà tal-ħaddiema;

(7) Billi id-Direttiva 78/610/KEE tista' tiġi mħassra wara l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva;

(8) Billi l-karċinogeniċità tat-trab tal-ballut u tal-fagu ġiet ikkonfermata bl-istudji epidemjoloġiċi fuq ħaddiema esposti; billi huwa ta' probabbilità għolja li tipi oħrajn ta' trab ta' injam iebes jista' wkoll jikkawża kanċer fin-nies; billi għalhekk il-ħaddiema kkonċernati huma esposti serjament għal riskju potenzjali ta' żvilupp tal-kanċer;

(9) Billi l-prinċipju prekawzjonali għandu jiġi applikat fil-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema; billi għalhekk id-Direttiva 90/394/KEE għandha tiġi estiża biex tkopri kull tip ta' trab ta' l-injam iebes;

(10) Billi hija mixtieqa aktar riċerka fil-karċinoġeniċità ta' trab ta' injam ieħor; billi il-Kummissjoni għandha tressaq il-proposti biex tipproteġi is-saħħa tal-ħaddiema meta huwa identifikat riskju;

(11) Billi l-Artikolu 16 tad-Direttiva 90/394/KEE jagħmel dispożizzjonijiet għat-twaqqif ta' limiti fir-rigward ta' dawk il-karċinoġeni kollha li għalihom dak li hu possibbli, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli, inkluża informazzjoni xjentifika u teknika;

(12) Billi huwa approprjat li jiġu ffissati dawn il-limiti għal trab ta' l-injam iebes; billi l-limiti għall-monomeru tal-klorur tal-vinil għandhom jitnaqqsu biex jirriflettu l-aħjar standards minimi għal prattiki teknoloġiċi li jirriflettu fatturi possibbli waqt li jżommu l-għan li tiżgura s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol;

(13) Billi l-ħaddiema għandhom ikunu protetti effettivament mir-riskji li jiżviluppaw il-kanċer bħala riżultat ta' esposizzjoni għat-trab ta' l-injam iebes fuq ix-xogħol; billi l-għan ta' din id-Direttiva mhix li tillimita l-użu ta' l-injam jew billi jiġi sostitwit b'materjali oħra jew billi jiġu sostitwiti xi tipi ta' injam ma' tip ta' injam ieħor;

(14) Billi l-konformità mal-ħtiġiet minimi għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta' ħaddiema mir-riskju speċifiku li għandu x'jaqsam mal-karcinoġeni hija maħsuba li mhux biss tiżgura s-saħħa u l-protezzjoni tas-sigurtà ta' kull ħaddiem individwali imma ukoll li tipprovdi livell minimu ta' protezzjoni għall-ħaddiema kollha fil-Komunità;

(15) Billi livell konsistenti ta' protezzjoni mir-riskji relatati mal-karċinoġeni għandu jiġi stabbilit għall-Komunità kollha, billi dak il-livell ta' protezzjoni għandu jiġi stabbilit minn qafas ta' prinċipji ġenerali biex jippermetti lill-Istati Membri japplikaw il-ħtiġiet minimi konsistentement;

(16) Billi l-emendi li jinsabu f'din id-Direttiva jikkostitwixxu aspett prattiku tar-realizzazzjoni tad-dimensjoni soċjali tas-suq intern;

(17) Billi, skond id-Deċiżjoni 74/325/KEE [7], il-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà, l-Iġjene u l-Protezzjoni tas-Saħħa fuq il-post tax-Xogħol, għandu jiġi kkonsultat mill-Kummissjoni bil-ħsieb li jitfasslu proposti f'dan il-qasam,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 90/394/KEE hi emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 1(4) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"4. Fir-rigward ta' l-asbestos, li tittratta fuqu d-Direttiva 83/477/KEE [8] id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw meta huma aktar favorevoli għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.";

2. fl-Artikolu 2, il-punt li ġej għandu jiddaħħal wara (a):

"(aa) "mutaġenu"; tfisser:

(i) sustanza li tissodisfa l-kriterji għall-klassifika bħala kategorija 1 jew 2 ta' mutaġenu stabbilita fl-Anness VI għad-Direttiva 67/548/KEE;

(ii) preparazzjoni komposta minn sustanza waħda jew aktar imsemmija f'(i) meta il-konċentrazzjoni ta' sustanza individwali waħda jew aktar jissodisfaw il-ħtiġijiet għal-limiti ta' konċentrazzjoni għall-klassifika ta' preparazzjoni bħala kategorija 1 jew 2 mutaġenu dikjarati f'waħda jew fl-oħra:

- L-Anness I għad-Direttiva 67/548/KEE, jew

- L-Anness I għad-Direttiva 88/379/KEE meta s-sostanza jew is-sostanzi ma jidhrux fl-Anness I għad-Direttiva 67/548/KEE jew jidhru fiha mingħajr limiti ta' konċentrazzjoni;";

3. Fl-Artikolu 1(1), l-Artikolu 3(1), (2), l-ewwel u t-tieni inċiżi, u (4), l-Artikolu 5(5)(ċ), (d), (e) u (j), l-Artikolu 6(a) u (b), l-Artikolu 10(1), il-kliem ta' l-introduzzjoni, u l-punt (a), l-Artikolu 11(2), l-Artikolu 14(3), l-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 17(2), il-kelma "karċinoġeni" għandha tiġi sostitwita b' "karċinoġeni jew mutaġeni";

4. fl-Artikolu 2(b), l-Artikolu 4(1), l-Artikolu 5(2) u (5), l-intestatura u l-punt (a), il-kelma "karċinoġenu" għandha tiġi sostitwita b' "karċinoġenu jew mutaġenu";

5. fl-Anness I it-Taqsima li ġejja għandha tiżdied:

"3. Xogħol li jinvolvi esposizzjoni għal trab ta' injam iebes [9].;";

6. fl-Anness III, il-Parti A għandha tiġi sostitwita b'dan li ġej:

"A. IL-LIMITI GĦALL-ESPOSIZZJONI FUQ IX-XOGĦOL

Isem ta' l-aġent | EINECS | Sak | Valuri — limiti | Notament | Miżuri transitorji |

mg/m3 | ppm |

Benżina | 200–753–7 | 71–43–2 | 3,25 | 1 | Ġilda | Valuri Limiti: 3 ppm (= 9,75 mg/m3) sa tliet snin wara d-data fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/42/KE |

Il-klorur tal-vinil monomeru | 200-831 | 75–01–4 | 7,77 | 3 | — | — |

Trab ta' l-injam iebes | — | — | 5,0 | — | — | —" |

L-Artikolu 2

Id-Direttiva 78/610/KEE għandha titħassar b'effett mid-29 ta'April 2003.

L-Artikolu 3

Fuq il-bażi ta' l-aħħar fatti xjentifiċi magħrufa disponibbli, il-Kummissjoni tista' fi żmien sentejn mid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Direttiva, tissottometti proposta lill-Kunsill għall-adozzjoni ta' limiti riveduti għall-monomeru tal-klorur tal-vinil u għat-trab ta' l-injam iebes skond l-Artikolu 118a tat-Trattat.

L-Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mid-29 ta' April 2003. Għandhom jinformaw immedjatament lill-istess Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi biex issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika li jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

L-Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tiġi fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fid-29 ta' April 1999.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Müller

[1] ĠU L 196, tas-26.7.1990, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/42/KE (ĠU L 179, tat-8.7.1997, p. 4).

[2] ĠU C 123, tat-22.4.1998, p. 21.

[3] ĠU C 284, ta' l-14.9.1998, p. 111.

[4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 1998 (ĠU C 341, tad-9.11.1998, p. 134), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1998 (ĠU C 55, tal-25.2.1999, p. 39) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[5] ĠU L 196, tas-16.8.1967, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/69/KE (ĠU L 343, tat-13.12.1997, p. 19).

[6] ĠU L 197, tat-22.7.1978, p. 12.

[7] ĠU L 185, tad-9.7.1974, p. 15. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bl-Att ta' l-Adeżjoni ta' l-1994.

[8] ĠU L 263, ta' l-24.9.1983, p. 25. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 98/24/KE (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).

[9] Lista ta' trab ta' injam iebes tinsab fil-Volum 62 tal-Monografi dwar l-Evalwazzjoni ta' Riskji Karċinoġeniċi għall-Umani "Wood Dust and Formaldehyde";, ippubblikat mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka fuq il-Kanċer, Lyon 1995;

--------------------------------------------------

Top