EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998R2846

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2846/98 tas-17 ta' Diċembru 1998 li jemenda r- Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jwaqqaf sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd

OJ L 358, 31.12.1998, p. 5–13 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)
Special edition in Czech: Chapter 04 Volume 004 P. 88 - 96
Special edition in Estonian: Chapter 04 Volume 004 P. 88 - 96
Special edition in Latvian: Chapter 04 Volume 004 P. 88 - 96
Special edition in Lithuanian: Chapter 04 Volume 004 P. 88 - 96
Special edition in Hungarian Chapter 04 Volume 004 P. 88 - 96
Special edition in Maltese: Chapter 04 Volume 004 P. 88 - 96
Special edition in Polish: Chapter 04 Volume 004 P. 88 - 96
Special edition in Slovak: Chapter 04 Volume 004 P. 88 - 96
Special edition in Slovene: Chapter 04 Volume 004 P. 88 - 96
Special edition in Bulgarian: Chapter 04 Volume 005 P. 30 - 38
Special edition in Romanian: Chapter 04 Volume 005 P. 30 - 38

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/2846/oj

31998R2846



Official Journal L 358 , 31/12/1998 P. 0005 - 0013


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2846/98

tas-17 ta' Diċembru 1998 li jemenda r- Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jwaqqaf sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mressqa mill-Kummissjoni [1]

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi evolvew l-użanzi tas-sajd u fit-trasport u l-bejgħ fis-suq ta' prodotti tas-sajd; billi l-miżuri ta' kontroll għandhom għaldaqstant jiġu adattati; billi għandhom għalhekk jiġu rrimedjati diversi nuqqasijiet fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2847/93 tat-12 ta'Ottubru 1993 li jwaqqaf sistema ta' kontroll applikabbli għall-politika komuni tas-sajd [4]

Billi wieħed mir-rekwiżiti bażiċi għall-kaptana ta' bastimenti tas-sajd għall-fini ta' kontroll huwa li jniżżlu l-ammont tal-speċi differenti miżmuma abbord; billi dan ir-rekwiżit għandu jiġi simplifikat; billi il-karatteristiċi speċifiċi tal-ħidmiet tas-sajd fil-Mediterran għandhom jiġu kkunsidrati; billi, għalhekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru No 2847/93 għandu jiġi emendat u l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru No 2241/87 tat-23 Lulju 1987 li jwaqqaf ċerti miżuri ta' kontroll għall-attivitajiet tas-sajd [5], għandu jiġi mħassar;

Billi huwa xieraq li l-eżenzjonijiet eżistenti mid-disposizzjonijiet ta' l-Artikoli 6 u 8 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 għall-ħidmiet ta' sajd fil-Baħar Mediterran jiġu estiżi b'sena sabiex jaħbtu mad-dħul fis-seħħ tar-rekwiżiti emendati dwar il-ġurnal t'abbord;

Billi l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri aktar stretti skond dan ir-Regolament, inkluż dawk sabiex jikkontrollaw l-iżbarki; billi għal dan l-għan l-Istati Membri jistgħu jinnominaw portijiet għall-iżbarki;

Billi l-kontrolli fuq il-prodotti tas-sajd wara l-iżbark għandhom jiġu msaħħa; billi l-informazzjoni dwar il-prodotti tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 għandha tkun disponibbli mill-mument tal-iżbark sal-aħħar stadju ta' bejgħ fis-suq; billi n-noti ta' bejgħ u d-dikjarazzjonijiet ta' rilevament għandu jkun fihom din l-informazzjoni għall-finijiet ta' kontroll;

Billi ħidmiet ta' trasbord u, in ġenerali, ħidmiet li jinvolvu azzjoni konġunta minn għadd ta' bastimenti f'ibħra Komunitarji kkawżaw problemi konsiderevoli ta' kontroll f'ċerti sajdiet; billi ħidmiet simili għandu jkollhom l-awtorizzazzjoni minn qabel mill-Istati Membri u għandhom isiru jekk jiġu osservati l-proċeduri stabbiliti ta' kontroll;

Billi l-applikazzjoni tad-disposizzjonijet il-ġodda fuq trasbord u ħidmiet oħrajn konġunti tas-sajd li jinvolvu aktar minn bastiment tas-sajd wieħed, għandhom jiġu posposti sad-dħul fis-seħħ tar-regoli dettaljati li jimplementaw;

Billi għandu jiġi żgurat illi l-Kummissjoni jkollha aċċess remot għal informazzjoni li tinsab fil-files rilevanti tal-kompjuters f'databases aġġornati mill-Istati Membri sabiex tkun tista tesegwixxi b'mod effiċjenti r-rwol ta' kontroll afdat lilha bir-Regolament (KEE) Nru 2847/93;

Billi, skond il-prinċipji tal-Liġi Komunitarja, kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 trid tirrispetta l-liġi Komunitarja viġenti, u b'mod partikulari r-regoli ta' kunfidenzjalità, sigriet professjonali u l-protezzjoni ta' data kif stipulati fid-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta'Ottubru 1995 fuq il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u l-moviment liberu ta' data simili [6];

Billi l-mezzi ta' kontroll ta' kull Stat Membru jinkludu interventi fil-baħar, fl-iżbarki kif ukoll wara l-iżbarki, filwaqt li jittieħdu in konsiderazzjoni l-punti speċifiċi ta' kull Stat Membru, l-importanza relattiva tar-riskju ta' tipi differenti ta' frodi, u, għall-finijiet ta' kontroll wara l-iżbark, id-dispożizzjonijiet ta' kontroll qabel u wara l-iżbark;

Billi l-miżuri ta' kontroll, spezzjoni u sorveljanza fir-Regolament (KEE) Nru 2847/93 applikabbli għal bastimenti tas-sajd li jġorru l-bandiera ta' pajjiż terz u li jeżegwixxu attivitajiet ta' sajd fiż-żona ta' sajd tal-Komunità għandhom jiġu mkabbra; billi, b'mod partikolari bastimenti simili li jeċċedu it-tul stipulat li jaħdmu f'din iż-żona għandhom jiġu sorveljati kontinwament bis-satellita mid-data li fiha is-"Sistema ta' Kontroll tal-Bastimenti" (VMS) tibda tapplika għall-bastimenti tas-sajd kollha tal-Komunità; billi huwa meħtieġ illi jiġu intensifikati l-ispezzjoni u s-sorveljanza tal-iżbarki minn bastimenti li jġorru l-bandiera ta' pajjiż terz u b'mod partikolari, fuq il-passi ta' ċerti organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd, sabiex tiżdied l-effikaċja ta' miżuri ta' konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd fil-baħar miftuħ, qabdiet fiż-żoni konċernati;

Billi, sabiex jgħinu l-Kummissjoni tissodisfa r-rwol tagħha b'mod effettiv, għandhom jiġu introdotti proċeduri ta' osservazzjoni sabiex iħallu l-ispetturi li jaġixxu għan-nom tal-Kummissjoni jivverifikaw l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93; billi għal dan l-għan l-ispetturi tal-Komunità għandu jkollhom aċċess għall-postijiet u d-dokumentazzjoni kollha rilevanti skond ir-regoli ta' proċedura tal-liġi nazzjonali u għandhom jiġu akkumpanjati minn spetturi nazzjonali;

Billi, sabiex tissaħħaħ u tiġi faċilitata l-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet kollha fil-Komunità involuti fil-kontroll, l-ispezzjoni u s-sorveljanza ta' attivitajiet fis-settur tas-sajd, għandu jitwaqqaf qafas ġenerali li taħtu l-awtoritajiet kollha konċernati jistgħu jitolbu assistenza reċiproka u l-bdil ta' informazzjoni rilevanti, u għandhom jiġu introdotti programmi speċifiċi ta' kontroll; billi huwa xieraq li tipprevedi għall-adozzjoni ta' programmi speċifiċi ta' kontroll f'każ ta' taqlib serju u mprevist;

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 għandu allura jiġi emendat,

ADOTTA DAN IR-Regolament:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 2847/93 huwa hawnhekk emendat kif ġej:

1. L-intestatura tat-Titolu I tinbidel b'dan li ġej:

"TITOLU I

Kontroll, ispezzjoni u sorveljanza"

;

2. L-Artikolu 2 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 2

1. Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regolamenti kollha fis-seħħ, kull Stat Membru fit-territorju u fl-ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tiegħu għandu jikkontrolla, jispezzjona u jżomm sorveljanza ta' l-attivitajiet kollha fis-settur tas-sajd, b'mod partikolari s-sajd innifsu, l-ispedizzjoni, l-iżbark, il-bejgħ fis-suq, it-trasport u l-ħażna ta' prodotti tas-sajd u d-dokumentazzjoni li turi l-iżbark u l-bejgħ. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw l-aħjar kontroll possibbli fit-territorju tagħhom u fl-ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tagħhom, skond il-lokazzjoni partikolari tagħhom.

2. Kull Stat Membru għandu jassigura illi l-attivitajiet tal-bastimenti tiegħu barra ż-żona ta' sajd tal- Komunità jkunu kontrollati b'mod xieraq u, fejn jeżistu tali obbligi Komunitarji, isiru spezzjonijiet u sorveljanza, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-Komunità applikabbli f'dawk l-ibħra.";

3. L-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(2) tiġi abrogata;

4. L-Artikolu 5 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 5

Regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan it-Titolu għandhom jiġu adottati kif meħtieġ, mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi nazzjonali, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma':

(a) l-Istat Membru jista' juża l-identifikazzjoni ta' spetturi uffiċjalment nominati u ta' bastimenti ta' spezzjoni, ajruplani u mezzi oħra ta' spezzjoni;

(b) il-proċedura tal-ispezzjoni u s-sorveljanza ta' attivitajiet fis-settur tas-sajd;

(ċ) li jiġu mmarkati u identifkati (is-senjalazzjoni u l-identifikazzjoni ta') bastimenti tas-sajd u t-tagħmir tagħhom;

(d) Iċ-ċertifikazzjoni tal-karatteristiċi ta' bastimenti tas-sajd li jirrelataw ma' attivitajiet ta' sajd";

5. L-Artikolu 6(2) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. Mill-1 ta' Jannar 2000 kwalunkwe ammont akbar minn 50 kg ta' live-weight equivalent għall-kwalunkwe speċe miżmuma abbord, iridu jiġu imniżżla fil-ġurnal ta'abbord f'postijiet li mhumiex fil-Mediterran. Għal ħidmiet ta' sajd fil-Baħar Mediterran kwalunkwe ammont akbar minn 50 kg ta' live-weight equivalent għall-kwalunkwe speċe indikata f'lista adottata taħt dan l-Artikolu miżmuma abbord għandha tiġi mniżżla fil-ġurnal t'abbord.";

6. L-Artikolu 6(8) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"8. Regoli dettaljati għall-implementazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl- l-Artikolu 36, inkluż:

- bażi ġeografika oħra differenti mill-ICES statistical rectangle, f'ċerti każijiet speċifiċi, u

- dokumentazzjoni ta' qabdiet b'tagħmir ta' xbieki b'toqob żgħir li tħallew abbord mhux magħżula,

- il-lista msemmija fil-paragraph 2.";

7. L-Artikolu 7(1) jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. Il-kaptan ta' bastiment tas-sajd tal-Komunità li jixtieq juża postijiet ta' żbark fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru li jġorr il-bandiera tiegħu jrid jikkonforma mar-rekwiżiti ta' kwalunkwe skema tal-port nominat mwaqqfa minn dak l-Istat Membru skond l-Artikolu 38, jew jekk dak l-Istat Membru ma' jħaddimx skema simili, hu jrid jinforma lill-awtoritajiet kompetenti f'dak l-Istat Membru tal-inqas erba' sigħat qabel bil-:

- post(ijiet) ta' żbark u l-ħin stimat għall-wasla fih jew fihom

- l-ammonti ta' kull speċe li ser tiġi żbarkata";

8. fl-Artikolu 9:

(a) il-paragrafi 1 u 2 jiġu mibdula b'dan li ġej:

"1. Ċentri ta' subbasta jew entitajiet jew persuni oħrajn awtorizzati mill-Istati Membri, li jkunu inkarigati mill-ewwel bejgħ fis-suq ta' prodotti tas-sajd li jiġu żbarkati fi Stat Membru jridu jissottomettu, wara l-ewwel bejgħ, nota ta' bejgħ lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom isir l-ewwel negozju. Iċ-ċentri ta' subbasta jew entitajiet jew persuni oħrajn awtorizzati mill-Istati Membri huma responsabbli mis-sottomissjoni tan-noti ta' bejgħ li jelenkaw l-informazzjoni kollha rikjesta taħt dan l-Artikolu.

2. Fejn l-ewwel bejgħ fis-suq fil-prodotti tas-sajd li jiġu żbarkati fi Stat Membru jsir b'mod differenti minn dak stipulat fil-paragrafu 1, il-prodotti żbarkati m'għandhomx jinġabru sakemm ma jiġix mogħti wieħed mid-dokumenti li ġejjin lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-entitajiet oħra awtorizzati mill-Istati Membri:

- nota ta' bejgħ, meta l-prodotti ġew mibjugħa jew offruti għall-bejgħ fil-post ta' żbark,

- kopja ta' wieħed mid-dokumenti stipulati fl-Artikolu 13, meta l-prodotti jiġu offruti għall-bejgħ f'post li mhux il-post ta' żbark; nota ta' bejgħ trid tiġi annessa ma' kopji simili fil-mument attwali tal-bejgħ,

- dikjarazzjoni li qed jiġi assunt il-kontroll, meta l-prodotti ma jiġux offruti għall-bejgħ jew huma maħsuba li jiġu offruti f'data aktar tard.

Is-sottomissjoni tan-noti ta' bejgħ li jelenkaw l-informazjoni rikjesta f'dan l- Artikolu huma fir-responsabbiltà tax-xerrej.

Is-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni li qed jiġi assunt il-kontroll li telenka l-informazzjoni kollha rikjesta taħt dan l- Artikolu hija fir-responsabbiltà tad-detentur ta' din id-dikjarazzjoni.";

(b) fil-paragrafu 3 l-inċiżi li ġejjin għandhom jiġu mdaħħla bħala l-ewwel, it-tielet u l-aħħar inċiż:

"- l-isem relevanti ta' kull speċe u l-post ġeografiku tal-oriġini tagħha,

- fejn xieraq, id-daqs minimu rilevanti tal-ħut,

- fejn possibbli, in-numru ta' riferenza tal-kuntratt ta' bejgħ.";

(c) il-paragrafu 4 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"4. In-noti ta' bejgħ għandhom jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kontroll tal-ewwel bejgħ tas-suq tal-ħut b'tali mod li tkun inkluża l-informazzjoni li ġejja:

- l-identifikazzjoni esterna u l-isem tal-bastiment tas-sajd li jkun żbarka l-prodotti konċernati,

- l-isem ta' sid il-bastiment jew tal-kaptan,

- il-port u d-data tal-iżbark,

- fejn applikabbli, riferenza għal wieħed mid-dokumenti msemmija fl-Artikolu 13(1) u (4)(b).";

(d) iridu jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

"4a. Fejn nota ta' bejgħ ma taqbilx mal-fattura jew dokument ieħor minflokha, kif imsemmi fl-Artikolu 22(3) tas-sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE [7], l-Istati Membri jadottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jiżguraw li l-informazzjoni fuq il-prezz mingħajar taxxa għall-kunsinna tal-oġġetti lix-xerrej tkun l-istess bħal dik indikata fuq il-fattura.

4b. Dikjarazzjonijiet li qed jiġi assunt il-kontroll imsemmija fil-paragrafu 2, imfassla mis-sidien tal-prodotti tas-sajd żbarkati jew l-aġenti tagħhom, irid ikun fihom tal-inqas l-informazzjoni li ġejja:

- l-isem ta' kull speċe u l-post ġeografiku tal-oriġini tagħha,

- il-piż ta' kull speċe, imqassma skond it-tip ta' preżentazzjoni ta' prodott,

- fejn hu xieraq, id-daqs minimu rilevanti tal-ħut,

- l-identifikazzjoni tal-bastiment tas-sajd li żbarka l-prodotti,

- l-identifikazzjoni tal-kaptan tal-bastiment,

- il-port u d-data tal-iżbark,

- il-postijiet fejn il-prodotti jiġu maħżuna,

- fejn applikabbli, referenza għal wieħed mid-dokumenti imsemmija fl-Artikoli 13(1) u (4)(b).

4c. Fejn il-prodotti tas-sajd żbarkati huma maħsuba sabiex jinbiegħu aktar tard, u fejn dawn il-prodotti jridu jitqegħdu fis-suq bi prezz stipulat f'kuntratt jew bi prezz fiss għal żmien speċifiku, l-Istati Membri għandhom jagħmlu verifiki xierqa sabiex jikkonfermaw illi l-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet li qed jiġi assunt il-kontroll u fin-noti ta' bejgħ imsemmija fil-paragrafu hi eżatta.";

(e) il-paragraph 5 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"5. In-noti ta' bejgħ, dikjarazzjonijiet li qed jiġi assunt il-kontroll u kopja tad-dokumenti tat-trasport iridu jiġu sottomessi, fi żmien 48 siegħa mill-ewwel negozjar jew żbark, lill-awtorità kompetenti jew entitajiet oħra awtorizzati mill-Istati Membri, skond il-liġi tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom ikunu saru l-ħidmiet tas-sajd. Fuq talba ta' Stat Membru, il-Kummissjoni, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36, tista' tagħti eżenzjoni minn dan id-dewmien f'sitwazzjonijiet speċifiċi.

Fil-każ li l-prodotti jinġarru lejn Stat Membru li mhux l-Istat Membru fejn seħħ l-iżbark, min iġorr il-prodott għandu jibgħat fi żmien 48 siegħa mill-iżbark kopja tad-dokumenti tat-trasport lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu ġie ddikjarat li sar l-ewwel bejgħ fis-suq. L-Istat Membru li fih isir l-ewwel bejgħ fis-suq jista' jitlob aktar informazzjoni fuq dan mill-Istat Membru li fih isir l-iżbark.";

(f) fil-paragrafu 6, għandu jiġi miżjud is-sub-inċiż li ġej:

"Fejn l-ewwel bejgħ fis-suq tal-prodotti tas-sajd ma jseħħx fl-Istat Membru fejn il-prodotti ġew żbarkati, l-Istat Membru responsabbli mill-kontroll tal-ewwel bejgħ fis-suq għandu jiżgura li kopja tan-nota ta' bejgħ tiġi mogħtija lill-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll tal-iżbark tal-prodotti msemmija mill-aktar fis possibbli.";

(g) fil-paragrafu 7 għanda tiġi miżjuda din is-sentenza fl-aħħar tal-ewwel sub-inċiż tal-Artikolu 9(7):

"jew għal kwantitajiet ta' prodotti tas-sajd li ma jaqbżux il-50 kg ta' live weight equivalent bl-ispeċe.";

9. L-Artikolu 10 jiġi abrogat;

10. L-Artikolu 11 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 11

1. Trasbordi u ħidmiet ta' sajd li jinvolvu azzjoni konġunta bejn żewġ bastimenti jew aktar li jsiru f'ibħra li jaqgħu taħt is-sovranità jew il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, kif ukoll trasbord li jsir fil-portijiet ta' Stat Membru jistgħu jiġu awtorizzati minn dan l-Istat Membru. Il-kaptana tal-bastimenti kkonċernati jridu josservaw dawn il-proċeduri stipulati skond il-paragrafu 2, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma':

- id-definizzjoni tal-postijiet awtorizzati,

- il-proċeduri ta' ispezzjoni u sorveljanza,

- it-termini u l-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni u n-notifika tal-ispedizzjoni u tal-kwantitajiet trasbordati.

Din id-disposizzjoni ma tapplikax għall-attivitajiet ta' pair trawling minn bastimenti tal-Komunità.

2. Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, wara li jittieħdu in konsiderazzjoni il-kummenti ta' l-Istati Membri kkonċernati, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36.";

11. L-Artikolu 13 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. Il-prodotti tas-sajd kollha żbarkati jew importati fil-Komunità, kemm dawk mhux ipproċessati jew wara li ġew ipproċessati abbord, u li għalihom ma' ġewx mogħtija la nota ta' bejgħ u lanqas dikjarazzjoni ta' assunzjoni tal-kontroll skond l-Artikolu 9(1) u (2), u li huma trasportati minn post differenti minn dak tal-iżbark jew importazzjoni, iridu jkunu akkumpanjati b'dokument miktub minn min iġorr l-oġġetti sakemm iseħħ l-ewwel bejgħ. Is-sottomissjoni ta' dan id-dokument tat-trasport li jelenka l-informazzjoni kollha mitluba taħt dan l- Artikolu hija fir-responsabbilta ta' min iġorr.";

(b) il-paragrafu 2 jiġi mibdul b'dan li ġej:

"2. Dan id-dokument għandu:

(a) jindika f'dak li għandu x'jaqsam mal-kunsinna l-isem tal-bastiment ta' provenjenza u l-identifikazzjoni esterna. Fil-każ ta' importazzjoni mhux b'bastiment, dan id-dokument għandu jindika l-post fejn il-kunsinna ġiet impurtata;

(b) jinkludi l-post tad-destinazzjoni tal-kunsinna(i) u l-identifikazzjoni tal-mezz ta' trasport;

(ċ) jindika l-kwantitajiet ta' ħut (f'kilogrammi ta' piż ipproċessat) għal kull speċe trasportata, l-ismijiet tal-kunsinnatarju u tal-post u d-data tat-tgħabija, kif ukoll l-isem ta' kull speċe, iż-żona ġeografika tal-oriġini u, fejn hu xieraq, id-daqs minimu rilevanti tal-ħut.";

(c) il-paragrafi li ġejjin għandhom jiġu mdaħħla:

"5a. Fejn il-prodotti tas-sajd li ġew iddikjarati mibjugħa skond l-Artikolu 9 jiġu trasportati lejn post differenti mill-post tal-iżbark jew tal-importazzjoni, it-trasportaturi jridu jkunu kapaċi juru dejjem, fuq bażi ta' dokument, li saret transazzjoni ta' bejgħ.";

(d) il-paragrafu 6 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"6. Kull Stat Membru għandu jikkontrolla permezz ta' kampjuni fuq it-territorju tiegħu sabiex jivverifika li qed jiġu rrispettati l-obbligi mwaqqfa minn dan l-Artikolu. L-intensità ta' kontrolli simili tista' titqabbel mal-intensità fl-istadji ta' qabel.";

(e) għandhom jiżdiedu dawn il-paragrafi li ġejjin:

"7a. Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazjoni ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36.";

12. fl-Artikolu 18 għandu jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

"4. Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għall-applikazjoni ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36.";

13. L-Artikolu 19 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. Kull Stat Membru għandu jadotta miżuri sabiex jiżgura li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiddaħħal fid-database kemm jista' jkun malajr.

L-informazzjoni dwar ir-riżorsi regolati li jaqgħu fit-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru kif 3760/92 [8] imniżżel fil-ġurnal t'abbord, id-dikjarazzjoni ta' żbark, in-nota ta' bejgħ u l-attestat tal-assunzjoni tal-kontroll għandha tiġi mdaħħla fid-database msemmija fil-paragrafu 2 fi żmien 15-il ġurnata tax-xogħol minn meta din l-informazzjoni tasal għand l-awtorijtajiet kompetenti. Jekk ġiet maqbuda aktar minn 85 % tal-kwota, dan il-perjodu m'għandhux jaqbeż ħames ġranet tax-xogħol.";

(b) il-paragrafu għandu jiġi abrogat;

(ċ) il-paragrafu 5 għandu jinbidel b'dan li ġej:

"5. L-Istati Membri għandhom jadottaw fejn meħtieġ il-miżuri kollha neċessarji sabiex jiffaċilitaw il-ġbir, il-konvalida u l-cross-referencing tad-data. Il-Kummissjoni għandu jkollha aċċess remot għall-files duplikati tal-kompjuter li jkun fihom l-informazzjoni relevanti fuq bażi ta' talba speċifika";

14. L-Artikolu 21 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) fil-paragrafu 3 għandha tiġi miżjuda s-sentenza li ġejja mal-ewwel sub-inċiż:

"Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istati Membri b'din id-data mingħajr dewmien.";

(b) fil-paragrafu 3 l-aħħar sub-inċiż għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Mid-data msemmija fl-ewwel sub-inċiż, l-Istat Membru tal-bandiera jista' għal xi żmien ma jħallix li jsir sajd ta' dak l-istokk jew grupp ta' stokk minn bastimenti li jġorru l-bandiera tiegħu kif ukoll li jinżammu abbord, jiġu trasbordati jew żbarkati ħut wara dik id-data u għandu jiddeċiedi data sakemm l-ispedizzjonijijiet u l-iżbarki jew id-dikjarazzjonijiet finali tal-qabdiet huma permessi.

Il-Kummissjoni għandha tiġi notifikata mill-ewwel b'din il-miżura u għandha mbagħad tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn.";

15. Fl-Artikolu 28 għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"2a. Fejn ġie ffissat daqs minimu għal speċe partikolari permezz tal-Artikolu tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92, dawk il-ħaddiema responsabbli mill-bejgħ, mill-ħażna jew mit-trasport ta' għadd ta' prodotti tas-sajd ta' dik l-ispeċe iżgħar mid-daqs minimu jridu jkunu dejjem kapaċi jippruvaw l-lok ġeografiku tal-oriġini jew il-provenjenza minn akwakultura tal-prodotti. l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-kontrolli meħtieġa sabiex jipprevjenu l-problemi li jistgħu jeżistu fit-territorju tagħhom minħabba it-trasport jew in-negozju ta' ħut taħt id-daqs.";

16. Għandu jiżdied it-Titolu li ġej:

"TITOLU VIa

Is-sorveljanza tal-attivitajiet ta' sajd minn bastimenti ta' pajjiżi terzi

Artikolu 28a

Għall-finijiet ta' dan it-Titolu "bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi" jfisser:

- bastiment, ta' kwalunkwe dimensjoni, li jintuża primarjament jew sekondarjament sabiex jieħu prodotti tas-sajd,

- bastiment li, anke jekk ma jintużax biex jaqbad il-ħut bil-mezzi tiegħu propji, jieħu l-prodotti tas-sajd minn bastimenti oħrajn bi trasbord,

- bastiment li fuqu l-prodotti tas-sajd jgħaddu minn wieħed minn dawn il-proċessi qabel jiġu konfezzjonati: dissossament jew tqattigħ, tqaxxir, ikkapuljar, iffriżar u/jew ipproċessar

u li jġorr il-bandiera ta', u rreġistrat f'pajjiż terz.

Artikolu 28b

1. Bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi għandhom jiġu awtorizzati illi jaqbdu, jżommu abbord jew jipproċessaw prodotti tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Komunità sakemm tkun inħarġitilhom liċenzja tas-sajd u permess speċjali sabiex jistadu skond l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1627/94 [9].

2. Barra minn hekk, bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi jistgħu jġorru jew jipproċessaw biss jekk ikollhom l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Istati Membri li fl-ibħra territorjali tagħhom ser isiru l-ħidmiet. Bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi għandhom jitħallew jġorru jew jagħmlu ħidmiet ta' sajd li jinvolvu azzjoni konġunta bejn tnejn jew aktar bastimenti biss jekk jiksbu l-awtorizzazzjoni minn qabel sabiex iġorru jew jipproċessaw mill-Istati Membri konċernati u jekk jissodisfaw il-kondizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 11 ta' dan ir-Regolament.

3. Għandhom jiġu adotti regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 36.

Artikolu 28c

Il-bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi kollha huma sottoposti għal dawn l-obbligi:

- li jniżżlu, f'ġurnal t'abbord, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6,

- l-aktar tard mill-1 ta' Jannar 2000, għal bastimenti akbar minn 20 metru bejn il-perpendikolari jew minn 24 metru ta' tul komplessiv, li jkunu ekwipaġġjati b'VMS sistema ta' kontroll ta' lokazzjoni appruvata mill-Kummissjoni,

- Sakemm tiġi ntrodotta s-sistema tal-VMS, li jikkonformaw ma' sistema li tirrapporta l-movimenti,

- li jikkonformaw ma' sistema għar-rapport ta' qabdiet miżmuma abbord,

- li jikkonformaw mal-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' spezzjonijiet qabel ma' jħallu ż-żona ta' sajd tal-Komunità,

- li jikkonformaw mar-regoli dwar l-immarkar u l-identifikazzjoni ta' bastimenti tas-sajd u t-tagħmir tagħhom.

Artikolu 28d

Il-Kummissjoni għandha tistabilixxi d-data minn meta l-qabdiet ta' stokk jew grupp ta' stokk suġġetti għal kwota meħuda minn bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi għandhom jiġu meqjusa li esawrew il-kwota. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-pajjiż terz u lill-Istati Membri konċernati b'din id-data mingħajr dewmien.

Minn din id-data, is-sajd għal dak l-istokk jew grupp ta' stokk minn bastimenti simili kif ukoll iż-żamma abbord, it-trasbord u l-iżbark ta' ħut maqbud wara dik id-data għandu jiġi pprojbit għal xi żmien. Il-Kummissjoni għandha wkoll tistabilixxi d-data sakemm it-trasbord u l-iżbark jew dikjarazzjonijiet finali ta' qbid huma permessi.

Artikolu 28e

1. Il-kaptana ta' bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jixtiequ jużaw il-portijiet jew il-faċilitajiet tal-iżbark tagħhom, b'li ġej:

- il-ħin tal-wasla tagħhom fil-port tal-iżbark,

- il-qabdiet miżmuma abbord,

- iż-żona jew żoni fejn saret il-qabda, kemm jekk f'żona ta' sajd tal-Komunità, f'żoni taħt il-ġurisdizzjoni jew is-sovranità ta' pajjiż terz, jew fil-baħar miftuħ.

Il-ħidmiet ta' żbark ma jistgħux jibdew sakemm ma jkunux awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

2. Ħlief f'każ ta' forza maġġuri jew fejn il-bastiment jinsab f'periklu, il-bastimenti tas-sajd ta' pajjiż terz jistgħu jidħlu biss fil-portijiet nominati mill-Istat Membru li jixtiequ jużaw il-portijiet jew il-faċilitajiet tal-iżbark tiegħu.

3. Il-Kummissjoni tista', skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36, teżenta lil ċerti kategoriji ta' bastimenti tas-sajd ta' pajjiż terz mill-obbligi imsemmija fil-paragrafu 1 għal żmien limitat u rinnovabbli, jew tagħmel dispożizzjoni għal perijodu ieħor ta' notifika wara li tikkunsidra, inter alia, id-distanza bejn l-oqsma tas-sajd, il-postijiet tal-iżbark u l-portijiet fejn il-bastimenti in kwistjoni huma reġistrati jew elenkati.

4. Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċjali fi ftehim dwar is-sajd konkluż bejn il-Komunità u diversi pajjiżi terzi.

Artikolu 28f

Il-kaptana ta' bastimenti tas-sajd ta' pajjiż terz jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jissottomettu kemm jista' jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn fi żmien 48 siegħa wara l-iżbark, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li tagħhom jużaw il-portijiet jew il-faċilitajiet tal-iżbark dikjarazzjoni li tindika il-kwantità ta' prodotti tas-sajd bl-ispeċe żbarkati u d-data u l-post ta' kull qabda. Il-kaptana għandhom ikunu responsabbli mill-eżattezza ta' dikjarazzjonijiet simili.

Kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, informazzjoni dwar żbarki minn bastimenti tas-sajd ta' pajjiżi terzi.

Artikolu 28g

Fejn il-kaptan jew ir-rappreżentant tiegħu ta' bastiment tas-sajd ta' pajjiż terz jiddikjara li l-qabdiet saru fil-baħar miftuħ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw l-iżbark biss jekk jiġi ppruvat lilhom b'mod sodisfaċenti mill-kaptan jew mir-rappreżentant tiegħu illi:

- l-ispeċi miżmuma abbord ġew maqbuda barra l-ispazju rregolat minn kwalunkwe organizazzjoni internazzjonali kompetenti li tagħha il-Komunità hija membru, jew

- l-ispeċi miżmuma abbord ġew maqbuda skond il-miżuri ta' konservazzjoni u amministrazzjoni adottati mill-organizazzjoni reġjonali kompetenti li tagħha l-Komunità hija membru.

Artikolu 28h

Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan it-Titolu, inkluż il-listi tal-portijiet nominati, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36 bi qbil mal-Istati Membri konċernati."

;

17. Fl-Artikolu 29 għandu jiġi miżjud il-paragrafu li ġej:

"3a. L-ispetturi tal-Komunità jistgħu, fil-kuntest ta' verifika mingħajr notifika minn qabel, jagħmlu osservazzjonijiet dwar l-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Waqt il-viżti ta'osservazzjoni tagħhom, l-ispetturi tal-Komunità, akkumpanjati minn spetturi nazzjonali ta' dak il-pajjiż u mingħajr preġudizzju għall-Liġi Komunitarja applikabbli u skond ir-regoli ta' proċedura provduti fil-liġijiet tal-Istati Membri konċernati, għandu jkollhom aċċess għall-files u d-dokumenti kollha rilevanti u għall-bini u l-postijiet pubbliċi, bastimenti u postijiet privati, l-art u l-mezzi tat-trasport fejn iseħħu l-attivitajiet koperti minn dan ir-Regolament, sabiex tinġabar id-data (li ma jkunx fiha riferenzi bl-isem) meħtieġa sabiex ilestu xogħolhom.

Wara dawn il-verifiki mingħajr notifika minn qabel, il-Kummissjoni għandha tgħaddi rapport fuq l-osservazzjonijiet li saru lill-Istati Membri konċernati mingħajr dewmien.";

18. Fl-Artikolu 30 it-tieni sub-inċiż għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"L-Istati Membri konċernati għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bir-riżultati tal-inkjesta u għandhom jgħaddu kopja tar-rapport mhux aktar minn tlett xhur wara li t-talba tal-Kummissjoni. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż mill-Kummissjoni, fuq talba debitament motivata ta' Stat Membru, għal dewmien raġonevoli.";

19. Fl-Artikolu 31 għandu jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

"2a. Il-Kunsill, fuq il-bażi tal-Artikolu 43 tat-Trattat, jista' jagħmel lista tat-tipi ta' mġieba li tikser serjament ir-regoli tal-Komunità msemmija fl-Artikolu 1 u li għalihom l-Istati Membri jobbligaw rwieħhom li japplikaw sanzjonijiet proporzjonati, disswassivi u effettivi.";

20. It-Titolu u l-isem li ġejjin għandhom jiddaħħlu wara l-Artikolu 33:

"TITOLU VIIIa

Ko-operazzjoni bejn l-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll fl-Istati Membri u mal-Kummissjoni"

;

21. L-Artikolu 34 għandu jiġi mibdul bl-Artikli li ġejjin:

"Artikolu 34

It-termini u l-kondizzjonijiet li fuqhom l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kontroll ta' l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fl-Istati Membri għandhom jikkollaboraw bejniethom u mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw konformità mar-regoli tal-politika komuni dwar is-sajd, għandhom ikunu kif stipulat hawn isfel.

Artikolu 34a

1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lil xulxin l-assistenza reċiproka meħtieġa sabiex isiru l-kontrolli stabbiliti f'dan it-Titolu.

2. Fejn ispezzjoni jew ħidma ta' sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jikxfu li bastimenti tas-sajd tal-Komunità jew bastimenti li jġorru l-bandiera ta' pajjiż terz u rreġistrat f'pajjiż terz għamlu l-attivitajiet ta' sajd imsemmija fl-Artikolu 2 b'mod li x'aktarx jikser ir-regoli tal-Komunità, l-Istat Membru in kwistjoni għandu jinnotifika mal-ewwel l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment jew bastimenti konċernati, l-Istati Membri l-oħrajn u l-Kummissjoni. L-Istati Membri l-oħra konċernati huma l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom jew fl-ibħra tagħhom qed isiru jew x'aktarx isiru l-attivitajiet in kwistjoni.

L-Istati Membri in kwistjoni jistgħu jitolbu lill-Istati Membri konċernati l-oħra sabiex jagħmlu kontrolli speċjali u jagħtu raġunijiet speċifiċi għat-talba tagħhom.

L-Istati Membri għandhom iżommu lil xulxin infurmati, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni, bl-azzjoni li jieħdu b'risposta għal talba simili, inkluż, fejn applikabbli, ir-riżultati tal-kontrolli u kwalunkwe proċedimenti li jirrigwarda xi ksur.

3. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-miżuri nazzjonali li ttieħdu għal dan l-iskop, b'mod partikolari dawk li ttieħdu wara l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3760/92.

4. Għandhom jiġu adotti regoli dettaljati sabiex jiġi applikat dan l-Artikolu bi qbil mal-proċedura preskritta fl-Artikolu 36.

Artikolu 34b

1. Fil-każ ta' verifiki b'avviż minn qabel fi Stat Membru, il-Kummissjoni tista' tara li l-ispetturi tagħha li jkunu qed iżuru Stat Membru jkun hemm magħhom wieħed jew aktar spetturi tas-sajd minn Stat Membru ieħor bħala osservaturi, bl-approvazzjoni tal-Istat Membru li jridu jżuru. Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istat Membru li jibgħat jista' jinnomina fi żmien qasir l-ispetturi nazzjonali tas-sajd magħżula bħala osservaturi.

L-Istati Membri jistgħu ukoll jagħmlu lista ta' spetturi nazzjonali tas-sajd li jistgħu jiġu mistiedna mill-Kummissjoni biex ikunu preżenti għal dawn il-verifiki. Il-Kummissjoni tista' fuq talba tistieden lill-ispetturi nklużi f'dik il-lista jew dawk notifikati lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha, fejn hu xieraq, tpoġġi l-lista għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri kollha.

2. L-Istati Membri jistgħu wkoll jagħmlu, bejniethom u fuq l-inizjattiva tagħhom stess, programmi ta' kontroll, ispezzjoni u sorveljanza dwar l-attivitajiet tas-sajd.

Artikolu 34ċ

1. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36 u bi qbil mal-Istati Membri konċernati, għandha tistabilixxi liema sajd li jinvolvi tnejn jew aktar Stati Membri għandu jkun suġġett għal programmi speċifiċi ta' sorveljanza li ma jistgħux idumu aktar minn sentejn u l-kondizzjonijiet li jirregolaw dawn il-programmi. Dawn il-programmi għandhom jiddikjaraw l-għanijiet u r-riżultati mistennija mill-miżuri speċifikati u l-istrateġija meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-ispezzjonijiet huma kemm jista' jkun effettivi u ekonomiċi.

2. L-Istati Membri konċernati għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex iħaffu l-implementazzjoni tal-programmi speċifiċi ta' kontroll, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam ma' riżorsi umani u materjali meħtieġa u l-perjodi u ż-żoni fejn dawn għandhom jiġu skjerati.

3. Il-Kummissjoni għandha tevalwa ir-riżultati ta' kull programm ta' kontroll speċifiku u tgħaddi lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew ir-riżultat ta' din l-evalwazzjoni.";

22. L-Artikolu 35 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 35

1. Mhux aktar tard mit-30 ta' April ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fis-sena ta' qabel skond il-kalendarju.

2. Fuq il-bażi tar-rapporti mogħtija mill-Istati Membri u l-osservazzjonijiet tagħha stess, il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fattwali kull sena u rapport ta' valutazzjoni kull tlett snin li jrid jingħata lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Hi għandha tippubblika dan ir-rapport ta' valutazzjoni flimkien mar-risposti tal-Istati Membri u, fejn hu xieraq, miżuri u proposti sabiex jitnaqqsu dawk in-nuqqasijiet misjuba.

3. Għandhom jiġu adottati regoli dettaljati għal provvista ta' informazzjoni sabiex jintlaħqu r-rekwisiti ta' dan l-Artikolu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 36, b'mod partikolari l-informazzjoni dwar:

- ir-riżorsi tekniċi u umani għall-kontroll tas-sajd, u l-ħin dedikat għal dan ix-xogħol,

- il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jiġu adottati mill-Istati Membri sabiex jipprevjenu u jibdew il-prosekuzzjoni ta' irregularitajiet,

- ir-riżultati tal-ispezzjonijiet u tal-kontrolli li jsiru skond dan ir-Regolament, inkluż in-numru u t-tipi ta' ksur ta'regoli li jinstabu u l-azzjoni meħuda, u b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mat-tipi ta' mġieba msemmija fl-Artikolu 31(2a),

- il-miżuri ta'applikazzjoni u ta' azzjoni skond l-Artikolu 19, b'mod partikolari l-valutazzjoni tal-affidabiltà tad-data.";

23. L-Artikolu 40 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Artikolu 40

L-Istati Membri għandhom jiġu eżentati sal-1 ta' Jannar 2000 mill-obbligi li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u 8, sakemm ikunu jikkonċernaw l-operazzjonijiet ta' sajd fil-Baħar Mediterran."

Artikolu 2

L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2241/87 għandu jiġi mħassar, mill-1 ta' Jannar 2000.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 1999. Madanakollu, l-Artikolu 11 u l-Artikolu 28b(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, kif emendat b'dan ir-Regolament, japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli dettaljati li jimplementaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, kif emendat b'dan ir-Regolament. L-Artikolu 40 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, kif emendat minn dan ir-Regolament, għandu japplika mill-1 ta' Jannar 1999 u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 2847/93, kif emendat minn dan ir-Regolament, japplika mill-1 ta' Jannar 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta' Diċembru 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Molterer

[1] ĠU C 201, tas-27.6.1998, p. 14.

[2] ĠU C 328, tas-26.10.1998.

[3] Opinjoni mogħtija nhar id-9 ta' Settembru 1998 (għadu mhux ippublikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 261, ta' l-20.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) No 2635/97 (L 356, tal- 31.12.1997, p. 14).

[5] ĠU L 207, tad-29.7.1987, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 2847/93 (ĠU L 261, ta' l-20.10.1993, p. 1).

[6] ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31.

[7] Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/EEC tas-17 ta' Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxa fuq it-turnover - sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1).

[8] ĠU L 389, tal-31.12.1992, p. 1.

[9] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1627/94 tas-27 Ġunju 1994 li joħloq dispożizzjonijiet ġenerali li dwar permessi speċjali għas-sajd (ĠU L 171, tas-6.7.1994, p. 7).

--------------------------------------------------

Top